Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0443

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2022/443 tat-3 ta’ Marzu 2022 dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emendar tal-Anness IV (L-Enerġija) għall-Ftehim ŻEE (Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    ST/5911/2022/INIT

    ĠU L 90, 18.3.2022, p. 118–121 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/443/oj

    18.3.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 90/118


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/443

    tat-3 ta’ Marzu 2022

    dwar il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni Ewropea, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE, dwar l-emendar tal-Anness IV (L-Enerġija) għall-Ftehim ŻEE (Id-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija)

    (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 194(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2894/94 tat-28 ta’ Novembru 1994 dwar l-arranġamenti għall-implimentazzjoni tal-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 1(3) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (2) (“il-Ftehim ŻEE”) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Jannar 1994.

    (2)

    Skont l-Artikolu 98 tal-Ftehim ŻEE, il-Kumitat Konġunt taż-ŻEE jista’ jiddeċiedi li jemenda, fost l-oħrajn, l-Anness IV għall-Ftehim ŻEE li fih dispożizzjonijiet dwar l-enerġija.

    (3)

    Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

    (4)

    L-Anness IV (L-Enerġija) tal-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan.

    (5)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE għalhekk jenħtieġ li tkun ibbażata fuq l-abbozz tad-Deċiżjoni mehmuż,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata, f’isem l-Unjoni, fil-Kumitat Konġunt taż-ŻEE dwar l-emendar propost għall-Anness IV (L-Enerġija) għall-Ftehim ŻEE għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Marzu 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. DARMANIN


    (1)  ĠU L 305, 30.11.1994, p. 6.

    (2)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (3)  Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).


    ABBOZZ DEĊIŻJONI TAL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE Nru …

    ta’ …

    li temenda l-Anness IV (L-Enerġija) għall-Ftehim ŻEE

    IL-KUMITAT KONĠUNT TAŻ-ŻEE,

    Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (“il-Ftehim ŻEE”), u b’mod partikolari l-Artikolu 98 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (1) (“l-EPBD”) għandha tiġi inkorporata fil-Ftehim ŻEE.

    (2)

    Minħabba l-ispeċifiċitajiet tal-istokk tal-bini relattivament reċenti u uniformi tal-Iżlanda, hemm qbil dwar eżenzjoni temporanja u kondizzjonali mill-applikazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija. Dik l-eżenzjoni jenħtieġ li tapplika għad-Direttiva 2010/31/UE kif kienet fis-seħħ qabel l-emendar bid-Direttiva (UE) 2018/844 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2018. L-eżenzjoni jenħtieġ li tkun strettament limitata fiż-żmien u jenħtieġ li tapplika biss sakemm jintlaħaq qbil dwar l-inkorporazzjoni tad-Direttiva 2010/31/UE kif emendata bid-Direttiva (UE) 2018/844 fil-Ftehim ŻEE.

    (3)

    F’konformità mad-daqs żgħir ħafna tal-istokk tal-bini fil-Liechtenstein u t-tipoloġija klimatika u tal-bini tiegħu, il-Liechtenstein huwa eżentat mill-obbligu taħt l-Artikolu 5 tal-EPBD li jwettaq il-kalkoli tiegħu stess għall-istabbiliment ta’ livelli kostottimali ta’ rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini.

    (4)

    Skont il-kondizzjonijiet ta’ adattament (c), in-Norveġja u l-Liechtenstein jistgħu jistipulaw regolamenti dwar ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku bl-użu ta’ limitu tas-sistema differenti mill-użu tal-enerġija primarja li huwa dak meħtieġ skont l-EPBD, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet stipulati fl-adattament (c).

    (5)

    L-adattament (d) jiżgura li s-sistema taċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment fl-użu tal-enerġija operata mill-utenti fin-Norveġja tipproduċi riżultati ekwivalenti għaċ-ċertifikati maħruġin minn esperti indipendenti kif meħtieġ mill-Artikolu 17 tal-EPBD.

    (6)

    Għalhekk l-Anness IV għall-Ftehim ŻEE jenħtieġ li jiġi emendat skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    It-test tal-punt 17 (id-Direttiva (KE) Nru 2002/91 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Diċembru 2002) tal-Anness IV għall-Ftehim ŻEE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    32010 L 0031: Id-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (“EPBD”) (ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13).

    Id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva għandhom, għall-finijiet ta’ dan il-Ftehim, jinqraw bl-adattamenti li ġejjin:

    (a)

    Id-Direttiva ma għandhiex tapplika għall-Iżlanda.

    (b)

    Dan li ġej għandu jinżdied mal-Artikolu 5(2):

    ‘Għall-fini li jiġu stabbiliti livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku, il-Liechtenstein jista’ juża l-kalkoli ta’ Parti Kontraenti oħra li jkollha parametri komparattivi.’

    (c)

    Għall-fini tal-Artikolu 9(3)(a) u l-Anness I tal-EPBD, il-Liechtenstein u n-Norveġja jistgħu jibbażaw ir-rekwiżiti tagħhom għall-użu tal-enerġija fuq l-enerġija netta, dment li jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet u s-salvagwardji li ġejjin:

    (i)

    Ir-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku jkunu stabbiliti f’konformità mar-rekwiżiti tal-Artikolu 5 tal-EPBD, skont il-prinċipji bażiċi tal-qafas tal-metodoloġija, li ġie stabbilit għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku (2).

    (ii)

    Jiġi ippubblikat indikatur numeriku tal-użu tal-enerġija primarja li jikkorrispondi għar-rekwiżiti tar-rendiment enerġetiku stabbiliti fil-kodiċi tal-bini.

    (iii)

    Il-Kummissjoni tirriżerva d-dritt li tirrevedi dan l-adattament speċifiku fil-kuntest tan-negozjati futuri dwar l-EPBD kif emendati bid-Direttiva (UE) 2018/844.

    (d)

    Dan li ġej għandu jinżdied mal-Artikolu 17:

    ‘L-Istati tal-EFTA jistgħu jistabbilixxu sistema simplifikata ta’ ċertifikazzjoni tar-rendiment enerġetiku mħaddma mill-utenti għall-bini residenzjali li tista’ tintuża bħala alternattiva għall-użu ta’ esperti jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (i)

    Ikun hemm għarfien profond u data ta’ kwalità tajba disponibbli dwar l-istokk tal-bini residenzjali kollu, inklużi t-tipoloġiji tal-bini u l-faxex tal-età kollha, u l-karatteristiċi tal-involukru tal-bini u s-sistemi tekniċi tal-bini li qed jintużaw għal kull tipoloġija, li jippermetti l-kalkolu tar-rendiment enerġetiku ta’ bini individwali u unitajiet ta’ bini b’livell għoli ta’ ċertezza abbażi ta’ inputs mill-utenti,

    (ii)

    Tkun disponibbli informazzjoni dettaljata dwar titjib kostottimali jew kosteffikaċi għal kull tipoloġija tal-bini,

    (iii)

    Ikun hemm fis-seħħ miżuri li jappoġġaw lill-utenti biex iħaddmu s-sistema għall-fini tas-sistema li toħroġ ċertifikati tal-bini. Dawn il-miżuri jistgħu jinkludu helpline jew servizzi ta’ konsulenza li jippermettu kuntatt bejn l-utenti minn naħa waħda, u esperti indipendenti u esperti tas-sistema min-naħa l-oħra,

    (iv)

    Biex jiġi żgurat li r-riskju ta’ manipulazzjoni tar-riżultati jkun negliġibbli, is-sistema ta’ ċertifikazzjoni mħaddma mill-utenti tinkludi mekkaniżmu/i ta’ kontroll u verifika tal-kwalità biex tiġi ċċekkjata d-data tal-input tal-utenti u li d-data tal-input tal-utenti tkun trasparenti,

    (v)

    Ikun hemm fis-seħħ sistemi ta’ kontroll indipendenti biex jiżguraw li ċ-ċertifikazzjoni tar-rendiment enerġetiku mħaddma mill-utenti tipproduċi riżultati ekwivalenti għal ċertifikati maħruġa minn esperti, f’termini ta’ kwalità u affidabbiltà,

    (vi)

    Is-sistema mħaddma mill-utenti toħroġ rakkomandazzjonijiet li jistgħu jagħtu pariri lill-utenti dwar titjib kostottimali jew kosteffikaċi speċifiku għall-bini u l-unitajiet tal-bini tagħhom.”.’.

    Artikolu 2

    It-testi tad-Direttiva 2010/31/UE bil-lingwa Iżlandiża u b’dik Norveġiża, li ser jiġu ppubblikati fis-Suppliment dwar iż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu awtentiċi.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fi […], dment li jkunu saru n-notifiki kollha skont l-Artikolu 103(1) tal-Ftehim ŻEE (3).

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppubblikata fit-Taqsima taż-ŻEE ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u fis-Suppliment tiegħu dwar iż-ŻEE.

    Magħmul fi Brussell, […].

    Għall-Kumitat Konġunt taż-ŻEE

    Il-President

    Is-Segretarji

    Tal-Kumitat Konġunt taż-ŻEE


    (1)  ĠU L 153, 18.6.2010, p. 13.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 244/2012 tas-16 ta’ Jannar 2012 li jissupplimenta d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija billi jistabbilixxi qafas ta’ metodoloġija komparattiva għall-kalkolu tal-livelli kostottimali tar-rekwiżiti minimi tar-rendiment enerġetiku tal-bini u tal-elementi tal-bini ( ĠU L 81, 21.3.2012, p. 18).

    (3)  [Ma huwa indikat l-ebda rekwiżit kostituzzjonali.] [Hemm indikati rekwiżiti kostituzzjonali.]


    Top