Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q1119(01)

    Deċiżjoni tal-Bord tat-Tmexxija dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li tħassar id-Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv 2019/05 tas-27 ta’ Settembru 2019

    ĠU L 413, 19.11.2021, p. 41–49 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2021/1119/oj

    19.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 413/41


    DEĊIŻJONI TAL-BORD TAT-TMEXXIJA

    dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, li tħassar id-Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv 2019/05 tas-27 ta’ Settembru 2019

    IL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAD-DRITTIJIET FUNDAMENTALI

    Wara li kkunsidra:

    It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu,

    Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 168/2007 tal-15 ta’ Frar 2007 li jistabbilixxi Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2) u b’mod partikolari l-Artikolu 13 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-EDPS tad-19 ta’ Mejju 2019 u l-Gwida tal-EDPS dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament il-ġdid u r-regoli interni,

    Billi:

    (1)

    L-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (minn hawn’ il quddiem imsejħa l-“FRA” jew “l-Aġenzija”) twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (KE) Nru 168/2007.

    (2)

    Skont l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 ir-restrizzjonijiet tal-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 22 għandhom ikunu bbażati fuq regoli interni li għandhom jiġu adottati mill-Aġenzija, fejn dawn mhumiex ibbażati fuq atti legali adottati fuq il-bażi tat-Trattati.

    (3)

    Dawn ir-regoli interni, inkluż id-dispożizzjonijiet tagħhom dwar il-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, m’għandhomx japplikaw fejn att legali adottat fuq il-bażi tat-Trattati jipprevedi restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġett tad-data.

    (4)

    Fejn il-FRA twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    (5)

    Fi ħdan il-qafas tal-funzjonament amministrattiv tagħha, il-FRA tista’ twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, twettaq attivitajiet relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, tipproċessa każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, tipproċessa proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, tipproċessa lmenti interni u esterni, twettaq awditi interni/esterni, twettaq investigazzjonijiet mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet tas-sigurtà interni (tal-IT).

    (6)

    Il-FRA tista’ tkun involuta f’kawżi quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jew tirreferi kwistjoni lill-Qorti, jew tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li tkun ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti, jew tintervjeni f’kawżi rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-Aġenzija jista’ jkollha bżonn tippreserva l-kunfidenzjalità tad-data personali li tinsab fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti.

    (7)

    Il-FRA tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali, inkluż data fattwali (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

    (8)

    Il-FRA, irrappreżentata mid-Direttur tagħha, taġixxi bħala l-kontrollur tad-data irrispettivament minn aktar delegazzjonijiet tar-rwol tal-kontrollur fi ħdan il-FRA biex tirrifletti responsabbiltajiet operattivi għal operazzjonijiet speċifiċi tal-ipproċessar ta’ data personali.

    (9)

    Id-data personali tinħażen b’mod sigur f’ambjent elettroniku jew fuq karta b’mod li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali ta’ data lil persuni li m’għandhomx il-ħtieġa li jkunu jafu. Id-data personali pproċessata tinżamm għal mhux aktar milli meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata għall-perjodu speċifikat fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet ta’ privatezza jew ir-rekords tal-FRA.

    (10)

    Dawn ir-regoli interni għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar kollha mwettqa mill-FRA fit-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti dixxiplinari, attivitajiet relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju, l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, awditi interni/esterni, l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725, investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    (11)

    Dawn għandhom japplikaw għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar imwettqa qabel il-ftuħ tal-proċeduri msemmija hawn fuq, matul dawn il-proċeduri u matul il-monitoraġġ tas-segwitu għall-eżitu ta’ dawn il-proċeduri. Għandha tinkludi wkoll l-assistenza u l-kooperazzjoni pprovduti mill-FRA lill-awtoritajiet nazzjonali u l-organizzazzjonijiet internazzjonali barra mill-investigazzjonijiet amministrattivi tagħha.

    (12)

    Fil-każijiet fejn japplikaw dawn ir-regoli interni l-FRA trid tagħti ġustifikazzjonijiet fejn tispjega għalfejn ir-restrizzjonijiet huma strettament meħtieġa u proporzjonati f’soċjetà demokratika u jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali.

    (13)

    F’dan il-qafas il-FRA hija marbuta li tirrispetta, sa fejn hu l-aktar possibbli, id-drittijiet fundamentali tas-suġġetti tad-data matul il-proċeduri ta’ hawn fuq, b’mod partikolari, dawk relatati mad-dritt għall-għoti ta’ informazzjoni, aċċess u rettifika, id-dritt għal tħassir, ir-restrizzjoni tal-ipproċessar, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni kif stabbilit fir-Regolament (UE) 2018/1725.

    (14)

    Madankollu, il-FRA tista’ tkun obbligata tirrestrinġi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data u drittijiet oħra tas-suġġett tad-data biex tipproteġi, b’mod partikolari, l-investigazzjonijiet tagħha stess, l-investigazzjonijiet u l-proċedimenti ta’ awtoritajiet pubbliċi oħra, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra relatati mal-investigazzjonijiet tagħha jew proċeduri oħra.

    (15)

    IL-FRA tista’ għalhekk tirrestrinġi l-informazzjoni bil-għan li tipproteġi l-investigazzjoni u d-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data.

    (16)

    Il-FRA għandha timmonitorja perjodikament li l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni għadhom japplikaw u tneħħi r-restrizzjoni jekk ma jibqgħux japplikaw.

    (17)

    Sabiex tiġi żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (l-UPD) għandu jkun ikkonsultat fi żmien xieraq bi kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

    IDDEĊIEDA KIF ĠEJ:

    Artikolu 1

    Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

    1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom il-FRA fil-qafas tal-proċeduri tagħha stabbiliti fil-paragrafu 2 tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet stabbiliti fl-Artikoli 14 sa 21, 35 u 36, kif ukoll l-Artikolu 4 tagħha, b’segwitu tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    2.   Fil-qafas tal-funzjonament amministrattiv tal-FRA, din id-Deċiżjoni tapplika għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar ta’ data personali mill-Aġenzija għall-finijiet ta’: twettiq ta’ inkjesti amministrattivi, proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, proċedimenti dixxiplinari, sospensjonijiet skont l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF, ipproċessar ta’ każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni, twettiq ta’ awditi interni/esterni, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    3.   Din id-Deċiżjoni tapplika wkoll għall-operazzjonijiet tal-ipproċessar dwar data personali meta l-FRA tkun involuta f’każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jew tirreferi kwistjoni lill-Qorti, tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li tkun ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti, jew tintervjeni f’każijiet rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, il-FRA jista’ jkollha bżonn tippreserva l-kunfidenzjalità tad-data personali li tinsab fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti.

    4.   Il-kategoriji ta’ data kkonċernati huma data fattwali (data“oġġettiva” bħal data ta’ identifikazzjoni, data ta’ kuntatt, data professjonali, dettalji amministrattivi, data riċevuta minn sorsi speċifiċi, komunikazzjonijiet elettroniċi u data tat-traffiku) u/jew data suġġettiva (data“suġġettiva” relatata mal-każ bħal raġunament, data dwar l-imġiba, evalwazzjonijiet, data dwar il-prestazzjoni u l-kondotta u data relatata ma’ jew imressqa b’konnessjoni mas-suġġett tal-proċedura jew tal-attività).

    5.   Fejn il-FRA twettaq id-dmirijiet tagħha fir-rigward tad-drittijiet tas-suġġett tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tikkunsidra jekk tapplikax xi waħda mill-eżenzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

    6.   Soġġett għall-kundizzjonijiet stabbiliti f’din id-Deċiżjoni, ir-restrizzjonijiet jistgħu japplikaw għad-drittijiet li ġejjin: l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ aċċess, rettifika, tħassir, restrizzjoni tal-ipproċessar, komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni.

    Artikolu 2

    Speċifikazzjoni tal-kontrollur u tas-salvagwardji

    1.   Is-salvagwardji fis-seħħ biex jiġi evitat ksur, kxif jew żvelar mhux awtorizzat ta’ data huma dawn li ġejjin:

    (a)

    Id-dokumenti tal-karti għandhom jinżammu f’armarji siguri u għandhom ikunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss;

    (b)

    Id-data elettronika kollha għandha tinħażen f’applikazzjoni tal-IT sigura skont l-istandards ta’ sigurtà tal-FRA, kif ukoll f’folders elettroniċi speċifiċi li jkunu aċċessibbli għall-persunal awtorizzat biss. Livelli ta’ aċċess xierqa għandhom jingħataw b’mod individwali;

    (c)

    Il-bażi ta’ data għandha tkun protetta b’password f’sistema ta’ reġistrazzjoni unika u għandha tkun konnessa awtomatikament mal-ID u l-password tal-utent. Is-sostituzzjoni ta’ utenti hija pprojbita strettament. Ir-rekords elettroniċi għandhom jinżammu b’mod sigur biex tiġi salvagwardjata l-kunfidenzjalità u l-privatezza tad-data fihom;

    (d)

    Il-persuni kollha li jkollhom aċċess għad-data huma marbuta bl-obbligu tal-kunfidenzjalità.

    2.   Il-kontrollur tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar huwa l-FRA, irrappreżentata mid-Direttur tagħha, li jista’ jiddelega l-funzjoni tal-kontrollur. Is-suġġetti tad-data għandhom jiġu infurmati dwar il-kontrollur iddelegat permezz ta’ avviżi dwar il-protezzjoni tad-data jew ta’ rekords ippubblikati fuq is-sit web u/jew l-intranet tal-FRA.

    3.   Il-perjodu ta’ żamma tad-data personali msemmija fl-Artikolu 1(3) m’għandux ikun itwal minn dak meħtieġ u xieraq għall-finijiet li għalihom id-data tiġi pproċessata. Fi kwalunkwe każ m’għandux ikun itwal mill-perjodu ta’ żamma speċifikat fl-avviżi tal-protezzjoni tad-data, id-dikjarazzjonijiet tal-privatezza jew ir-rekords imsemmija fl-Artikolu 5(1).

    4.   Fejn l-Aġenzija tikkunsidra li tapplika restrizzjoni, ir-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data għandu jintiżen, b’mod partikolari, kontra r-riskju għad-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti oħra tad-data u r-riskju li tiġi kkanċellata l-effettività tal-investigazzjonijiet jew il-proċeduri tal-FRA pereżempju billi tinqered l-evidenza. Ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data jikkonċernaw primarjament, iżda mhumiex limitati għal, riskji ta’ reputazzjoni u riskji għad-dritt tad-difiża u d-dritt li jinstema’.

    Artikolu 3

    Restrizzjonijiet

    1.   Kull restrizzjoni għandha tiġi applikata biss mill-FRA:

    (a)

    skont l-Artikolu 25(1) (b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament, meta jitwettqu inkjesti amministrattivi, proċedimenti qabel dawk dixxiplinari, proċedimenti dixxiplinari, sospensjonijiet taħt l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u attivitajiet relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrapportati lill-OLAF;

    (b)

    skont l-Artikolu 25(1) (h) tar-Regolament, meta jiġu pproċessati każijiet ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta, proċeduri (formali u informali) ta’ fastidju, f’konformità mar-regoli interni rispettivi;

    (c)

    skont l-Artikolu 25(1) (c), (d) u (h) meta jiġu pproċessati lmenti interni u esterni u meta jitwettqu awditi interni/esterni fir-rigward ta’ attivitajiet jew dipartimenti tal-FRA, investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

    (d)

    skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament, meta tkun qed tiġi pproċessata data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew intervenjenti fil-kuntest tal-proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    2.   Bħala applikazzjoni speċifika tal-finijiet deskritti fil-paragrafu 1 hawn fuq, il-FRA tista’ tapplika restrizzjonijiet relatati mad-data personali skambjata mas-servizzi tal-Kummissjoni jew ma’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni, ma’ awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jew ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, fiċ-ċirkostanzi li ġejjin:

    (a)

    fejn l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun jista’ jiġi ristrett mis-servizzi tal-Kummissjoni jew minn istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni fuq il-bażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament jew skont l-atti fundaturi ta’ istituzzjonijiet, korpi, aġenziji u uffiċċji oħra tal-Unjoni;

    (b)

    fejn l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u obbligi jista’ jkun ristrett mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri abbażi tal-atti msemmija fl-Artikolu 23 tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), jew taħt miżuri nazzjonali li jittrasponu l-Artikoli 13(3), 15(3) jew 16(3) tad-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4);

    (c)

    fejn l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jista’ jipperikola l-kooperazzjoni tal-FRA ma’ pajjiżi terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali fit-twettiq tal-kompiti tagħha.

    Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu, il-FRA għandha tikkonsulta s-servizzi rilevanti tal-Kummissjoni, tal-istituzzjonijiet, tal-korpi, tal-aġenziji, tal-uffiċċji tal-Unjoni jew l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri sakemm ma jkunx ċar għall-FRA li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni tkun prevista minn wieħed mill-atti msemmija f’dawk il-punti.

    3.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tkun meħtieġa u proporzjonata billi tqis ir-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data u tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali f’soċjetà demokratika.

    4.   Jekk titqies l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni, għandu jitwettaq test tan-neċessità u tal-proporzjonalità abbażi tar-regoli preżenti. Dan għandu jiġi ddokumentat fuq bażi ta’ każ b’każ permezz ta’ nota ta’ valutazzjoni interna għall-finijiet ta’ responsabbiltà.

    5.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jkunux għadhom japplikaw. B’mod partikolari, fejn ikun meqjus li l-eżerċitar tad-dritt ristrett ma jibqax jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni imposta jew jaffettwa b’mod negattiv id-drittijiet jew il-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

    Artikolu 4

    Involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data

    1.   Il-FRA għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinvolvi lill-UPD matul il-proċeduri rilevanti kollha stabbiliti permezz ta’ din id-Deċiżjoni u għandha tiżgura li l-involviment tal-UPD ikun dokumentat. Dan għandu jinkludi d-dokumentazzjoni bil-miktub ta’ kwalunkwe valutazzjoni u opinjoni rilevanti mogħtija mill-UPD rigward l-applikabbiltà ta’ restrizzjoni għal każ partikolari.

    2.   B’mod partikolari, l-Aġenzija għandha, mingħajr dewmien żejjed, tinforma lill-UPD kull meta l-kontrollur jirrestrinġi l-applikazzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data, jew jestendi r-restrizzjoni, f’konformità ma’ din id-Deċiżjoni. Il-kontrollur għandu jipprovdi lill-UPD bl-aċċess għar-rekord li jinkludi l-valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni, u jiddokumenta fir-rekord id-data li fiha jinforma lill-UPD.

    3.   L-UPD jista’ jitlob bil-miktub li l-kontrollur jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar l-eżitu tar-rieżami mitlub.

    4.   Il-kontrollur għandu jinforma lill-UPD meta tkun tneħħiet ir-restrizzjoni.

    Artikolu 5

    Forniment ta’ informazzjoni lis-suġġett tad-data

    1.   F’każijiet iġġustifikati kif xieraq u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għall-informazzjoni jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni u esterni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

    (i)

    l-ipproċessar ta’ data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    Fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data, il-FRA għandha tinkludi stqarrijiet ta’ privatezza jew rekords skont it-tifsira tal-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725, ippubblikati fuq is-sit web u/jew fuq l-intranet tagħha, fejn tinforma lis-suġġetti tad-data dwar id-drittijiet tagħhom fil-qafas ta’ proċedura partikolari, kif ukoll informazzjoni relatata mar-restrizzjoni potenzjali ta’ dawn id-drittijiet. L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu ristretti, ir-raġunijiet u d-durata potenzjali.

    2.   Mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet tal-paragrafu 3, il-FRA, fejn proporzjonat, għandha tinforma wkoll individwalment lis-suġġetti kollha tad-data, li huma kkunsidrati bħala persuni kkonċernati fl-operazzjoni speċifika tal-ipproċessar, bid-drittijiet tagħhom li jikkonċernaw restrizzjonijiet preżenti jew futuri mingħajr dewmien bla bżonn u bil-miktub.

    3.   Fejn il-FRA tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2, hija għandha tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni, ir-raġuni legali skont l-Artikolu 3 ta’ din id-Deċiżjoni, inkluż valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tar-restrizzjoni.

    Ir-rekord, u fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    4.   Ir-restrizzjoni msemmija fil-paragrafu 3 għandha tkompli tapplika dment li jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawha.

    Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw, il-FRA għandha tipprovdi informazzjoni lis-suġġett tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni. Fl-istess ħin, il-FRA għandha tinforma lis-suġġett tad-data bid-dritt li jressaq ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data fi kwalunkwe ħin jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Il-FRA għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-inkjesta, proċedura jew investigazzjoni rilevanti. Wara dan, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni fuq bażi annwali.

    Artikolu 6

    Dritt ta’ aċċess mis-suġġett tad-data

    1.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għall-aċċess jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u proporzjonat:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni u esterni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet ta’ sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

    (i)

    l-ipproċessar ta’ data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    Meta s-suġġetti tad-data jitolbu aċċess għad-data personali tagħhom ipproċessata fil-kuntest ta’ każ speċifiku wieħed jew aktar jew ta’ operazzjoni ta’ pproċessar partikolari, skont l-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-FRA għandha tillimita l-valutazzjoni tagħha tat-talba għal tali data personali biss.

    2.   Meta l-FRA tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, id-dritt ta’ aċċess, imsemmi fl-Artikolu 17 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi li ġejjin:

    (a)

    għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali għaliha, u bil-possibbiltà li jista’ jressaq ilment lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    (b)

    għandha tiddokumenta f’nota ta’ valutazzjoni interna r-raġunijiet għar-restrizzjoni, inkluż il-valutazzjoni tan-neċessità, il-proporzjonalità tar-restrizzjoni u t-tul ta’ żmien tagħha.

    L-għoti ta’ informazzjoni msemmi fil-punt (a) jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud jekk dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

    Il-FRA għandha tirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjoni kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħha u fl-għeluq tal-investigazzjoni rilevanti. Wara dan, il-kontrollur għandu jimmonitorja l-ħtieġa li tinżamm kwalunkwe restrizzjoni fuq bażi annwali.

    3.   Ir-rekord, u fejn applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u legali sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom isiru disponibbli għall-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data meta jintalbu.

    Artikolu 7

    Dritt ta’ rettifika, tħassir u restrizzjoni ta’ pproċessar

    1.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għal rettifika, tħassir u restrizzjoni jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni u esterni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    (i)

    l-ipproċessar ta’ data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    2.   Fejn il-FRA tirrestrinġi, kompletament jew parzjalment, l-applikazzjoni tad-dritt għar-rettifika, it-tħassir u r-restrizzjoni tal-ipproċessar imsemmi fl-Artikoli 18, 19(1) u 20(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu l-passi stabbiliti fl-Artikolu 6(2) ta’ din id-Deċiżjoni u tirreġistra r-rekord skont l-Artikolu 6(3) tagħha.

    Artikolu 8

    Il-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data u l-kunfidenzjalità tal-komunikazzjoni elettronika

    1.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għall-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri (formali u informali) għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    awditi interni u esterni;

    (g)

    l-investigazzjonijiet imwettqa mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data f’konformità mal-Artikolu 45(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725;

    (h)

    investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE);

    (i)

    l-ipproċessar ta’ data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea;

    2.   F’każijiet debitament iġġustifikati u taħt il-kundizzjonijiet stipulati f’din id-deċiżjoni, id-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi jista’ jiġi ristrett mill-kontrollur fil-kuntest tal-operazzjonijiet tal-ipproċessar li ġejjin, fejn meħtieġ u xieraq:

    (a)

    it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari;

    (b)

    attivitajiet preliminari relatati ma’ każijiet ta’ irregolaritajiet potenzjali rrappurtati lill-OLAF;

    (c)

    proċeduri ta’ żvelar ta’ informazzjoni protetta;

    (d)

    proċeduri formali għal każijiet ta’ fastidju;

    (e)

    l-ipproċessar ta’ lmenti interni u esterni;

    (f)

    investigazzjonijiet tas-sigurtà (tal-IT) ġestiti internament jew b’involviment estern (eż. CERT-UE).

    (g)

    l-ipproċessar ta’ data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

    3.   Fejn il-FRA tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data jew il-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi msemmija fl-Artikoli 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tirreġistra u żżomm rekord tar-raġunijiet għar-restrizzjoni f’konformità mal-Artikolu 5(3) ta’ din id-deċiżjoni. L-Artikolu 5(4) ta’ din id-Deċiżjoni għandu japplika.

    Artikolu 9

    Dispożizzjoni finali

    Id-Deċiżjoni tal-Bord Eżekuttiv tal-FRA 2019/05 tas-27 ta’ Settembru 2019 dwar regoli interni dwar restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (2019/C 371/06) hija bil-preżent imħassra.

    Artikolu 10

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmula fi Vjenna, fl-24 ta’ Settembru 2021.

    Għall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea

    għad-Drittijiet Fundamentali

    Elise BARBÉ

    President tal-Bord tat-Tmexxija


    (1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

    (2)  ĠU L 53, 22.2.2007, p. 1.

    (3)  Ir-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2016/680 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-awtoritajiet kompetenti għall-finijiet tal-prevenzjoni, l-investigazzjoni, is-sejbien jew il-prosekuzzjoni ta’ reati kriminali jew l-eżekuzzjoni ta’ pieni kriminali, u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li tħassar id-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2008/977/ĠAI (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 89.).


    Top