EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1300

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1300 tal-5 ta’ Awwissu 2021 li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

ST/10911/2021/INIT

ĠU L 283, 6.8.2021, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2021/1300/oj

6.8.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 283/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1300

tal-5 ta’ Awwissu 2021

li jimplimenta r-Regolament (UE) 2017/1509 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 tat-30 ta’ Awwissu 2017 dwar miżuri restrittivi kontra r-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 329/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 47(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-30 ta’ Awwissu 2017, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2017/1509.

(2)

F’konformità mal-Artikolu 47a(1) tar-Regolament (UE) 2017/1509, il-Kunsill irrieżamina l-listi ta’ persuni u entitajiet deżinjati li jinsabu fl-Annessi XV, XVI, XVII u XVIII għal dak ir-Regolament.

(3)

Il-miżuri restrittivi kontra l-persuni u l-entitajiet kollha fil-listi li jinsabu fl-Annessi XV u XVI għar-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1509 jenħtieġ li jinżammu, u d-dikjarazzjoni tar-raġunijiet għal għaxar persuni u entità waħda, u l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ erba’ persuni, jenħtieġ li jiġu aġġornati.

(4)

Barra minn hekk, l-informazzjoni ta’ identifikazzjoni ta’ persuna waħda fil-lista li tinsab fl-Anness XIII għar-Regolament (UE) 2017/1509 jenħtieġ li tiġi aġġornata.

(5)

Għalhekk, l-Annessi XIII, XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi XIII, XV u XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509 huma emendati kif jinsab fl-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Awwissu 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

G. DOVŽAN


(1)  ĠU L 224, 31.8.2017, p. 1.


ANNESS

(1)   

Fl-Anness XIII għar-Regolament (UE) 2017/1509, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3), is-subintestatura “(a) Persuni fiżiċi”, l-entrata 77 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Psewdonimu

Data tat-twelid

Data tad-deżinjazzjoni min-NU

Dikjarazzjoni tar-raġunijiet

“77.

Ri Pyong Chul

Ri Pyong Chol, Ri Pyo’ng-ch’o’l

Sena tat-twelid: 1948

Ċittadinanza: RDPK

Sess: raġel

Indirizz: DPRK (RDPK)

22.12.2017

Membru supplenti tal-Bureau Politiku tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea u l-Ewwel Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Industrija tal-Munizzjonijiet.”

(2)   

Fl-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(a) Persuni fiżiċi indikati f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(4)”, l-entrati 6, 7, 10, 11, 15, 16, 17, 18, 19, 24 u 25 huma sostitwiti b’dan li ġej:

 

Isem

Psewdonimu

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

“6.

SO Sang-kuk

SO Sang Kuk

Data tat-twelid: 30.11.1938

Sess: raġel

22.12.2009

Kap tad-Dipartiment tal-Fiżika Nukleari, Università Kim Il Sung.

7.

KIM Yong Chol

KIM Yong-Chol; KIM Young-Chol; KIM Young-Cheol; KIM Young-Chul

Data tat-twelid: 1946

Post tat-Twelid: Pyongan-Pukto, RDPK

Sess: raġel

19.12.2011

Membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea; tal-Politburo u tal-Kummissjoni għall-Affarijiet tal-Istat tar-Repubblika Demokratika tal-Poplu tal-Korea. Eks Kmandant tar-Reconnaissance General Bureau (RGB), entità sanzjonata mill-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti. Seta’ ġie riintegrat bħala Direttur tad-Dipartiment tal-Front Magħqud.

10.

HONG Sung-Mu

HUNG Sun Mu; HONG Sung Mu

Data tat-twelid: 1.1.1942

Sess: raġel

20.5.2016

Il-Viċi Direttur tad-Dipartiment għall-Industrija tal-Munizzjonijiet (Munitions Industry Department, MID). Inkarigat mill-iżvilupp ta’ programmi dwar armi konvenzjonali u missili, inklużi l-missili ballistiċi. Wieħed mill-persuni ewlenin responsabbli għall-programmi għall-iżvilupp industrijali tal-armi nukleari. Bħala tali, responsabbli għal programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva. Kien xhud għall-illanċjar tal-missila ballistika interkontinentali Hwasong-15 fit-28 ta’ Novembru 2017. F’Lulju 2020 ipparteċipa f’laqgħa tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea ddedikata lid-“deterrenza mill-gwerra”, ewfemiżmu użat biex jirreferi għall-programm nukleari tar-RDPK. Rielett għall-Kumitat Ċentrali tal-Partit f’Jannar 2021.

11.

JO Kyongchol

JO Kyong Chol

Sess: raġel

20.5.2016

Ġeneral tal-Armata tal-Poplu Korean. Eks membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, li hija korp ewlieni għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK. Direttur tal-Kmand Militari tas-Sigurtà. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva. Akkumpanja lil Kim Jong Un għall-akbar taħriġ li qatt sar tal-artillerija li twassal fit-tul. Rielett għall-Kumitat Ċentrali tal-Partit f’Jannar 2021.

15.

KIM Rak Kyom

KIM Rak-gyom; KIM Rak Gyom

Sess: raġel

20.5.2016

Ġeneral b’Erba’ Stilel, Eks Kmandant tal-Forzi Ballistiċi Strateġiċi, entità deżinjata min-Nazzjonijiet Uniti, li fiha erba’ unitajiet strateġiċi u tekniċi tal-missili, inkluża l-brigata KN-08 (ICBM). Eks membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, li hija korp ewlieni għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK. Rapporti fil-mezzi tax-xandir identifikaw lil KIM bħala li attenda t-test tal-magni tal-ICBM li sar f’April 2016 ma’ KIM Jong Un. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva. Ordna t-taħriġ tal-isparar tal-missili ballistiċi.

16.

KIM Won-hong

KIM Won Hong

Data tat-twelid: 7.1.1945

Post tat-Twelid: Pyongyang, RDPK

Nru tal-passaport: 745310010

Sess: raġel

20.5.2016

Ġeneral. Eks l-Ewwel Viċi Direttur tad-Dipartiment tal-Politika Ġenerali tal-Armata tal-Poplu Korean. Eks Direttur tad-Dipartiment tas-Sigurtà tal-Istat. Eks Ministru għas-Sigurtà tal-Istat. Eks Membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea u l-Kummissjoni tad-Difiża Nazzjonali, li kienet korp ewlieni għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK qabel ma ġiet mibdula għall-Kummissjoni tal-Affarijiet Statali (SAC), li huma l-korpi ewlenin għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva.

17.

PAK Jong-chon

PAK Jong Chon

Sess: raġel

20.5.2016

Innominat bħala Marixxall tal-Armata tal-Poplu Korean f’Ottubru 2020, Kap tal-Persunal Ġenerali minn April 2019; membru tal-Politburo minn April 2020. Membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, li hija korp ewlieni għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva. F’Jannar 2021 ġie elett għall-Kumitat Ċentrali tal-Partit, il-Bureau Politiku tal-Kumitat Ċentrali u l-Kummissjoni Militari Ċentrali.

18.

LI Yong-ju

RI Yong Ju

Sess: raġel

20.5.2016

Ammirall tal-Armata tal-Poplu Korean. Eks membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, li hija korp ewlieni għal kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali fir-RDPK. Eks kap Kmandant tal-Forzi Navali tal-Poplu Korean, li huma involuti fl-iżvilupp ta’ programmi ta’ missili ballistiċi u fl-iżvilupp ta’ kapaċitajiet nukleari tal-forzi navali tar-RDPK. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva.

19.

SON Chol-ju

SON Chol Ju

Sess: raġel

20.5.2016

Ġeneral tal-Armata tal-Poplu Korean. Viċi Direttur responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Armata tal-Poplu tal-Korea u eks Direttur Politiku tal-forzi tal-Ajru u ta’ Kontra l-ajru, li tissorvelja l-iżvilupp ta’ rokits modernizzati kontra l-inġenji tal-ajru. Responsabbli mill-għoti ta’ sostenn jew mill-promozzjoni ta’ programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva. Abbażi ta’ informazzjoni ġie rrapportat li f’Mejju 2020 Son ipparteċipa f’laqgħa tal-Kummissjoni Militari Ċentrali bħala Viċi Direttur responsabbli għall-organizzazzjoni tal-Armata tal-Poplu Korean.

24.

RI Myong Su

 

Data tat-twelid: 1937

Post tat-Twelid: Myongchon, Tramuntana ta’ Hamgyong, ir-RDPK

Sess: raġel

7.4.2017

Viċi Marixxall tal-Armata tal-Poplu Korean, l-ewwel viċi kmandant tal-Kmand Suprem tal-Armata tal-Poplu Korean. Sal-2018, membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea u Kap tal-Persunal tal-Forzi Armati tal-Poplu. Ri Myong Su għadu influwenti fi kwistjonijiet ta’ difiża nazzjonali inkluż il-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi jew ma’ armi oħra ta’ qerda massiva. Huwa jipparteċipa regolarment fil-parati militari tal-Korea ta’ Fuq. Ri ilu żmien twil membru tal-Assemblea Suprema tal-Poplu (SPA); li bħalissa hija l-14-il waħda.

25.

SO Hong Chan

 

Data tat-twelid: 30.12.1957

Post tat-Twelid: Kangwon, RDPK

Passaport: PD836410105

Data ta’ skadenza tal-passaport: 27.11.2021

Sess: raġel

7.4.2017

L-ewwel Viċi Ministru u Direttur tal-Uffiċċju tal-Loġistika tal-Forzi Armati tal-Poplu, membru tal-Kummissjoni Militari Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea u Ġeneral fil-Forzi Armati tal-Poplu. F’din il-kariga, So Hong Chan huwa responsabbli għall-appoġġ jew il-promozzjoni tal-programmi tar-RDPK relatati mal-armi nukleari, mal-missili ballistiċi, jew ma’ armi oħrajn ta’ qerda massiva. Rielett bħala Membru tal-Kumitat Ċentrali f’Jannar 2021.”

(3)   

Fl-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(b) Persuni ġuridiċi, entitajiet u korpi indikati f’konformità mal-punt (a) tal-Artikolu 34(4)”, l-entrata 4 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Psewdonimu

Post

Data tad-deżinjazzjoni

Informazzjoni oħra

“4.

Ċentru ta’ Riċerka Nukleari ta’ Yongbyon

 

 

22.12.2009

Ċentru ta’ riċerka li pparteċipa fil-produzzjoni ta’ plutonju ta’ kwalità militari. Ċentru li jiddependi mill-Uffiċċju Ġenerali tal-Enerġija Atomika (entità magħżula mill-KSNU, 16.7.2009). Fir-rapport finali tiegħu ta’ Marzu 2021, il-Bord ta’ Esperti stabbilit skont ir-Riżoluzzjoni 1874 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU jinnota l-osservazzjoni ta’ traċċi ta’ fwar mill-bini użat għall-produzzjoni ta’ (UO2) fl-impjant ta’ arrikkiment tal-uranju fil-kumpless ta’ Yongbyon u rrapporta li skont Stat Membru tan-NU l-faċilità ta’ arrikkiment tal-uranju f’Yongbyon kienet qed topera.”

(4)   

Fl-Anness XV għar-Regolament (UE) 2017/1509, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(c) Persuni fiżiċi indikati f’konformità mal-punt (b) tal-Artikolu 34(4)”, l-entrata 2 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Psewdonimu

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Dikjarazzjoni tar-Raġunijiet

“2.

KIM Tong-un

KIM Tong Un

Data tat-twelid: 1.11.1936

Sess: raġel

22.12.2009

Eks direttur ta’ “Uffiċċju 39” tal-Kumitat Ċentrali tal-Partit tal-Ħaddiema tal-Korea, li huwa involut fil-finanzjament tal-proliferazzjoni. Fl-2011, allegatament kien responsabbli minn “Uffiċċju 38” biex jinġabru fondi għat-tmexxija u għall-elit.”

(5)   

Fl-Anness XVI għar-Regolament (UE) 2017/1509, taħt l-intestatura “Lista ta’ persuni, entitajiet u korpi msemmijin fl-Artikolu 34(1) u 34(3)”, is-subintestatura “(a) Persuni fiżiċi”, l-entrata 6 hija sostitwita b’dan li ġej:

 

Isem

Informazzjoni ta’ identifikazzjoni

Data tad-deżinjazzjoni

Raġunijiet

“6.

YUN Chol magħruf ukoll bħala CHOL Yun

It-tielet Segretarju fl-Ambaxxata tar-RDPK għaċ-Ċina

22.1.2018

Yun Chol ġie identifikat mill-Bord ta’ Esperti tan-NU bħala persuna ta’ kuntatt tal-kumpannija General Precious Metal tar-RDPK involuta fil-bejgħ tal-litju-6, oġġett marbut mal-armi nukleari ipprojbit min-NU, u diplomat tar-RDPK.

General Precious Metal kienet identifikata qabel mill-Unjoni bħala psewdonimu tal-entità Green Pine ddeżinjata min-NU.”


Top