Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021R0692

    Regolament (UE) 2021/692 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014

    PE/23/2021/INIT

    ĠU L 156, 5.5.2021, p. 1–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 05/05/2021

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2021/692/oj

    5.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 156/1


    REGOLAMENT (UE) 2021/692 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tat-28 ta’ April 2021

    li jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 16(2), l-Artikolu 19(2), l-Artikolu 21(2), l-Artikolu 24, l-Artikolu 167, u l-Artikolu 168 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal--Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġislattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni (2),

    Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja (3),

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), l-Unjoni hija msejsa fuq il-valuri tar-rispett għad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet ta’ persuni li jagħmlu parti minn minoranzi. Dawk il-valuri huma komuni għall-Istati Membri f’soċjetà fejn jipprevalu l-pluraliżmu, in-nondiskriminazzjoni, it-tolleranza, il-ġustizzja, is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel. L-Artikolu 3 TUE jispeċifika ulterjorment li l-mira tal-Unjoni hija li tippromwovi l-paċi, il-valuri tagħha u l-benessri tal-popli tagħha u li tirrispetta r-rikkezza tad-diversità kulturali u lingwistika tagħha u tiżgura li jitħares u jkun żviluppat il-wirt kulturali Ewropew. Dawk il-valuri huma affermati u artikolati ulterjorment fid-drittijiet, fil-libertajiet u fil-prinċipji mnaqqxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea (il-’Karta’).

    (2)

    Huwa kruċjali li dawk id-drittijiet u l-valuri jkomplu jiġu kkultivati, protetti, promossi, infurzati u kondiviżi b’mod attiv fost iċ-ċittadini u l-popli u li jibqgħu jkunu fil-qalba tal-proġett tal-Unjoni, għax id-deterjorament fil-ħarsien ta’ dawk id-drittijiet u l-valuri fi kwalunkwe Stat Membru jista’ jkollu effetti detrimentali fuq l-Unjoni kollha kemm hi. Għaldaqstant, fil-baġit ġenerali tal-Unjoni jenħtieġ li jiġi previst Fond ġdid għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri, li jinkludi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri u l-Programm dwar il-Ġustizzja stabbilit bir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Fi żmien meta s-soċjetajiet Ewropej qed iħabbtu wiċċhom ma’ estremiżmu, radikaliżmu u diviżjonijiet, u l-ispazju għas-soċjetà ċivili indipendenti qed jiċkien, huwa importanti iżjed minn qatt qabel il-promozzjoni, it-tisħiħ u d-difiża tal-ġustizzja, id-drittijiet u l-valuri tal-Unjoni tar-rispett tad-dinjità tal-bniedem, tal-libertà, tad-demokrazija, tal-ugwaljanza, tal-istat tad-dritt u tar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem. Dan ser ikollu implikazzjonijiet diretti u profondi għall-ħajja politika, soċjali, kulturali u ekonomika fl-Unjoni. Bħala parti mill-Fond il-ġdid għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri, il-Programm dwar il-Ġustizzja, f’konformità mal-Programm dwar il-Ġustizzja 2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), ser ikompli jappoġġa l-iżvilupp ulterjuri tal-ispazju tal-ġustizzja tal-Unjoni bbażat fuq l-istat tad-dritt, l-indipendenza u l-imparzjalità tal-ġudikatura, ir-rikonoxximent reċiproku u l-fiduċja reċiproka, l-aċċess għall-ġustizzja u l-kooperazzjoni transkonfinali.

    Il-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (il-"Programm") ser jiġbor flimkien il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-2014-2020 stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" stabbilit bir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 (7) (il-"Programmi predeċessuri").

    (3)

    Jenħtieġ li l-Programm jiġi stabbilit għal perijodu ta’ seba’ snin biex it-tul ta’ żmien tiegħu jiġi allinjat ma’ dak tal-qafas finanzjarju pluriennali stabbilit fir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 (8).

    (4)

    Il-Fond għall-Ġustizzja, għad-Drittijiet u għall-Valuri u ż-żewġ programmi ta’ finanzjament sottostanti tiegħu ser jiffokaw fuq il-persuni u l-entitajiet li jikkontribwixxu biex il-valuri komuni u d-diversità rikka tagħna kif ukoll id-drittijiet u l-ugwaljanza jieħdu l-ħajja u jkunu vibranti. L-objettiv aħħari huwa li titrawwem u tiġi sostnuta soċjetà demokratika, inklużiva, pluralista, miftuħa, ugwali u bbażata fuq id-drittijiet. Dan jinkludi soċjetà ċivili vibranti u emanċipata, l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni demokratika, ċivika u soċjali tan-nies, u t-trawwim tad-diversità rikka tas-soċjetà Ewropea abbażi tal-valuri, l-istorja u l-memorja komuni tagħna. L-Artikolu 11 tat-TUE jirrikjedi li l-istituzzjonijiet tal-Unjoni jżommu djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mas-soċjetà ċivili u, permezz ta’ mezzi xierqa, jagħtu liċ-ċittadini u lill-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi l-opportunità li jsemmgħu l-fehmiet tagħhom u jiskambjaw pubblikament il-fehmiet tagħhom fl-oqsma kollha ta’ azzjoni tal-Unjoni.

    (5)

    Jenħtieġ li jiġi stabbilit djalogu miftuħ, trasparenti u regolari mal-benefiċjarji tal-Programm u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra billi jiġi stabbilit Grupp ta’ Djalogu Ċivili. Jenħtieġ li l-Grupp ta’ Djalogu Ċivili jkun forum informali u miftuħ għad-diskussjoni u jikkontribwixxi għall-iskambju ta’ esperjenzi u prattiki tajba u għad-diskussjoni ta’ żviluppi ta’ politika fl-oqsma u fl-objettivi koperti mill-Programm u minn oqsma relatati. Il-Grupp ta’ Djalogu Ċivili jenħtieġ li ma jkollu l-ebda responsabbiltà fir-rigward tal-ġestjoni tal-Programm.

    (6)

    Bil-bini u l-iżvilupp ulterjuri tal-esperjenza pożittiva tal-Programmi predeċessuri jenħtieġ li l-Programm jippermetti l-iżvilupp ta’ sinerġiji sabiex jiġu indirizzati l-isfidi li huma komuni għall-promozzjoni u għall-protezzjoni tal-valuri tal-Unjoni, u sabiex tintlaħaq dimensjoni kritika neċessarja sabiex jinkisbu riżultati konkreti fil-qasam. . Dan għandu jagħmel possibbli l-isfruttament sħiħ tal-potenzjal għal sinerġiji, sabiex jingħata appoġġ aktar effettiv tal-oqsma politiċi koperti u jiżdied il-potenzjal tal-linji politiċi relatati biex jilħqu lill-persuni u s-soċjetà ċivili, bil-għan ta’ distribuzzjoni ġeografika bilanċjata. Sabiex ikun effettiv, il-Programm jenħtieġ li jqis in-natura speċifika tal-politiki differenti, il-gruppi differenti fil-mira tagħhom u l-ħtiġijiet partikolari tagħhom permezz ta’ approċċi mfassla apposta u mmirati.

    (7)

    Ir-rispett sħiħ u l-promozzjoni tal-istat tad-dritt u d-demokrazija huma fundamentali biex tinbena l-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni u biex tiġi żgurata l-fiduċja reċiproka fost l-Istati Membri. Permezz tal-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri, il-Programm ser jikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni aktar demokratika, għar-rispett għall-istat tad-dritt u d-djalogu demokratiku, it-trasparenza u l-governanza tajba, inkluż f’każijiet fejn l-ispazju għas-soċjetà ċivili qed jiċkien.

    (8)

    Sabiex l-Unjoni titqarreb lejn iċ-ċittadini tagħha u biex titrawwem il-parteċipazzjoni demokratika, huma meħtieġa diversi azzjonijiet u sforzi koordinati. Jenħtieġ li ċ-ċittadinanza Ewropea u l-identità Ewropea jiġu żviluppati u promossi billi ċ-ċittadini jiġu mħeġġa jifhmu l-proċess tat-tfassil ta’ politika, u billi jiġi promoss l-involviment ċiviku fl-azzjonijiet tal-Unjoni. Barra minn hekk, it-tlaqqigħ flimkien taċ-ċittadini permezz ta’ proġetti ta’ ġemellaġġi u networks ta’ bliet u l-appoġġ lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali fl-oqsma koperti mill-Programm ser jikkontribwixxu biex jiżdied l-involviment taċ-ċittadini fis-soċjetà u fl-aħħar mill-aħħar biex tinvolvihom b’mod attiv fil-ħajja demokratika tal-Unjoni. Fl-istess waqt, l-appoġġ lil attivitajiet li jippromovu l-komprensjoni reċiproka, id-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u lingwistika, l-inklużjoni soċjali u r-rispett lejn l-oħrajn irawwem sens ta’ appartenenza għall-Unjoni u ta’ ċittadinanza komuni b’identità Ewropea, abbażi ta’ komprensjoni tal-valuri Ewropej komuni tagħna, tal-kultura, tal-istorja u tal-wirt tagħna. Il-promozzjoni ta’ sens akbar ta’ appartenenza għall-Unjoni u tal-valuri tal-Unjoni hija partikolarment importanti fost iċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi tagħha minħabba l-bogħod u d-distanza mill-Ewropa kontinentali.

    (9)

    L-attivitajiet ta’ kommemorazzjoni u riflessjoni kritika dwar il-memorja storika tal-Ewropa huma neċessarji biex iċ-ċittadini, b’mod partikolari ż-żgħażagħ, ikunu konxji mill-istorja u l-valuri komuni tagħhom bħala l-pedament għal ġejjieni komuni. L-attivitajiet ta’ kommemorazzjoni jenħtieġ li jirriflettu dwar il-kawżi tar-reġimi totalitarji fl-istorja moderna tal-Ewropa, b’mod partikolari n-Naziżmu li wassal għall-Olokawst; il-faxxiżmu; l-Istaliniżmu u reġimi komunisti totalitarji, u jenħtieġ li jfakkru l-vittmi tar-reati tagħhom. Jenħtieġ li jinkludu wkoll attivitajiet dwar mumenti u punti ta’ referenza oħra li sawru l-istorja Ewropea reċenti. Ir-rilevanza ta’ fatturi storiċi, soċjali, kulturali u interkulturali jenħtieġ li titqies ukoll sabiex tinħoloq identità Ewropea bbażata fuq valuri komuni u sens ta’ appartenenza komuni.

    (10)

    Jenħtieġ li ċ-ċittadini jkunu aktar konxji mid-drittijiet tagħhom li jirriżultaw miċ-ċittadinanza tal-Unjoni u jenħtieġ li jħossuhom komdi jgħixu, jivvjaġġaw, jistudjaw, jaħdmu u jagħmlu xogħol volontarju fi Stat Membru ieħor. Jenħtieġ li huma jħossuhom kapaċi jgawdu u jeżerċitaw id-drittijiet taċ-ċittadinanza kollha tagħhom u li jkollhom fiduċja fl-aċċess ugwali, fl-infurzabbiltà sħiħa u fil-protezzjoni sħiħa tad-drittijiet tagħhom mingħajr ebda diskriminazzjoni, irrispettivament minn fejn jinzertaw ikunu fl-Unjoni. Is-soċjetà ċivili teħtieġ tkun appoġġata biex tippromwovi l-valuri komuni tal-Unjoni, tissalvagwardjahom u toħloq sensibilizzazzjoni dwarhom, u biex tikkontribwixxi għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni.

    (11)

    L-ugwaljanza bejn is-sessi hija valur fundamentali u objettiv tal-Unjoni. Madankollu l-progress ġenerali fil-qasam tal-ugwaljanza bejn is-sessi qed jistaġna. Id-diskriminazzjoni kontra n-nisa u l-bniet u t-trattament inugwali tagħhom, kif ukoll forom varji ta’ vjolenza kontrihom, jiksru d-drittijiet fundamentali tagħhom u jxekklu l-parteċipazzjoni politika, soċjali u ekonomika sħiħa tagħhom fis-soċjetà. Barra minn hekk, l-eżistenza ta’ ostakli politiċi, strutturali u kulturali tfixkel il-kisba ta’ ugwaljanza reali bejn is-sessi. Il-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi fl-attivitajiet kollha tal-Unjoni hija għalhekk kompitu ewlieni għall-Unjoni u xprun għat-tkabbir ekonomiku u l-iżvilupp soċjali, u jenħtieġ li tiġi appoġġata mill-Programm. Il-ġlieda attiva kontra l-istereotipi u l-indirizzar tad-diskriminazzjoni silenzjuża u intersezzjonali huma ta’ importanza partikolari. L-aċċess ugwali għax-xogħol, il-parteċipazzjoni indaqs fis-suq tax-xogħol u l-eliminazzjoni ta’ ostakli għall-progress fil-karriera fis-setturi kollha, pereżempju l-ġudikatura, u s-setturi relatati max-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika, huma pilastri tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Jenħtieġ li ssir enfasi wkoll fuq il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata u fuq il-kondiviżjoni ugwali bejn in-nisa u l-irġiel tax-xogħol domestiku mhux imħallas u tal-kura mhux imħallsa għat-tfal, l-anzjani u persuni dipendenti oħra minħabba li dawn huma kwistjonijiet li huma intrinsikament relatati mal-kisba ta’ indipendenza u ta’ parteċipazzjoni ekonomika indaqs u mal-kisba tal-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel.

    (12)

    Il-vjolenza sessista u l-vjolenza kontra gruppi f’riskju (tfal, żgħażagħ u gruppi oħra f’riskju bħal persuni leżbjani, gay, bisesswali, transġeneru, queer u intersesswali (LGBTIQ), u persuni b’diżabbiltà) jikkostitwixxu ksur serju tad-drittijiet fundamentali u jippersistu fl-Unjoni kollha, fil-kuntesti soċjali u ekonomiċi kollha, b’riperkussjonijiet serji fuq is-saħħa fiżika, mentali u psikoloġika tal-vittmi u fuq is-soċjetà kollha kemm hi. Il-vjolenza sessista u l-fastidju kemm fl-isfera domestika kif ukoll dik pubblika jaffettwaw bl-aktar mod sinifikanti lin-nisa. Għalhekk il-ġlieda kontra t-tali vjolenza u fastidju hija azzjoni essenzjali għall-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi. Il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul) tiddefinixxi l-vjolenza fuq in-nisa bħala l-atti kollha ta’ vjolenza sessista li jirriżultaw, jew x’aktarx jirriżultaw, fi ħsara jew tbatija ta’ natura fiżika, sesswali, psikoloġika jew ekonomika fil-konfront tan-nisa, inkluż it-theddid ta’ atti bħal dawn, koerċizzjoni jew privazzjoni arbitrarja tal-libertà, kemm fil-ħajja pubblika kif ukoll fil-ħajja privata. Il-ġlieda kontra l-vjolenza sessista tirrikjedi approċċ multidimensjonali u tinkludi l-indirizzar tal-aspetti legali, ekonomiċi, edukattivi u tas-saħħa. Hemm ħtieġa wkoll li jiġu indirizzati b’mod attiv l-istereotipi tas-sessi minn età bikrija, kif ukoll il-forom kollha ta’ diskors ta’ mibegħda u vjolenza online. F’dan il-kuntest jibqa’ essenzjali l-appoġġ lill-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tan-nisa u lil atturi oħra li jaħdmu f’dan il-qasam. It-tfal, iż-żgħażagħ u gruppi oħra f’riskju, bħall-persuni LGBTIQ u persuni b’diżabbiltà jippreżentaw, jinsabu ukoll f’riskju akbar li jkunu soġġetti għall-vjolenza, b’mod partikolari fil-qafas ta’ relazzjonijiet familjari u dawk intimi.

    Jenħtieġ li tittieħed azzjoni biex jiġu promossi d-drittijiet tal-persuni f’riskju — b’mod partikolari d-drittijiet tat-tfal, inklużi dawk orfni, kemm minħabba reati domestiċi jew għal raġunijiet oħra, u gruppi oħra partikolarment vulnerabbli ta’ tfal — u biex jingħata kontribut għall-protezzjoni tagħhom u jiġu żgurati d-drittijiet tagħhom għall-iżvilupp u għad-dinjità. Il-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza, b’mod partikolari l-vjolenza sessista, il-promozzjoni tal-prevenzjoni tagħha, u l-protezzjoni u l-appoġġ għall-vittmi tagħha huma prijoritajiet tal-Unjoni li jgħinu biex l-individwi jgawdu d-drittijiet fundamentali tagħhom u jikkontribwixxu għall-ugwaljanza bejn is-sessi. Dawk il-prijoritajiet jenħtieġ li jkunu appoġġati mill-Programm. Hija enfasizzata l-importanza li jingħata finanzjament skont il-Programm lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, jiġġieldu kontra l-vjolenza sessista u jippromwovu d-drittijiet tan-nisa, inkluż is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi u d-drittijiet tal-persuni LGBTIQ, fl-Istati Membri kollha. Dawk l-attivitajiet kollha jfittxu li jippromwovu l-valuri ewlenin tal-Unjoni u għalhekk jenħtieġ li jiġu appoġġati fl-Unjoni kollha, mingħajr eċċezzjoni.

    (13)

    Rieda politika qawwija u azzjoni koordinata bbażata fuq il-metodi u r-riżultati tal-programmi Daphne, il-Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza u l-Programm dwar il-Ġustizzja li saru qabel huma neċessarji sabiex jiġu evitati u miġġielda l-forom kollha ta’ vjolenza u biex jiġu protetti l-vittmi. B’mod partikolari, il-finanzjament ta’ Daphne għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq it-tfal, iż-żgħażagħ u n-nisa, u għall-protezzjoni tal-vittmi, kien, sa mit-tnedija tiegħu fl-1997, suċċess ġenwin kemm f’termini tal-popolarità tiegħu mal-partijiet ikkonċernati (awtoritajiet pubbliċi, istituzzjonijiet akkademiċi u organizzazzjonijiet mhux governattivi) kif ukoll f’termini tal-effettività tal-proġetti finanzjati. Il-programm Daphne ffinanzja proġetti li jissensibilizzaw, li jipprovdu servizzi ta’ appoġġ lill-vittmi u li jappoġġaw l-attivitajiet ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili li jaħdmu fil-post. Dan indirizza l-forom kollha ta’ vjolenza, inklużi l-vjolenza domestika, il-vjolenza sesswali, it-traffikar tal-bnedmin, is-segwiment ta’ persuna bil-moħbi u prattiki tradizzjonali dannużi, bħall-mutilazzjoni ġenitali femminili, kif ukoll forom ġodda ta’ vjolenza li qed ifiġġu, bħaċ-ċiberbulliżmu u l-molestja online. Meta jitqies l-għadd ta’ vittmi ta’ vjolenza sessista li għadu allarmanti, huwa importanti li dawn l-azzjonijiet kollha jitkomplew b’allokazzjoni baġitarja indipendenti għall-attivitajiet li jimplimentaw l-objettiv speċifiku tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza sessista taħt Daphne, u li fl-implimentazzjoni tal-Programm jitqiesu b’mod xieraq ir-riżultati u t-tagħlimiet meħuda minnhom.

    (14)

    In-nondiskriminazzjoni huwa prinċipju fundamentali tal-Unjoni. L-Artikolu 19 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jipprevedi azzjoni għall-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni bbażata fuq is-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali. In-nondiskriminazzjoni hija wkoll imnaqqxa fl-Artikolu 21 tal-Karta. Jenħtieġ li jitqiesu l-karatteristiċi speċifiċi tal-forom diversi ta’ diskriminazzjoni, inkluż id-diskriminazzjoni diretta u strutturali, u jenħtieġ li b’mod parallel tiġi żviluppata azzjoni xierqa li tipprevjeni u tiġġieled id-diskriminazzjoni għal raġuni waħda jew aktar. Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa azzjonijiet li jipprevjenu u jiġġieldu kull forma ta’ diskriminazzjoni, razziżmu, ksenofobija, afrofobija, antisemitiżmu, diskriminazzjoni kontra r-Rom, mibegħda kontra l-Musulmani u l-forom kollha ta’ intolleranza, inkluż l-omofobija, il-bifobija, it-transfobija, l-interfobija u intolleranza bbażata fuq l-identità tas-sessi, kemm online kif ukoll offline, kif ukoll intolleranza ta’ persuni li jappartjenu għal minoranzi, filwaqt li jitqiesu l-livelli multipli ta’ diskriminazzjoni. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari lill-prevenzjoni u l-ġlieda kontra kull forma ta’ vjolenza, mibegħda, segregazzjoni u stigmatizzazzjoni, kif ukoll lill-ġlieda kontra l-bulliżmu, il-molestja u t-trattament intolleranti. Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b’tali mod li jirrinforza reċiprokament l-attivitajiet l-oħra tal-Unjoni li jkollhom l-istess objettivi, b’mod partikolari dawk imsemmija fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta’ April 2011 bl-isem “Qafas tal-UE għall-Istrateġiji Nazzjonali għall-Integrazzjoni tar-Roma fl-2020” u fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-9 ta’ Diċembru 2013 dwar miżuri ta’ integrazzjoni tar-Rom effettivi fl-Istati Membri (9).

    (15)

    L-ostakli soċjali u ambjentali kif ukoll in-nuqqas ta’ aċċessibbiltà jfixklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva ta’ persuni b’diżabbiltà fis-soċjetà fuq bażi ugwali mal-oħrajn. Il-persuni b’diżabbiltà jaffaċċjaw ostakli biex, fost affarijiet oħra, ikollhom aċċess għas-suq tax-xogħol, jibbenefikaw minn edukazzjoni inklużiva u ta’ kwalità, jevitaw il-faqar u l-esklużjoni soċjali, igawdu aċċess għal inizjattivi kulturali u għall-media, u jeżerċitaw id-drittijiet politiċi tagħhom. Bħala Partijiet mill-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabbiltà, l-Unjoni u l-Istati Membri kollha impenjaw ruħhom li jippromovu, jipproteġu u jiżguraw it-tgawdija sħiħa u ugwali tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali kollha mill-persuni kollha b’diżabbiltà. Dik il-Konvenzjoni saret parti integrali mill-ordni legali tal-Unjoni.

    (16)

    Id-dritt għar-rispett tal-ħajja privata u tal-familja ta’ kull persuna, ta’ darha u tal-komunikazzjonijiet tagħha huwa dritt fundamentali mnaqqax fl-Artikolu 7 tal-Karta. Il-protezzjoni tad-data personali hija dritt fundamentali mnaqqax fl-Artikolu 16 TFUE u fl-Artikolu 8 tal-Karta. Il-konformità mar-regoli dwar il-protezzjoni tad-data personali hija soġġetta għall-kontroll minn awtoritajiet superviżorji indipendenti. Il-qafas legali tal-Unjoni, b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10) u d-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11), jistabbilixxi dispożizzjonijiet biex ikun żgurat li d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali jkun effettivament infurzat. Dawk l-istrumenti legali jinkarigaw lill-awtoritajiet superviżorji nazzjonali tal-protezzjoni tad-data bil-kompitu li jippromwovu kuxjenza pubblika u komprensjoni tar-riskji, tar-regoli, tas-salvagwardji u tad-drittijiet li jirrigwardaw l-ipproċessar tad-data personali. Jenħtieġ li l-Unjoni tkun tista’ twettaq attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, inkluż permezz ta’ appoġġ għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li jippromwovu l-protezzjoni tad-data personali f’konformità mal-istandards tal-Unjoni, u li twettaq studji u attivitajiet rilevanti oħra, minħabba l-importanza tad-dritt għall-protezzjoni tad-data personali fi żmien ta’ żvilupp teknoloġiku rapidu.

    (17)

    L-Artikolu 24 TFUE jobbliga lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw dispożizzjonijiet għall-proċeduri u l-kundizzjonijiet meħtieġa għal inizjattiva taċ-ċittadini fis-sens tal-Artikolu 11 TUE. Dan sar permezz tal-adozzjoni tar-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12). Jenħtieġ li l-Programm jappoġġa l-finanzjament tal-appoġġ tekniku u organizzattiv għall-implimentazzjoni ta’ dak ir-Regolament, u b’hekk jirfed l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini li jniedu u jappoġġaw inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej.

    (18)

    F’konformità mal-Artikoli 8 u 10 TFUE, fl-attivitajiet kollha tiegħu, il-Programm jenħtieġ li jappoġġa l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u l-integrazzjoni tan-nondiskriminazzjoni. Jenħtieġ li l-evalwazzjoni interim u dik finali tal-Programm jevalwaw l-impatti fuq is-sessi sabiex jiġi vvalutat il-punt sa fejn dan qed jikkontribwixxi għall-ugwaljanza bejn is-sessi u biex jiġi vvalutat jekk il-Programm hux qed ikollu impatti negattivi mhux intenzjonati fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi. F’dan il-kuntest u filwaqt li jitqiesu n-natura u d-daqs differenti tal-attivitajiet tal-aspetti differenti tal-Programm, ikun importanti li, kull meta jkun possibbli, id-data individwali miġbura mill-promoturi tal-proġett tinqasam skont is-sess. Huwa importanti wkoll li l-applikanti jingħataw informazzjoni dwar kif għandhom iqisu l-ugwaljanza bejn is-sessi, inkluż informazzjoni dwar l-użu ta’ għodod għall-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi bħall-ibbaġitjar skont is-sessi u l-valutazzjonijiet tal-impatt fuq is-sessi fejn ikun neċessarju. Jenħtieġ li jiġi kkunsidrat il-bilanċ bejn is-sessi meta jiġu kkonsultati esperti u partijiet ikkonċernati.

    (19)

    L-Artikolu 3 TUE jirrikjedi li l-Unjoni, fost l-oħrajn, tippromwovi l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal, f’konformità mal-Artikolu 24 tal-Karta u mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal.

    (20)

    F’konformità mal-atti tal-Unjoni dwar it-trattament indaqs, l-Istati Membri stabbilixxew korpi indipendenti għall-promozzjoni tat-trattament indaqs ("korpi tal-ugwaljanza") sabiex jiġġieldu d-diskriminazzjoni abbażi tar-razza u tal-oriġini etnika kif ukoll tas-sessi. Madankollu, bosta Stati Membri mxew lil hinn mir-rekwiżiti ta’ dawk l-atti tal-Unjoni u żguraw li l-korpi tal-ugwaljanza jkunu jistgħu wkoll jittrattaw id-diskriminazzjoni bbażata fuq raġunijiet oħra, bħal-lingwa, l-età, il-karatteristiċi sesswali, l-identità tas-sessi u d-diversità tas-sessi, l-orjentazzjoni sesswali, ir-reliġjon u t-twemmin, u d-diżabbiltà. Il-korpi tal-ugwaljanza jaqdu rwol kruċjali fil-promozzjoni tal-ugwaljanza u fl-iżgurar tal-applikazzjoni effettiva tal-leġislazzjoni dwar it-trattament indaqs, b’mod partikolari ,billi jipprovdu assistenza indipendenti lill-vittmi tad-diskriminazzjoni, jagħmlu stħarriġ indipendenti dwar id-diskriminazzjoni, jippubblikaw rapporti indipendenti u jagħtu rakkomandazzjonijiet dwar kwalunkwe kwistjoni marbuta mad-diskriminazzjoni fl-Istat Membri rispettivi tagħhom. Huwa essenzjali li l-ħidma tal-korpi tal-ugwaljanza tkun ikkoordinata fil-livell tal-Unjoni f’dan ir-rigward.

    In-Network Ewropew għall-Korpi Nazzjonali tal-Ugwaljanza (Equinet) inħoloq fl-2007u huwa magħmul mill-korpi nazzjonali għall-ugwaljanza kif stabbilit permezz tad-Direttivi tal-Kunsill 2000/43/KE (13) u 2004/113/KE (14), u d-Direttivi 2006/54/KE (15) u 2010/41/UE (16) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill. Fit-22 ta’ Ġunju 2018, il-Kummissjoni adottat ir-Rakkomandazzjoni (UE) 2018/951 (17) dwar standards għall-korpi tal-ugwaljanza, li tkopri l-mandat, l-indipendenza, l-effettività, u l-koordinazzjoni u l-kooperazzjoni tagħhom. Equinet jinsab f’sitwazzjoni eċċezzjonali, peress li huwa l-unika entità li tiżgura l-koordinazzjoni tal-attivitajiet bejn il-korpi tal-ugwaljanza. Dik il-koordinazzjoni minn Equinet hija ta’ importanza ewlenija għall-implimentazzjoni effettiva tal-liġi tal-Unjoni kontra d-diskriminazzjoni fl-Istati Membri u jenħtieġ li tkun appoġġata mill-Programm.

    (21)

    Sabiex tiżdied l-aċċessibbiltà faċli għall-utenti u tingħata gwida imparzjali, informazzjoni prattika u assistenza lill-applikanti, lill-partijiet interessati u lill-benefiċjarji fir-rigward tal-aspetti kollha tal-Programm, jenħtieġ li l-Istati Membri jkunu jistgħu jistabbilixxu punti ta’ kuntatt tal-Programm. Il-punti ta’ kuntatt tal-programm jenħtieġ li jkunu jistgħu jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti u mingħajr interferenza mill-awtoritajiet pubbliċi fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tagħhom. Huwa importanti li l-Istati Membri jkunu jistgħu jagħżlu l-aħjar mod biex jiġġestixxu t-tali punti ta’ kuntatt tal-Programm, inkluż permezz tal-awtoritajiet pubbliċi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jew konsorzji tagħhom. Il-punti ta’ kuntatt tal-Programm jenħtieġ li ma jkollhom l-ebda responsabbiltà fir-rigward tal-ġestjoni tal-Programm.

    (22)

    Il-korpi indipendenti tad-drittijiet tal-bniedem u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jaqdu rwol essenzjali fil-promozzjoni, fis-salvagwardja u fis-sensibilizzazzjoni tal-valuri komuni tal-Unjoni, u jikkontribwixxu għat-tgawdija effettiva tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-Karta. Kif rifless fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-19 ta’ April 2018 (18), żieda fil-finanzjament u l-appoġġ finanzjarju adegwat huwa essenzjali għall-iżvilupp ta’ ambjent li jiffavorixxi l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u jsostnihom sabiex isaħħu r-rwol tagħhom u jippermettilhom li jwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti u effettiv. Il-finanzjament tal-Unjoni jenħtieġ li jikkumplimenta l-isforzi fuq il-livell nazzjonali billi jikkontribwixxi biex jappoġġa, jagħti aktar saħħa u jibni l-kapaċità tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili indipendenti li huma attivi fil-promozzjoni tad-drittijiet u tal-valuri u li l-attivitajiet tagħhom jikkontribwixxu għall-infurzar strateġiku tad-drittijiet skont il-liġi tal-Unjoni, inkluża l-Karta, fost oħrajn permezz ta’ attivitajiet ta’ promozzjoni bħal-litigazzjoni strateġika, il-kampanji, il-komunikazzjoni u attivitajiet ta’ sorveljanza oħra, kif ukoll biex jippromwovu, jħarsu u jqajmu kuxjenza dwar il-valuri komuni tal-Unjoni fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u Transnazzjonali. Il-Programm jenħtieġ li jiġi implimentat b’mod faċli għall-utent, pereżempju permezz ta’ applikazzjoni u proċedura ta’ rappurtar faċli għall-utent. Jenħtieġ li tingħata attenzjoni partikolari għall-aċċessibbiltà tal-Programm għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fil-livelli lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali, inkluż l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili lokali li jaħdmu qalb in-nies, kif ukoll għall-kapaċità tal-benefiċjarji. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-għoti ta’ appoġġ finanzjarju lil partijiet terzi, fejn opportun.

    (23)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni tiżgura l-konsistenza kumplessiva, il-kumplementarjetà u s-sinerġiji mal-ħidma tal-korpi, tal-uffiċċji u tal-aġenziji tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi u l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u jenħtieġ li tqis il-ħidma ta’ atturi nazzjonali u internazzjonali oħra fl-oqsma koperti mill-Programm.

    (24)

    Soġġett għal ċerti kundizzjonijiet, jenħtieġ li l-Programm ikun miftuħ, għall-parteċipazzjoni tal-membri tal-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Kummerċ Ħieles (EFTA) li huma membri taż-Żona Ekonomika Ewropea (ŻEE). Pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali li jibbenefikaw minn xi strateġija ta’ qabel l-adeżjoni, pajjiżi koperti mill-Politika Ewropea tal-Viċinat u pajjiżi terzi oħra jenħtieġ li jkunu jistgħu jipparteċipaw ukoll fil-Programm.

    (25)

    Sabiex tiġi żgurata l-allokazzjoni effiċjenti tal-fondi mill-baġit ġenerali tal-Unjoni, hemm bżonn li jiġi żgurat li l-azzjonijiet kollha mwettqa taħt il-Programm ikollhom valur miżjud tal-Unjoni, jikkumplimentaw l-azzjonijiet tal-Istati Membri u jkunu konsistenti ma’ azzjonijiet oħra tal-Unjoni. Il-konsistenza, il-kumplementarjetà u s-sinerġiji jenħtieġ li jiġu mfittxija permezz tal-programmi ta’ finanzjament li jappoġġaw oqsma ta’ politika li huma interkonnessi mill-qrib, b’mod partikolari mal-Programm dwar il-Ġustizzja, kif ukoll mal-Programm Ewropa Kreattiva, stabbilit bir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (19), u l-Erasmus+, stabbilit bir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (20) sabiex jiġi realizzat il-potenzjal ta’ influwenza reċiproka fl-oqsma tal-kultura, il-media, l-arti, l-edukazzjoni u l-kreattività. Hemm bżonn li jinħolqu sinerġiji ma’ programmi tal-Unjoni oħra ta’ finanzjament, b’mod partikolari fl-oqsma tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-esklużjoni soċjali, speċjalment mal-Fond Soċjali Ewropew Plus, kif ukoll fl-oqsma tas-suq intern, l-intrapriżi, iż-żgħażagħ, is-saħħa, iċ-ċittadinanza, il-ġustizzja, il-migrazzjoni, is-sigurtà, ir-riċerka, l-innovazzjoni, it-teknoloġija, l-industrija, il-koeżjoni, it-turiżmu, ir-relazzjonijiet esterni, il-kummerċ u l-iżvilupp sostenibbli.

    (26)

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi pakkett finanzjarju għall-perjodu sħiħ tal-Programm, li ser jikkostitwixxi l-ammont ta’ referenza primarja, fis-sens tal-punt 18 tal-Ftehim Interistituzzjonali tas-16 ta’ Diċembru 2020 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea u l-Kummissjoni Ewropea dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji baġitarji u dwar ġestjoni finanzjarja tajba, kif ukoll dwar riżorsi proprji ġodda, inkluż pjan direzzjonali lejn l-introduzzjoni ta’ riżorsi proprji ġodda (21), għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsill matul il-proċedura baġitarja annwali.

    (27)

    F’konformità mal-Artikolu 193(2) tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (22) (ir-’Regolament Finanzjarju’), tista’ tingħata għotja għal azzjoni li tkun diġà bdiet, dment li l-applikant ikun jista’ juri l-ħtieġa li jibda l-azzjoni qabel il-firma tal-ftehim ta’ għotja. Madankollu, il-kostijiet imġarrba qabel id-data tal-preżentazzjoni tal-applikazzjoni għal għotja mhumiex eliġibbli, ħlief f’każijiet eċċezzjonali debitament ġustifikati. Sabiex jiġi evitat kwalunkwe tfixkil fl-appoġġ tal-Unjoni li jista’ jkun ta’ preġudizzju għall-interessi tal-Unjoni, jenħtieġ li jkun possibbli għal perijodu limitat ta’ żmien fil-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, li l-kostijiet imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament li diġà nbdew jitqiesu eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk dawn iġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

    (28)

    Ir-Regolament Finanzjarju japplika għall-Programm. Ir-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi regoli dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-Unjoni, inkluż ir-regoli dwar għotjiet, premjijiet, akkwist, ġestjoni indiretta, strumenti finanzjarji, garanziji baġitarji, assistenza finanzjarja u r-rimborż ta’ esperti esterni.

    (29)

    It-tipi ta’ finanzjament u l-metodi ta’ implimentazzjoni skont dan ir-Regolament jenħtieġ li jintgħażlu skont il-kapaċità tagħhom li jiksbu l-objettivi speċifiċi tal-azzjonijiet u li jagħtu r-riżultati, filwaqt li b’mod partikolari jitqiesu l-kostijiet tal-kontrolli, il-piż amministrattiv, il-kapaċità tal-partijiet ikkonċernati rilevanti u l-benefiċjarji fil-mira, u r-riskju mistenni tan-nuqqas ta’ konformità. Dan jenħtieġ li jinkludi kunsiderazzjoni tal-użu ta’ somom f’daqqa, rati fissi u kostijiet ta’ unità, kif ukoll ta’ finanzjament mhux marbut ma’ kostijiet kif imsemmija fl-Artikolu 125(1) tar-Regolament Finanzjarju.

    (30)

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (23) u r-Regolamenti tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 (24), (Euratom, KE) Nru 2185/96 (25) u (UE) 2017/1939 (26), l-interessi finanzjarji tal-Unjoni jridu jiġu protetti permezz ta’ miżuri proporzjonati, inkluż miżuri relatati mal-prevenzjoni, is-sejbien, il-korrezzjoni u l-investigazzjoni ta’ irregolaritajiet, inkluż frodi, mal-irkupru ta’ fondi mitlufa, imħallsa bi żball jew użati b’mod mhux korrett u, fejn xieraq, mal-impożizzjoni ta’ penali amministrattivi. B’mod partikolari, f’konformità mar-Regolament (Euratom, KE) Nru 2185/96 u (UE, Euratom) Nru 883/2013, l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) għandu s-setgħa li jwettaq investigazzjonijiet amministrattivi, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fil-post, bil-għan li jiġi stabbilit jekk kienx hemm frodi, korruzzjoni jew kwalunkwe attività illegali oħra li taffettwa l-interessi finanzjarji tal-Unjoni. L-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (UPPE) għandu s-setgħa, f’konformità mar-Regolament (UE) 2017/1939, li jinvestiga u jressaq għall-prosekuzzjoni reati kriminali li jaffettwaw l-interessi finanzjarji tal-Unjoni kif previst fid-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (27).

    F’konformità mar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe persuna jew entità li tirċievi fondi tal-Unjoni trid tikkoopera bis-sħiħ fil-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni, tagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji lill-Kummissjoni, lill-OLAF, lill-Qorti tal-Awdituri u fir-rigward ta’ dawk l-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa skont ir-Regolament (UE) 2017/1939, lill-UPPE, u tiżgura li kwalunkwe parti terza involuta fl-implimentazzjoni tal-fondi tal-Unjoni tagħti drittijiet ekwivalenti.

    (31)

    Il-pajjiżi terzi li huma membri taż-ŻEE jistgħu jieħdu sehem fil-programmi tal-Unjoni fil-qafas tal-kooperazzjoni stabbilit skont il-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea (28), li jipprevedi l-implimentazzjoni tal-programmi abbażi ta’ deċiżjoni adottata skont dak il-Ftehim. Pajjiżi terzi jistgħu wkoll jieħdu sehem abbażi ta’ strumenti ġuridiċi oħrajn. F’dan ir-Regolament jenħtieġ li tiġi introdotta dispożizzjoni speċifika li tirrikjedi li pajjiżi terzi jagħtu d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv.

    (32)

    Ir-regoli finanzjarji orizzontali adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill fuq il-bażi tal-Artikolu 322 tat-TFUE japplikaw għal dan ir-Regolament. Dawk ir-regoli huma stipulati fir-Regolament Finanzjarju u jiddeterminaw b’mod partikolari l-proċedura għall-istabbiliment u l-implimentazzjoni tal-baġit permezz ta’ għotjiet, akkwist, premjijiet u implimentazzjoni indiretta, u jipprevedu kontrolli tar-responsabbiltà ta’ atturi finanzjarji. Ir-regoli adottati abbażi tal-Artikolu 322 jinkludu wkoll reġim ġenerali ta’ kondizzjonalità għall-protezzjoni tal-baġit tal-Unjoni.

    (33)

    Skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE (29), persuni u korpi pubbliċi u/jew privati u istituzzjonijiet rilevanti f’pajjiżi u territorji extra-Ewropej huma eliġibbli għal finanzjament soġġett għar-regoli u għall-objettiv tal-Programm u għall-arranġamenti possibbli applikabbli għall-Istat Membru li magħhom il-pajjiż jew territorju extra-Ewropew rilevanti huwa marbut.

    (34)

    Filwaqt li jirrifletti l-importanza tal-indirizzar tat-tibdil fil-klima f’konformità mal-impenji tal-Unjoni meħuda għall-implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Pariġi adottat skont il-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil tal-Klima u l-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli tan-Nazzjonijiet Uniti, il-Programm huwa maħsub li jikkontribwixxi għall-integrazzjoni ta’ azzjoni klimatika u għall-kisba ta’ mira ġenerali ta’ 30 % tal-infiq tal-baġit tal-Unjoni li jappoġġa l-objettivi klimatiċi u l-ambizzjoni li, fl-2024, 7,5 % tal-baġit tal-Unjoni jkun allokat għal infiq tal-bijodiversità u 10 % fl-2026 u fl-2027 filwaqt li jitqiesu d-duplikazzjonijiet eżistenti bejn l-għanijiet klimatiċi u tal-bijodiversità. Il-Programm għandu jappoġġa attivitajiet li jirrispettaw l-istandards u l-prijoritajiet klimatiċi u ambjentali tal-Unjoni u l-prinċipju ‘la tagħmilx ħsara’ tal-Patt Ekoloġiku Ewropew. L-azzjonijiet rilevanti għandhom jiġu identifikati matul it-tħejjija u l-implimentazzjoni tal-Programm, u jiġu vvalutati mill-ġdid fil-kuntest tal-evalwazzjonijiet u tal-proċessi ta’ rieżami rilevanti.

    (35)

    Skont il-paragrafi 22 u 23 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet (30), jenħtieġ li dan il-Programm jiġi evalwat abbażi tal-informazzjoni miġbura f’konformità ma’ rekwiżiti speċifiċi ta’ monitoraġġ, filwaqt li jiġi evitat il-piż amministrattiv, b’mod partikolari fuq l-Istati Membri kif ukoll ir-regolamentazzjoni żejda. Jenħtieġ li dawk ir-rekwiżiti, fejn xieraq, jinkludu indikaturi li jistgħu jitkejlu bħala bażi għall-evalwazzjoni tal-effetti tal-Programm fil-prattika.

    (36)

    Sabiex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu,, jenħtieġ li tiġi delegata lill-Kummissjoni s-setgħa li tadotta atti skont l-Artikolu 290 TFUE fir-rigward ta’ indikaturi kif indikat fl-Artikoli 14 u 16 u fl-Anness II. Huwa partikolarment importanti li l-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet xierqa matul ix-xogħol tagħha ta’ tħejjija, ukoll fil-livell ta’ esperti, u li dawk il-konsultazzjonijiet jiġu mwettqa f’konformità mal-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet. B’mod partikolari, biex tiġi żgurata parteċipazzjoni ugwali fit-tħejjija ta’ atti delegati, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jirċievu d-dokumenti kollha fl-istess ħin li jirċevuhom l-esperti tal-Istati Membri, u l-esperti tagħhom ikollhom aċċess sistematiku għal-laqgħat tal-gruppi ta’ esperti tal-Kummissjoni li jittrattaw it-tħejjija ta’ atti delegati.

    (37)

    Sabiex ikunu żgurati kundizzjonijiet uniformi għall-implimentazzjoni ta’ dan ir-Regolament, jenħtieġ li l-Kummissjoni tingħata setgħat ta’ implimentazzjoni. Jenħtieġ li dawk is-setgħat ikunu eżerċitati f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (31).

    (38)

    Minħabba li l-għanijiet ta’ dan ir-Regolament, jiġifieri l-protezzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet u l-valuri kif imnaqqxa fit-Trattati, il-Karta u l-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, ma jistgħux jinkisbu b’mod suffiċjenti mill-Istati Membri iżda jistgħu, minħabba l-iskala u l-effetti tal-azzjoni, jinkisbu aħjar fil-livell tal-Unjoni, l-Unjoni tista’ tadotta miżuri, f’konformità mal-prinċipju ta’ sussidjarjetà kif stabbilit fl-Artikolu 5 TUE. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità kif stabbilit f’dak l-Artikolu, dan ir-Regolament ma jmurx lil hinn minn dak li huwa meħtieġ sabiex jinkisbu dawk l-għanijiet.

    (39)

    Għalhekk jenħtieġ li r-Regolamenti (UE) Nru 1381/2013 u (UE) Nru 390/2014 jitħassru.

    (40)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-għoti ta’ appoġġ fil-qasam ta’ politika rilevanti u sabiex l-implimentazzjoni tkun tista’ ssir mill-bidu tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ b’urġenza u jenħtieġ li japplika, b’effett retroattiv, mill-1 ta’ Jannar 2021,

    ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

    KAPITOLU I

    dispożizzjonijiet ġenerali

    Artikolu 1

    Suġġett

    Dan ir-Regolament jistabbilixxi l-Programm dwar iċ-Ċittadini, l-Ugwaljanza, id-Drittijiet u l-Valuri (il-"Programm") għat-tul tal-qafas finanzjarju pluriennali 2021-2027, kif stabbilit fir-Regolament (UE, Euratom) 2020/2093.

    Huwa jistabbilixxi l-objettivi tal-Programm, il-baġit għall-perijodu 2021-2027, il-forom ta’ finanzjament tal-Unjoni u r-regoli għall-għoti ta’ dan it-tip ta’ finanzjament.

    Artikolu 2

    Objettivi tal-programm

    1.   L-objettiv ġenerali tal-Programm huwa li jipproteġi u jippromwovi d-drittijiet u l-valuri kif imnaqqxa fit-Trattati, fil-Karta u fil-konvenzjonijiet internazzjonali applikabbli dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari billi jappoġġa l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet ikkonċernati oħra attivi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali, u billi jħeġġeġ il-parteċipazzjoni ċivika u demokratika, sabiex jiġu sostnuti u jkomplu jiżviluppaw soċjetajiet miftuħa, ibbażati fuq id-drittijiet, demokratiċi, ugwali u inklużivi li huma bbażati fuq l-istat tad-dritt.

    2.   Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fil-paragrafu 1, il-Programm għandu jkollu l-objettivi speċifiċi li ġejjin, li jikkorrispondu għal-linji:

    (a)

    għall-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni (il-linja ta’ valuri tal-Unjoni);

    (b)

    għall-promozzjoni tad-drittijiet, tan-nondiskriminazzjoni u tal-ugwaljanza, inkluż l-ugwaljanza bejn is-sessi, u għall-progress tal-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u tal-integrazzjoni tan-nondiskriminazzjoni (il-linja għall-ugwaljanza, id-drittijiet u l-ugwaljanza bejn is-sessi);

    (c)

    għall-promozzjoni tal-involviment u tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-ħajja demokratika tal-Unjoni, u l-iskambji bejn iċ-ċittadini ta’ Stati Membri differenti, u għas-sensibilizzazzjoni tal-istorja Ewropea komuni tagħhom (il-linja għall-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini);

    (d)

    għall-ġlieda kontra l-vjolenza, inkluża l-vjolenza sessista (il-linja Daphne).

    Artikolu 3

    Il-linja tal-valuri tal-Unjoni

    Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(1) u fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2), il-Programm għandu jiffoka fuq il-protezzjoni, il-promozzjoni u s-sensibilizzazzjoni tad-drittijiet billi jipprovdi appoġġ finanzjarju lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li huma attivi fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u transnazzjonali fil-promozzjoni u l-kultivazzjoni ta’ dawk id-drittijiet, u b’hekk isaħħaħ ukoll il-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt u jikkontribwixxi għall-bini ta’ Unjoni aktar demokratika, djalogu demokratiku, trasparenza u governanza tajba.

    Artikolu 4

    Il-Linja tal-ugwaljanza, id-drittijiet u l-ugwaljanza bejn is-sessi

    Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(1) u fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (b) tal-Artikolu 2(2), il-Programm għandu jiffoka fuq:

    (1)

    il-promozzjoni tal-ugwaljanza u l-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-inugwaljanzi u d-diskriminazzjoni abbażi tas-sess, ir-razza jew l-oriġini etnika, ir-reliġjon jew twemmin, id-diżabbiltà, l-età jew l-orjentazzjoni sesswali, u r-rispett tal-prinċipju ta’ nondiskriminazzjoni fuq il-bażi prevista fl-Artikolu 21 tal-Karta;

    (2)

    l-appoġġ, it-tmexxija ‘l quddiem u l-implimentazzjoni ta’ politiki komprensivi immirati lejn:

    (a)

    il-promozzjoni tat-tgawdija sħiħa min-nisa tad-drittijiet; l-ugwaljanza bejn is-sessi; inkluż il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; l-emanċipazzjoni tan-nisa; u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi;

    (b)

    il-promozzjoni tan-nondiskriminazzjoni u l-integrazzjoni tagħha;

    (c)

    il-ġlieda kontra r-razziżmu, il-ksenofobija u l-forom kollha ta’ intolleranza, inkluż l-omofobija, il-bifobija, it-transfobija, l-interfobija u l-intolleranza fuq il-bażi ta’ identità tas-sessi, kemm online kif ukoll offline;

    (d)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet tat-tfal;

    (e)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet ta’ persuni b’diżabbiltà;

    (3)

    il-promozzjoni u l-protezzjoni tad-drittijiet taċ-ċittadinanza tal-Unjoni u d-dritt għall-protezzjoni tad-data personali.

    Artikolu 5

    Linja għall-involviment u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini

    Fl-ambitu tal-objettivi ġenerali stabbiliti fl-Artikolu 2(1) u fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2), il-Programm għandu jiffoka fuq:

    (1)

    l-appoġġ għal proġetti li għandhom l-għan li jfakkru mumenti li sawru l-istorja Ewropea moderna, bħall-kisba tal-poter ta’ reġimi awtoritarji u totalitarji, inkluż il-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom, u l-proġetti immirati lejn is-sensibilizzazzjoni fost iċ-ċittadini Ewropej, tal-istorja, il-kultura, il-wirt kulturali u l-valuri komuni tagħhom, u b’hekk jittejjeb il-fehim tagħhom dwar l-Unjoni, tal-oriġini tagħha, l-għan, id-diversità u l-kisbiet tagħha u tal-importanza tal-komprensjoni reċiproka u t-tolleranza;

    (2)

    il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini u tal-assoċjazzjonijiet rappreżentattivi, u l-kontribut tagħhom għall-ħajja demokratika u ċivika tal-Unjoni billi jippermettilhom li jsemmgħu fehmiethom fl-oqsma kollha tal-azzjoni tal-Unjoni u jiskambjawhom pubblikament;

    (3)

    il-promozzjoni ta’ skambji bejn ċittadini ta’ pajjiżi differenti, b’mod partikolari permezz ta’ ġemellaġġi u networks ta’ bliet, sabiex jingħataw l-opportunità ta’ esperjenza prattika tal-għana u d-diversità tal-wirt komuni tal-Unjoni u biex isiru konxji li tali għana u diversità jikkostitwixxu pedament sod għal ġejjieni komuni.

    Artikolu 6

    Il-linja Daphne

    Fl-ambitu tal-objettiv ġenerali stabbilit fl-Artikolu 2(1), u fl-ambitu tal-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (d) tal-Artikolu 2(2), il-Programm għandu jiffoka fuq:

    (1)

    il-prevenzjoni u l-ġlieda fil-livelli kollha kontra l-forom kollha ta’ vjolenza sessista kontra n-nisa u l-bniet u l-vjolenza domestika, inkluż permezz tal-promozzjoni tal-istandards stipulati fil-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika (il-Konvenzjoni ta’ Istanbul);

    (2)

    il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ vjolenza kontra t-tfal, iż-żgħażagħ u kontra gruppi oħra f’riskju, bħall-persuni LGBTIQ u l-persuni b’diżabbiltà;

    (3)

    l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi diretti u indiretti kollha tal-forom ta’ vjolenza msemmija fil-punti (1) u (2), bħall-vittmi tal-vjolenza domestika mwettqa fil-familja jew f’relazzjonijiet intimi, inkluż tfal li sfaw orfni bħala riżultat ta’ reati domestiċi, u l-appoġġ u l-iżgurar tal-istess livell ta’ protezzjoni fl-Unjoni kollha għall-vittmi ta’ vjolenza sessista.

    Artikolu 7

    Baġit

    1.   Il-pakkett finanzjarju għall-implimentazzjoni tal-Programm għall-perijodu mill-1 ta’ Jannar 2021 sal-31 ta’ Diċembru 2027 għandu jkun ta’ EUR 641 705 000 bi prezzijiet attwali.

    2.   Bħala riżultat tal-aġġustament speċifiku tal-Programm previst fl-Artikolu 5 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093, l-ammont stabbilit fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandu jiżdied b’allokazzjoni addizzjonali ta’ EUR 800 000 000 bil-prezzijiet tal-2018 kif speċifikat fl-Anness II għal dak ir-Regolament.

    3.   Fl-ammont stabbilit fil-paragrafu 1, l-ammonti indikattivi li ġejjin għandhom jiġu allokati għall-objettivi li ġejjin:

    (a)

    EUR 297 366 097 bi prezzijiet attwali, jiġifieri 46,34 % tal-pakkett finanzjarju, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

    (b)

    EUR 169 410 120 bi prezzijiet attwali, jiġifieri 26,4 % tal-pakkett finanzjarju, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(2);

    (c)

    EUR 174 928 783 bi prezzijiet attwali, jiġifieri 27,26 % tal-pakkett finanzjarju, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2).

    4.   Fl-ammont stabbilit fil-paragrafu 2, l-ammonti indikattivi li ġejjin għandhom jiġu allokati għall-objettivi li ġejjin:

    (a)

    43,00 %, sa EUR 344 000 000 bil-prezzijiet tal-2018, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

    (b)

    23,07 %, sa EUR 184 560 000 bil-prezzijiet tal-2018, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punti (b) u (d) tal-Artikolu 2(2);

    (c)

    23,93 %, sa EUR 191 440 000 bil-prezzijiet tal-2018, għall-objettivi speċifiċi stabbiliti fil-punt (c) tal-Artikolu 2(2);

    (d)

    10,00 %, sa EUR 80 000 000 bil-prezzijiet tal-2018, għal kwalunkwe objettiv speċifiku stabbilit fl-Artikolu 2(2).

    5.   Fl-ammonti stabbiliti fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 3 u l-punti (a) u (b) tal-paragrafu 4, mill-inqas 50 % għandhom jiġu allokati biex jappoġġaw attivitajiet imwettqa minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, li minnhom mill-inqas 40 % għandhom jiġu allokati lill-organizzazzjonijiet lokali u reġjonali tas-soċjetà ċivili.

    6.   Fl-ammont stabbilit fil-punt (b) tal-paragrafu 3 u fil-punt (b) tal-paragrafu 4, mill-inqas 40 % għandhom jiġu allokati biex jappoġġaw attivitajiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda fil-livelli kollha kontra l-forom kollha ta’ vjolenza sessista u mill-inqas 15 % għal attivitajiet li jippromwovu t-tgawdija sħiħa tad-drittijiet tan-nisa; l-ugwaljanza bejn il-ġeneri, inkluż il-bilanċ bejn ix-xogħol u l-ħajja privata; it-tisħiħ tal-pożizzjoni tan-nisa; u l-integrazzjoni ta’ kwistjonijiet ta’ ugwaljanza bejn is-sessi.

    7.   Fl-ammont stabbilit fil-punt (c) tal-paragrafu 3 u fil-punt (c) tal-paragrafu 4, mill-inqas 65 % għandhom jiġu allokati għall-parteċipazzjoni demokratika u 15 % għal attivitajiet ta’ tifkira.

    8.   Il-Kummissjoni ma għandhiex titbiegħed b’aktar minn għaxar punti perċentwali mill-perċentwali allokati tal-fondi tal-programm stabbiliti fil-paragrafi 6 u 7.

    9.   L-ammonti stabbiliti fil-paragrafi 1 u 2 jistgħu jiġu allokati għal assistenza teknika u amministrattiva għall-implimentazzjoni tal-Programm, bħal attivitajiet preparatorji, ta’ monitoraġġ, ta’ kontroll, ta’ awditu u ta’ evalwazzjoni, inkluż sistemi korporattivi tat-teknoloġiji tal-informazzjoni, studji, laqgħat ta’ esperti u komunikazzjoni dwar prijoritajiet u oqsma marbuta mal-objettivi ġenerali tal-Programm.

    10.   F’konformità mal-punt (a) tat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 193(2) tar-Regolament Finanzjarju, b’kont meħud tad-dħul fis-seħħ tardiva ta’ dan ir-Regolament u sabiex tiġi żgurata l-kontinwità, għal perijodu limitat, il-kostijiet imġarrba fir-rigward ta’ azzjonijiet appoġġati taħt dan ir-Regolament jistgħu jitqiesu eliġibbli mill-1 ta’ Jannar 2021, anki jekk dawn iġarrbu qabel ma ġiet ippreżentata l-applikazzjoni għal għotja.

    11.   Ir-riżorsi allokati lill-Istati Membri taħt ġestjoni kondiviża jistgħu, fuq it-talba tal-Istat Membru kkonċernat, jiġu ttrasferiti lill-Programm soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 26 ta’ Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew Plus, il-Fond ta’ Koeżjoni, il-Fond għal Tranżizzjoni Ġusta u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi, is-Sajd u l-Akkwakultura, u r-regoli finanzjarji għalihom u għall-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, il-Fond għas-Sigurtà Interna u l-Istrument għall-Appoġġ Finanzjarju għall-Ġestjoni tal-Fruntieri u l-Politika dwar il-Viżi (ir-’Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni 2021-2027’). Il-Kummissjoni għandha timplimenta dawk ir-riżorsi direttament f’konformità mal-punt (a) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tar-Regolament Finanzjarju jew indirettament f’konformità mal-punt (c) ta’ dak is-subparagrafu. Dawk ir-riżorsi għandhom jintużaw għall-benefiċċju tal-Istat Membru kkonċernat.

    Artikolu 8

    Pajjiżi terzi assoċjati mal-Programm

    Il-Programm għandu jkun miftuħ għall-parteċipazzjoni tal-pajjiżi terzi li ġejjin:

    (a)

    membri tal-EFTA li huma membri taż-ŻEE, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fil-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea;

    (b)

    pajjiżi fil-proċess tal-adeżjoni mal-Unjoni, pajjiżi kandidati u pajjiżi kandidati potenzjali, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi jew fi ftehimiet simili u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

    (c)

    pajjiżi tal-Politika Ewropea tal-Viċinat, f’konformità mal-prinċipji ġenerali u t-termini u l-kundizzjonijiet ġenerali għall-parteċipazzjoni ta’ dawk il-pajjiżi fil-programmi tal-Unjoni stabbiliti fil-ftehimiet qafas u fid-deċiżjonijiet tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rispettivi, jew fi ftehimiet simili u skont il-kundizzjonijiet speċifiċi stabbiliti fi ftehimiet bejn l-Unjoni u dawk il-pajjiżi;

    (d)

    pajjiżi terzi oħra, f’konformità mal-kundizzjonijiet stabbiliti fi ftehim speċifiku li jkopri l-parteċipazzjoni tal-pajjiż terz fi kwalunkwe programm tal-Unjoni, dment li l-ftehim:

    (i)

    jiżgura bilanċ ġust fir-rigward tal-kontribuzzjonijiet u tal-benefiċċji tal-pajjiż terz li jkun qed jipparteċipa fil-programmi tal-Unjoni;

    (ii)

    jistabbilixxi l-kundizzjonijiet tal-parteċipazzjoni fil-programmi, inkluż il-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet finanzjarji għal programmi individwali, u l-kostijiet amministrattivi tagħhom.

    (iii)

    ma jagħti l-ebda setgħa ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet lill-pajjiż terz fir-rigward tal-programm tal-Unjoni;

    (iv)

    jiggarantixxi d-drittijiet tal-Unjoni li tiżgura ġestjoni finanzjarja tajba u li tipproteġi l-interessi finanzjarji tagħha.

    Il-kontribuzzjonijiet imsemmija fil-punt (d)(ii) tal-ewwel subparagrafu għandhom jikkostitwixxu dħul assenjat f’konformità mal-Artikolu 21(5) tar-Regolament Finanzjarju.

    Artikolu 9

    Implimentazzjoni u forom ta’ finanzjament tal-Unjoni

    1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat b’ġestjoni diretta skont ir-Regolament Finanzjarju jew b’ġestjoni indiretta mill-korpi msemmija fil-punt (c) tal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 62(1) tiegħu.

    2.   Il-Programm jista’ jipprovdi finanzjament fi kwalunkwe waħda mill-forom stipulati fir-Regolament Finanzjarju.

    3.   Kontribuzzjonijiet għal mekkaniżmu ta’ assigurazzjoni reċiproka jistgħu jkopru r-riskju assoċjat mal-irkupru ta’ fondi dovuti minn riċevituri u għandhom jitqiesu bħala garanzija suffiċjenti skont ir-Regolament Finanzjarju. Għandhom japplikaw id-dispożizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 37(7) tar-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (32).

    Artikolu 10

    Tipi ta’ azzjoni

    L-azzjonijiet li jikkontribwixxu għall-kisba ta’ objettiv speċifiku kif stabbilit fl-Artikolu 2 jistgħu jirċievu finanzjament skont dan ir-Regolament. B’mod partikolari, l-attivitajiet elenkati fl-Anness I għandhom ikunu eliġibbli għal finanzjament.

    Artikolu 11

    Grupp ta’ Djalogu Ċivili

    Il-Kummissjoni għandha tistabbilixxi Grupp ta’ Djalogu Ċivili bil-għan li jiżgura djalogu trasparenti, miftuħ u regolari mal-benefiċjarji tal-Programm u ma’ partijiet ikkonċernati rilevanti oħra sabiex jiġu skambjati esperjenzi u prattiki tajba u sabiex jiġu diskussi żviluppi ta’ politika fl-oqsma u l-objettivi koperti mill-Programm u l-oqsma relatati.

    KAPITOLU II

    GĦOTJIET

    Artikolu 12

    Għotjiet

    1.   L-għotjiet skont il-Programm għandhom jingħataw u jiġu ġestiti f’konformità mat-Titolu VIII tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Il-membri tal-kumitat ta’ evalwazzjoni jistgħu jkunu esperti esterni.

    Artikolu 13

    Finanzjament kumulattiv u alternattiv

    1.   Azzjoni li tkun irċeviet kontribuzzjoni taħt il-Programm tista’ tirċievi wkoll kontribuzzjoni minn programm ieħor tal-Unjoni, inkluż minn fondi b’ġestjoni kondiviża, dment li l-kontribuzzjonijiet ma jkoprux l-istess kostijiet. Ir-regoli tal-programm rilevanti tal-Unjoni għandhom japplikaw għall-kontribuzzjoni korrispondenti għall-azzjoni. Il-finanzjament kumulattiv ma għandux jaqbeż il-kostijiet eliġibbli totali tal-azzjoni. L-appoġġ mill-programmi differenti tal-Unjoni jista’ jiġi kkalkulat fuq bażi prorata f’konformità mad-dokumenti li jistabbilixxu l-kondizzjonijiet għall-appoġġ.

    2.   L-azzjonijiet mogħtija tikketta tas-Siġill ta’ Eċċellenza taħt il-Programm jistgħu jirċievu appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali jew mill-Fond Soċjali Ewropew Plus, f’konformità mal-Artikolu 73(4) tal-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni għall-2021-2027 jekk jikkonformaw mal-kondizzjonijiet kumulattivi li ġejjin:

    (a)

    ikunu ġew ivvalutati f’sejħa għal proposti skont il-Programm;

    (b)

    jikkonformaw mal-ħtiġijiet minimi ta’ kwalità ta’ din is-sejħa għal proposti;

    (c)

    ma jistgħux jiġu ffinanzjati skont din is-sejħa għal proposti minħabba restrizzjonijiet baġitarji.

    Artikolu 14

    Entitajiet eliġibbli

    1.   Il-kriterji tal-eliġibbiltà stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu għandhom japplikaw flimkien mal-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 197 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Għandhom ikunu eliġibbli l-entitajiet li ġejjin:

    (a)

    kwalunkwe entità ġuridika stabbilita fi:

    (i)

    Stat Membru, jew pajjiż jew territorju extra-Ewropew marbut miegħu;

    (ii)

    pajjiż terz assoċjat mal-Programm, apparti fir-rigward tal-objettivi speċifiċi msemmija fil-punt (a) tal-Artikolu 2(2);

    (b)

    kwalunkwe entità ġuridika maħluqa skont il-liġi tal-Unjoni, jew kwalunkwe organizzazzjoni internazzjonali.

    3.   Għotja operattiva tista’ tingħata mingħajr sejħa għal proposti lin-Network Ewropew għall-Korpi tal-Ugwaljanza Nazzjonali (Equinet) skont il-punt (b) tal-Artikolu 7(3) u l-punt (b) tal-Artikolu 7(4), biex tkopri n-nefqa assoċjata mal-programm ta’ ħidma permanenti ta’ Equinet.

    KAPITOLU III

    PROGRAMMAZZJONI, MONITORAĠĠ, EVALWAZZJONI U KONTROLL

    Artikolu 15

    Programm ta’ ħidma

    1.   Il-Programm għandu jiġi implimentat permezz tal-programmi ta’ ħidma msemmija fl-Artikolu 110 tar-Regolament Finanzjarju.

    2.   Il-programm ta’ ħidma għandu jiġi adottat mill-Kummissjoni permezz ta’ att ta’ implimentazzjoni. Dak l-att ta’ implimentazzjoni għandu jiġi adottat skont il-proċedura ta’ eżami msemmija fl-Artikolu 22.

    Artikolu 16

    Monitoraġġ u rappurtar

    L-indikaturi għar-rapportar dwar il-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi ġenerali u speċifiċi stipulati fl-Artikolu 2 jinsabu fl-Anness II.

    Biex tiżgura l-valutazzjoni effettiva tal-progress tal-Programm lejn il-kisba tal-objettivi tiegħu, il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati, f’konformità mal-Artikolu 18, sabiex temenda l-Anness II fir-rigward tal-indikaturi fejn dan ikun ikkunsidrat neċessarju kif ukoll biex tissupplimenta dan ir-Regolament bid-dispożizzjonijiet dwar l-istabbiliment ta’ qafas ta’ monitoraġġ u ta’ evalwazzjoni.

    Is-sistema ta’ rapportar dwar il-prestazzjoni għandha tiżgura li d-data għall-monitoraġġ tal-implimentazzjoni u r-riżultati tal-Programm jinġabru b’mod effiċjenti, effettiv u f’waqtu.

    Għal dak il-għan, għandhom jiġu imposti rekwiżiti ta’ rapportar proporzjonat fuq ir-riċevituri tal-fondi tal-Unjoni u, fejn xieraq, fuq l-Istati Membri.

    Artikolu 17

    Evalwazzjoni

    1.   L-evalwazzjonijiet tal-Programm għandhom jitwettqu f’waqthom bil-għan li jikkontribwixxu għall-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet.

    2.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni interim tal-Programm ladarba jkun hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli dwar l-implimentazzjoni tal-Programm, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara l-bidu tal-implimentazzjoni tiegħu. L-evalwazzjoni interim għandha tqis ir-riżultati tal-evalwazzjonijiet tal-impatt fit-tul tal-Programmi predeċessuri.

    3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq evalwazzjoni finali tal-Programm fi tmiem l-implimentazzjoni tiegħu, iżda mhux aktar tard minn erba’ snin wara t-tmiem tal-perijodu speċifikat fl-Artikolu 1.

    4.   Il-Kummissjoni għandha tikkomunika l-konklużjonijiet tal-evalwazzjonijiet, akkumpanjati mill-osservazzjonijiet tagħha, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni.

    Artikolu 18

    Eżerċizzju tad-delega

    1.   Il-Kummissjoni tingħata s-setgħa li tadotta atti delegati soġġett għall-kundizzjonijiet stipulati f’dan l-Artikolu.

    2.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikolu 16 għandha tingħata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    3.   Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 16 tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. M’għandha taffettwa l-validità tal-ebda att delegat li jkun diġà fis-seħħ.

    4.   Qabel ma tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta esperti innominati minn kull Stat Membru skont il-prinċipji stipulati fil-Ftehim Interistituzzjonali tat-13 ta’ April 2016 dwar it-Tfassil Aħjar tal-Liġijiet.

    5.   Hekk kif tadotta att delegat, il-Kummissjoni għandha tinnotifikah simultanjament lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

    6.   Att delegat adottat skont l-Artikolu 16 għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien xahrejn min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż b’xahrejn fuq inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.

    Artikolu 19

    Protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni

    Meta pajjiż terz jieħu sehem fil-Programm permezz ta’ deċiżjoni adottata skont ftehim internazzjonali jew abbażi ta’ kwalunkwe strument ġuridiku ieħor, il-pajjiż terz għandu jagħti d-drittijiet u l-aċċess neċessarji meħtieġa biex l-uffiċjal awtorizzanti responsabbli, l-OLAF u l-Qorti tal-Awdituri jeżerċitaw il-kompetenzi rispettivi tagħhom b’mod komprensiv. Fil-każ tal-OLAF, dawn id-drittijiet għandhom jinkludu d-dritt li jwettaq investigazzjonijiet, inkluż kontrolli u spezzjonijiet fuq il-post, kif previst fir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013.

    KAPITOLU IV

    DISPOŻIZZJONIJIET TRANŻITORJI U FINALI

    Artikolu 20

    Informazzjoni, komunikazzjoni u pubbliċità

    1.   Ir-riċevituri ta’ finanzjament mill-Unjoni għandhom jirrikonoxxu l-oriġini ta’ dawk il-fondi u jiżguraw il-viżibbiltà tal-finanzjament tal-Unjoni, b’mod partikolari meta jippromwovu l-azzjonijiet u r-riżultati tagħhom, billi jipprovdu informazzjoni mmirata, koerenti, effettiva u proporzjonata lil diversi udjenzi, inkluż lill-media u lill-pubbliku.

    2.   Il-Kummissjoni għandha timplimenta azzjonijiet ta’ informazzjoni u komunikazzjoni relatati mal-Programm, mal-azzjonijiet meħuda skont il-Programm u mar-riżultati miksuba.

    3.   Ir-riżorsi finanzjarji allokati għall-Programm għandhom jikkontribwixxu wkoll għall-komunikazzjoni korporattiva tal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni, sakemm dawk il-prijoritajiet ikunu relatati mal-għanijiet imsemmija fl-Artikolu 2.

    Artikolu 21

    Punti ta’ kuntatt tal-programm

    Kull Stat Membru jista’ jistabbilixxi punti ta’ kuntatt tal-Programm li jkollhom ir-responsabbiltà li jipprovdu gwida imparzjali, informazzjoni prattika u assistenza lill-applikanti, lill-partijiet ikkonċernati u lill-benefiċjarji tal-Programm fir-rigward tal-aspetti kollha tiegħu, inkluż fir-rigward tal-proċedura ta’ applikazzjoni, it-tixrid ta’ informazzjoni faċli għall-utent u r-riżultati tal-Programm, l-inkjesti għas-sħab, it-taħriġ u l-formalitajiet.

    Il-punti ta’ kuntatt tal-Programm għandhom iwettqu l-funzjonijiet tagħhom b’mod indipendenti.

    Artikolu 22

    Proċedura ta’ kumitat

    1.   Il-Kummissjoni għandha tkun assistita minn kumitat. Dan il-kumitat għandu jkun kumitat fis-sens tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    2.   Meta ssir referenza għal dan il-paragrafu, għandu japplika l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 182/2011.

    3.   Il-kumitat jista’ jiltaqa’ f’konfigurazzjonijiet speċifiċi biex jittratta l-linji individwali tal-Programm.

    Artikolu 23

    Revoka

    Ir-Regolamenti (UE) Nru 1381/2013 u (UE) Nru 390/2014 huma mħassra b’effett mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Artikolu 24

    Dispożizzjonijiet tranżitorji

    1.   Dan ir-Regolament ma għandux jaffettwa l-kontinwazzjoni jew il-modifika ta’ azzjonijiet mibdija skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1381/2013 u (UE) Nru 390/2014, li għandhom jibqgħu japplikaw għal dawk l-azzjonijiet sal-għeluq tagħhom.

    2.   Il-pakkett finanzjarju għall-Programm jista’ jkopri wkoll l-ispejjeż tal-assistenza teknika u amministrattiva meħtieġa biex tiġi żgurata t-transizzjoni bejn il-Programm u l-miżuri adottati skont ir-Regolamenti (UE) Nru 1381/2013 u (UE) Nru 390/2014.

    3.   Jekk meħtieġ, jistgħu jiddaħħlu approprjazzjonijiet fil-baġit tal-Unjoni lil hinn mill-2027 biex ikopru l-ispejjeż previsti fl-Artikolu 7(9), biex tkun tista’ ssir il-ġestjoni tal-azzjonijiet li ma jkunux tlestew sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Artikolu 25

    Dħul fis-seħħ

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Huwa għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2021.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-28 ta’ April 2021.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. P. ZACARIAS


    (1)  ĠU C 62, 15.2.2019, p. 178.

    (2)  ĠU C 461, 21.12.2018, p. 196.

    (3)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-17 ta’ April 2019 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari tad-19 ta’ April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali). Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-28 ta’ April 2021 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (4)  Ir-Regolament (UE) 2021/693 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Programm dwar il-Ġustizzja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 (ara l-paġna 21 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali).

    (5)  Ir-Regolament (UE) Nru 1382/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm dwar il-Ġustizzja għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 73).

    (6)  Ir-Regolament (UE) Nru 1381/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Programm ta’ Drittijiet, Ugwaljanza u Ċittadinanza għall-perijodu 2014 sa 2020 (ĠU L 354, 28.12.2013, p. 62).

    (7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-programm “L-Ewropa għaċ-Ċittadini” għall-perijodu 2014-2020 (ĠU L 115, 17.4.2014, p. 3).

    (8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/2093 tas-17 ta’ Diċembru 2020 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin mill-2021 sal-2027 (ĠU L 433I, 22.12.2020, p. 11).

    (9)  ĠU C 378, 24.12.2013, p. 1.

    (10)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (11)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89).

    (12)  Ir-Regolament (UE) 2019/788 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ April 2019 dwar l-inizjattiva taċ-ċittadini Ewropej (ĠU L 130, 17.5.2019, p. 55).

    (13)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2000/43/KE tad-29 ta’ Ġunju 2000 li timplimenta l-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mill-oriġini tar-razza jew etniċità (ĠU L 180, 19.7.2000, p. 22).

    (14)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2004/113/KE tat-13 ta’ Diċembru 2004 li timplimenta l-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa fl-aċċess għal u l-provvista ta’ merkanzija u servizzi (ĠU L 373, 21.12.2004, p. 37).

    (15)  Id-Direttiva 2006/54/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2006 dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju ta’ opportunitajiet indaqs u ta’ trattament ugwali tal-irġiel u n-nisa fi kwistjonijiet ta’ impjiegi u xogħol (ĠU L 204, 26.7.2006, p. 23).

    (16)  Id-Direttiva 2010/41/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-7 ta’ Lulju 2010 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipju ta’ trattament ugwali bejn l-irġiel u n-nisa li jeżerċitaw attività li fiha jaħdmu għal rashom u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 86/613/KEE (ĠU L 180, 15.7.2010, p. 1).

    (17)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/951 tat-22 ta’ Ġunju 2018 dwar standards għall-korpi għall-ugwaljanza (ĠU L 167, 4.7.2018, p. 28).

    (18)  ĠU C 390, 18.11.2019, p. 117.

    (19)  Ir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ XXX li jistabbilixxi l-Programm Ewropa Kreattiva (2021–2027) u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1295/2013 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (20)  Ir-Regolament (UE) XXXX/XXXX tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill ta’ XXX li jistabbilixxi l-Erasmus+: il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni u t-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1288/2013 (għadu mhux ippubblikat fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (21)  ĠU L 433 I, 22.12.2020, p. 28.

    (22)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    (23)  Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).

    (24)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 2988/95 tat-18 ta’ Diċembru 1995 dwar il-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea (ĠU L 312, 23.12.1995, p. 1).

    (25)  Ir-Regolament tal-Kunsill (Euratom, KE) Nru 2185/96 tal-11 ta’ Novembru 1996 dwar il-verifiki u l-ispezzjonijiet fuq il-post imwettqa mill-Kummissjoni sabiex tipproteġi l-interessi finanzjarji tal-Komunità Ewropea kontra l-frodi u irregolaritajiet oħra (ĠU L 292, 15.11.1996, p. 2).

    (26)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

    (27)  Id-Direttiva (UE) 2017/1371 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta’ Lulju 2017 dwar il-ġlieda kontra l-frodi tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni permezz tal-liġi kriminali (ĠU L 198, 28.7.2017, p. 29).

    (28)  ĠU L 1, 3.1.1994, p. 3.

    (29)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/755/UE tal-25 ta’ Novembru 2013 dwar l-assoċjazzjoni tal-pajjiżi u t-territorji extra-Ewropej mal-Unjoni Ewropea (Deċiżjoni dwar l-Assoċjazzjoni Extra-Ewropea) (ĠU L 344, 19.12.2013, p. 1).

    (30)  ĠU L 123, 12.5.2016, p. 1.

    (31)  Ir-Regolament (UE) Nru 182/2011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Frar 2011 li jistabbilixxi r-regoli u l-prinċipji ġenerali dwar il-modalitajiet ta’ kontroll mill-Istati Membri tal-eżerċizzju mill-Kummissjoni tas-setgħat ta’ implimentazzjoni (ĠU L 55, 28.2.2011, p. 13).

    (32)  Ir-Regolament (UE) 2021/695 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-28 ta’ April 2021 li jistabbilixxi l-Orizzont Ewropa — il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni, li jistabbilixxi r-regoli tiegħu għall-parteċipazzjoni u d-disseminazzjoni, u li jħassar ir-Regolamenti (UE) Nru 1290/2013 u (UE) Nru 1291/2013 (ĠU L 170, 12.5.2021, p. 1).


    ANNESS I

    ATTIVITAJIET APPOĠĠATI MILL-PROGRAMM

    L-objettivi ġenerali u speċifiċi tal-Programm stabbiliti fl-Artikolu 2 għandhom jinkisbu b’mod partikolari permezz tal-appoġġ għall-attivitajiet li ġejjin:

    (1)

    is-sensibilizzazzjoni, il-promozzjoni u d-disseminazzjoni ta’ informazzjoni fl-oqsma u l-objettivi koperti mill-Programm sabiex jittejjeb l-għarfien tad-drittijiet u l-valuri u tal-politiki relatati;

    (2)

    it-tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba fost il-partijiet ikkonċernati biex jittejbu l-għarfien u l-komprensjoni reċiproka;

    (3)

    l-attivitajiet analitiċi u ta’ monitoraġġ biex jitjieb il-fehim tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri u fil-livell tal-Unjoni fl-oqsma koperti mill-Programm kif ukoll biex titjieb l-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, tal-politiki u tal-valuri fl-Istati Membri, bħal attivitajiet li jinkludu l-ġbir ta’ data u statistika; l-iżvilupp ta’ metodoloġiji komuni u, fejn xieraq, ta’ indikaturi jew ta’ punti ta’ riferiment; studji, riċerka, analiżi u stħarriġ; evalwazzjonijiet; valutazzjoni tal-impatt; u l-iżvilupp u l-pubblikazzjoni ta’ gwidi, rapporti u materjal edukattiv;

    (4)

    it-taħriġ tal-partijiet ikkonċernati rilevanti biex jittejjeb l-għarfien tal-politiki u d-drittijiet fl-oqsma koperti mill-Programm;

    (5)

    l-iżvilupp u l-manutenzjoni tal-għodod tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni;

    (6)

    l-appoġġ lil organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u lill-partijiet ikkonċernati mingħajr skop ta’ qligħ li huma attivi fl-oqsma koperti mill-Programm:

    (a)

    sabiex tiżdied il-kapaċità tagħhom li jirreaġixxu, u li jiżguraw li ċ-ċittadini kollha jkollhom aċċess adegwat għas-servizzi, għall-attivitajiet ta’ konsulenza u għall-attivitajiet ta’ appoġġ tagħhom:

    (b)

    sabiex iwettqu attivitajiet li jippromwovu d-drittijiet, biex b’hekk ukoll jissaħħu l-protezzjoni u l-promozzjoni tal-valuri tal-Unjoni u r-rispett għall-istat tad-dritt, u jingħata kontribut għad-djalogu demokratiku, it-trasparenza u l-governanza tajba, inkluż f’każijiet ta’ spazju dejjem jiċkien għas-soċjetà ċivili;

    (7)

    iż-żieda tal-għarfien fost iċ-ċittadini, speċjalment iż-żgħażagħ, tal-kultura, il-wirt kulturali, l-identità u l-istorja Ewropea, inkluż fir-rigward tar-reġimi totalitarji u awtoritarji u episodji oħra li sawru l-istorja Ewropea reċenti, sabiex tissaħħaħ il-kommemorazzjoni u l-impenn taċ-ċittadini Ewropej lejn l-Unjoni u biex jitħeġġu t-tolleranza, il-komprensjoni reċiproka, id-djalogu interkulturali u r-rispett għad-diversità;

    (8)

    it-tlaqqigħ ta’ ċittadini ta’ nazzjonalitajiet u kulturi differenti billi jingħataw l-opportunità li jieħdu sehem f’attivitajiet ta’ ġemellaġġi ta’ bliet u proġetti tas-soċjetà ċivili, u b’hekk jinħolqu l-kundizzjonijiet għal approċċ minn isfel għal fuq imtejjeb u jitrawwem l-involviment ċiviku u demokratiku;

    (9)

    it-tħeġġiġ u l-faċilitazzjoni ta’ parteċipazzjoni attiva u inklużiva fil-bini ta’ Unjoni aktar demokratika, kif ukoll is-sensibilizzazzjoni għad-drittijiet u l-valuri permezz tal-għoti ta’ appoġġ għal organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili;

    (10)

    l-iżvilupp tal-kapaċità tan-networks Ewropej biex jippromwovu u jiżviluppaw aktar il-liġi tal-Unjoni u l-valuri, l-għanijiet ta’ politika u l-istrateġiji tagħha;

    (11)

    il-finanzjament tal-appoġġ tekniku u organizzattiv għall-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2019/788, u b’hekk jirfed l-eżerċizzju tad-dritt taċ-ċittadini li jniedu u jappoġġaw inizjattivi taċ-ċittadini Ewropej;

    (12)

    it-tisħiħ tal-għarfien tal-Programm u d-disseminazzjoni u t-trasferibbiltà tar-riżultati tiegħu; u t-tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni; inkluż billi jkunu stabbiliti u appoġġati punti ta’ kuntatt tal-Programm.


    ANNESS II

    INDIKATURI

    Il-Programm għandu jiġi mmonitorjat abbażi ta’ sett ta’ indikaturi intiżi biex ikejlu sa fejn l-objettivi ġenerali u speċifiċi tiegħu jkunu ntlaħqu filwaqt li jiġu mminimizzati l-piżijiet u l-kostijiet amministrattivi. Għal dak l-għan, ser tinġabar data fir-rigward tas-sett ta’ indikaturi li ġejjin:

    (1)

    l-għadd ta’ nies li ntlaħqu minn:

    (a)

    attivitajiet ta’ taħriġ;

    (b)

    attivitajiet ta’ tagħlim reċiproku u l-iskambju ta’ prattiki tajba;

    (c)

    attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni, informazzjoni u disseminazzjoni;

    (2)

    l-għadd ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li ntlaħqu minn attivitajiet ta’ appoġġ u ta’ bini tal-kapaċità;

    (3)

    l-għadd ta’ inizjattivi u networks transnazzjonali li jiffukaw fuq il-memorja u l-wirt Ewropej bis-saħħa tal-intervent tal-Programm.

    Id-data individwali kollha għandha tinqasam skont is-sess kull meta dan ikun possibbli. L-evalwazzjonijiet interim u finali tal-Programm għandhom jiffukaw fuq kull aspett u kull attività, u għandhom jinkludu perspettiva ta’ ugwaljanza bejn is-sessi u jevalwaw l-impatti fuq l-ugwaljanza bejn is-sessi.


    Top