Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R1150

    Regolament (UE) 2021/1150 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

    PE/15/2021/REV/1

    ĠU L 249, 14.7.2021, p. 1–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/1150/oj

    14.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 249/1


    REGOLAMENT (UE) 2021/1150 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tas-7 ta’ Lulju 2021

    li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-punt (a) tal-Artikolu 87(2) tiegħu;

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (1),

    Billi:

    (1)

    Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) stabbilixxa s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (“ETIAS”) għal ċittadini ta’ pajjiżi terzi eżentati mill-obbligu li jkunu fil-pussess ta’ viża meta jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Unjoni. Dak ir-Regolament stabbilixxa l-kundizzjonijiet u l-proċeduri biex tinħareġ jew tiġi miċħuda awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar skont l-ETIAS.

    (2)

    L-ETIAS tippermetti kunsiderazzjoni dwar jekk il-preżenza ta’ dawk iċ-ċittadini ta’ pajjiżi terzi fit-territorju tal-Istati Membri tistax toħloq riskju ta’ sigurtà, ta’ immigrazzjoni illegali jew riskju epidemiku kbir.

    (3)

    Sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tkun tista’ twettaq l-ipproċessar tal-fajls ta’ applikazzjoni kif msemmi fir-Regolament (UE) 2018/1240, jeħtieġ li tiġi stabbilita l-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, minn naħa waħda, u s-sistema ta’ Dħul/Ħruġ (“EES”), is-Sistema ta’ Informazzjoni dwar il-Viża (“VIS”), is-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (“SIS”), il-Eurodac u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni ta’ Rekords Kriminali — Ċittadini ta’ Pajjiżi Terzi (“ECRIS-TCN”), (“sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE”), u d-data tal-Europol kif definita f’dak ir-Regolament (“data tal-Europol”), min-naħa l-oħra.

    (4)

    Dan ir-Regolament, flimkien mar-Regolamenti (UE) 2021/1151 (3) u (UE) 2021/1152 (4) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-interoperabbiltà bejn is-Sistema ta’ Informazzjoni tal-ETIAS, sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol u l-kundizzjonijiet għall-konsultazzjoni tad-data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u d-data tal-Europol mill-ETIAS għall-fini li jiġu identifikati l-hits. Riżultat ta’ dan, jeħtieġ li jiġu emendati r-Regolamenti (UE) 2018/1862 (5) u (UE) 2019/818 (6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tiġi konnessa ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u mad-data tal-Europol u biex tiġi speċifikata d-data li ser tintbagħat bejn dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u d-data tal-Europol.

    (5)

    Fir-rigward tal-interoperabbiltà mal-Eurodac, f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1240, l-emendi konsegwenzjali neċessarji ser jiġu adottati ladarba r-riformulazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) tiġi adottata.

    (6)

    Il-Portal Ewropew tat-Tfittxija (ESP), stabbilit bir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8) u r-Regolament (UE) 2019/818, ser jippermetti li d-data maħżuna fl-ETIAS u d-data maħżuna fis-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE oħrajn ikkonċernati tiġi mfittxija b’mod parallel.

    (7)

    L-arranġamenti tekniċi jenħtieġ li jiġu stabbiliti biex jippermettu lill-ETIAS tivverifika regolarment u awtomatikament f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE jekk il-kundizzjonijiet għaż-żamma tal-fajls tal-applikazzjoni, kif stabbiliti fir-Regolament (UE) 2018/1240, għadhomx issodisfati.

    (8)

    Huwa possibbli li jiġu revokati l-awtorizzazzjonijiet għall-ivvjaġġar tal-ETIAS wara li jiddaħħlu fis-SIS allerti ġodda dwar ir-rifjut ta’ dħul u ta’ soġġorn, jew allerti ġodda rigward dokument tal-ivvjaġġar rapportat bħala mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat. Sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tkun informata awtomatikament mis-SIS dwar allerti ġodda bħal dawn, jenħtieġ li jiġi stabbilit proċess awtomatiku bejn is-SIS u l-ETIAS.

    (9)

    Il-kundizzjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-aċċess, li skonthom l-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS jistgħu jikkonsultaw data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tal-ETIAS jenħtieġ li jiġu salvagwardjati permezz ta’ regoli ċari u preċiżi rigward l-aċċess mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS u l-Unitajiet Nazzjonali tal-ETIAS għad-data maħżuna f’sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE, it-tipi ta’ tfittxija u l-kategoriji ta’ data, li kollha kemm huma jenħtieġ li jkunu limitati għal dak li huwa strettament meħtieġ għat-twettiq ta’ dmirijiethom. Bl-istess mod, id-data maħżuna fil-fajls tal-applikazzjoni tal-ETIAS jenħtieġ li tkun viżibbli biss għal dawk l-Istati Membri li joperaw is-sistemi ta’ informazzjoni sottostanti f’konformità mal-arranġamenti għall-parteċipazzjoni tagħhom.

    (10)

    Skont ir-Regolament (UE) 2018/1240, l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), stabbilita bir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9), tkun responsabbli għall-fażi ta’ tfassil u żvilupp tas-Sistema ta’ Informazzjoni ETIAS.

    (11)

    Dan ir-Regolament huwa mingħajr preġudizzju għad-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10).

    (12)

    F’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 22 dwar il-pożizzjoni tad-Danimarka, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), id-Danimarka mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu. Ladarba dan ir-Regolament jibni fuq l-acquis ta’ Schengen, id-Danimarka għandha, f’konformità mal-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, tiddeċiedi fi żmien perjodu ta’ sitt xhur wara li l-Kunsill ikun iddeċieda dwar dan ir-Regolament jekk hijiex se timplimentah fil-liġi nazzjonali tagħha.

    (13)

    Sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jirrigwardaw is-SIS, kif irregolata mir-Regolament (UE) 2018/1862, l-Irlanda qed tieħu sehem f’dan ir-Regolament, f’konformità mal-Artikolu 5(1) tal-Protokoll Nru 19 dwar l-acquis ta’ Schengen integrat fil-qafas tal-Unjoni Ewropea, anness mat-TUE u mat-TFUE, u l-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE (11). Barra minn hekk, sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jkunu jirrigwardaw lill-Europol, lill-Eurodac u lill-ECRIS-TCN, f’konformità mal-Artikoli 1 u 2 tal-Protokoll Nru 21 dwar il-pożizzjoni tar-Renju Unit u l-Irlanda fir-rigward tal-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja, anness mat-TUE u mat-TFUE, u mingħajr preġudizzju għall-Artikolu 4 ta’ dak il-Protokoll, l-Irlanda mhijiex qed tieħu sehem fl-adozzjoni ta’ dan ir-Regolament u mhijiex marbuta bih jew soġġetta għall-applikazzjoni tiegħu.

    (14)

    Fir-rigward ta’ Ċipru u l-Kroazja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi att li jibni fuq, jew inkella huwa relatat mal-acquis ta’ Schengen, fis-sens, rispettivament, tal-Artikolu 3(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2003 u tal-Artikolu 4(2) tal-Att ta’ Adeżjoni tal-2011. Fir-rigward tal-Kroazja, ir-Regolament jinqara flimkien mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 (12).

    (15)

    Fir-rigward tal-Iżlanda u n-Norveġja, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawk iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (13), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE (14).

    (16)

    Fir-rigward tal-Iżvizzera, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen fis-sens tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (15), li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI (16).

    (17)

    Fir-rigward tal-Liechtenstein, dan ir-Regolament jikkostitwixxi żvilupp tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen skont it-tifsira tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (17) li jaqgħu fil-qasam imsemmi fl-Artikolu 1, il-punt G, tad-Deċiżjoni 1999/437/KE li jinqara flimkien mal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE (18).

    (18)

    Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 jiġu emendati skont dan.

    (19)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri li jiġu emendati r-Regolamenti (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/818 sabiex is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS tiġi konnessa ma’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE u mad-data tal-Europol u biex tiġi speċifikata d-data li ser tintbagħat lil u minn dawk is-sistemi ta’ informazzjoni tal-UE u d-data tal-Europol, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri, iżda jistgħu pjuttost, minħabba l-iskala u l-effetti tagħhom, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (20)

    Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19),

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Emendi għar-Regolament (UE) 2018/1862

    Ir-Regolament (UE) 2018/1862 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

    “Artikolu 18b

    Żamma ta’ reġistri għall-finijiet ta’ interoperabbiltà mal-ETIAS

    Ir-reġistri għal kull operazzjoni tal-ipproċessar tad-data mwettqa fi ħdan is-SIS u s-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) skont l-Artikolu 50b ta’ dan ir-Regolament għandhom jinżammu f’konformità mal-Artikolu 18 ta’ dan ir-Regolament u l-Artikolu 69 tar-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*1).

    (*1)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).”;"

    (2)

    fl-Artikolu 44(1), jiżdied il-punt li ġej:

    “(h)

    l-ipproċessar manwali ta’ applikazzjonijiet tal-ETIAS mill-Unità Nazzjonali tal-ETIAS, skont l-Artikolu 8 tar-Regolament (UE) 2018/1240.”;

    (3)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 49a

    Aċċess għad-data fis-SIS mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS

    1.   Għall-fini tat-twettiq tal-kompiti kkonferiti lilha mir-Regolament (UE) 2018/1240, l-Unità Ċentrali tal-ETIAS, stabbilita fi ħdan l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta f’konformità mal-Artikolu 7 ta’ dak ir-Regolament, għandu jkollha d-dritt ta’ aċċess u ta’ tfittix ta’ data fis-SIS f’konformità mal-Artikolu 11(8) ta’ dak ir-Regolament. L-Artikolu 50(4) sa (8) ta’ dan ir-Regolament għandu japplika għal tali aċċess u riċerki.

    2.   Meta verifika mill-Unità Ċentrali tal-ETIAS f’konformità mal-Artikolu 22 u l-Artikolu 23(2) tar-Regolament (UE) 2018/1240 tikkonferma li d-data rreġistrata f’fajl ta’ applikazzjoni tal-ETIAS tikkorrispondi għal allert fis-SIS jew meta wara tali verifika jibqgħu dubji, għandhom japplikaw l-Artikoli 23, 24 u 26 ta’ dak ir-Regolament.”;

    (4)

    jiddaħħal l-artikolu li ġej:

    “Artikolu 50b

    Interoperabbiltà mal-ETIAS

    1.   Mid-data tal-bidu tal-operazzjonijiet tal-ETIAS, kif determinat skont l-Artikolu 88(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-SIS Ċentrali għandha tiġi konnessa mal-ESP biex jiġu permessi l-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, l-Artikolu 23, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6), l-Artikolu 41 u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) ta’ dak ir-Regolament u l-verifiki sussegwenti previsti fl-Artikoli 22, 23 u 26 ta’ dak ir-Regolament.

    2.   Għall-fini tal-proċediment għall-verifiki msemmija fil-punti (a), (d) u (m)(i) tal-Artikolu 20(2) u fl-Artikolu 23(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, kif definita fil-punt (25) tal-Artikolu 3(1) ta’ dak ir-Regolament, għandha tuża l-ESP biex tqabbel id-data msemmija fl-Artikolu 11(5) ta’ dak ir-Regolament mad-data fis-SIS, f’konformità mal-Artikolu 11(8) ta’ dak ir-Regolament.

    3.   Għall-fini tal-proċediment għall-verifiki msemmija fil-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6) u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240, is-Sistema Ċentrali tal-ETIAS għandha tuża l-ESP biex tivverifika regolarment jekk allert dwar dokumenti uffiċjali vojta jew dokumenti tal-identità mdaħħla fis-SIS, kif imsemmi fil-punti (k) u (l) tal-Artikolu 38(2) ta’ dan ir-Regolament, li wassal għar-rifjut, l-annullament jew ir-revoka ta’ awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar ikunx tħassar.

    4.   Meta allert ġdid jiddaħħal fis-SIS dwar dokument tal-ivvjaġġar li jkun ġie rrapportat mitluf, misruq, miżapproprjat jew invalidat, is-SIS Ċentrali għandha, f’konformità mal-Artikolu 41(3) tar-Regolament (UE) 2018/1240, tittrażmetti l-informazzjoni dwar dak l-allert, bl-użu ta’ proċess awtomatizzat u tal-ESP, lis-Sistema Ċentrali tal-ETIAS, sabiex dik is-sistema tivverifika jekk dak l-allert il-ġdid jikkorrispondix għal awtorizzazzjoni għall-ivvjaġġar valida.”.

    Artikolu 2

    Emenda għar-Regolament (UE) 2019/818

    Fl-Artikolu 68 tar-Regolament (UE) 2019/818, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

    “1b.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-ESP għandu jibda jopera, għall-finijiet tal-verifiki awtomatizzati skont l-Artikolu 20, l-Artikolu 23, il-punt (c)(ii) tal-Artikolu 24(6), l-Artikolu 41 u l-punt (b) tal-Artikolu 54(1) tar-Regolament (UE) 2018/1240 biss, ladarba l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 88 ta’ dak ir-Regolament ikunu ġew issodisfati.”.

    Artikolu 3

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Strasburgu, is-7 ta’ Lulju 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. LOGAR


    (1)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju 2021 (għadha mhijiex ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-28 ta’ Ġunju 2021.

    (2)  Ir-Regolament (UE) 2018/1240 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Settembru 2018 li jistabbilixxi Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ETIAS) u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1077/2011, (UE) Nru 515/2014, (UE) 2016/399, (UE) 2016/1624 u (UE) 2017/2226 (ĠU L 236, 19.9.2018, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2021/1151 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (UE) 2019/816 u (UE) 2019/818 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi oħra ta’ informazzjoni tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ara l-paġna 7 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/1152 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2021 li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1860, (UE) 2018/1861 u (UE) 2019/817 fir-rigward tal-istabbiliment tal-kundizzjonijiet għall-aċċess ta’ sistemi ta’ informazzjoni oħra tal-UE għall-finijiet tas-Sistema Ewropea ta’ Informazzjoni u ta’ Awtorizzazzjoni għall-Ivvjaġġar (ara l-paġna 15 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament (UE) 2018/1862 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ Novembru 2018 dwar l-istabbiliment, it-tħaddim u l-użu tas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen (SIS) fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u l-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali, li jemenda u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI, u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1986/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2010/261/UE (ĠU L 312, 7.12.2018, p. 56).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2019/818 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam tal-kooperazzjoni tal-pulizija u ġudizzjarja, l-ażil u l-migrazzjoni u li jemenda r-Regolamenti (UE) 2018/1726, (UE) 2018/1862 u (UE) 2019/816 (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 85).

    (7)  Ir-Regolament (UE) Nru 603/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-istabbiliment tal-“Eurodac” għat-tqabbil ta’ marki tas-swaba’ għall-applikazzjoni effettiva tar-Regolament (UE) Nru 604/2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f’wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta’ pajjiż terz jew persuna apolida u dwar talbiet għat-tqabbil ma’ data tal-Eurodac mill-awtoritajiet tal-infurzar tal-liġi tal-Istati Membri u mill-Europol għall-finijiet ta’ infurzar tal-liġi, u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1077/2011 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq skala kbira fl-ispazju ta’ libertà, sigurtà u ġustizzja (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 1).

    (8)  Ir-Regolament (UE) 2019/817 tal-Parlament Ewropew tal-20 ta’ Mejju 2019 dwar l-istabbiliment ta’ qafas għall-interoperabbiltà bejn sistemi ta’ informazzjoni tal-UE fil-qasam ta’ fruntieri u viża u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 767/2008, (UE) 2016/399, (UE) 2017/2226, (UE) 2018/1240, (UE) 2018/1726 u (UE) 2018/1861 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2004/512/KE u 2008/633/ĠAI (ĠU L 135, 22.5.2019, p. 27).

    (9)  Ir-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-tmexxija operattiva tas-sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99).

    (10)  Id-Direttiva 2004/38/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2004 dwar id-drittijiet taċ-ċittadini tal-Unjoni u tal-membri tal-familja tagħhom biex jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri u li temenda r-Regolament (KEE) Nru 1612/68 u li tħassar id-Direttivi 64/221/KEE, 68/360/KEE, 72/194/KEE, 73/148/KEE, 75/34/KEE, 75/35/KEE, 90/364/KEE, 90/365/KEE u 93/96/KEE (ĠU L 158, 30.4.2004, p. 77).

    (11)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/192/KE tat-28 ta’ Frar 2002 rigward it-talba tal-Irlanda biex tieħu sehem f’xi dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 64, 7.3.2002, p. 20).

    (12)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2017/733 tal-25 ta’ April 2017 dwar l-applikazzjoni tad-dispożizzjonijiet tal-acquis ta’ Schengen relatati mas-Sistema ta’ Informazzjoni ta’ Schengen fir-Repubblika tal-Kroazja (ĠU L 108, 26.4.2017, p. 31).

    (13)  ĠU L 176, 10.7.1999, p. 36.

    (14)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 1999/437/KE tas-17 ta’ Mejju 1999 dwar ċerti arranġamenti għall-applikazzjoni tal-Ftehim konkluż mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tal-Iżlanda u r-Renju tan-Norveġja dwar l-assoċjazzjoni ta’ dawn iż-żewġ Stati mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 176, 10.7.1999, p. 31).

    (15)  ĠU L 53, 27.2.2008, p. 52.

    (16)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/149/ĠAI tat-28 ta’ Jannar 2008 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen (ĠU L 53, 27.2.2008, p. 50).

    (17)  ĠU L 160, 18.6.2011, p. 21.

    (18)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2011/349/UE tas-7 ta’ Marzu 2011 dwar il-konklużjoni, f’isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea, il-Konfederazzjoni Żvizzera u l-Prinċipat tal-Liechtenstein dwar l-adeżjoni tal-Prinċipat tal-Liechtenstein mal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea, il-Komunità Ewropea u l-Konfederazzjoni Żvizzera dwar l-assoċjazzjoni tal-Konfederazzjoni Żvizzera mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis ta’ Schengen, relatat b’mod partikolari mal-kooperazzjoni ġudizzjarja f’materji kriminali u l-kooperazzjoni tal-pulizija (ĠU L 160, 18.6.2011, p. 1).

    (19)  Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).


    Top