Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0329

    Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2022/329 tal-25 ta’ Frar 2022 li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    ST/6557/2022/INIT

    ĠU L 50, 25.2.2022, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2022/329/oj

    25.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 50/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2022/329

    tal-25 ta’ Frar 2022

    li temenda d-Deċiżjoni 2014/145/PESK dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta’ azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 29 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

    Billi:

    (1)

    Fis-17 ta' Marzu 2014, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni 2014/145/PESK (1).

    (2)

    L-Unjoni tibqa' soda fl-appoġġ tagħha għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna.

    (3)

    Fil-konklużjonijiet tal-24 u l-25 ta' Ġunju 2021, il-Kunsill Ewropew appella lir-Russja biex tassumi bis-sħiħ ir-responsabbiltà tagħha fl-iżgurar tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk bħala l-kondizzjoni ewlenija għal kwalunkwe bidla sostanzjali fil-pożizzjoni tal-Unjoni. Huwa enfasizza l-ħtieġa għal rispons sod u koordinat mill-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għal kwalunkwe attività malizzjuża, illegali u ta' tfixkil mir-Russja, bl-użu sħiħ tal-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tal-Unjoni, u l-iżgurar ta' koordinazzjoni mas-sħab. Għal dak il-għan, il-Kunsill Ewropew stieden ukoll lill-Kummissjoni u lir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (ir-“Rappreżentant Għoli”) biex jippreżentaw opzjonijiet għal miżuri restrittivi addizzjonali, inkluż sanzjonijiet ekonomiċi.

    (4)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill Ewropew enfasizza l-ħtieġa urġenti li r-Russja tnaqqas it-tensjoni kkawżata miż-żieda fil-preżenza militari tul il-fruntiera tagħha mal-Ukrajna u r-retorika aggressiva. Huwa tenna l-appoġġ sħiħ tiegħu għas-sovranità u l-integrità territorjali tal-Ukrajna. Filwaqt li inkoraġġixxi sforzi diplomatiċi u appoġġa l-format tan-Normandija fil-kisba tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Ftehimiet ta' Minsk, il-Kunsill Ewropew iddikjara li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi kkoordinati mas-sħab.

    (5)

    Fl-24 ta' Jannar 2022, il-Kunsill approva konklużjonijiet li fihom ikkundanna l-azzjonijiet aggressivi u t-theddid kontinwi tar-Russja kontra l-Ukrajna, u appella lir-Russja biex tnaqqas it-tensjoni, tirrispetta d-dritt internazzjonali u timpenja ruħha b'mod kostruttiv fi djalogu permezz tal-mekkaniżmi internazzjonali stabbiliti. Il-Kunsill afferma mill-ġdid l-impenn sħiħ tal-Unjoni għall-prinċipji ewlenin li fuqhom hija mibnija s-sigurtà Ewropea, minquxa fil-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti (NU) u d-dokumenti kostituttivi tal- Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, inkluż l-Att Finali ta' Ħelsinki u l-Karta ta' Pariġi. Dawn il-prinċipji ewlenin jinkludu, b'mod partikolari, l-ugwaljanza sovrana u l-integrità territorjali tal-Istati, l-invjolabbiltà tal-fruntieri, l-astensjoni mit-theddida jew l-użu tal-forza, u l-libertà tal-Istati li jagħżlu jew jibdlu l-arranġamenti tas-sigurtà tagħhom stess. Il-Kunsill iddikjara li dawk il-prinċipji la huma negozjabbli u lanqas soġġetti għal reviżjoni jew interpretazzjoni mill-ġdid u li l-ksur tagħhom mir-Russja huwa ostaklu għal spazju ta’ sigurtà komuni u indiviżibbli fl-Ewropa u jhedded il-paċi u l-istabbiltà fil-kontinent Ewropew. Filwaqt li jfakkar fil-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-16 ta' Diċembru 2021, il-Kunsill tenna li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri mir-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir, inkluż firxa wiesgħa ta’ miżuri restrittivi settorjali u individwali li jiġu adottati f’koordinazzjoni mas-sħab.

    (6)

    Fid-19 ta’ Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tesprimi tħassib dwar l-akkumulazzjoni massiva tal-forzi armati Russi fl-Ukrajna u madwarha u ħeġġet lir-Russja biex tinvolvi ruħha fi djalogu sinifikattiv u f’diplomazija, iżżomm lura u tnaqqas it-tensjoni billi tirtira sostanzjalment il-forzi militari mill-viċinanza tal-fruntieri tal-Ukrajna. L-Unjoni ddikjarat li kwalunkwe aggressjoni militari ulterjuri min-naħa tar-Russja kontra l-Ukrajna jkollha konsegwenzi enormi u kost kbir bħala rispons, inkluż miżuri restrittivi koordinati mas-sħab.

    (7)

    Fil-21 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ffirma digriet li jirrikonoxxi l-"indipendenza u s-sovranità" taż-żoni mhux ikkontrollati mill-gvern tal-oblasts ta’ Donetsk u Luhansk fl-Ukrajna, u ordna lill-forzi armati Russi f’dawk iż-żoni.

    (8)

    Fit-22 ta' Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f'isem l-Unjoni li tikkundanna dak l-att illegali, li jkompli jdgħajjef is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna u huwa ksur serju tad-dritt internazzjonali u tal-ftehimiet internazzjonali, inkluż il-Karta tan-NU, l-Att Finali ta' Ħelsinki, il-Karta ta' Pariġi u l-Memorandum ta' Budapest, kif ukoll tal-Ftehimiet ta' Minsk u tar-Riżoluzzjoni 2202 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (2015). Ir-Rappreżentant Għoli ħeġġeġ lir-Russja, bħala parti fil-konflitt, biex treġġa' lura dak ir-rikonoxximent, tonora l-impenji tagħha, tirrispetta d-dritt internazzjonali u terġa' lura għad-diskussjonijiet fil-format tan-Normandija u l-Grupp ta' Kuntatt Trilaterali. Huwa ħabbar li l-Unjoni ser twieġeb għal dan l-aħħar ksur mir-Russja billi tadotta miżuri restrittivi addizzjonali b’urġenza.

    (9)

    Fl-24 ta' Frar 2022, il-President tal-Federazzjoni Russa ħabbar operazzjoni militari fl-Ukrajna u l-forzi armati Russi bdew attakk fuq l-Ukrajna. Dan l-attakk huwa ksur sfaċċat tal-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna.

    (10)

    Fl-24 ta' Frar 2022, ir-Rappreżentant Għoli ħareġ dikjarazzjoni f’isem l-Unjoni li tikkundanna bl-aktar mod qawwi possibbli l-invażjoni mhux provokata tal-Ukrajna mill-forzi armati tal-Federazzjoni Russa u l-involviment tal-Belarussja f’din l-aggressjoni kontra l-Ukrajna. Ir-Rappreżentant Għoli indika li r-rispons tal-Unjoni ser jinkludi miżuri restrittivi kemm settorjali kif ukoll individwali.

    (11)

    Fid-dawl tal-gravità tas-sitwazzjoni, il-Kunsill iqis li l-kriterji ta’ deżinjazzjoni jenħtieġ li jiġu emendati biex jinkludu persuni u entitajiet li jappoġġaw u jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa kif ukoll persuni u entitajiet li jipprovdulu sors sostanzjali ta’ dħul, u persuni fiżiċi jew ġuridiċi assoċjati ma’ persuni jew entitajiet elenkati.

    (12)

    Għalhekk id-Deċiżjoni 2014/145/PESK jenħtieġ li tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Id-Deċiżjoni 2014/145/PESK hija emendata kif ġej:

    (1)

    fl-Artikolu 1, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "1.   L-Istati Membri għandhom jieħdu l-miżuri neċessarji biex jipprevjenu d-dħul fit-territorji tagħhom, jew it-tranżitu minnhom, ta':

    (a)

    persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;

    (b)

    persuni fiżiċi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

    (c)

    persuni fiżiċi li jwettqu tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta' Donbas fl-Ukrajna;

    (d)

    persuni fiżiċi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; jew

    (e)

    negozjanti ewlenin involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

    u persuni fiżiċi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness.".

    (2)

    fl-Artikolu 2, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b'dan li ġej:

    "1.   Il-fondi u r-riżorsi ekonomiċi kollha li jappartjenu lil, jew huma proprjetà ta', jew huma miżmuma jew ikkontrollati minn:

    (a)

    persuni fiżiċi responsabbli għal, li jappoġġaw jew li jimplimentaw azzjonijiet jew politiki li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna, jew l-istabbiltà jew is-sigurtà fl-Ukrajna, jew li jostakolaw il-ħidma ta' organizzazzjonijiet internazzjonali fl-Ukrajna;

    (b)

    persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw b'mod materjali jew finanzjarju, azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna;

    (c)

    persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi fil-Krimea jew Sevastopol li s-sjieda tagħhom tkun ġiet trasferita b'mod li jmur kontra l-liġi tal-Ukrajna, jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jkunu bbenefikaw minn dan it-trasferiment;

    (d)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw minn persuni Russi li jieħdu d-deċiżjonijiet responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea jew għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna;

    (e)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jwettqu tranżazzjonijiet mal-gruppi separatisti fir-reġjun ta' Donbass tal-Ukrajna;

    (f)

    persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi li jappoġġaw, b'mod materjali jew finanzjarju, jew li jibbenefikaw mill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li huwa responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna; jew

    (g)

    negozjanti ewlenin jew persuni ġuridiċi, entitajiet jew korpi involuti fis-setturi ekonomiċi li jipprovdu sors sostanzjali ta' dħul lill-Gvern tal-Federazzjoni Russa, li hija responsabbli għall-annessjoni tal-Krimea u għad-destabbilizzazzjoni tal-Ukrajna,

    u persuni fiżiċi jew ġuridiċi, entitajiet jew korpi assoċjati magħhom, kif elenkat fl-Anness, għandhom jiġu ffriżati.".

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, il-25 ta’ Frar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2014/145/PESK tas-17 ta' Marzu 2014 dwar miżuri restrittivi fir-rigward ta' azzjonijiet li jipperikolaw jew jheddu l-integrità territorjali, is-sovranità u l-indipendenza tal-Ukrajna (ĠU L 78, 17.3.2014, p. 16).


    Top