Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022D0088

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2022/88 tat-18 ta’ Jannar 2022 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Renju tal-Belġju biex japplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/14717/2021/INIT

    ĠU L 14, 21.1.2022, p. 23–24 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2022/88/oj

    21.1.2022   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 14/23


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2022/88

    tat-18 ta’ Jannar 2022

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE fir-rigward tal-awtorizzazzjoni tar-Renju tal-Belġju biex japplika għal perjodu ulterjuri l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1) tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE (2) ir-Renju tal-Belġju ġie awtorizzat jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE biex jeżenta mit-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) lil persuni taxxabbli li jkollhom fatturat annwali ta’ mhux aktar minn EUR 25 000 sal-31 ta’ Diċembru 2015 (“il-miżura speċjali”). Dik l-awtorizzazzjoni ġiet estiża inizjalment bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 (3) sal-31 ta’ Diċembru 2018 u sussegwentement bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2077 (4) sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (2)

    Permezz tal-ittra tal-5 ta’ Mejju 2021, il-Belġju ppreżenta talba lill-Kummissjoni għal awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024, id-data sa meta l-Istati Membri jeħtieġ jittrasponu d-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 (5) li tistabbilixxi regoli tal-VAT aktar sempliċi għall-impriżi ż-żgħar. Dik id-Direttiva tippermetti wkoll lill-Istati Membri jeżentaw lill-persuni taxxabbli li l-fatturat annwali tagħhom fi Stat Membru ma jaqbiżx il-livell limitu ta’ EUR 85 000.

    (3)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba li għamel il-Belġju lill-Istati Membri l-oħra, permezz ta’ ittra datata d-29 ta’ Ġunju 2021. Permezz ta’ ittra datata t-30 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lill-Belġju li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tkun tista’ tqis it-talba.

    (4)

    Il-miżura speċjali hija konformi mad-Direttiva (UE) 2020/285, li għandha l-għan li tnaqqas il-kostijiet tal-konformità mal-VAT għall-impriżi ż-żgħar, tnaqqas id-distorsjonijiet tal-kompetizzjoni kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll f’dak tal-Unjoni, u tnaqqas l-impatt negattiv tat-tranżizzjoni mill-eżenzjoni għat-tassazzjoni (l-effett ta’ limitu). Tfittex ukoll li tiffaċilita l-konformità mill-impriżi ż-żgħar kif ukoll il-monitoraġġ mill-awtoritajiet tat-taxxa. Il-livell limitu ta’ EUR 25 000 huwa konsistenti mal-livell limitu l-ġdid għall-eżenzjoni kif stabbilit bid-Direttiva (UE) 2020/285.

    (5)

    Il-miżura speċjali se tibqa’ fakultattiva għall-persuni taxxabbli. Il-persuni taxxabbli xorta jistgħu jagħżlu l-arranġamenti normali tal-VAT skont l-Artikolu 290 tad-Direttiva 2006/112/KE.

    (6)

    Skont l-informazzjoni pprovduta mill-Belġju, il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa li l-Belġju jiġbor fl-istadju tal-konsum finali.

    (7)

    Wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 (6), mhu ser isir l-ebda kalkolu ta’ kumpens mill-Belġju fir-rigward tad-dikjarazzjoni tar-riżorsi proprji tal-VAT għas-sena finanzjarja 2021 ’il quddiem.

    (8)

    Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fir-rigward tas-simplifikazzjoni tal-obbligi relatati mal-VAT billi tnaqqas il-piż amministrattiv u l-kostijiet tal-konformità kemm għall-impriżi żgħar kif ukoll għall-awtoritajiet tat-taxxa, u n-nuqqas ta’ xi impatt kbir fuq id-dħul totali ġġenerat mill-VAT, jenħtieġ li l-Belġju jiġi awtorizzat ikompli japplika l-miżura speċjali għal perjodu ulterjuri.

    (9)

    Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni biex tiġi applikata l-miżura speċjali tkun limitata fiż-żmien. Jenħtieġ li l-limitu ta’ żmien ikun biżżejjed biex tkun tista’ tiġi evalwata l-effettività u l-adegwatezza tal-livell limitu. Barra minn hekk, skont l-Artikolu 3(1) tad-Direttiva (UE) 2020/285, l-Istati Membri għandhom jadottaw u jippubblikaw, sal-31 ta’ Diċembru 2024, il-liġijiet, ir-regolamenti u d-dispożizzjonijiet amministrattivi meħtieġa biex jikkonformaw mal-Artikolu 1 ta’ dik id-Direttiva, u għandhom japplikaw dawk id-dispożizzjonijiet mill-1 ta’ Jannar 2025. Għalhekk, jixraq li l-Belġju jiġi awtorizzat japplika l-miżura speċjali sal-31 ta’ Diċembru 2024.

    (10)

    Sabiex jiġu evitati effetti ta’ tfixkil, il-Belġju jenħtieġ li jitħalla japplika l-miżura speċjali mingħajr interruzzjoni. Għalhekk jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni mitluba tingħata b’effett mill-1 ta’ Jannar 2022, sabiex tiġi garantita l-kontinwità tal-arranġamenti preċedenti skont id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE.

    (11)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2013 sal-31 ta’ Diċembru 2024.”

    Artikolu 2

    Din id-Deċìżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tan-notifika tagħha.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Renju tal-Belġju.

    Magħmul fi Brussell, it-18 ta’ Jannar 2022.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. LE MAIRE


    (1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2013/53/UE tat-22 ta’ Jannar 2013 li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 22, 25.1.2013, p. 13).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2348 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali ta’ deroga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 330, 16.12.2015, p. 51).

    (4)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/2077 tal-20 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2013/53/UE li tawtorizza lir-Renju tal-Belġju biex jintroduċi miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 285 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 331, 28.12.2018, p. 222).

    (5)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2020/285 tat-18 ta’ Frar 2020 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud fir-rigward tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 fir-rigward tal-kooperazzjoni amministrattiva u l-iskambju ta’ informazzjoni għall-finijiet tal-monitoraġġ tal-applikazzjoni korretta tal-iskema speċjali għall-impriżi ż-żgħar (ĠU L 62, 2.3.2020, p. 13).

    (6)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2021/769 tat-30 ta’ April 2021 li jemenda r-Regolament (KEE, Euratom) Nru 1553/89 dwar l-arranġamenti uniformi definittivi għall-ġbir ta’ riżorsi proprji li jakkumulaw mit-taxxa tal-valur miżjud (ĠU L 165, 11.5.2021, p. 9).


    Top