Изберете експерименталните функции, които искате да изпробвате

Този документ е извадка от уебсайта EUR-Lex.

Документ 32022D0465

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/465 tal-21 ta’ Marzu 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ laboratorji mobbli tar-rescEU u kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u ta’ monitoraġġ CBRN tar-rescEU (notifikata bid-dokument C(2022) 1831) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    C/2022/1831

    ĠU L 94, 23.3.2022г., стр. 6—11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Правен статус на документа В сила

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/465/oj

    23.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/6


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/465

    tal-21 ta’ Marzu 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 fir-rigward tal-kapaċitajiet ta’ laboratorji mobbli tar-rescEU u kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u ta’ monitoraġġ CBRN tar-rescEU

    (notifikata bid-dokument C(2022) 1831)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 32(1)(g) tagħha,

    Billi:

    (1)

    Id-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tistabbilixxi l-qafas legali tar-rescEU, li hija riżerva ta’ kapaċitajiet fil-livell tal-Unjoni li għandha l-għan li tipprovdi assistenza f’sitwazzjonijiet ta’ urġenza partikolari fejn il-kapaċitajiet eżistenti ġenerali fil-livell nazzjonali u dawk impenjati mill-Istati Membri għar-Riżerva Ewropea ta’ Protezzjoni Ċivili ma jkunux jistgħu jiżguraw rispons effettiv għal diżastri naturali u dawk ikkawżati mill-bniedem.

    (2)

    F’konformità mal-Artikolu 12(2) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE, il-kapaċitajiet tar-rescEU għandhom jiġu ddeterminati billi jitqiesu r-riskji identifikati u dawk emerġenti, il-kapaċitajiet ġenerali u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni. Hemm erba’ oqsma li fuqhom jenħtieġ li r-rescEU tiffoka b’mod partikolari, jiġifieri t-tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, inċidenti kimiċi, bijoloġiċi, radjoloġiċi u nukleari (chemical, biological, radiological and nuclear, “CBRN”), ir-rispons mediku ta’ emerġenza, kif ukoll it-trasport u l-loġistika.

    (3)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 (2) tistabbilixxi l-kompożizzjoni inizjali tar-rescEU f’termini ta’ kapaċitajiet u r-rekwiżiti ta’ kwalità tagħha. S’issa, ir-riżerva tar-rescEU tikkonsisti f’kapaċitajiet ta’ tifi tan-nar fil-foresti mill-ajru, kapaċitajiet ta’ evakwazzjoni medika mill-ajru, timijiet mediċi ta’ emerġenza, il-ħażna ta’ tagħmir mediku jew tagħmir protettiv personali, jew it-tnejn li huma, kapaċitajiet ta’ dekontaminazzjoni CBRN, kapaċitajiet ta’ kumulazzjoni ta’ riżerva CBRN, kapaċitajiet ta’ kenn temporanju u kapaċitajiet ta’ trasport u loġistika.

    (4)

    Analiżi tar-riskji identifikati u emerġenti kif ukoll tal-kapaċitajiet u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni tiżvela l-ħtieġa l-attivitajiet tal-protezzjoni ċivili jiġu appoġġati billi jiġu pprovduti kapaċitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN fuq il-post għar-rispons għal emerġenzi (jiġifieri, biex jittaffew il-konsegwenzi negattivi li jirriżultaw minn sustanzi CBRN fuq il-ħajja jew is-saħħa tal-bniedem), għal attivitajiet ta’ tiftix (jiġifieri, biex jiġi ddeterminat il-post ta’ sustanzi CBRN lil hinn mill-kontroll regolatorju), għar-rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà (jiġifieri, biex ikun hemm rispons għal atti mhux awtorizzati potenzjalment kriminali jew intenzjonali li jinvolvu jew huma diretti lejn sustanzi CBRN), u għas-sorveljanza ta’ avvenimenti maġġuri (jiġifieri għall-prevenzjoni ta’ azzjonijiet kriminali jew intenzjonali mhux awtorizzati li jinvolvu sustanzi CBRN).

    (5)

    Il-kapaċità jenħtieġ li tinkludi appoġġ estern ta’ valutazzjoni teknika għal attivitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN implimentati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni. Il-komponent ta’ appoġġ estern jenħtieġ li jkun disponibbli wkoll għall-awtoritajiet nazzjonali. L-appoġġ estern jista’ jiġi pprovdut minn istituzzjoni waħda jew grupp ta’ istituzzjonijiet speċjalizzati.

    (6)

    Il-kapaċità prevista li tkun pakkett uniku bi grad għoli ta’ skalabbiltà u modularità interna; tagħmilha possibbli, jekk meħtieġ, li tuża l-komponenti individwali tagħha mfassla għal rispons ta’ emerġenza, tiftix, rispons ta’ sigurtà jew attivitajiet ta’ sorveljanza b’mod separat, u mfassla speċifikament għall-periklu jew theddida kimika, bijoloġika, radjoloġika jew nukleari partikolari.

    (7)

    L-analiżi tar-riskji identifikati u emerġenti kif ukoll tal-kapaċitajiet u l-lakuni fil-livell tal-Unjoni żvelat ukoll il-ħtieġa għal kapaċitajiet ta’ kenn temporanju. L-għan ewlieni tal-kapaċitajiet tal-laboratorji mobbli huwa li jipprovdu appoġġ flessibbli u adattabbli meta l-Istati Membri ma jkunux jistgħu jaqbdu, janalizzaw jew jivverifikaw patoġeni jew sustanzi CBRN. Il-kapaċitajiet tal-laboratorji mobbli jistgħu jiffukaw fuq speċjalizzazzjonijiet differenti bi grad għoli ta’ skalabbiltà, modularità u interoperabbiltà.

    (8)

    F’konformità mal-Artikolu 12(4) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, ir-rekwiżiti tal-kwalità tar-rescEU jenħtieġ li jkunu bbażati fuq standards internazzjonali stabbiliti, meta tali standards jkunu diġà jeżistu. Għaldaqstant, ir-rekwiżiti tal-kwalità għall-komponent bijoloġiku tal-laboratorji mobbli jenħtieġ li jkunu bbażati fuq il-klassifikazzjonijiet tal-laboratorji (3) mobbli b’rispons rapidu pprovduti mill-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa.

    (9)

    Jenħtieġ li l-kapaċitajiet ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u ta’ monitoraġġ u tal-laboratorji mobbli jiġu stabbiliti biex jirrispondu għal riskji ta’ probabbiltà baxxa b’impatt għoli, f’konformità mal-kategoriji msemmija fl-Artikolu 3d tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 u wara konsultazzjoni mal-Istati Membri.

    (10)

    Għaldaqstant jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 tiġi emendata kif xieraq.

    (11)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 33(1) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570 hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1a, jiżdied il-punt 4 li ġej

    “(4)   ‘appoġġ estern’ tfisser il-proċess biex jinkiseb appoġġ minn entitajiet li mhumiex skjerati fuq il-post.”;

    (2)

    Fl-Artikolu 2, il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

    (a)

    il-punt (j) huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “(j)

    kapaċitajiet ta’ trasport u ta’loġistika;”

    (b)

    jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

    “(k)

    kapaċitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN għar-rispons għal emerġenzi, għal attivitajiet ta’ tiftix, għar-rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà, u għas-sorveljanza ta’ avvenimenti maġġuri;

    (l)

    kapaċitajiet ta’ laboratorji mobbli.”;

    (3)

    L-Artikolu 3a huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 3a

    Kostijiet eliġibbli ta’ kapaċitajiet tar-rescEU għal evakwazzjoni medika bl-ajru, tim mediku ta’ emerġenza tat-tip 2 u tip 3, kumulazzjoni ta’ riżerva medika, dekontaminazzjoni CBRN, ħażna CBRN, kenn temporanju, trasport, loġistika, detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ tas-CBRN, u kapaċitajiet ta; laboratorji mobbli

    Il-kategoriji tal-kostijiet kollha msemmija fl-Anness Ia tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE għandhom jitqiesu fil-kalkolu tal-kost eliġibbli totali tal-kapaċitajiet rescEU.”;

    (4)

    fl-Artikolu 3e, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

    “3.   Il-kapaċitajiet rescEU msemmija fl-Artikolu 2(2)(c) sa (l) għandhom jiġu stabbiliti bl-għan li jimmaniġġjaw riskji bi probabbiltà baxxa u b’impatt kbir.

    4.   Meta l-kapaċitajiet rescEU msemmija fl-Artikolu 2(2)(c) sa (l) jiġu skjerati skont il-Mekkaniżmu tal-Unjoni, l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni għandha tkopri 100 % tal-ispejjeż operazzjonali, f’konformità mal-Artikolu 23(4b) tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE.”;

    (5)

    l-Anness huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Istati Membri.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Janez LENARČIČ

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 924.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/570 tat-8 ta’ April 2019 li tistabbilixxi r-regoli għall-implimentazzjoni tad-Deċiżjoni Nru 1313/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-kapaċitajiet tar-rescEU u li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni 2014/762/UE (ĠU L 99, 10.4.2019, p. 41).

    (3)  Gwida għall-klassifikazzjoni tal-laboratorju mobbli b’rispons rapidu (RRML). Copenhagen: L-Uffiċċju Reġjonali tad-WHO għall-Ewropea 2021.


    ANNESS

    Fl-Anness għad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/570, qed jiżdiedu t-Taqsimiet 11 u 12 li ġejjin:

    “11.   Kapaċità ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN, għar-rispons għal emerġenzi, għal attivitajiet ta’ tiftix, għar-rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà u għas-sorveljanza ta’ avvenimenti maġġuri

     

    Kompiti

    Kapaċità skjerabbli u ta’ appoġġ estern għal detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN, għar-rispons għal emerġenzi, għal attivitajiet ta’ tiftix, għar-rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà u għas-sorveljanza ta’ avvenimenti maġġuri (1).

     

    Kapaċitajiet

    Il-kapaċità li jingħata appoġġ operazzjonali għar-rispons għall-emerġenzi (2), permezz ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN fuq il-post.

    Il-kapaċità li jingħata appoġġ f’attivitajiet ta’ tfittxija, permezz ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN fuq il-post.

    Il-kapaċità li jingħata appoġġ operazzjonali għar-rispons f’avvenimenti relatati mas-sigurtà, permezz ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN fuq il-post. Dan għandu jinkludi l-kapaċità li jingħata appoġġ lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz (3) rikjedenti fl-isforz tagħha li tippreserva u tiġbor evidenza forensika, li tiżgura l-katina ta’ kustodja u li tipproteġi l-informazzjoni klassifikata.

    Il-kapaċità li jingħata appoġġ f’operazzjonijiet ta’ sorveljanza f’avvenimenti maġġuri permezz ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN fuq il-post.

    Il-kapaċità li tingħata għajnuna għal valutazzjoni teknika mhux skjerata ta’ appoġġ estern għal attivitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ tas-CBRN, kif ukoll li jiġi indirizzat it-tħassib dwar is-sikurezza relatat ma’ dawn l-attivitajiet.

    Il-kapaċità li ssir tħejjija u jiġu indirizzati l-isfidi operazzjonali biex jiġu implimentati attivitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ tas-CBRN fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz rikjedenti, filwaqt li jitqiesu l-valutazzjonijiet, il-pjanijiet, il-proċeduri u l-protokolli tal-perikli u tat-theddid tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz rikjedenti.

    Il-kapaċità ta’ ħidma taħt id-direzzjoni tal-Istat Membru rikjedenti, kif imsemmi fl-Artikolu 12(6) u (7) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, u li jingħataw kapaċitajiet effettivi ta’ kollegament u koordinazzjoni operazzjonali mal-awtoritajiet rilevanti tal-Istat Membru rikjedenti (4).

     

    Elementi prinċipali

    Grupp ta’ esperti li kapaċi jivvalutaw u jippjanaw attivitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ tas-CBRN, abbażi ta’ valutazzjonijiet tal-perikli u t-theddid tal-Istat Membru jew tal-pajjiż terz.

    Kapaċità skjerabbli ta’ grupp ta’ esperti biex isiru detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN, għar-rispons għal emerġenzi, għal attivitajiet ta’ tiftix, għar-rispons għal avvenimenti ta’ sigurtà u għal attivitajiet ta’ sorveljanza.

    Tagħmir u għodod skjerabbli ta’ detezzjoni, kampjunar, identifikazzjoni u monitoraġġ CBRN, kif ukoll it-tagħmir ta’ appoġġ, l-għodod, ir-riżorsi, il-vetturi, l-oġġetti konsumabbli, il-komunikazzjoni sikura, l-iskambju ta’ data u teknoloġiji tal-informazzjoni, u l-laboratorji żgħar fuq il-post (5) meħtieġa biex tiġi żgurata l-funzjonalità tal-kapaċità.

    Tagħmir, għodod, riżorsi u oġġetti konsumabbli skjerabbli, kif ukoll sistema xierqa ta’ ġestjoni, biex jiġi mmaniġġjat l-iskart ikkontaminat ikkawżat mill-attivitajiet ta’ detezzjoni, teħid ta’ kampjuni, identifikazzjoni u monitoraġġ.

    Kapaċità operazzjonali ta’ appoġġ estern għal valutazzjoni teknika u operazzjonali, speċjalment fil-qasam tal-identifikazzjoni, it-teħid ta’ kampjuni u s-sikurezza.

    Tagħmir, proċeduri, għodod, riżorsi u oġġetti konsumabbli xierqa biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-persunal waqt li jkun qed jopera f’ambjent perikoluż, bħal detetturi xierqa, tagħmir protettiv personali jew komponenti ta’ dekontaminazzjoni, f’konformità mar-rekwiżiti legali applikabbli eżistenti u mal-istandards internazzjonali applikabbli.

     

    Awtosuffiċjenza

    Japplika l-Artikolu 12 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE.

     

    Skjerament

    Id-disponibbiltà għat-tluq tal-komponenti skjerabbli u d-disponibbiltà biex jipprovdu appoġġ ta’ valutazzjoni teknika sa massimu ta’ 12-il siegħa wara li l-offerta tiġi aċċettata.

    Il-kapaċità li l-operazzjonijiet jibqgħu għaddejjin għal mill-inqas 14-il jum kontinwu.

    Il-kapaċità tista’ tiġi pożizzjonata minn qabel f’każijiet ta’ talbiet għall-assistenza skont l-Artikolu 15(2) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE u abbażi ta’ valutazzjonijiet nazzjonali tat-theddid li jindikaw sitwazzjoni eċċezzjonali ta’ riskju akbar.

    12.   Kapaċitajiet ta’ laboratorji mobbli

    Kompiti

    Jipprovdu laboratorji mobbli modulari, flessibbli u adattabbli li kapaċi jindividwaw, janalizzaw jew jivverifikaw patoġeni jew sustanzi CBRN.

    Kapaċitajiet

    Il-kapaċità ta’ ġestjoni tal-attivitajiet ta’ laboratorju.

    Il-kapaċità li jsiru testijiet u analiżi skont l-istandards, il-linji gwida u l-aħjar prattiki internazzjonali applikabbli eżistenti.

    Il-kapaċità li jittratta patoġeni jew sustanzi CBRN ta’ gruppi ta’ riskju differenti u jaħżen, jittrażmetti u jimmaniġġja data relatata u riżultati analitiċi b’mod sikur.

    Il-kapaċità li jappoġġaw l-investigazzjoni tas-saħħa pubblika, jirrapporta r-riżultati, u jwettaq verifika filwaqt li jippreserva l-katina ta’ kustodja u jipproteġi l-informazzjoni klassifikata.

    Elementi prinċipali

    Esperti

    Persunal imħarreġ kif xieraq u mgħammar b’mod adegwat biex iwettaq il-kompiti differenti kif definiti fil-kompiti.

    Loġistika

    Żvilupp ta’ proċeduri operazzjonali xierqa.

    L-għarfien ta’ regoli doganali u rekwiżiti speċifiċi relatati mal-qsim tal-fruntieri ta’ tagħmir mobbli tal-laboratorju, reaġenti u membri tal-persunal.

    Ġestjoni tal-informazzjoni

    Sistema ta’ komunikazzjoni b’netwerk tal-IT (LAN) sigur u mhux sigur biex jiġu żgurati l-konnessjoni tal-Internet, il-ġestjoni tad-data u l-iskambju tad-data, inkluż f’żoni remoti,

    Sistema ta’ ġestjoni tal-informazzjoni tal-laboratorji

    Tagħmir

    Tagħmir u oġġetti konsumabbli xierqa meħtieġa biex jitwettqu kompiti u funzjonijiet essenzjali.

    Għodod ta’ sistemi u riżorsi ta’ appoġġ xierqa biex jitwettqu kompiti u funzjonijiet essenzjali.

    Sikurezza

    Tagħmir, proċeduri, għodod, riżorsi u oġġetti konsumabbli xierqa, inklużi sistemi xierqa tal-immaniġġjar tal-iskart, biex tiġi żgurata s-sikurezza tal-persunal, tal-popolazzjoni tal-madwar u tal-ambjent waqt li joperaw b’sustanzi jew patoġeni CBRN perikolużi, skont ir-rekwiżiti legali applikabbli eżistenti u l-istandards internazzjonali applikabbli.

    Awtosuffiċjenza

    Il-kapaċità jenħtieġ li tiżgura l-awtosuffiċjenza għal mill-inqas 14-il jum.

    Japplika l-Artikolu 12(1) u (2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2014/762/UE.

    Skjerament

    Disponibbiltà għat-tluq sa mhux aktar minn 12-il siegħa wara li l-offerta tiġi aċċettata.


    (1)  Kwalunkwe avveniment li abbażi ta’ valutazzjonijiet tat-theddid nazzjonali jista’ jeħtieġ attivitajiet ta’ sorveljanza CBRN (eż. laqgħat pubbliċi kbar, avvenimenti sportivi, laqgħat tal-kapijiet ta’ stat, kunċerti mużikali, wirjiet dinjija).

    (2)  Dan għandu jkopri kull tip ta’ emerġenza naturali jew magħmula mill-bniedem li tinvolvi materjali perikolużi jew sustanzi CBRN. Fost l-eżempji hemm dawk l-emerġenzi li jirriżultaw minn diżastri naturali, minn attivitajiet industrijali, ta’ trasport jew ta’ riċerka, minn atti kriminali jew intenzjonali mhux awtorizzati, atti terroristiċi jew kunflitti armati, jew minn ħabtiet bis-satellita u residwi spazjali.

    (3)  F’konformità mal-Artikolu 12(10) tad-Deċiżjoni 1313/2013/UE, jekk diżastru li jseħħ barra mill-Unjoni jkun jista’ jaffettwa lil Stat Membru wieħed jew aktar jew liċ-ċittadini tagħhom b’mod sinifikanti, ikunu jistgħu jiġu skjerati l-kapaċitajiet tar-rescEU.

    (4)  Bħall-awtoritajiet relatati mal-protezzjoni ċivili, l-infurzar tal-liġi, l-intelligence, ir-rimi ta’ mezzi splussivi jew l-appoġġ tekniku.

    (5)  Pereż., biex tiġi appoġġata l-analiżi inizjali tal-kampjuni.’


    Нагоре