Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1786

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1786 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600, fir-rigward ta’ bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid

    C/2021/7156

    ĠU L 359, 11.10.2021, p. 100–102 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1786/oj

    11.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 359/100


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1786

    tat-8 ta’ Ottubru 2021

    li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, previst fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600, fir-rigward ta’ bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 54(a) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 (2) introduċa għadd ta’ derogi għar-regoli eżistenti, inter alia fis-settur tal-inbid, bil-għan li joffri sostenn lill-operaturi fil-qasam tal-inbid sabiex ikunu jifilħu għall-impatt tal-pandemija tal-COVID-19. B’mod partikolari ngħatat deroga temporanja mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 (3) biex l-Istati Membri jitħallew jibdlu l-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid kull meta jkun meħtieġ anke b’rabta mal-miżuri li jissemmew fl-Artikolu 45(1)(a) u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    (2)

    Din il-flessibbiltà kellha l-għan li tippermetti lill-Istati Membri jirreaġixxu malajr għaċ-ċirkostanzi eċċezzjonali li ġabet magħha l-pandemija tal-COVID-19 u biex jissottomettu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kmieni kemm jista’ jkun. Ir-raġuni sottostanti għal dan kienet il-ħtieġa li l-Istati Membri jitħallew jaġġustaw il-miżuri diġà fis-seħħ b’mod aktar frekwenti iżda wkoll, kif imsemmi fil-premessa (6) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600, biex jinkludu miżuri ulterjuri fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom immedjatament malli jidħol fis-seħħ dak ir-Regolament minflok ikollhom jistennew l-iskadenza li jmiss għall-emendi.

    (3)

    Minbarra l-miżuri previsti fl-Artikolu 45(1)(a), u l-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, l-Istati Membri ngħataw il-possibbiltà li fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom jinkludu wkoll il-miżuri temporanji eċċezzjonali tad-“distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u l-“għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi” kif imsemmija rispettivament fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni(UE) 2020/592 (4). Madankollu, minħabba omissjoni mhux intenzjonata, dawn iż-żewġ miżuri eċċezzjonali ma ssemmewx b’mod espliċitu fost il-miżuri elenkati fl-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600.

    (4)

    Mill-Artikoli 3(9) u 4(8) tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 huwa ċar li l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 japplika mutatis mutandis għall-miżuri “distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u “għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi” rispettivament. Dawn id-dispożizzjonijiet jippruvaw jiżguraw li l-miżuri eċċezzjonali jsegwu kemm jista’ jkun ir-regoli applikabbli għall-miżuri previsti fir-Regolament (UE) Nru 1308/2013. Madankollu, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 jidderoga temporanjament mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 billi jippermetti lill-Istati Membri jinkludu jew jibdlu l-miżuri fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom kull meta jkun meħtieġ. Għaldaqstant, sabiex jiġi żgurat li l-miżuri eċċezzjonali jiġu implimentati bl-istess mod bħal kwalunkwe miżura ta’ appoġġ eżistenti oħra, l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 japplika wkoll għad-“distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u għall-“għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi”.

    (5)

    Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġi enfasizzat li ż-żamma tad-“distillazzjoni tal-inbid f’każ ta’ kriżi” u “l-għajnuna għall-ħżin tal-inbid fi kriżi” barra mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 kienet tmur kontra l-iskop veru u proprju ta’ dawn il-miżuri li jipprovdu għajnuna urġenti għas-suq tal-inbid fi żminijiet ta’ kriżi. Li l-Istati Membri ma jitħallewx jintroduċu bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom speċifikament għal dawk iż-żewġ miżuri, filwaqt li jkun possibbli li dan jagħmluh għal kwalunkwe miżura oħra, kien ikun f’kuntrast mal-intenzjoni ċara li l-Istati Membri jitħallew jużaw dawn il-miżuri malajr u spiss skont il-bżonn.

    (6)

    Għal dawk ir-raġunijiet, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1785 (5). jikkoreġi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 billi jinkludi referenza espliċita għall-miżuri eċċezzjonali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592 b’effett mill-4 ta’ Mejju 2020.

    (7)

    Madankollu, ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/78 (6) estenda l-applikazzjoni tal-miżuri introdotti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 għad-durata tas-sena finanzjarja 2021 billi ssostitwixxa l-Artikolu 2(1) ta’ dak ir-Regolament. Dik id-dispożizzjoni tħalli ukoll barra r-referenza għall-miżuri eċċezzjonali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592. Għalhekk, huwa xieraq li dik id-dispożizzjoni tiġi kkoreġuta wkoll.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78 jiġi kkoreġut skont dan.

    (9)

    Sabiex jiġi evitat li l-Istati Membri li jkunu introduċew fis-sena finanzjarja 2021 jiġu penalizzati bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom relatati mal-miżuri eċċezzjonali stabbiliti fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/592, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika b’mod retroattiv mid-data tal-applikazzjoni tal-emenda rilevanti magħmula mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78.

    (10)

    Il-miżuri stipulati f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Korrezzjoni fir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78

    Fl-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/78, it-test li jissostitwixxi l-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “1.   B’deroga mill-Artikolu 2(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, l-Istati Membri jistgħu jintroduċu, b’rabta mal-miżuri msemmija fl-Artikoli 45(1)(a) u fl-Artikoli 46 sa 52 tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013, u fl-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 (*1), kull meta jkun meħtieġ matul is-snin finanzjarji 2020 u 2021 iżda mhux iktar tard mill-15 ta’ Ottubru 2021, bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ tagħhom fis-settur tal-inbid kif imsemmi fl-Artikolu 41(5) tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013.

    Artikolu 2

    Dħul fis-seħħ u applikazzjoni

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Għandu japplika mis-16 ta’ Ottubru 2020.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-8 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/600 tat-30 ta’ April 2020 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 40).

    (3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1150 tal-15 ta’ April 2016 li jistabbilixxi r-regoli tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fil-każ ta’ programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ĠU L 190, 15.7.2016, p. 23).

    (4)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/592 tat-30 ta’ April 2020 dwar miżuri eċċezzjonali temporanji li jidderogaw minn ċerti dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill biex jiġi indirizzat it-tfixkil fis-suq fis-settur tal-frott u l-ħxejjex u fis-settur tal-inbid ikkawżat mill-pandemija tal-COVID-19 u miżuri marbuta magħha (ĠU L 140, 4.5.2020, p. 6).

    (5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1785 tat-8 ta’ Ottubru 2021 li jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 fir-rigward ta’ deroga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150 fir-rigward ta’ bidliet fil-programmi nazzjonali ta’ appoġġ fis-settur tal-inbid (ara l-paġna 98 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (6)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/78 tas-27 ta’ Jannar 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/600 li jidderoga mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/892, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/1150, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) Nru 615/2014, mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/1368 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/39 fir-rigward ta’ ċerti miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19 (ĠU L 29, 28.1.2021, p. 5).


    Top