This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021R1474
Commission Implementing Regulation (EU) 2021/1474 of 14 September 2021 extending the definitive anti-dumping duty imposed by Implementing Regulation (EU) 2015/2384 and Implementing Regulation (EU) 2017/271 on imports of certain aluminium foil originating in the People’s Republic of China to imports of certain aluminium foil consigned from Thailand, whether declared as originating in Thailand or not
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1474 tal-14 ta’ Settembru 2021 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le
Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1474 tal-14 ta’ Settembru 2021 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le
C/2021/6622
ĠU L 325, 15.9.2021, p. 6–23
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
15.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 325/6 |
REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1474
tal-14 ta’ Settembru 2021
li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 dwar l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għall-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1) (“ir-Regolament bażiku”), u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,
Billi:
1. PROĊEDURA
1.1. Investigazzjoni preċedenti u miżuri eżistenti
(1) |
F’Ottubru 2009, permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009, (2) il-Kunsill impona dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju (“rombli jumbo”) li joriġinaw, fost l-oħrajn, mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“RPĊ”) wara investigazzjoni anti-dumping (“l-investigazzjoni oriġinali”). Il-miżuri kellhom il-forma ta’ dazju ad valorem li jvarja bejn 6,4 % u 30,0 %. |
(2) |
F’Diċembru 2015, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384, (3)il-Kummissjoni Ewropea (“il-Kummissjoni”) żammet il-miżuri definittivi (“il-miżuri fis-seħħ”) fuq l-importazzjonijiet mir-RPĊ wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament bażiku (“l-investigazzjoni ta’ rieżami”). |
(3) |
Fi Frar 2017, permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271, (4)il-Kummissjoni estendiet il-miżuri fis-seħħ għall-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata mir-RPĊ, wara investigazzjoni antiċirkomvenzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku (“l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti”). |
1.2. It-talba
(4) |
Il-Kummissjoni rċeviet talba skont l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament bażiku biex tinvestiga l-possibbiltà ta’ ċirkomvenzjoni tal-miżuri anti-dumping imposti fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-RPĊ minn importazzjonijiet konsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u biex tagħmel tali importazzjonijiet suġġetti għar-reġistrazzjoni. |
(5) |
It-talba ġiet ippreżentata fid-9 ta’ Novembru 2020. L-applikant talab l-anonimità kemm fl-istadju tal-applikazzjoni kif ukoll għad-durata tal-investigazzjoni. L-applikant debitament issostanzja t-talba tiegħu, li ġiet aċċettata mill-Kummissjoni peress li qies li kien hemm raġunijiet suffiċjenti biex tingħata l-kunfidenzjalità tal-identità tiegħu. |
(6) |
It-talba kien fiha biżżejjed evidenza ta’ bidla fix-xejra tal-kummerċ li tinvolvi esportazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Tajlandja lejn l-Unjoni li kienet seħħet wara l-impożizzjoni ta’ miżuri fuq rombli jumbo. Jidher li din il-bidla ġejja mill-kunsinna tar-rombli jumbo li jgħaddu mit-Tajlandja lejn l-Unjoni wara li jkunu għaddew minn operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja. It-talba kien fiha biżżejjed evidenza li turi li tali operazzjonijiet tal-assemblaġġ jikkostitwixxu ċirkomvenzjoni billi l-partijiet Ċiniżi kienu jikkostitwixxu iktar minn 60 % tal-valur totali tal-prodott magħqud, filwaqt li l-valur miżjud matul l-operazzjoni tal-assemblaġġ kien inqas minn 25 % tal-ispiża tal-manifattura. |
(7) |
Barra minn hekk, it-talba kien fiha biżżejjed evidenza li l-prattika deskritta hawn fuq kienet qed timmina l-effetti rimedjali tal-miżuri anti-dumping eżistenti f’termini ta’ kwantitajiet u ta’ prezzijiet. Barra minn hekk, kien hemm biżżejjed evidenza li l-prezzijiet ta’ rombli jumbo kkonsenjati mit-Tajlandja kienu oġġett ta’ dumping fir-rigward tal-valur normali stabbilit minn qabel għal rombli jumbo. |
1.3. Il-prodott ikkonċernat u l-prodott li qed jiġi investigat
(8) |
Il-prodott ikkonċernat huwa foils tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħduma aktar milli rrumblati, f’rombli ta’ wisa’ li ma taqbiżx 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, ikklassifikati fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910), fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,007 mm u inqas minn 0,008 mm, irrispettivament mill-wisgħa tar-rombli, kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, ikklassifikata fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111930), fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm u f’rombli ta’ wisa’ li taqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, ikklassifikata fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111940), fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ aktar minn 0,018 mm u inqas minn 0,021 mm, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprata kif ukoll jekk le, ikklassifikata fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111950), u/jew fuljetta tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,021 mm u mhux aktar minn 0,045 mm, meta ppreżentata b’mill-inqas żewġ saffi, irrispettivament mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprati kif ukoll jekk le, ikklassifikata fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 90 (kodiċijiet TARIC 7607119045 u 7607119080) u li joriġinaw fir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina (“il-prodott ikkonċernat”). Dan huwa l-prodott li għalih il-miżuri fis-seħħ bħalissa japplikaw. |
(9) |
Il-prodott li qed jiġi investigat huwa l-istess bħal dak definit fil-premessa preċedenti, li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċi NM ex 7607 11 19 (kodiċi TARIC 7607111910, 7607111930, 7607111940, 7607111950) u ex 7607 11 90 (kodiċi TARIC 7607119044, 7607119046, 7607119071, 7607119072), iżda kkunsinnat mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC C601), (“il-prodott li qed jiġi investigat”). |
(10) |
L-investigazzjoni wriet li r-rombli jumbo, esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni u r-rombli jumbo kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi u kimiċi bażiċi kif ukoll l-istess użu, u għalhekk għandhom jitqiesu bħala prodotti simili fis-sens tal-Artikolu 1(4) tar-Regolament bażiku. |
1.4. L-istadju inizjali
(11) |
Wara li ddeterminat, wara li infurmat lill-Istati Membri, li kien hemm biżżejjed evidenza għall-bidu ta’ investigazzjoni skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni bdiet investigazzjoni permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2162 (5) fit-21 ta’ Diċembru 2020 (“ir-Regolament ta’ bidu”) u għamlet l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, soġġetti għal reġistrazzjoni f’konformità mal-Artikolu 14(5) tar-Regolament bażiku. |
1.5. Kummenti dwar il-bidu
(12) |
Wara l-bidu, Dingheng New Materials Co., Ltd, Thai Ding Li New Materials Co., Ltd u l-kumpaniji relatati tagħhom (flimkien “Dingsheng Group”) argumentaw li l-bidu tal-investigazzjoni ma kienx ġustifikat. (6) |
(13) |
Skont Dingsheng Group, it-talba li wasslet għall-ftuħ tal-investigazzjoni ma kienx fiha l-evidenza prima facie meħtieġa. Huwa sostna li l-informazzjoni fit-talba kienet skaduta, peress li kienet ibbażata fuq perjodu sa Diċembru 2019, filwaqt li l-investigazzjoni nbdiet f’Diċembru 2020. Dingsheng Group argumenta li dan huwa f’kuntrast mal-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku, li jiddikjara li l-perjodu ta’ investigazzjoni “għandu, normalment, ikopri perjodu ta’ mhux inqas minn sitt xhur immedjatament qabel il-bidu tal-proċedimenti”. |
(14) |
Barra minn hekk, Dingsheng Group iddikjara li l-istatistika tal-esportazzjoni rrappurtata fit-talba ma kinitx preċiża u affidabbli. Din l-istatistika kienet ibbażata fuq il-kodiċijiet NM u l-kodiċijiet SA (7), li jinkludu għadd ta’ prodotti differenti minbarra dawk rilevanti għall-investigazzjoni u għalhekk ma jistgħux jitqiesu bħala evidenza suffiċjenti. |
(15) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Fir-rigward tal-perjodu ta’ referenza użat fit-talba, l-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku jikkonċerna l-perjodu ta’ investigazzjoni li għandu jintuża matul l-investigazzjoni, mhux il-perjodu li fuqu hija bbażata t-talba. Dingsheng Group ma argumentax li l-użu ta’ data aktar reċenti kien iwassal għal konklużjoni differenti fir-rigward tal-allegati prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Fir-rigward tal-istatistika doganali li fuqha kienet ibbażata t-talba, l-applikant ipprovda dik l-istatistika li kienet raġonevolment disponibbli għalih għall-fini tat-talba, kif meħtieġ mill-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku. Fi kwalunkwe każ, meta analizzat it-talba, il-Kummissjoni wettqet kontroverifika tad-data pprovduta mill-applikant ma’ statistika fil-livell TARIC ta’ 10 ċifri u inkludiet id-data sa Settembru 2020. Din l-analiżi kkonfermat l-allegazzjonijiet fit-talba. |
(16) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group tenna l-affermazzjoni tiegħu li t-talba kienet ibbażata fuq informazzjoni skaduta u li l-Artikolu 6(1) flimkien mal-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-Kummissjoni twettaq eżami ġenerali tal-preċiżjoni tat-talba, inkluż jekk l-informazzjoni li tinsab fiha kinitx aġġornata. Għalhekk, skont Dingsheng Group, il-Kummissjoni kellha titlob lill-applikant jaġġorna ċ-ċifri li jinsabu fit-talba b’informazzjoni aktar reċenti. Inkella, “l-applikanti li jitolbu l-ftuħ ta’ investigazzjoni antiċirkomvenzjoni jkunu liberi li jibbażaw it-talba fuq il-perjodu li jkun aħjar għalihom, mingħajr ebda limitazzjoni”. |
(17) |
Barra minn hekk, Dingsheng Group sostna li, għalkemm il-Kummissjoni wettqet kontroverifika tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant ma’ data aktar reċenti fil-livell TARIC, ma hemm l-ebda traċċa fil-fajl ta’ tali kontroverifika, u lanqas ma tissemma fir-Regolament ta’ bidu, li jirreferi biss għall-evidenza pprovduta fit-talba. Skont Dingsheng Group il-fatt li l-użu ta’ data aktar reċenti kien iwassal għall-istess konklużjoni huwa irrilevanti għad-determinazzjoni ta’ jekk it-talba kinitx tissodisfa l-istandard ta’ evidenza mitluba mil-liġi biex jinbeda l-proċediment. |
(18) |
Kif spjegat fil-premessa (15) hawn fuq, ir-referenza għall-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku hija irrilevanti għad-data użata fit-talba, peress li tirreferi għall-perjodu użat matul l-investigazzjoni, u mhux għat-talba. Barra minn hekk, l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li l-bidu tal-investigazzjoni jkun ibbażat fuq“evidenza suffiċjenti”, li d-determinazzjoni tagħha tħalli ċertu livell ta’ diskrezzjoni lill-Kummissjoni. Fi kwalunkwe każ, kif spjegat hawn fuq fil-premessi (6)-(7), dan il-kriterju ġie ssodisfat. L-Artikolu 5(2) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li applikant jibbaża t-talba fuq dik l-istatistika raġonevolment disponibbli għall-applikant. Dan ma jipprovdix l-opportunità għall-applikanti biex jagħżlu l-aktar perjodu konvenjenti, kif issuġġerixxa Dingsheng Group. Il-kontroverifika ta’ data ftit aktar reċenti u speċifika mwettqa mill-Kummissjoni qabel il-bidu wriet li ma kien hemm l-ebda indikazzjoni li l-informazzjoni użata fit-talba kienet skaduta, anzi l-kuntrarju peress li l-użu ta’ data aktar reċenti kien juri xejriet simili u kien iwassal għall-istess konklużjonijiet. Għalhekk, il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn il-pretensjonijiet. |
(19) |
Dingsheng Group sostna wkoll li l-evidenza disponibbli ma kinitx biżżejjed biex turi l-eżistenza ta’ ċirkomvenzjoni. Minħabba l-allegat nuqqas ta’ affidabbiltà tal-istatistika msemmija fil-premessa (14), Dingsheng Group sostna li din l-istatistika ma tistax tikkostitwixxi evidenza tal-bidla fix-xejra tal-kummerċ kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, ġie argumentat li r-rekwiżit tal-eżistenza ta’ dannu f’termini kemm ta’ kwantitajiet kif ukoll ta’ prezzijiet li jimmina l-effetti rimedjali tal-investigazzjoni anti-dumping oriġinali ma ġiex issodisfat peress li l-analiżi sottostanti kienet ibbażata fuq id-data allegatament mhux affidabbli msemmija hawn fuq u għalhekk inkonklużiva. Barra minn hekk, il-kalkoli fit-talba kienu bbażati fuq wieħed biss miż-żewġ kodiċijiet NM rilevanti. Fl-aħħar nett, il-marġni tad-dannu kkalkulat fit-talba kien negliġibbli, skont Dingsheng Group, u għalhekk ma kienx evidenza konvinċenti ta’ xi tfixkil tal-effetti tal-miżuri fis-seħħ. L-evidenza addizzjonali pprovduta mill-applikant fit-talba, bħal kwotazzjonijiet mill-produtturi tal-UE, kienet iddikjarata bħala bażi invalida għall-kalkoli tad-dannu fit-talba. |
(20) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Rigward l-allegat nuqqas ta’ affidabbiltà tad-data użata għall-analiżi, l-applikant ibbaża l-analiżi tiegħu fuq id-data li kienet raġonevolment disponibbli għalih, kif stabbilit fil-premessa (15), u l-evidenza pprovduta b’dan il-mod tqieset biżżejjed biex tinbeda l-investigazzjoni. Il-fatt li l-kalkoli kienu bbażati fuq wieħed biss mill-kodiċijiet NM (7607 11 19) ma dgħajjifx l-eżattezza tat-talba. Kif indikat mill-applikant fil-konfutazzjoni tiegħu tas-sottomissjoni ta’ Dingsheng Group, il-Qorti Ġenerali ddeċidiet li “meta l-prodott ikkonċernat ikun fih diversi tipi ta’ prodotti, ir-Regolament bażiku ma jirrikjedix, bħal f’dan il-każ, li l-ilment ikollu jipprovdi informazzjoni dwar dawk it-tipi kollha ta’ prodotti” (8). Ma ġiex ikkontestat minn Dingsheng Group li dan il-kodiċi NM partikolari kien ikopri l-aktar tipi ta’ prodotti rappreżentattivi. Fil-fatt, id-data tal-importazzjoni minn Comext fil-livell TARIC b’10 ċifri wriet li matul il-perjodu ta’ investigazzjoni ma kien hemm l-ebda importazzjoni tal-prodotti li jaqgħu taħt il-kodiċi NM l-ieħor (7607 11 90). Għalhekk, l-inklużjoni tal-kodiċi NM ma kinitx tbiddel ir-riżultat tal-analiżi fit-talba. |
(21) |
Fir-rigward tal-livell tal-marġni tad-dannu, il-marġni misjub mill-applikant ta’ 3,2 % tqies biżżejjed biex fil-bidu jiġi konkluż li l-effetti rimedjali tad-dazju qed jiġu mminati f’termini tal-prezzijiet tal-prodott simili. Kif spjega l-applikant fil-kummenti tiegħu dwar is-sottomissjoni ta’ Dingsheng Group, il-prodott investigat huwa sensittiv ħafna għall-prezzijiet, bil-kompetizzjoni fil-biċċa l-kbira bbażata fuq il-prezz. F’kuntest bħal dan, marġni ta’ ħsara ta’ 3,2 % jista’ jitqies li jimmina l-effett rimedjali tad-dazji f’termini ta’ prezzijiet, b’mod partikolari f’sitwazzjoni li fiha l-kwantitajiet tal-importazzjonijiet żdiedu b’mod sinifikanti. |
(22) |
Fir-rigward tad-data użata għall-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, l-applikant ibbaża l-kalkoli tiegħu fuq l-informazzjoni li kienet raġonevolment disponibbli għalih, li f’dan il-każ kienu diversi kwotazzjonijiet mill-fornituri flimkien mal-prezzijiet ta’ London Metal Exchange (“LME”). Fil-fehma tiegħu, Dingsheng Group ma ressaqx metodoloġija iktar raġonevoli għat-twettiq tal-kalkoli, li setgħu kienu għad-dispożizzjoni tal-applikant. Il-Kummissjoni għalhekk qieset li l-metodoloġija użata kienet affidabbli biżżejjed biex jitwettqu l-kalkoli meħtieġa fit-talba. |
(23) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group sostna li l-Kummissjoni, meta ddikjarat li “Dingsheng Group ma ressaqx metodoloġija aktar raġonevoli għat-twettiq tal-kalkoli”, ippruvat treġġa’ lura l-oneru tal-prova fuq il-partijiet interessati. Minflok ma eżaminat il-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-informazzjoni pprovduta mill-applikant, il-Kummissjoni “apparentement aċċettat id-data pprovduta fit-talba fuq il-valur nominali, mingħajr ebda eżami ulterjuri”. |
(24) |
Il-Kummissjoni ma laqgħetx dawn il-pretensjonijiet. Bħal fil-każ tat-talbiet kollha għall-bidu ta’ investigazzjoni, il-Kummissjoni eżaminat bir-reqqa d-data kollha u evidenza oħra pprovduta mill-applikant u qieset li d-data użata kienet raġonevoli u preċiża biżżejjed biex tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni oġġezzjonat għall-konklużjoni ta’ Dingsheng Group li hija kienet ippruvat taqleb l-oneru tal-prova. Il-Kummissjoni kienet sempliċement ħadet nota tal-fatt li Dingsheng Group ma ppreżentax metodu alternattiv sabiex isostni l-allegazzjoni tiegħu li l-metodoloġija użata mill-applikant ma kinitx affidabbli. |
(25) |
Dingsheng Group argumenta wkoll li l-valur normali ġie kkalkulat bl-użu tal-valur normali tal-investigazzjoni ta’ rieżami, u b’hekk ma tqisx l-ambitu estiż tal-prodott tal-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti. Barra minn hekk, huwa ddikjara li l-prezz tal-esportazzjoni użat mill-applikant fit-talba kien ibbażat fuq l-istatistika tal-Eurostat għal kodiċi NM li ma kienx jikkonċerna rombli jumbo, iżda rombli pjuttost żgħar (9). Għalhekk, Dingsheng Group iddikjara li l-marġni tad-dumping fit-talba ma kienx affidabbli peress li kien ibbażat fuq ċifri żbaljati. |
(26) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. Biex tiġi ddeterminata l-eżistenza ta’ dumping, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jeħtieġ li jitqabbel mal-valur normali stabbilit minn qabel għall-prodott simili. Skont din id-dispożizzjoni, l-applikant uża l-valur normali kif stabbilit fl-investigazzjoni ta’ rieżami. Barra minn hekk, l-inklużjoni tal-valuri normali tal-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti kienet iżżid il-marġini tad-dumping biss, peress li dawn il-valuri normali kienu ogħla minn dawk applikati fl-investigazzjoni ta’ rieżami. Għaldaqstant, il-Kummissjoni qieset l-użu tal-valur normali kif stabbilit fl-investigazzjoni ta’ rieżami bħala stima konservattiva għall-kalkolu tal-marġni tad-dumping. |
(27) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group tenna d-dikjarazzjoni tiegħu li l-ambitu estiż tal-prodott kellu jitqies fil-kalkolu tal-valur normali fit-talba, peress li l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirrikjedi li jitqiesu l-valuri normali kollha stabbiliti qabel, mhux biss dawk tal-aħħar investigazzjoni ta’ rieżami. Madankollu, l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jirreferi għall-“valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott simili”. Ma hemm l-ebda rekwiżit li l-valuri normali kollha mill-investigazzjonijiet preċedenti kollha jridu jiġu kkunsidrati. Fi kwalunkwe każ, kif iddikjarat fil-premessa (26), kien hemm biżżejjed evidenza bbażata fuq il-valuri normali mill-investigazzjoni ta’ rieżami biss, li jirrappreżentaw il-maġġoranza tal-importazzjonijiet (ara l-premessa (20)) biex jiġġustifikaw il-bidu tal-investigazzjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din l-asserzjoni. |
(28) |
Id-dikjarazzjoni ta’ Dingsheng Group dwar l-użu tal-istatistika tal-Eurostat għal rombli żgħar għall-kalkolu tal-prezz tal-esportazzjoni ta’ rombli jumbo kienet fattwalment żbaljata. Tabilħaqq, l-applikant irrefera b’mod żbaljat għall-kodiċi NM għar-rombli żgħar fl-Anness 10 tat-talba, iżda ħarsa aktar mill-qrib lejn l-estrazzjoni tal-Eurostat li kienet parti mit-talba fl-Anness 3 uriet li l-prezz tal-esportazzjoni użat kien ibbażat b’mod korrett fuq l-estrazzjoni għall-kodiċi NM 7607 11 19, li huwa rombli jumbo. Kif iddikjarat fil-premessa (20) hawn fuq, dan il-kodiċi jinkludi l-aktar tipi ta’ prodotti rappreżentattivi. |
(29) |
Abbażi tar-raġunament stabbilit fil-premessi (12)-(28) hawn fuq, il-Kummissjoni ċaħdet l-argumenti mressqa minn Dingsheng Group u qieset li t-talba kien fiha biżżejjed evidenza li tiġġustifika l-bidu tal-investigazzjoni. |
1.6. Il-perjodu ta’ investigazzjoni u l-perjodu ta’ rapportar
(30) |
L-investigazzjoni kopriet il-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ investigazzjoni”, jew “PI”). Inġabret data għall-perjodu ta’ investigazzjoni biex tiġi investigata, fost l-oħrajn, il-bidla allegata fix-xejra tal-kummerċ wara l-impożizzjoni tal-miżuri fuq il-prodott ikkonċernat kif ukoll l-estensjoni tal-miżuri għall-prodott ftit modifikat permezz tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 u l-eżistenza ta’ prassi, proċess jew xogħol li għalih ma kienx hemm kawża dovuta jew ġustifikazzjoni ekonomika għajr l-impożizzjoni tad-dazju. Inġabret data aktar dettaljata għall-perjodu mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 (“il-perjodu ta’ rapportar” jew “PR”) sabiex jiġi eżaminat jekk l-importazzjonijiet kinux qed jimminaw l-effett ta’ rimedju tal-miżuri fis-seħħ f’dak li għandu x’jaqsam ma’ prezzijiet u/jew kwantitajiet u l-eżistenza ta’ dumping. |
1.7. Investigazzjoni
(31) |
Il-Kummissjoni nnotifikat uffiċjalment lill-awtoritajiet tar-RPĊ u tat-Tajwan, lill-produtturi esportaturi f’dawk il-pajjiżi, lill-importaturi fl-Unjoni magħrufa li huma konċernati u lill-industrija tal-Unjoni dwar il-bidu tal-investigazzjoni. Intbagħtu Kwestjonarji/Formoli għal Talba ta’ Eżenzjoni lill-produtturi/esportaturi fit-Tajlandja u fir-RPĊ u lill-importaturi fl-Unjoni magħrufa mill-Kummissjoni jew li kienu ppreżentaw ruħhom qabel l-iskadenzi stabbiliti fl-Artikolu 3 tar-Regolament ta’ bidu. |
(32) |
Il-partijiet interessati ngħataw l-opportunità li jressqu l-opinjonijiet tagħhom bil-miktub u li jitolbu smigħ fiż-żmien stipulat fir-Regolament ta’ bidu. Il-partijiet kollha ġew infurmati li n-nuqqas ta’ sottomissjoni tal-informazzjoni kollha rilevanti jew is-sottomissjoni ta’ informazzjoni mhux kompluta, falza jew qarrieqa tista’ twassal għall-applikazzjoni tal-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku u għal sejbiet li jkunu bbażati fuq il-fatti disponibbli. |
(33) |
Grupp wieħed ta’ kumpaniji mit-Tajlandja, ħames importaturi mhux relatati fl-Unjoni, importatur mhux relatat barra mill-Unjoni u l-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Foil tal-Aluminju ppreżentaw ruħhom. L-ebda produttur esportatur Ċiniż mhux relatat ma ppreżenta ruħu matul l-investigazzjoni. |
(34) |
Il-kumpaniji li ġejjin, li jagħmlu parti minn Dingsheng Group, li huwa proprjetà Ċiniża, ippreżentaw formola kompluta ta’ talba għal eżenzjoni:
|
(35) |
L-importaturi mhux relatati tal-Unjoni li ġejjin, li huma parti mill-Grupp SPHERE, ippreżentaw tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarji:
|
(36) |
Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konfinament stabbiliti minn diversi Stati Membri kif ukoll minn diversi pajjiżi terzi, il-Kummissjoni ma setgħetx twettaq żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-entitajiet legali li kkooperaw. Il-Kummissjoni qieset l-informazzjoni sottomessa mill-partijiet, bħal tweġibiet għall-kwestjonarji u tweġibiet għal ittri ta’ defiċjenza, f’konformità mal-Avviż tas-16 ta’ Marzu 2020 dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (10). L-ebda kontroverifika remota tal-informazzjoni ma tqieset neċessarja fid-dawl tal-kwistjonijiet stabbiliti fil-premessa (75) hawn taħt. |
(37) |
Żewġ importaturi mhux relatati fl-Unjoni, Cofresco Poland sp. z o.o. Manufacturing Sp. k. u Cuki Cofresco Srl., ipprovdew tweġibiet b’ħafna nuqqasijiet għall-kwestjonarju fil-limitu ta’ żmien stabbilit. L-ebda kumpanija ma wieġbet il-mistoqsijiet addizzjonali jew l-ittri ta’ defiċenza indirizzati lilhom. Madankollu, wara li infurmaw liż-żewġ kumpaniji li s-sottomissjonijiet mhux kompluti tagħhom kienu se jiġu injorati skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku, il-kumpaniji pprovdew tweġibiet sħaħ għall-kwestjonarju u wieġbu l-mistoqsijiet ta’ segwitu relatati. Tabilħaqq, peress li dawn it-tweġibiet waslu biss diversi xhur wara l-iskadenzi inizjali u ma setgħux jibbenefikaw minn proċess sħiħ ta’ defiċjenza jew eżami ta’ kontroverifika mill-bogħod, l-informazzjoni pprovduta tqieset biss fl-investigazzjoni sa fejn kienet ikkunsidrata kompluta u affidabbli. |
(38) |
Importatur mhux relatat mill-Iżvizzera, Transparent Paper Ltd. (“TPL”), irreġistra wkoll bħala parti interessata u pprovda sottomissjonijiet. L-applikant, madankollu, sostna li importatur mhux relatat barra mill-Unjoni ma għandux jiġi rreġistrat bħala parti interessata, u li kwalunkwe kumment ippreżentat minn TPL għandu jitwarrab għal żewġ raġunijiet. L-ewwel nett, minħabba li TPL stqarr li ma importax il-prodott ikkonċernat jew il-prodott li qed jiġi investigat, iżda pjuttost il-foils tal-aluminju għat-trasformazzjoni. It-tieni, minħabba li, skont l-applikant, huwa improbabbli li TPL ma importax il-prodott ikkonċernat jew li qed jiġi investigat peress li hemm trikkib sinifikanti bejn il-prodotti importati minn TPL u l-prodott li qed jiġi investigat. Għalhekk, skont l-applikant, TPL kien missu rrapporta x-xiri tiegħu. |
(39) |
Il-Kummissjoni ma qablitx. TPL għandu interess leġittimu fl-eżitu tal-każ. Fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti ġie stabbilit li spiss l-uniku mod kif issir distinzjoni bejn il-foils tal-aluminju għat-trasformazzjoni (il-prodott importat minn TPL) u r-rombli jumbo (il-prodott li qed jiġi investigat) huwa permezz tal-użu aħħari tagħhom, jiġifieri jew għal skopijiet domestiċi jew għal użi oħra (bħall-konverżjoni). Għal dan il-għan, kwalunkwe eżenzjoni mid-dazju anti-dumping definittiv fuq rombli jumbo hija soġġetta għall-kundizzjonijiet stabbiliti fid-dispożizzjonijiet doganali rilevanti tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-użu aħħari, b’mod partikolari l-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (11). L-estensjoni tad-dazji anti-dumping eżistenti fis-seħħ fuq l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo mir-RPĊ għall-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo kkonsenjati mit-Tajlandja, testendi wkoll l-applikazzjoni ta’ din il-proċedura tal-użu aħħari (12). Kwalunkwe importatur ta’ foils għat-trasformazzjoni mit-Tajlandja, inkluż TPL, li jikklerja l-prodotti tiegħu fl-Unjoni, issa se jkollu jirrikorri għall-proċedura tal-użu aħħari jew inkella jħallas id-dazji anti-dumping estiżi. |
(40) |
Bħala importatur ta’ prodott għajr il-prodott li qed jiġi investigat, TPL ma kien taħt l-ebda obbligu li jipprovdi l-informazzjoni li għaliha rrefera l-applikant fis-sottomissjoni tiegħu, bħax-xiri tiegħu ta’ foil għat-trasformazzjoni. Il-Kummissjoni lanqas ma talbet din l-informazzjoni mingħand TPL. Madankollu, TPL kien intitolat jagħmel sottomissjonijiet fil-kapaċità tiegħu bħala parti interessata. |
2. IR-RIŻULTATI TAL-INVESTIGAZZJONI
2.1. Kunsiderazzjonijiet ġenerali
(41) |
F’konformità mal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jinħtieġ li l-elementi li ġejjin jiġu analizzati suċċessivament sabiex tiġi vvalutata ċ-ċirkomvenzjoni possibbli:
|
(42) |
Fl-investigazzjoni preżenti, minħabba li l-evidenza pprovduta mill-applikanti fit-talba wriet li hemm operazzjonijiet ta’ assemblaġġ fit-Tajlandja, il-Kummissjoni analizzat b’mod iktar speċifiku jekk il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku ġewx issodisfati, b’mod partikolari:
|
2.2. Livell ta’ kooperazzjoni
(43) |
Il-grupp ta’ kumpaniji li kkoopera fit-Tajlandja, Dingsheng Group, kien jirrappreżenta aktar minn 95 % tal-esportazzjonijiet kollha lejn l-UE matul il-perjodu ta’ rappurtar. Il-livell ta’ kooperazzjoni għalhekk tqies bħala għoli. Ma kien hemm l-ebda kooperazzjoni mill-produtturi esportaturi fir-RPĊ, għajr dawk il-kumpaniji fir-RPĊ li kienu parti minn Dingsheng Group. Għalhekk, is-sejbiet fir-rigward tal-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo miċ-Ċina lejn l-Unjoni u l-esportazzjonijiet miċ-Ċina lejn it-Tajlandja kienu bbażati fuq il-fatti disponibbli skont l-Artikolu 18 tar-Regolament bażiku. Bħala tali, l-informazzjoni pprovduta mill-grupp ta’ kumpaniji li kkoopera ġiet ikkomplementata minn data estratta minn bażijiet tad-data bħall-bażi tad-data 14(6), li tipprovdi informazzjoni fil-livell speċifiku għall-kumpaniji, l-Atlas tal-Kummerċ Globali (13), l-Eurostat u informazzjoni oħra disponibbli pubblikament. |
2.3. Il-bidla fix-xejra tal-kummerċ
(44) |
It-Tabella 1 hawn taħt turi l-iżvilupp tal-importazzjonijiet mir-RPĊ u mit-Tajlandja fil-perjodu ta’ investigazzjoni (14). Tabella 1 Importazzjonijiet ta’ rombli jumbo fil-perjodu ta’ investigazzjoni (tunnellati)
Sors: Eurostat |
(45) |
Bejn l-2016 u tmiem il-perjodu ta’ rappurtar kien hemm żieda kbira fl-importazzjonijiet mit-Tajlandja, li telgħet minn 18-il tunnellata biss għal 5 801 tunnellata. Fl-istess ħin, is-sehem tagħha mill-importazzjonijiet totali żdied minn 0,03 % għal 8,53 %. L-importazzjonijiet mir-RPĊ żdiedu wkoll iżda b’pass ħafna iżgħar, minn 8 948 għal 26 466 tunnellata. Is-sehem Ċiniż tal-importazzjonijiet totali żdied ukoll, minn 16 % għal 39 %. |
(46) |
Madankollu, ħarsa aktar mill-qrib lejn il-bażi tad-data 14 (6) turi li l-parti l-kbira ta’ dawn l-importazzjonijiet kienet minn produtturi esportaturi Ċiniżi li kienu eżentati mill-miżuri fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti. Fiż-żmien tal-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti, ġie ddeterminat li dawn il-produtturi esportaturi ma esportawx foils tal-aluminju għal użu domestiku, iżda pjuttost foils għat-trasformazzjoni, li mhumiex il-prodott li qed jiġi investigat (15). |
(47) |
Meta ċ-ċifri jiġu eżaminati mingħajr l-importazzjonijiet minn dawk l-erba’ kumpaniji, hemm tnaqqis sinifikanti fil-volumi tal-importazzjoni għal 307 tunnellati biss fil-perjodu tar-rappurtar. Dan huwa kkonfermat ukoll mit-tweġibiet ta’ wieħed mill-importaturi mhux relatati li kkooperaw fl-Unjoni, li pprovda informazzjoni li turi li qabel l-2017, huma xtraw ir-rombli jumbo tagħhom mir-RPĊ. Madankollu, mill-2019 ’il quddiem, ir-rombli jumbo ma baqgħux jinkisbu mir-RPĊ iżda mit-Tajlandja. L-importaturi mhux relatati l-oħra bdew jimportaw mit-Tajlandja fl-2019 u l-2020. |
(48) |
It-Tabella 2 turi l-iżvilupp tal-esportazzjonijiet tal-materja prima meħtieġa għall-produzzjoni ta’ rombli jumbo mir-RPĊ lejn it-Tajlandja matul il-perjodu ta’ investigazzjoni. Tabella 2 Esportazzjonijiet ta’ materja prima mir-RPĊ lejn it-Tajlandja fil-perjodu ta’ investigazzjoni (16) (tunnellati)
Sors: L-Atlas tal-Kummerċ Globali |
(49) |
Il-materja prima ewlenija għall-produzzjoni tal-foils tal-aluminju għall-użu domestiku hija l-aluminju primarju. Dan l-aluminju mhux ipproċessat imbagħad jiġi pproċessat biex jipproduċi stokkijiet ta’ foils, li mbagħad ikompli jinħadem f’rombli jumbo. L-evidenza disponibbli għall-Kummissjoni mit-talba u mill-produttur esportatur Tajlandiż li kkoopera turi li r-rombli jumbo esportati lejn l-Unjoni mit-Tajlandja huma prodotti mill-istokkijiet ta’ foils. |
(50) |
It-Tabella 2 turi li mill-2016, kien hemm żieda kontinwa fl-esportazzjonijiet ta’ stokkijiet ta’ foils mir-RPĊ lejn it-Tajlandja. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-istokkijiet ta’ foils possibbilment intużaw mhux biss għall-produzzjoni ta’ rombli jumbo fit-Tajlandja, iżda wkoll, pereżempju, għall-produzzjoni ta’ rombli żgħar. Barra minn hekk, l-istokkijiet ta’ foils jintużaw bħala materja prima f’għadd ta’ industriji oħra, bħall-industrija tal-imballaġġ jew għal skopijiet ta’ iżolament. Għalhekk, parti biss minn dawn l-importazzjonijiet ta’ stokkijiet ta’ foils hija fil-fatt użata fil-proċess ta’ produzzjoni ta’ rombli jumbo. |
(51) |
Madankollu, iż-żieda sinifikanti fil-volumi tal-importazzjonijiet tal-istokkijiet ta’ foils mir-RPĊ lejn it-Tajlandja indikat żieda fid-domanda għal materja prima bħal din fit-Tajlandja. Dan jista’, għall-inqas parzjalment, jiġi spjegat miż-żieda fil-produzzjoni u l-esportazzjoni ta’ rombli jumbo ġewwa u mit-Tajlandja. Dan huwa kkorroborat ukoll mill-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji Tajlandiżi li kkooperaw. |
(52) |
Dingsheng Group li kkoopera kien jammonta għal kważi l-importazzjonijiet kollha (aktar minn 95 %) tal-prodott li qed jiġi investigat mit-Tajlandja matul il-perjodu ta’ rapportar. L-entitajiet Tajlandiżi jikkonsistu minn produttur esportatur wieħed (Dingheng) u negozjant wieħed (Thai Dingli) li allega li jbiegħ lill-Unjoni l-prodotti manifatturati minn Dingheng biss. Dingheng hija kumpanija proprjetà Ċiniża, li waqqfet faċilitajiet ta’ produzzjoni fit-Tajlandja fl-2018 u biegħet l-ewwel prodotti tagħha lill-UE fl-ewwel nofs tal-2019. Fit-tweġiba tagħha għall-kwestjonarju ddikjarat li xtrat il-materja prima kollha (stokkijiet ta’ foils) mir-RPĊ. |
(53) |
Iż-żieda fir-rombli jumbo esportati mit-Tajlandja lejn l-Unjoni, it-tnaqqis parallel ta’ rombli jumbo esportati mir-RPĊ lejn l-Unjoni, u ż-żieda fl-esportazzjonijiet ta’ sstokkijiet ta’ foils mir-RPĊ lejn it-Tajlandja fl-istess perjodu jikkostitwixxu bidla fix-xejra tal-kummerċ bejn ir-RPĊ, it-Tajlandja u l-Unjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku. Dan huwa partikolarment minnu għall-kumpaniji Tajlandiżi li kkooperaw, li bdew biss jimportaw materja prima mir-RPĊ u jipproduċu u jesportaw rombli jumbo lejn l-Unjoni wara l-estensjoni tal-miżuri li segwew l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti. |
2.4. In-natura ta’ prattiki ta’ ċirkomvenzjoni li għalihom ma kienx hemm raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti
(54) |
L-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku jitlob li l-bidla fix-xejra tal-kummerċ tinbet minn prattika, proċess jew ħidma li għalihom ma hemmx raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika suffiċjenti għajr għall-impożizzjoni tad-dazju. Il-prattika, il-proċess jew il-ħidma jinkludu, fost l-oħrajn, il-konsenja tal-prodott soġġett għall-miżuri eżistenti permezz ta’ pajjiżi terzi, u l-assemblaġġ ta’ partijiet/operazzjonijiet ta’ tlestija f’pajjiż terz skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku. |
(55) |
Dingheng tipproduċi rombli jumbo mill-istokkijiet ta’ foils. Il-proċess ta’ produzzjoni, skont it-talba ta’ eżenzjoni tal-kumpanija, jikkonsisti f’operazzjonijiet bħal aktar laminazzjoni, qtugħ lonġitudinali, it-temprar u ppakkjar. Il-Kummissjoni qieset dawn l-operazzjonijiet bħala relattivament minuri. |
(56) |
Dingsheng Group sostna li l-operazzjonijiet imsemmija hawn fuq mhumiex minuri, peress li l-istokkijiet ta’ foils jgħaddu minn proċessi differenti li jeħtieġu magni differenti u speċifiċi u argumenta li d-dikjarazzjoni tiegħu kienet sostnuta ulterjorment mill-fatt li l-prodotti manifatturati minn Dingheng huma klassifikabbli taħt intestatura doganali differenti meta mqabbla mal-materjal ta’ input. |
(57) |
Il-Kummissjoni rrikonoxxiet li l-materjal ta’ input jgħaddi minn diversi proċessi qabel jinbiegħ minn Dingheng bħala l-prodott li qed jiġi investigat. Madankollu, dawn ma jistgħux jitqiesu bħala operazzjonijiet ewlenin, tal-inqas mhux meta mqabbla mal-proċess ta’ produzzjoni li jseħħ qabel ma jasal il-materjal ta’ input fis-sit tal-produzzjoni ta’ Dingheng. Il-proċess tal-produzzjoni tal-istokkijiet ta’ foils tal-aluminju jinvolvi t-tidwib tal-ingotti tal-aluminju, l-ikkastjar, l-isserrar, l-iskalar, it-tisħin, diversi stadji ta’ rrumblar bis-sħana u l-kesħa u t-temprar. Il-passi li ġejjin biex l-istokkijiet ta’ foils jinbidlu f’rombli jumbo huma għalhekk relattivament sekondarji u, kif muri fil-Premessa (82) hawn taħt, ta’ valur miżjud relattivament limitat, li huwa l-kriterju rilevanti f’dan ir-rigward. Barra minn hekk, il-bidla fl-intestatura doganali ma tistax titqies bħala prova tal-impatt tal-operazzjonijiet imwettqa fuq il-materjal ta’ input. Fil-fatt, l-Artikolu 13(1)(a) tar-Regolament bażiku jsemmi b’mod espliċitu bħala prattika ta’ ċirkomvenzjoni“il-modifika żgħira tal-prodott ikkonċernat biex jaqa’ taħt il-kodiċijiet doganali li normalment ma jkunux soġġetti għall-miżuri”. It-talbiet magħmula minn Dingsheng Group għalhekk ġew miċħuda. |
(58) |
Kif stabbilit fil-Premessa (34), Dingheng hija sussidjarja ta’ kumpanija Ċiniża, u bħala tali, hija parti minn Dingsheng Group li huwa proprjetà Ċiniża. Dan il-grupp huwa magħmul minn, fost l-oħrajn, kumpaniji li jipproduċu foils tal-aluminju għall-użu domestiku u prodotti relatati, jipprovdu materja prima għal din il-produzzjoni u/jew jinnegozjaw tali materja prima jew prodotti lesti. F’investigazzjonijiet preċedenti dwar ir-rombli jumbo nstab li ċerti entitajiet Ċiniżi f’Dingsheng Group kienu qed jesportaw rombli jumbo bi prezzijiet oġġett ta’ dumping, (17) u evitaw id-dazji imposti mill-investigazzjonijiet oriġinali u ta’ rieżami permezz ta’ modifikazzjoni żgħira fil-prodott (18). Skont il-bażi ta’ data tal-Artikolu 14 (6), ma saret l-ebda importazzjoni mill-produttur esportatur Ċiniż rilevanti f’Dingsheng Group mill-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti, li tikkoinċidi maż-żmien meta Dingheng bdiet tesporta lejn l-Unjoni mit-Tajlandja. L-informazzjoni pprovduta mill-entitajiet Ċiniżi f’Dingsheng Group ikkonfermat li ma saret l-ebda esportazzjoni minn dawn il-kumpaniji lejn l-Unjoni matul dan il-perjodu. |
(59) |
Dingheng spjegat li r-raġuni wara l-bidu tal-produzzjoni ta’ rombli jumbo fit-Tajlandja kienet li tiġi stabbilita preżenza barra mill-pajjiż ta’ Dingsheng Group, f’konformità mal-“missjoni tagħha ta’ globalizzazzjoni u pjan ta’ azzjoni transnazzjonali”. L-elenkar pubbliku tal-kumpanija omm ta’ Dingheng fil-Borża fl-2018 ipprovda l-fondi finanzjarji meħtieġa biex jippermetti l-espansjoni tagħha fit-Tajlandja. Barra minn hekk, l-istabbiliment ta’ sit tal-produzzjoni fit-Tajlandja jippermetti lill-grupp jiħħeġġja r-riskji tal-metall fis-swieq internazzjonali, għax-xiri ta’ materja prima tal-aluminju bil-prezz tal-LME minflok bil-prezz tas-suq ta’ Shanghai u jespandi n-negozju tiegħu fi swieq oħra li jrendu aktar qligħ mir-RPĊ. Dingheng spjegat ukoll li, għalkemm matul il-perjodu ta’ investigazzjoni kienet qed tipproduċi rombli jumbo minn stokkijiet ta’ foils tal-aluminju, l-intenzjoni skont il-pjan ta’ investiment tagħha kienet li tistabbilixxi linja tal-ikkastjar immirata lejn il-produzzjoni minn ingotti tal-aluminju. Ladarba l-linja tal-ikkastjar tkun qed topera, Dingheng tforni l-ingotti tal-aluminju fuq livell dinji u tnaqqas b’mod sinifikanti l-perċentwal tal-materja prima Ċiniża, u b’hekk ittaffi r-riskju għall-volatilità tal-materja prima. |
(60) |
Il-Kummissjoni nnutat li s-sitwazzjoni matul il-perjodu ta’ rapportar ma kinitx tirrifletti l-intenzjonijiet tal-kumpanija kif stabbiliti fil-pjan ta’ investiment tagħha. Fil-prattika, matul il-perjodu ta’ rappurtar Dingheng kienet takkwista l-materja prima kollha tagħha mir-RPĊ, u pproduċiet ir-rombli jumbo kollha minn stokkijiet ta’ foils tal-aluminju importat. Barra minn hekk, Dingheng ikkumplimentat il-produzzjoni tagħha stess ta’ rombli jumbo b’rombli jumbo mixtrija mill-kumpaniji relatati tagħha fir-RPĊ, peress li l-produzzjoni tagħha stess ma kinitx biżżejjed biex tissodisfa d-domanda tal-klijenti matul il-perjodu ta’ rapportar. Għalkemm Dingheng ipprovdiet evidenza li turi li l-linja tal-ikkastjar ippjanata kienet qed tinbena, din la tlestiet u lanqas intużat matul il-perjodu tar-rapportar. |
(61) |
Barra minn hekk, il-pjan ta’ investiment tal-kumpanija huwa fil-fatt rapport ta’ studju ta’ fattibbiltà, li analizza jekk ikunx ekonomikament fattibbli li tiżdied il-kapaċità tal-produzzjoni fis-sit tal-produzzjoni ta’ Dingheng, fost affarijiet oħra permezz taż-żieda fil-linja tal-ikkastjar. Ir-rapport imur lura għal Awwissu 2019, jiġifieri wara li Dingheng kienet diġà bdiet il-produzzjoni ta’ rombli jumbo minn stokkijiet ta’ foils tal-aluminju importat. Barra minn hekk, ir-rapport isemmi l-importazzjoni ta’ materja prima (ingotti tal-aluminju) mir-RPĊ anki fil-futur, li jmur kontra l-argument tal-kumpanija li tistabbilixxi l-produzzjoni barra mir-RPĊ biex tixtri materja prima bi prezz aktar baxx. Għalkemm fil-prattika l-kumpanija tista’ tabilħaqq tibda tixtri l-materja prima tagħha barra mir-RPĊ, il-Kummissjoni ma setgħetx tasal għal konklużjonijiet dwar sitwazzjoni futura mhux magħrufa fuq il-bażi tal-fatti disponibbli matul il-perjodu ta’ rapportar. |
(62) |
Barra minn hekk, il-kumpanija ma setgħet tipprovdi l-ebda evidenza ta’ raġuni valida jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja lejn l-Unjoni għajr il-pjanijiet jew l-intenzjonijiet imsemmija qabel għal investimenti jew produzzjoni futuri. Ir-rapport ta’ fattibbiltà ppreżentat bħala pjan ta’ investiment imur lura għal wara l-istabbiliment tas-sit tal-produzzjoni fit-Tajlandja, u għalhekk ma jistax jiġi ppreżentat bħala evidenza ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għall-esportazzjoni ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Barra minn hekk, tfittxija fuq l-Internet żvelat li l-evitar tal-ħlas ta’ dazji anti-dumping intuża minn Dingheng bħala argument biex tattira l-klijenti, fejn sit web wieħed jistqarr li “Nistgħu nipprovdulek foils tal-aluminjim mill-fabbrika tagħna tat-Tajlandja jew tal-Italja biex tiġi evitata t-taxxa anti-dumping” (19). |
(63) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group ippreżenta rapport mill-2018 (“ir-rapport tal-2018”), li jsostni li kien l-ewwel verżjoni tar-rapport tal-istudju ta’ fattibbiltà tal-2019 (“ir-rapport tal-2019”). Dingsheng Group enfasizza wkoll li, għalkemm kien jissejjaħ rapport ta’ studju ta’ fattibbiltà u mhux pjan ta’ investiment, dan ġie analizzat mill-Bord tad-Diretturi tal-azzjonist ewlieni ta’ Dingsheng fil-kuntest tal-approvazzjoni tal-investiment tat-Tajlandja. |
(64) |
Il-Kummissjoni eżaminat ir-rapport tal-2018 u sabet li dan, għalkemm simili ħafna għar-rapport tal-2019, huwa ħafna aktar limitat fl-ambitu tal-attivitajiet previsti. Filwaqt li r-rapport tal-2018 isemmi mitħna tal-irrumblar biss u jelenka t-tagħmir ipproġettat li jinkludi makkinarju maħsub biss għall-irrumblar, it-tkebbib, il-qtugħ lonġitudinali u t-temprar, ir-rapport tal-2019, min-naħa l-oħra, isemmi linja ta’ rrumblar u kkastjar. Il-linja tal-ikkastjar hija kruċjali peress li, skont l-informazzjoni sottomessa aktar kmieni mill-kumpanija, l-istabbiliment tagħha jelimina l-ħtieġa għall-akkwist ta’ stokkijiet ta’ foils miċ-Ċina peress li jippermetti l-produzzjoni ta’ stokkijiet ta’ foils fit-Tajlandja bl-użu ta’ materja prima (ingotti tal-aluminju) miksuba globalment (ara wkoll il-Premessa (59) hawn fuq). |
(65) |
Kif spjegat fil-Premessa (61) hawn fuq, ir-rapport tal-2019 sar wara l-istabbiliment tas-sit tal-produzzjoni ta’ Dingheng. Madankollu, Dingsheng Group iddikjara li r-rapport tal-2019 ma kien “xejn aktar ħlief integrazzjoni u reviżjoni tal-Ewwel Pjan li tħejja fl-2018 u li ma setax jiġi implimentat mill-Grupp Dingsheng”. Barra minn hekk, Dingsheng Group sostna li r-rapport tal-2019 issuġġerixxa tnaqqis fil-proġett inizjali, li jipprevedi kapaċità ta’ produzzjoni ta’ [40 000–60 000] tunnellata fis-sena minflok [50 000–70 000] tunnellata fis-sena. Madankollu, il-Kummissjoni qieset li din id-dikjarazzjoni kienet fattwalment skorretta minħabba li r-rapport tal-2019 isemmi b’mod espliċitu f’diversi każijiet li l-għan tar-rapport kien li jippermetti kapaċità ta’ produzzjoni addizzjonali ta’ [40 000–60 000] tunnellata biex jintlaħaq output annwali ta’ [90 000–130 000] tunnellata. Fil-fatt, it-titolu tar-rapport huwa “Proġett għal kapaċità produttiva supplimentari ta’ [40 000–60 000] tunnellata ta’ foils tal-aluminju”. |
(66) |
Dingsheng Group ma pprovda l-ebda informazzjoni li turi li fiż-żmien tar-rapport tal-2018 u d-deċiżjoni ta’ investiment, kien hemm xi intenzjoni li jiġi stabbilit sit ta’ produzzjoni fit-Tajlandja li ma jkunx jeħtieġ l-importazzjoni ta’ stokkijiet ta’ foils tal-aluminju miċ-Ċina. Għall-kuntrarju, l-informazzjoni pprovduta tindika intenzjoni li tiġi stabbilita faċilità għall-produzzjoni ta’ rombli jumbo minn stokkijiet ta’ foils importati permezz ta’ operazzjonijiet relattivament żgħar biss. Is-sitwazzjoni matul il-perjodu ta’ rappurtar fil-fatt irriflettiet il-faċilità tal-produzzjoni kif previst fir-rapport tal-2018. L-uniku dokument ipprovdut li jsemmi l-possibbiltà li tiġi stabbilita linja tal-ikkastjar imur lura għall-2019, jiġifieri wara l-istabbiliment tal-faċilità ta’ produzzjoni ta’ Dingheng. |
(67) |
Dingsheng Group sostna wkoll li l-fatt li r-rapport tal-2019 isemmi l-importazzjoni ta’ materja prima (ingotti tal-aluminju) miċ-Ċina (kif imsemmi fil-Premessa (61) hawn fuq), ma jistax jitqies bħala nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ekonomika għat-twaqqif ta’ operazzjonijiet fit-Tajlandja. F’dan il-kuntest, Dingsheng Group indika l-informazzjoni pprovduta lill-Kummissjoni fi tweġiba ta’ defiċjenza li fiha ddikjara li jkun “ekonomikament illoġiku” li tiġi importata materja prima miċ-Ċina, peress li taxxa tal-esportazzjoni ta’ 30 % hija imposta fuq ingotti tal-aluminju miċ-Ċina. Dingsheng Group għalhekk iddikjara li din il-materja prima se tinkiseb minn pajjiżi oħra. Barra minn hekk, il-Grupp argumenta li l-introduzzjoni tal-linja tal-ikkastjar ippjanata se telimina l-ħtieġa li jinxtraw stokkijiet ta’ foils miċ-Ċina. |
(68) |
Madankollu, ir-rapport tal-2018 u dak tal-2019 isemmu l-akkwist ta’ materja prima miċ-Ċina, kemm l-istokkijiet ta’ foils kif ukoll l-ingotti. It-taxxa tal-esportazzjoni ta’ 30 % fuq l-ingotti miċ-Ċina ma ssemmiet imkien fir-rapport, minkejja li, allegatament, din it-taxxa (jew taxxa simili) kienet diġà teżisti fiż-żmien meta saru dawn l-istudji. Barra minn hekk, il-produzzjoni prevista ta’ stokkijiet ta’ foils tal-aluminju fis-sit tal-produzzjoni ta’ Dingheng mhijiex biżżejjed biex tkopri l-produzzjoni ppjanata tal-foils tal-aluminju. Fil-fatt, ir-rapport tal-2019 jiddikjara li “Il-produzzjoni annwali ta’ foils tal-aluminju grezz teħtieġ [70 000–90 000] tunnellata, li parti minnhom tiġi prodotta fl-impjant il-ġdid għall-ikkastjar u l-irrumblar, u l-bqija tiġi importata miċ-Ċina.” |
(69) |
Jekk Dingheng takkwistax materja prima miċ-Ċina jew minn pajjiżi oħra fil-futur u jekk dawn l-għażliet ikunux ekonomikament loġiċi jew le, fi kwalunkwe każ, mhuwiex deċiżiv għall-investigazzjoni attwali. Il-Kummissjoni għandha tibbaża l-konklużjonijiet tagħha fuq il-fatti u ċ-ċifri relatati mal-perjodu ta’ investigazzjoni. Kif diġà ntqal fil-Premessa (61) hawn fuq, huwa impossibbli li wieħed jasal għal konklużjonijiet dwar sitwazzjoni futura mhux magħrufa bbażata fuq il-fatti disponibbli matul il-perjodu ta’ rapportar. |
(70) |
Dingsheng Group argumenta wkoll li reklam li fih l-evitar tad-dazji anti-dumping jissemma bħala mod kif jiġu attirati l-klijenti (ara l-Premessa (62) hawn fuq), huwa min-natura tiegħu “sussegwenti għal deċiżjonijiet kummerċjali korporattivi” u “sempliċi dikjarazzjoni tal-fatti”. Għalhekk ma jistax “jitfa’ dawl fuq l-allegat nuqqas ta’ ġustifikazzjoni ekonomika”. Dingsheng Group huwa korrett meta jiddikjara li r-reklam bħala tali ma jistax jitqies fih innifsu bħala prova konklużiva għar-raġuni għall-istabbiliment ta’ faċilità ta’ produzzjoni fit-Tajlandja. Madankollu, dan jindika li l-evitar tad-dazji anti-dumping kellu rwol fid-deċiżjonijiet ekonomiċi (ta’ kummerċjalizzazzjoni) li ħa Dingsheng Group. Deċiżjonijiet, pereżempju, dwar kif jiġi żgurat li klijenti potenzjali jixtru prodotti ta’ Dingsheng Group minn xi sit partikolari ta’ produzzjoni tiegħu. Ma tressaq l-ebda argument ieħor għall-klijenti biex jagħżlu s-sit ta’ produzzjoni Tajlandiż bħala l-fornitur tagħhom, bħall-kwalità jew il-prezz tal-prodott, minflok is-siti l-oħra ta’ produzzjoni. Ir-reklam, li tneħħa wara l-perjodu ta’ divulgazzjoni, semma biss l-evitar tad-dazji anti-dumping. |
(71) |
Barra minn hekk, Dingsheng Group ipprovda argumenti li jikkonċernaw kawża ġusta jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-espansjoni tal-operazzjonijiet tiegħu miċ-Ċina għat-Tajlandja fl-2018. Dawn kienu jinkludu l-kapaċità li tespandi l-kapaċità tal-produzzjoni, ir-regolamenti ambjentali aktar laxki fit-Tajlandja, il-ħtieġa li tiġi stabbilita preżenza fi swieq oħra peress li s-suq tal-foil Ċiniż huwa saturat, u l-ħtieġa li jingħelbu l-fluttwazzjonijiet riċenti fis-swieq tal-aluminju futuri. Madankollu, kif irrikonoxxa Dingsheng Group innifsu, dawn l-argumenti ma jispjegawx is-sitwazzjoni attwali tal-produzzjoni u jistgħu jkunu rilevanti għas-sitwazzjoni futura biss, meta Dingheng allegatament tibda tipproduċi rombli jumbo minn ingotti tal-aluminju miġjuba globalment. |
(72) |
Fl-aħħar nett, Dingsheng Group sostna li l-Kummissjoni ma għandhiex tibbaża l-analiżi tagħha fuq sitwazzjoni temporanja iżda tqis ukoll is-sitwazzjoni futura. Madankollu, kif diġà ssemma fil-Premessa (69) hawn fuq, il-Kummissjoni hija legalment obbligata li tibbaża l-analiżi tagħha fuq fatti u ċifri relatati mal-perjodu ta’ investigazzjoni. Dawn il-fatti wrew li Dingheng ipproduċiet rombli jumbo minn stokkijiet ta’ foils importati miċ-Ċina u biegħethom prinċipalment lil klijenti internazzjonali. Fl-2019 biss, wara l-istabbiliment tas-sit tal-produzzjoni, kien hemm l-ewwel referenza għat-tibdil tal-proċess tal-produzzjoni fit-Tajlandja u ż-żieda ta’ linja tal-ikkastjar mas-sit tal-produzzjoni. Għalhekk, il-biċċa l-kbira tar-raġunijiet imsemmija qabel għall-istabbiliment ta’ preżenza barra ċ-Ċina għadhom ma tawx frott u ma jistgħux jiġu aċċettati bħala ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment tas-sit ta’ produzzjoni attwali fit-Tajlandja. |
(73) |
Fid-dawl ta’ dan ta’ hawn fuq, id-dikjarazzjonijiet ippreżentati minn Dingsheng Group ma ntlaqgħux. L-investigazzjoni ma żvelatx raġuni valida biżżejjed jew ġustifikazzjoni ekonomika għall-istabbiliment ta’ sit ta’ produzzjoni fit-Tajlandja kif deskritt hawn fuq, ħlief biex jiġi evitat il-ħlas tad-dazji anti-dumping attwalment fis-seħħ. (20) |
2.5. Bidu jew żieda sostanzjali tal-operazzjonijiet
(74) |
Skont l-Artikolu 13(2) tar-Regolament bażiku, l-operazzjoni ta’ assemblaġġ bdiet jew żdiedet sostanzjalment mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping jew eżatt qabel, filwaqt li l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri anti-dumping. |
(75) |
Anki jekk l-informazzjoni pprovduta mill-kumpaniji fit-talba għal eżenzjoni u f’żewġ tweġibiet sussegwenti għall-ittri ta’ defiċjenza ma kinitx perfetta fl-aspetti kollha, il-Kummissjoni qieset li l-informazzjoni kienet biżżejjed biex tiddetermina jekk il-kriterji tal-Artikolu 13 kinux issodisfati. |
(76) |
Kif muri fit-Tabella 2, l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja kienu negliġibbli fl-2016 u l-2017. Wara l-estensjoni tad-dazji anti-dumping għall-prodott ftit modifikat mir-RPĊ fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti fl-2017, l-importazzjonijiet mit-Tajlandja bdew jiżdiedu b’mod sinifikanti fl-2018 u rduppjaw fil-volum kull sena. Kif diġà ssemma hawn fuq, aktar minn 95 % tal-importazzjonijiet kollha ta’ rombli jumbo matul il-perjodu ta’ rappurtar ġew minn Dingheng u Thai Dingli, li ġew stabbiliti fl-2018. |
(77) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group sostna li l-Kummissjoni kienet fattwalment żbaljata meta affermat li l-importazzjonijiet mit-Tajlandja żdiedu fl-2018, u li aktar minn 95 % tal-importazzjonijiet kollha ta’ rombli jumbo fil-perjodu ta’ rapportar ġew minn Dingheng u Thai Dingli. Skont Dingsheng Group, Dingheng bdiet il-produzzjoni kummerċjali biss fl-2019 u ma tistax tkun responsabbli għal 95 % tal-importazzjonijiet fl-2018. |
(78) |
Il-Kummissjoni nnotat li d-dikjarazzjoni ta’ Dingsheng Group kienet ibbażata fuq interpretazzjoni skorretta ta’ dak li ntqal hawn fuq fil-Premessa (76). Dingheng u Thai Dingli kienu jirrappreżentaw 95 % tal-importazzjonijiet fil-perjodu ta’ rapportar, jiġifieri mill-1 ta’ Lulju 2019 sat-30 ta’ Ġunju 2020 u mhux fl-2018. Matul il-perjodu ta’ rapportar, kif uriet it-talba għal eżenzjoni u kif ikkonferma Dingsheng Group fis-sottomissjoni tiegħu, kemm Dingheng kif ukoll Thai Dingli esportaw rombli jumbo lejn l-Unjoni. Id-data disponibbli għall-Kummissjoni mit-talba, mill-bażijiet tad-data statistiċi u mill-informazzjoni pprovduta minn Dingsheng Group innifsu, uriet li kumpaniji oħra ma jistgħux ikunu responsabbli għal aktar minn 5 % tal-importazzjonijiet fl-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar. Għalhekk, din il-pretensjoni ma ntlaqgħetx. |
(79) |
Anki meta wieħed jassumi li r-rombli jumbo prodotti minn Dingheng stess kienu esportati lejn l-Unjoni matul il-perjodu ta’ rapportar (u mhux dawk mixtrija mir-RPĊ), skont l-informazzjoni pprovduta minn Dingheng, 100 % tal-materja prima kollha (stokkijiet ta’ foils tal-aluminju) inxtrat minn kumpaniji Ċiniżi (relatati u mhux relatati). Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-operazzjoni ta’ assemblaġġ bdiet mill-bidu tal-investigazzjoni anti-dumping, filwaqt li l-partijiet ikkonċernati huma mill-pajjiż soġġett għall-miżuri. |
2.6. Valur tal-partijiet u valur miżjud
(80) |
L-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku jiddikjara li, sa fejn huma kkonċernati l-operazzjonijiet ta’ assemblaġġ, kundizzjoni oħra biex tiġi stabbilita ċ-ċirkomvenzjoni hija li l-partijiet (ta’ oriġini Ċiniża, f’dan il-każ) jikkostitwixxu 60 % jew aktar tal-valur totali tal-partijiet tal-prodott assemblat u li l-valur miżjud tal-komponenti miġjuba, matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew tlestija, huwa inqas minn 25 % tal-kost tal-manifattura. |
(81) |
Kif imsemmi fil-Premessa (79), Dingheng ipproduċiet ir-rombli jumbo mibjugħa lill-Unjoni minn materja prima li kienet 100 % mixtrija mir-RPĊ, u b’hekk ferm ogħla mil-limitu ta’ 60 % tal-valur totali tal-partijiet. Għalhekk, ġie konkluż li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku kienu ssodisfati. |
(82) |
Għat-twettiq tat-test ta’ 25 %, il-valur miżjud mal-partijiet imdaħħla ġie ddeterminat bħala s-somma tal-kostijiet lavorattivi u l-ispejjeż ġenerali tal-fabbrika mġarrba mill-assemblatur fir-rigward ta’ dawk il-partijiet. L-ispejjeż tal-bejgħ, ġenerali u amministrattivi kif ukoll il-profitt ma tqisux għall-fini ta’ dan il-kalkolu. Il-valur miżjud stabbilit b’dan il-mod imbagħad ġie espress bħala perċentwal tal-kost tal-manifattura li jikkonsisti fil-valur tal-partijiet kollha, abbażi tal-prezzijiet tax-xiri ta’ distakkament ikkonsenjati fil-fabbrika ta’ dawn il-partijiet flimkien mal-valur miżjud mal-partijiet matul l-operazzjoni ta’ assemblaġġ jew ta’ tlestija. Il-valur miżjud medju stabbilit b’dan il-mod matul il-perjodu ta’ rappurtar instab li kien sew taħt il-limitu ta’ 25 % stabbilit mill-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku. Għalhekk ġie konkluż li t-tieni kriterju stabbilit fl-Artikolu 13(2)(b) tar-Regolament bażiku ġie ssodisfat ukoll. |
2.7. Imminar tal-effett rimedjali tad-dazju
(83) |
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat jekk l-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat, f’termini ta’ kwantitajiet u ta’ prezzijiet, kinux jimminaw l-effetti rimedjali tal-miżuri attwalment fis-seħħ. |
(84) |
Iż-żieda tal-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja kienet sinifikanti, kif spjegat fil-Premessi (44) u (45) hawn fuq. Dawn l-importazzjonijiet żdiedu minn inqas minn 1 % tal-volum totali tal-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo fl-2016 għal kważi 9 % matul il-perjodu ta’ rapportar. B’paragun, l-importazzjonijiet minn kumpaniji Ċiniżi li ma kinux eżentati matul l-aħħar investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, naqsu minn 13 % fl-2016, għal inqas minn 1 % matul il-perjodu ta’ rapportar. |
(85) |
Fir-rigward tal-prezzijiet, il-Kummissjoni qabblet il-prezz medju mhux dannuż kif stabbilit fir-rieżami ta’ skadenza preċedenti (21) mal-prezzijiet CIF medji ponderati tal-esportazzjoni ddeterminati abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-produttur li kkoopera, aġġustati kif xieraq biex jinkludu d-dazji doganali konvenzjonali u l-kostijiet ta’ wara l-ikklerjar. Dan it-tqabbil tal-prezzijiet wera l-eżistenza ta’ bejgħ taħt il-prezz ta’ 49 % u t-twaqqigħ tal-prezz ta’ 40 %. |
(86) |
Il-Kummissjoni kkonkludiet li l-miżuri eżistenti ġew imminati, f’dak li għandu x’jaqsam ma’ kwantitajiet u prezzijiet, mill-importazzjonijiet mit-Tajlandja li huma soġġetti għal din l-investigazzjoni. |
(87) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group argumenta li ma ngħatatx biżżejjed informazzjoni biex tivverifika l-preċiżjoni tal-kalkoli, peress li l-prezz mhux dannuż u l-livell ta’ profitt fil-mira għall-kalkolu tal-livelli ta’ bejgħ taħt il-prezz u tat-twaqqigħ tal-prezz ma kinux ġew divulgati. |
(88) |
Il-Kummissjoni ċaħdet din l-affermazzjoni u qieset li l-informazzjoni ddivulgata lil Dingsheng Group kienet biżżejjed biex tippermettilha tikkummenta b’mod effettiv dwar is-sejbiet tal-Kummissjoni kif stabbilit fid-dokumenti ta’ divulgazzjoni. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni nnotat li l-analiżi mwettqa fl-investigazzjonijiet antiċirkomvenzjoni kienet limitata biex tistabbilixxi jekk l-effetti rimedjali tad-dazju kinux qed jiddgħajfu f’termini ta’ prezzijiet u/jew kwantitajiet. Din l-analiżi ssir billi tintuża l-informazzjoni dwar il-livell tal-prezz mhux dannuż mill-investigazzjoni preċedenti, f’dan il-każ l-investigazzjoni ta’ rieżami. Il-livell tal-prezz mhux dannuż ġie pprovdut lil Dingsheng Group fid-divulgazzjoni speċifika tal-24 ta’ Ġunju 2021, u ġie ppreżentat f’firxiet. Mill-informazzjoni pprovduta fl-iżvelar speċifiku, seta’ jiġi stabbilit faċilment ukoll li l-profitt fil-mira użat kien ta’ 6 %. L-informazzjoni pprovduta għalhekk tqieset suffiċjenti biex tivverifika l-preċiżjoni u l-adegwatezza tal-kalkoli tal-Kummissjoni. Barra minn hekk, ta’ min jinnota li l-kumpanija li kkooperat fl-investigazzjoni ta’ rieżami hija wkoll parti minn Dingsheng Group, u għalhekk il-Grupp ingħata aktar dettalji f’dak il-mument. Għalhekk, il-pretensjonijiet ma ntlaqgħux. |
2.8. Evidenza ta’ dumping
(89) |
Skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx hemm evidenza ta’ dumping fir-rigward tal-valuri normali preċedentement stabbiliti għall-prodott simili. |
(90) |
Għal dan il-għan, il-prezzijiet tal-esportazzjoni tal-produttur esportatur li kkoopera ġew iddeterminati kif deskritt fil-Premessa (85) hawn fuq u mqabbla mal-valuri normali stabbiliti matul l-aħħar rieżami ta’ skadenza (għall-prodott simili oriġinali) u l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni (għall-prodott ftit modifikat), u aġġustati kif xieraq għall-fluttwazzjonijiet tal-London Metal Exchange (LME). F’konformità mal-kalkoli li saru fl-aħħar rieżami ta’ skadenza u l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti, dan l-aġġustament kien meħtieġ minħabba l-fatt li l-prezzijiet tal-prodotti tal-aluminju jirreferu għall-fluttwazzjonijiet tal-prezzijiet tal-materja prima bażika, l-aluminju primarju. Il-prezzijiet tal-LME jitqiesu bħala l-parametru referenzjarju globali għall-aluminju primarju. |
(91) |
Wara d-divulgazzjoni, Dingsheng Group sostna li l-aġġustament tal-LME kien żbaljat. Skont dan, l-aġġustament ’il fuq kellu jkun aġġustament ’l isfel, peress li l-prezz tal-LME esperjenza xejra ta’ tnaqqis bejn l-investigazzjoni ta’ rieżami u l-perjodu tar-rapportar. |
(92) |
Kif meħtieġ mill-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-kalkoli kienu bbażati fuq il-valuri normali stabbiliti qabel għall-prodott simili. Dan jinkludi l-valuri tal-LME li ntużaw fiż-żmien ta’ dawn l-investigazzjonijiet. Il-valuri tal-LME għall-perjodu tal-investigazzjoni ta’ rieżami ċċitati minn Dingsheng Group fis-sottomissjoni tagħhom mhumiex konformi mal-valuri użati f’investigazzjonijiet preċedenti u għalhekk ma jistgħux iservu bħala bażi għat-tqabbil. L-użu tal-valuri stabbiliti fl-investigazzjonijiet preċedenti u t-tqabbil tagħhom mad-data tal-LME mill-istess sors ta’ data kif użat oriġinarjament (Bloomberg) għall-perjodu ta’ rapportar, jiġifieri l-applikazzjoni tal-istess metodoloġija bħal fl-investigazzjonijiet preċedenti, urew li l-aġġustament ’il fuq magħmul mill-Kummissjoni kien preċiż. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din il-pretenzjoni. |
(93) |
Wara d-divulgazzjoni, żewġ importaturi tal-Unjoni mhux relatati talbu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk ir-rombli jumbo humiex attwalment oġġett ta’ dumping, u pprovdew xi informazzjoni dwar il-prezzijiet tal-importazzjoni attwali ta’ rombli jumbo mir-RPĊ lejn ir-Renju Unit. Madankollu, l-analiżi tal-Kummissjoni kienet limitata għall-informazzjoni relatata mal-perjodi ta’ investigazzjoni u ta’ rappurtar, u mhux għall-informazzjoni relatata ma’ perjodu sussegwenti, kif isegwi mill-Artikolu 6(1) tar-Regolament bażiku. Barra minn hekk, l-informazzjoni pprovduta mill-importaturi mhux relatati tappartjeni għall-prezzijiet attwali tal-importazzjoni mir-RPĊ, li mhuwiex il-pajjiż ikkonċernat, fir-Renju Unit, li mhuwiex Stat Membru tal-Unjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba. |
(94) |
It-tqabbil tal-valuri normali u l-prezzijiet tal-esportazzjoni fil-livell tat-tip tal-prodott juri li r-rombli jumbo ġew importati bi prezzijiet oġġett ta’ dumping matul il-perjodu ta’ rapportar mill-kumpaniji li kkooperaw. |
3. TALBIET GĦAL EŻENZJONI
(95) |
Produttur esportatur wieħed fit-Tajlandja talab eżenzjoni mill-miżuri estiżi possibbli skont l-Artikolu 13(4) tar-Regolament bażiku u ppreżenta tweġiba għall-kwestjonarju. |
(96) |
Kif stabbilit hawn fuq, madankollu, l-investigazzjoni kkonfermat li dan il-produttur evita l-miżuri fis-seħħ. Għalhekk ġie konkluż li t-talba tiġi miċħuda. |
4. MIŻURI
(97) |
Abbażi tas-sejbiet ta’ hawn fuq, il-Kummissjoni kkonkludiet li d-dazju anti-dumping impost fuq l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo li joriġinaw mir-RPĊ qed jiġu evitati permezz ta’ importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat ikkunsinnat mit-Tajlandja. Billi l-esportazzjonijiet tal-kumpanija li kkooperat jikkostitwixxu aktar minn 95 % tal-importazzjonijiet totali tal-prodott li qed jiġi investigat u l-ebda produttur esportatur ieħor ma kkoopera, din il-konklużjoni testendi għall-pajjiż kollu. |
(98) |
Għalhekk, skont l-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, jenħtieġ li l-miżuri anti-dumping fis-seħħ jiġu estiżi għall-importazzjonijiet tal-prodott li qed jiġi investigat. |
(99) |
Skont it-tieni paragrafu tal-Artikolu 13(1) tar-Regolament bażiku, il-miżura li għandha tiġi estiża jenħtieġ li tkun dik stabbilita fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 għall-“kumpaniji l-oħra kollha” u li qabel kienet estiża bl-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271, li huwa dazju anti-dumping definittiv ta’ 30 % applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju doganali. |
(100) |
Skont l-Artikolu 13(3) tar-Regolament bażiku, li jistipula li kull miżura estiża jenħtieġ li tapplika għall-importazzjonijiet li daħlu fl-Unjoni skont ir-reġistrazzjoni imposta mir-Regolament ta’ bidu, iridu jinġabru d-dazji fuq dawk l-importazzjonijiet irreġistrati tal-prodott li qed jiġi investigat. |
(101) |
Kif spjegat fil-premessa (39) hawn fuq, l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti kienet stabbiliet mekkaniżmu ta’ użu aħħari bil-għan li jipprovdi lill-importaturi ġenwini ta’ foils tal-aluminju għat-transformazzjoni bil-possibbiltà li jitolbu eżenzjoni mill-ħlas tad-dazji anti-dumping. TPL, importatur mhux relatat ta’ foils tal-aluminju għat-trasformazzjoni, argumenta li r-rekwiżit li l-importaturi ġenwini ta’ foils tal-aluminju għat-trasformazzjoni fl-investigazzjoni attwali jikkonformaw ma’ tali proċedura tal-użu aħħari jippenalizza b’mod inġust lill-importaturi ta’ prodott li jaqa’ barra mill-ambitu tal-investigazzjoni. F’dan ir-rigward, TPL indika l-ħolqien reċenti ta’ kodiċijiet TARIC speċifiċi għal foils għat-trasformazzjoni, li nħolqu wara l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti. |
(102) |
Madankollu, deċiżjoni dwar jekk għandhiex tiġi stabbilita proċedura tal-użu aħħari għall-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo mit-Tajlandja ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni tal-investigazzjoni attwali. L-għan ta’ din l-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni huwa li jiġi ddeterminat jekk il-miżuri fis-seħħ għandhomx jiġu estiżi jew le għall-importazzjonijiet mit-Tajlandja tal-prodott simili. L-investigazzjoni la tista’ tbiddel il-livell u lanqas il-forma tal-miżuri, u għalhekk ma tistax tbiddel l-eżistenza tal-proċedura tal-użu aħħari. |
(103) |
Fi kwalunkwe każ, il-possibbiltà li ssir distinzjoni bejn il-foils għat-trasformazzjoni u l-foils għall-użu domestiku bħalissa għadha tiddependi fuq id-dikjarazzjoni dwar l-użu aħħari tagħhom mill-importatur ikkonċernat, anki jekk bħalissa hemm kodiċijiet TARIC speċifiċi għall-foils għat-trasformazzjoni. Id-deskrizzjoni tal-kodiċi TARIC 7607111960, pereżempju, tinkludi l-kliem “għal użi oħra għajr il-foils tal-aluminju għal użu domestiku”. L-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi, li nħoloq speċifikament biex jinkludi l-foils għat-trasformazzjoni, huma soġġetti għal dispożizzjonijiet dwar l-użu aħħari li jippermettu l-possibbiltà li jiġu ddikjarati effettivament l-importazzjonijiet taħt dan il-kodiċi. Il-ħolqien ta’ kodiċijiet speċifiċi għat-trasformazzjoni u l-foils għall-użu domestiku, għalhekk, ma neħħiex il-ħtieġa għall-proċedura tal-użu aħħari. Il-proċeduri tal-użu aħħari eżistenti għalhekk jidhru li għadhom meħtieġa. |
(104) |
Wara d-divulgazzjoni TPL tenna t-talba tiegħu li ma jestendix il-proċedura tal-użu aħħari stabbilita fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti. Skont TPL, il-proċedura tal-użu aħħari mhijiex meħtieġa peress li ġiet stabbilita biss biex tiżgura li l-importaturi ta’ foils għat-trasformazzjoni kienu qed jimportaw foils ġenwin għat-trasformazzjoni u mhux foils tal-aluminju għall-użu domestiku ftit modifikat. TPL argumenta li din id-distinzjoni mhijiex meħtieġa fl-investigazzjoni attwali, peress li l-kwistjoni preżenti issa hija d-determinazzjoni ta’ jekk il-prodott esportat mit-Tajlandja huwiex ta’ oriġini Tajlandiża jew Ċiniża. |
(105) |
Il-Kummissjoni ma qablitx ma’ dan l-argument. L-estensjoni tal-miżuri anti-dumping inevitabbilment tinkludi wkoll l-estensjoni tal-proċedura tal-użu aħħari stabbilita preċedentement. Il-fatt li l-proċedura tal-użu aħħari mhijiex miżura iżda proċedura doganali speċjali, kif argumenta TPL, ma jnaqqasx mill-fatt li l-applikazzjoni tal-miżuri fl-investigazzjoni antiċirkomvenzjoni preċedenti kienet espliċitament ikkombinata ma’ din il-proċedura tal-użu aħħari. Barra minn hekk, peress li l-investigazzjoni attwali inkludiet ukoll il-prodott ftit modifikat, id-differenzjazzjoni bejn il-foils għat-trasformazzjoni u l-foils għall-użu domestiku tibqa’ rilevanti, anki għall-prodotti importati mit-Tajlandja. Kif spjegat fil-Premessa (103), id-differenza bejn iż-żewġ tipi ta’ prodotti għadha tiddependi fuq l-użu finali ddikjarat mill-importatur. Tali dikjarazzjoni hija element indispensabbli biex jiġi ddeterminat jekk il-prodott jistax jiġi importat taħt il-kodiċi TARIC speċifiku għall-foils għat-trasformazzjoni, jew taħt wieħed mill-kodiċijiet TARIC għall-foils tal-aluminju għall-użu domestiku. Il-Kummissjoni għalhekk ċaħdet it-talba minn TPL. |
(106) |
Wara d-divulgazzjoni, żewġ importaturi mhux relatati tal-Unjoni pprovdew evidenza ta’ żieda riċenti fil-kost tal-materja prima u l-kostijiet tal-konverżjoni li jiffaċċjaw il-manifatturi tal-foils għall-użu domestiku fl-Unjoni, u talbu li jibbilanċjaw l-interess tal-produtturi tal-Unjoni ta’ rombli jumbo ma’ dawk tal-produtturi tal-Unjoni tal-foils għall-użu domestiku u l-klijenti finali. Madankollu, id-data pprovduta minn dawk l-importaturi tal-Unjoni kienet tikkonċerna l-perjodu ta’ wara l-perjodu tal-investigazzjoni attwali u għalhekk ma ġietx ikkunsidrata. Barra minn hekk, analiżi rigward l-effett tal-miżuri ma taqax fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ investigazzjoni antiċirkomvenzjoni, li hija limitata biex jiġi stabbilit jekk l-effett rimedjali tal-miżuri oriġinali huwiex qed jiġi mminat mill-prattiki ta’ ċirkomvenzjoni. Madankollu, analiżi sħiħa, inkluż l-effett tal-miżuri fuq l-interess tal-Unjoni, tista’ ssir f’tipi oħra ta’ investigazzjonijiet, bħal rieżamijiet interim jew ta’ skadenza (22). Għalhekk, il-Kummissjoni ċaħdet din it-talba. |
5. DIVULGAZZJONI
(107) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni għarrfet lill-partijiet kollha interessati bil-fatti u l-kunsiderazzjonijiet essenzjali li wasslu għall-konklużjonijiet imsemmija hawn fuq, u ġew mistiedna biex jikkummentaw. Waslu kummenti mingħand il-produttur li kkoopera fit-Tajlandja, żewġ importaturi mhux relatati fl-Unjoni u importatur mhux relatat fl-Iżvizzera, TPL. Il-kummenti bil-miktub sottomessi mill-partijiet ġew ikkunsidrati fejn xieraq kif deskritt f’dan ta’ hawn fuq. |
(108) |
Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament (UE) 2016/1036, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
1. Id-dazju anti-dumping definittiv impost bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009, u estiż bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas-16 ta’ Frar 2017 għall-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata, b’dan qed jiġi estiż għall-importazzjonijiet ta’:
— |
foils tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ mhux inqas minn 0,008 mm u ta’mhux aktar minn 0,018 mm, mingħajr rinforz, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati, f’rombli mhux usa’ minn 650 mm u ta’ piż li jaqbeż l-10 kg, |
— |
foils tal-aluminju ta’ ħxuna mhux anqas minn 0,007 mm u anqas minn 0,008 mm, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprati kif ukoll jekk le, |
— |
foils tal-aluminju ta’ ħxuna mhux anqas minn 0,008 mm u mhux aktar minn 0,018 mm u f’rombli b’wisa’ li taqbeż is-650 mm, kemm jekk ittemprati kif ukoll jekk le, |
— |
foils tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ aktar minn 0,018 mm u anqas minn 0,021 mm indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprati kif ukoll jekk le, |
— |
foils tal-aluminju ta’ ħxuna mhux anqas minn 0,021 mm u mhux aktar minn 0,045, meta ppreżentati b’mill-inqas żewġ saffi, indipendentement mill-wisa’ tar-rombli, kemm jekk ittemprati kif ukoll jekk le, |
li bħalissa jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM ex 7607 11 19 (kodiċijiet TARIC 7607111910, 7607111930, 7607111940, 7607111950) u ex 7607 11 90 (kodiċijiet TARIC 7607119044, 7607119046, 7607119071, 7607119072), u kkunsinnat mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarat li joriġina mit-Tajlandja kif ukoll jekk le (kodiċi addizzjonali TARIC C601).
2. Il-prodott deskritt fil-paragrafu 1 għandu jiġi eżentat mid-dazju anti-dumping definittiv jekk jiġi importat għal użi oħrajn għajr għall-użu domestiku. Tali eżenzjoni għandha tkun soġġetta għall-kundizzjonijiet stipulati fid-dispożizzjonijiet doganali tal-Unjoni dwar il-proċedura tal-użu aħħari, b’mod partikolari fl-Artikolu 254 tal-Kodiċi Doganali tal-Unjoni.
3. Id-dazju estiż mill-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jinġabar fuq l-importazzjonijiet ikkunsinjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, irreġistrati skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2162 u l-Artikoli 13(3) u 14(5) tar-Regolament (UE) 2016/1036, bl-eżenzjoni ta’ dawk li jistgħu juru li ntużaw għal użi oħra għajr il-foils għall-użu domestiku skont il-paragrafu 2.
4. L-ammont ta’ dazji anti-dumping li għandu jinġabar b’mod retroattiv għandu jkun dak li jirriżulta mill-applikazzjoni tad-dazju anti-dumping ta’ 30,0 % applikabbli għall-“kumpaniji l-oħra kollha”.
5. Sakemm ma jkunx speċifikat mod ieħor, għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet fis-seħħ dwar id-dazji doganali.
Artikolu 2
L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita skont l-Artikolu 2 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/2162.
Artikolu 3
It-talba għal eżenzjoni mressqa minn Dingheng New Materials Co., Ltd. ma ntlaqgħetx.
Artikolu 4
1. It-talbiet għall-eżenzjoni mid-dazju estiżi permezz tal-Artikolu 1, għandhom isiru bil-miktub f’waħda mil-lingwi uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u jridu jkunu ffirmati minn persuna awtorizzata li tirrappreżenta lill-entità li tkun qiegħda titlob l-eżenzjoni. It-talba trid tintbagħat fl-indirizz li ġej:
European Commission |
Directorate-General for Trade |
Directorate G Office: |
CHAR 04/39 |
1049 Bruxelles/Brussel |
BELGIQUE/BELGIË |
2. F’konformità mal-Artikolu 13(4) tar-Regolament (UE) 2016/1036, il-Kummissjoni tista’ tawtorizza, b’deċiżjoni, l-eżenzjoni ta’ importazzjonijiet minn kumpaniji li ma jevadux il-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u (UE) 2017/271, mid-dazju estiż permezz tal-Artikolu 1.
Artikolu 5
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Settembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.
(2) Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 tal-24 ta’ Settembru 2009 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mill-Armenja, mill-Brażil u mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 1).
(3) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2015/2384 tas-17 ta’ Diċembru 2015 li jimponi dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina u li jtemm il-proċediment għall-importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw fil-Brażil wara rieżami ta’ skadenza skont l-Artikolu 11(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).
(4) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 tas-16 ta’ Frar 2017 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 51), u emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/2213 tat-30 ta’ Novembru 2017 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2017/271 li jestendi d-dazju anti-dumping definittiv impost mir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 925/2009 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina għal importazzjonijiet ta’ ċerta fuljetta tal-aluminju ftit modifikata (ĠU L 316, 1.12.2017, p. 17).
(5) Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2162 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 u r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 fuq importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju li joriġinaw mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina minn importazzjonijiet ta’ ċerti foils tal-aluminju kkonsenjati mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel tali importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 48).
(6) Fil-15 ta’ Marzu 2021, Dingsheng Group ressaq ukoll applikazzjoni quddiem il-Qorti Ġenerali tal-UE għall-annullament tar-Regolament ta’ bidu, parzjalment abbażi tal-istess raġunament kif stabbilit fit-Taqsima 1.5 tar-Regolament attwali. Dik il-kawża tal-Qorti kienet għadha pendenti matul l-investigazzjoni attwali.
(7) Il-kodiċijiet SA (Sistema Armonizzata), żviluppati mill-Organizzazzjoni Dinjija Doganali, huma klassifikazzjonijiet standardizzati internazzjonali tal-prodotti applikati minn aktar minn 200 pajjiż fid-dinja. L-ewwel sitt ċifri ta’ numru ta’ tariffa komuni (kodiċi tal-komodità) huma l-istess f’dawn il-pajjiżi kollha. Il-kodiċijiet NM (Nomenklatura Komuni) huma l-kodiċijiet tal-prodotti użati mill-UE għall-klassifikazzjoni tal-prodotti. Dawn il-kodiċijiet huma twal tmien ċifri, li minnhom l-ewwel sitta huma identiċi għall-kodiċijiet tas-SA. Kodiċi TARIC huwa bbażat fuq il-kodiċi NM, b’żewġ ċifri addizzjonali biex tiġi żvelata informazzjoni dwar dazji jew kwoti anti-dumping u dazji jew kwoti oħra.
(8) Is-Sentenza tal-15 ta’ Diċembru 2016 fil-Kawża RENV, Gul Ahmed Textile Mills vs il-Kunsill, T-199/04, il-paragrafu 100.
(9) Rombli żgħar tfisser foils tal-aluminju ta’ ħxuna ta’ 0,007 mm jew aktar iżda inqas minn 0,021 mm, mingħajr rinforz, mhux maħduma aktar ħlief irrumblati, ibbuzzati kif ukoll jew le, f’rombli b’piż baxx li ma jaqbiżx l-10 kg. L-importazzjonijiet ta’ rombli żgħar mir-RPĊ huma soġġetti għal miżuri anti-dumping (oriġinarjament imposti bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) Nru 217/2013 tat-11 ta’ Marzu 2013 li jimponi dazju anti-dumping definittiv u jiġbor b’mod definittiv id-dazju provviżorju impost fuq l-importazzjonijiet ta’ ċerti folji tal-aluminju f’rombli li joriġinaw mir-Repubblika Popolari taċ-Ċina (ĠU L 69, 13.3.2013, p. 11). L-importazzjonijiet ta’ rombli żgħar mit-Tajlanda huma wkoll soġġetti għal investigazzjoni antiċirkomvenzjoni (ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/2161 tat-18 ta’ Diċembru 2020 li jniedi investigazzjoni dwar ċirkomvenzjoni possibbli tal-miżuri anti-dumping imposti mir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/915 fuq l-importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mir-Repubblika tal-Poplu taċ-Ċina b’importazzjonijiet ta’ ċertu foil tal-aluminju f’rombli li joriġina mit-Tajlandja, kemm jekk iddikjarati li joriġinaw mit-Tajlandja kif ukoll jekk le, u li jagħmel dawn l-importazzjonijiet soġġetti għar-reġistrazzjoni (ĠU L 431, 21.12.2020, p. 42).
(10) Avviż dwar il-konsegwenzi tat-tifqigħa tal-COVID-19 fuq l-investigazzjonijiet anti-dumping u antisussidji (ĠU C 86, 16.3.2020, p. 6).
(11) Il-Premessa (72) u l-Artikolu 1(4) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 51).
(12) Dwar l-applikazzjoni tal-proċedura tal-użu aħħari għall-importazzjonijiet mit-Tajlandja, ara wkoll il-Premessi (76) - (78) hawn taħt.
(13) https://www.gtis.com/gta/
(14) Id-data tal-importazzjoni ppreżentata f’dan ir-Regolament ma tistax titqabbel bħala tali mad-data ppubblikata fir-regolamenti wara l-investigazzjonijiet oriġinali jew ta’ rieżami. L-investigazzjoni preċedenti użat data relatata mal-EU-28, inkluż ir-Renju Unit, filwaqt li l-investigazzjoni attwali tinkludi biss l-UE27 wara l-ħruġ tar-Renju Unit mill-Unjoni fl-2020.
(15) Il-Premessi 73 – 80 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 (ĠU L 40, 17.2.2017, p. 51). Ara wkoll il-Premessa 33 hawn fuq.
(16) Il-kwantitajiet ta’ stokkijiet ta’ foils ġew adattati, sa fejn hu possibbli, biex jirriflettu stokkijiet ta’ foils li jista’ fil-fatt jintuża għall-produzzjoni ta’ foils tal-aluminju għall-użu domestiku, u mhux domestiku, pereżempju, għall-industrija tal-istampar, abbażi tad-deskrizzjonijiet speċifiċi tal-prodotti fl-Atlas tal-Kummerċ Globali.
(17) It-Taqsima 4.4 tar-Regolament (KE) Nru 925/2009 (ĠU L 262, 6.10.2009, p. 1), u l-premessi 80 – 82 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2384 (ĠU L 332, 18.12.2015, p. 63).
(18) Il-Premessi 46 – 49 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2017/271 (ĠU L 40, 17.02.2017, p. 51).
(19) Ara https://www.europages.co.uk/DING-HENG-NEW-MATERIALS-COLTD/00000005395623-719214001.html (l-aħħar aċċessat fis-26 ta’ April 2021).
(20) TPL ipprovda wkoll xi argumenti biex jispjega għaliex jemmen li l-fornitur Tajlandiż (kunfidenzjali) tiegħu jenħtieġ li jiġi eżentat mill-kamp ta’ applikazzjoni tal-miżuri, u pprovda ġustifikazzjoni ekonomika li fl-opinjoni tiegħu, kienet suffiċjenti għall-istabbiliment tal-produzzjoni fit-Tajlandja. Madankollu, TPL mhuwiex importatur tal-prodott li qed jiġi investigat iżda l-produttur ta’ foil għat-trasformazzjoni, u fl-ebda każ ma jista’ jargumenta favur eżenzjoni f’isem il-fornitur tiegħu. Barra minn hekk, id-dikjarazzjonijiet rilevanti kienu bbażati fuq “l-aħjar għarfien u intelligence tas-suq” ta’ TPL, u ma ngħatat l-ebda prova oħra biex issostni l-argumenti. Madankollu, l-argumenti mressqa minn TPL huma parzjalment simili għal dawk ta’ Dingheng, u bħala tali huma indirizzati f’dan ir-Regolament.
(21) Aġġornat għall-perjodu ta’ rapportar biex jirrifletti l-fluttwazzjonijiet tal-LME.
(22) Fis-17 ta’ Diċembru 2020 tnediet investigazzjoni ta’ rieżami tal-iskadenza tal-miżuri anti-dumping eżistenti fuq l-importazzjonijiet ta’ rombli jumbo miċ-Ċina (ĠU C 436, 17.12.2020, p. 10).