EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32022C1207(02)

Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni b’rabta mar-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ħidma li għaddejja biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’format elettroniku tar-rekords li għandhom jinżammu mill-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2009 2022/C 466/06

ĠU C 466, 7.12.2022, p. 23–23 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

7.12.2022   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 466/23


Dikjarazzjoni tal-Kummissjoni b’rabta mar-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, fir-rigward tal-ħidma li għaddejja biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’format elettroniku tar-rekords li għandhom jinżammu mill-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti skont l-Artikolu 67(1) tar-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1107/2009

(2022/C 466/06)

Il-Patt Ekoloġiku Ewropew u l-Istrateġija Mill-Għalqa sal-Platt jistabbilixxu tnaqqis fl-użu u r-riskju tal-pestiċidi kimiċi bħala objettiv ewlieni għall-Unjoni. Sabiex jiġu żgurati politiki effettivi u li jħallu impatt, data robusta u komprensiva dwar l-użu tal-pestiċidi fil-livell tal-farms hija kruċjali. Il-ħidma li għaddejja biex tiġi żgurata d-disponibbiltà f’format elettroniku tar-rekords miżmuma mill-utenti professjonali tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti hija fattur abilitanti importanti għall-implimentazzjoni tal-obbligi ta’ rapportar dwar il-pestiċidi li huma parti mir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1) (SAIO).

Għalhekk, il-Kummissjoni ħejjiet abbozz ta’ Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni, abbażi tal-Artikolu 67(4) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), fir-rigward tal-kontenut u l-format tar-rekords tal-użu tal-prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti li jridu jinżammu mill-utenti professjonali f’konformità mal-Artikolu 67(1) tar-Regolament (KE) Nru 1107/2009.

Dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni, jekk jiġi adottat kif previst bħalissa, jirregola ż-żamma tar-rekords meħtieġa skont ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 fid-dettall, inkluż billi jidentifika l-elementi li għandhom jiġu rreġistrati mill-utenti professjonali, u billi jiżgura li dawk ir-rekords ikunu disponibbli f’format elettroniku sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2025.

L-abbozz ta’ dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni bħalissa qed jiġi diskuss fil-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf, Taqsima Fitofarmaċewtiċi — Leġiżlazzjoni. Il-Kummissjoni biħsiebha tikseb l-opinjoni tal-kumitat skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3) fix-xhur li ġejjin.

Il-Kummissjoni biħsiebha tadotta dak ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni qabel tmiem l-2022.


(1)  Ir-Regolament (UE) 2022/2379 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-23 ta’ Novembru 2022 dwar l-istatistika dwar l-input u l-output agrikoli, li jemenda r-Regolament tal-Kummissjoni (KE) Nru 617/2008 u li jħassar ir-Regolamenti (KE) Nru 1165/2008, (KE) Nru 543/2009, (KE) Nru 1185/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kunsill 96/16/KE (ĠU L 315, 7.12.2022, p. 1).

(2)  Ir-Regolament (KE) Nru 1107/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2009 dwar it-tqegħid fis-suq ta’ prodotti għall-protezzjoni tal-pjanti u li jħassar id-Direttivi tal-Kunsill 79/117/KEE u 91/414/KEE (ĠU L 309, 24.11.2009, p. 1).

(3)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).


Top