Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0137

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2022/137 tat-28 ta’ Jannar 2022 dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Mydis f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (innotifikata bid-dokument C(2022) 408) (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    C/2022/408

    ĠU L 22, 1.2.2022, p. 43–44 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/137/oj

    1.2.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 22/43


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2022/137

    tat-28 ta’ Jannar 2022

    dwar l-estensjoni tal-azzjoni li ħa l-Health and Safety Executive tar-Renju Unit li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Mydis f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (innotifikata bid-dokument C(2022) 408)

    (It-test bl-Ingliż biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tiegħu, flimkien mal-Artikolu 5(4) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

    Billi:

    (1)

    Fil-11 ta’ Marzu 2021, il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq (“l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali għas-sanitizzatur tal-idejn Mydis fl-Irlanda ta’ fuq, sal-21 ta’ Awwissu 2021 (“l-azzjoni”). F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tieni subparagrafu ta’ dak ir-Regolament, l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri bl-azzjoni u bil-ġustifikazzjoni tagħha.

    (2)

    Skont l-informazzjoni li tat l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, l-azzjoni kienet meħtieġa biex titħares is-saħħa pubblika. Fil-11 ta’ Marzu 2020, l-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa (WHO) iddikjarat li t-tifqigħa tal-marda tal-coronavirus (COVID-19) tista’ minn dakinhar ’il quddiem tiġi kkaratterizzata bħala pandemija. Il-Gvern tar-Renju Unit iddikjara r-riskju għar-Renju Unit bħala “għoli” u fit-23 ta’ Marzu 2020 daħlu fis-seħħ miżuri restrittivi. L-użu ta’ sanitizzaturi tal-idejn b’bażi ta’ alkoħol huwa rrakkomandat mill-WHO bħala miżura preventiva kontra l-imxija tal-COVID-19, bħala alternattiva għall-ħasil tal-idejn bis-sapun u bl-ilma.

    (3)

    Il-Mydis fih kloru attiv rilaxxat mill-aċidu ipokloruż bħala sustanza attiva. Il-kloru attiv rilaxxat mill-aċidu ipokloruż huwa approvat għall-użu fil-prodotti bijoċidali għat-tip ta’ prodott 1, “Iġjene tal-bniedem”, kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012.

    (4)

    Mindu t-tifqigħa tal-COVID-19, is-sanitizzaturi tal-idejn kellhom domanda estremament għolja fir-Renju Unit, u din wasslet għal nuqqas ta’ provvista mingħajr preċedent ta’ tali prodotti. Qabel l-azzjoni, kienu ftit ferm is-sanitizzaturi tal-idejn awtorizzati fir-Renju Unit f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Il-COVID-19 tirrappreżenta theddida serja għas-saħħa pubblika fir-Renju Unit u huwa kruċjali li jkun hemm sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali għall-prevenzjoni tat-tixrid tagħha.

    (5)

    F’konformità mal-Artikolu 55(1), it-tielet subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012, fis-17 ta’ Awwissu 2021, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit biex l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq. It-talba motivata saret abbażi ta’ tħassib li s-saħħa pubblika tista’ titqiegħed fil-periklu mill-COVID-19 lil hinn mill-21 ta’ Awwissu 2021 u b’kont meħud tal-fatt li huwa kruċjali li jitħallew jitpoġġew fis-suq sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali sabiex jitrażżan il-periklu kkawżat mill-COVID-19.

    (6)

    Peress li skont l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit, id-domanda għas-sanitizzaturi tal-idejn għadha għolja, jeħtieġ li l-azzjoni tiġi estiża fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (7)

    Il-kumpaniji li kienu rċevew derogi għas-sanitizzaturi tal-idejn f’konformità mal-Artikolu 55(1), l-ewwel subparagrafu tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 wara d-dikjarazzjoni tad-WHO dwar il-pandemija ġew imħeġġa jitolbu awtorizzazzjoni regolari tal-prodott malajr kemm jista’ jkun. Madankollu, sal-lum ma waslu l-ebda applikazzjonijiet ġodda għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott għand l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit.

    (8)

    Peress li l-COVID-19 għadha ta’ periklu għas-saħħa pubblika u peress li minħabba li dan il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq fin-nuqqas ta’ sanitizzaturi tal-idejn addizzjonali permessi fis-suq, jixraq li l-awtorità kompetenti tar-Renju Unit titħalla testendi l-azzjoni fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq.

    (9)

    Billi l-azzjoni skadiet fil-21 ta’ Awwissu 2021, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni jkollha effett retroattiv.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq, tista’ testendi l-azzjoni li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Mydis, fir-Renju Unit fir-rigward tal-Irlanda ta’ Fuq sat-23 ta’ Frar 2023.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Health and Safety Executive tar-Renju Unit, li taġixxi f’isem il-Health and Safety Executive tal-Irlanda ta’ Fuq.

    Dan ir-Regolament għandu japplika mit-22 ta’ Awwissu 2021.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)  ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.


    Top