Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1336

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2021/1336 tat-2 ta’ Ġunju 2021 li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja

C/2021/3818

ĠU L 289, 12.8.2021, p. 6–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32022R0127

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2021/1336/oj

12.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 289/6


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1336

tat-2 ta’ Ġunju 2021

li jemenda r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 fir-rigward tal-ġestjoni finanzjarja

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-finanzjament, il-ġestjoni u l-monitoraġġ tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 352/78, (KE) Nru 165/94, (KE) Nru 2799/98, (KE) Nru 814/2000, (KE) Nru 1290/2005 u (KE) Nru 485/2008 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 40 u l-Artikolu 46(1) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 40, l-ewwel paragrafu, tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013 jipprevedi li kwalunkwe pagament magħmul mill-aġenziji tal-pagamenti tal-Istati Membri lill-benefiċjarji qabel l-aktar data bikrija ta’ pagament possibbli u wara l-aktar data tard ta’ pagament possibbli huma ineliġibbli għall-finanzjament mill-Unjoni, ħlief f’ċerti każijiet.

(2)

L-Artikoli 5 u 5a tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 (2) jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li fihom u f’konformità mal-prinċipju tal-proporzjonalità, l-infiq imwettaq wara l-limiti ta’ żmien għall-pagamenti jiġi kkunsidrat bħala eliġibbli għall-pagamenti tal-Unjoni.

(3)

Il-paragrafu 3a iddaħħal fl-Artikolu 5 tar-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 permezz tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/160 (3) sabiex tiġi pprovduta ċ-ċertezza tad-dritt u sabiex jiġu ċċarati l-kundizzjonijiet li applikaw għall-pagamenti diretti li saru fis-sena finanzjarja 2015 skont ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (4). Dik id-dispożizzjoni ma għadhiex applikabbli u għalhekk tista’ titħassar.

(4)

Għandhom jitwettqu kontrolli dwar il-konformità mal-aħħar skadenzi tal-pagamenti kemm għall-pagamenti fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (“FAEG”), kif ukoll għall-pagamenti fil-qafas tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (“FAEŻR”). Madankollu, il-verifiki dwar il-konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti għall-FAEG jitwettqu darbtejn għal kull sena finanzjarja, jiġifieri fuq l-infiq imwettaq sal-31 ta’ Lulju u l-bqija tal-infiq imwettaq sal-15 ta’ Ottubru, filwaqt li l-konformità mal-iskadenza tal-pagament għall-FAEŻR tiġi vverifikata darba kull sena finanzjarja fir-rigward tal-pagamenti kollha li jkunu saru għal dik is-sena finanzjarja.

(5)

Għal raġunijiet ta’ sempliċità u effiċjenza u sabiex jitnaqqas il-piż amministrattiv għall-Istati Membri u l-Kummissjoni, jenħtieġ ukoll li tiġi stabbilita verifika waħda dwar il-konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti għas-sena finanzjarja kollha fir-rigward tan-nefqa tal-FAEG. Jenħtieġ li dik il-verifika titwettaq fuq l-infiq imwettaq sal-15 ta’ Ottubru. Madankollu, meta jkun hemm nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq, jenħtieġ li tkun possibbli għall-Kummissjoni li twettaq verifika addizzjonali fuq l-infiq imwettaq sal-31 ta’ Lulju.

(6)

Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5) emenda r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u estenda l-perjodu tat-tul ta’ żmien tal-programmi tal-iżvilupp rurali appoġġati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali FAEŻR sal-31 ta’ Diċembru 2022, filwaqt li jipprovdi lill-Istati Membri bil-possibilità li jiffinanzjaw il-programmi estiżi tagħhom mill-allokazzjoni tal-baġit korrispondenti għas-snin 2021 u 2022. Barra minn hekk, ir-Regolament (UE) 2020/2220 għamel disponibbli r-riżorsi addizzjonali mill-Istrument ta’ Rkupru tal-Unjoni Ewropea (“EURI”) fil-programmi estiżi fis-snin 2021 u 2022 biex jiġu ffinanzjati miżuri skont ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 bil-għan li jiġi indirizzat l-impatt tal-kriżi tal-COVID-19 u tal-konsegwenzi tagħha għas-settur agrikolu u ż-żoni rurali tal-Unjoni.

(7)

Kif stabbilit fil-premessa (24) tar-Regolament (UE) 2020/2220, ir-riżorsi addizzjonali mill-EURI huma soġġetti għal kundizzjonijiet speċifiċi. Għalhekk jenħtieġ li dawk ir-riżorsi addizzjonali jiġu pprogrammati u mmonitorjati b’mod separat mill-appoġġ tal-Unjoni għall-iżvilupp rurali, filwaqt li jiġu applikati, bħala regola ġenerali, ir-regoli stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1305/2013. Għaldaqstant, dawk ir-riżorsi addizzjonali jenħtieġ li jiġu implimentati permezz tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013 u jitqiesu fil-qafas ta’ dak ir-Regolament bħala ammonti li jiffinanzjaw il-miżuri li jaqgħu taħt il-FAEŻR. B’konsegwenza ta’ dan, ir-regoli rispettivi dwar il-livelli massimu u tnaqqis stabbiliti fl-Artikolu 5a tar-Regolament Delegat (UE) Nru 907/2014 jenħtieġ li jiġu kkalkulati b’mod separat fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-FAEŻR u r-rigward tar-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013.

(8)

Skont ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014, il-Kummissjoni għandha tagħmel pagamenti f’intervalli ta’ xahar jew f’intervalli regolari oħra lill-Istati Membri ibbażati fuq id-dikjarazzjonijiet tal-infiq mibgħuta minn dawn tal-aħħar. Billi tagħmel hekk, jenħtieġ, madankollu li l-Kummissjoni tqis id-dħul riċevut mill-aġenziji tal-pagamenti f’isem il-baġit tal-Unjoni, u ddikjarat mill-Istati Membri fid-dikjarazzjonijiet ta’ kull xahar tagħhom. Attwalment, fil-qafas tal-FAEG, il-Kummissjoni qed tinnettja l-ammonti tal-infiq mal-ammonti tad-dħul assenjat fid-deċiżjoni tal-pagamenti ta’ kull xahar maħruġa mill-Kummissjoni. Din l-operazzjoni finanzjarja tidderoga mill-mod ta’ kif jiġi ġestit id-dħul assenjat taħt Fondi oħra tal-Unjoni, fejn dan ma jkunx innettjat iżda rkuprat permezz ta’ ordni ta’ rkupru mfassla skont l-Artikolu 98 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7). Sabiex jiġu armonizzati l-prattiki kontabilistiċi tal-Kummissjoni u, b’mod partikolari, il-mod ta’ kif id-dħul assenjat huwa ġestit, huwa meħtieġ li l-aspett tekniku tal-ġestjoni finanzjarja tal-FAEG jiġi allinjat mal-fluss użat minn Fondi oħra tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li jiġu emendati l-kundizzjonijiet li fihom, id-dħul assenjat fil-qafas tal-FAEG irid jiġi paċut, mingħajr ma titqiegħed f’riskju l-eżekuzzjoni f’waqtha tal-pagamenti lill-Istati Membri.

(9)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 jiġi emendat skont dan,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament ta’ Delega (UE) Nru 907/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

L-Artikolu 5 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3a jitħassar;

(b)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Darba kull sena finanzjarja għandha ssir verifika tal-konformità mad-dati ta’ skadenza tal-pagamenti fuq l-infiq imwettaq sal-15 ta’ Ottubru. F’każ li jkun hemm nuqqas ta’ konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti fil-kuntest tad-dikjarazzjonijiet tal-infiq ta’ kull xahar, tista’ ssir verifika addizzjonali tal-konformità mal-iskadenzi tal-pagamenti fuq l-infiq imwettaq sal-31 ta’ Lulju.

L-iskadenzi tal-pagamenti li ma jiġux irrispettati għandhom jitqiesu fid-deċiżjoni ta’ approvazzjoni tal-kontijiet imsemmija fl-Artikolu 51 tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013.”;

(2)

fl-Artikolu 5a, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Il-livelli limiti u t-tnaqqis imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 għandhom jiġu kkalkulati b’mod separat fir-rigward tal-allokazzjonijiet tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, mingħajr ir-riżorsi addizzjonali msemmija fl-Artikolu 58a tar-Regolament (UE) Nru 1305/2013, u fir-rigward ta’ dawk ir-riżorsi addizzjonali.”;

(3)

fl-Artikolu 7, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fid-deċiżjoni tagħha dwar il-pagamenti ta’ kull xahar li għandha tiġi adottata skont l-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1306/2013, il-Kummissjoni għandha tħallas il-bilanċ tal-infiq iddikjarat minn kull Stat Membri fid-dikjarazzjoni ta’ kull xahar tiegħu, li minnu jitnaqqas id-dħul assenjat li dak l-Istat Membru jkun inkluda fl-istess dikjarazzjoni ta’ nfiq. Din it-tpaċija għandha titqies bħala ekwivalenti għall-ġbir tad-dħul korrispondenti.

L-approprjazzjonijiet ta’ impenn u l-approprjazzjonijiet ta’ pagament iġġenerati mid-dħul assenjat għandhom ikunu miftuħin ladarba dan id-dħul ikun ġie assenjat għall-intestaturi baġitarji.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, it-2 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 549.

(2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 tal-11 ta’ Marzu 2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 255, 28.8.2014, p. 18).

(3)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) 2015/160 tat-28 ta’ Novembru 2014 li jemenda r-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 907/2014 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1306/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill rigward l-aġenziji tal-pagamenti u korpi oħra, il-ġestjoni finanzjarja, l-approvazzjoni tal-kontijiet, il-garanziji u l-użu tal-euro (ĠU L 27 3.2.2015, p. 7).

(4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 tad-19 ta’ Jannar 2009 li jistabbilixxi regoli komuni għal skemi ta’ appoġġ dirett għal bdiewa fi ħdan il-politika agrikola komuni u li jistabbilixxi ċerti skemi ta’ appoġġ għal bdiewa, u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 1290/2005, (KE) Nru 247/2006, (KE) Nru 378/2007 u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1782/2003 (ĠU L 30, 31.1.2009, p. 16).

(5)  Ir-Regolament (UE) 2020/2220 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi ċerti dispożizzjonijiet tranżizzjonali għall-appoġġ mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u mill-Fond Agrikolu Ewropew ta’ Garanzija (FAEG) fis-snin 2021 u 2022 u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1305/2013, (UE) Nru 1306/2013 u (UE) Nru 1307/2013 fir-rigward tar-riżorsi u l-applikazzjoni fis-snin 2021 u 2022 u r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fir-rigward tar-riżorsi u d-distribuzzjoni ta’ tali appoġġ fir-rigward tas-snin 2021 u 2022 (ĠU L 437, 28.12.2020, p. 1).

(6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005 (ĠU L 347 20.12.2013, p. 487).

(7)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top