EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021Q0507(01)

Deċiżjoni Nru 2021-096 Rev 1 tal-Bord tat-Tmexxija tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva tas-Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja tas-16 ta’ April 2021 dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

ĠU L 161, 7.5.2021, p. 9–15 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/proc_rules/2021/96/oj

7.5.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 161/9


DEĊIŻJONI Nru 2021-096 REV 1 TAL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAT-TMEXXIJA OPERATTIVA TAS-SISTEMI TAL-IT FUQ SKALA KBIRA FL-ISPAZJU TA’ LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA

tas-16 ta’ April 2021

dwar regoli interni li jikkonċernaw restrizzjonijiet ta’ ċerti drittijiet ta’ suġġetti tad-data fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali fil-qafas tal-funzjonament tal-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja

IL-BORD TAT-TMEXXIJA TAL-AĠENZIJA TAL-UNJONI EWROPEA GĦAT-TMEXXIJA OPERATTIVA TA’ SISTEMI TAL-IT FUQ SKALA KBIRA FL-ISPAZJU TA’ LIBERTÀ, SIGURTÀ U ĠUSTIZZJA (EU-LISA), minn hawn ’il quddiem “eu-LISA”,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 25 tiegħu, (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament UE 2018/1725”),

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) 2018/1726 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Novembru 2018 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għat-Tmexxija Operattiva ta’ Sistemi tal-IT fuq Skala Kbira fl-Ispazju ta’ Libertà, Sigurtà u Ġustizzja (eu-LISA), u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1987/2006 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/533/ĠAI u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 1077/2011 (2), u b’mod partikolari Artikolu 35 tiegħu, (minn hawn ’il quddiem ir-“Regolament (UE) 2018/1726”),

Wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EDPS) tal-11 ta’ Marzu 2021 u tal-”Gwida dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u r-regoli interni li jillimitaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data” (3),

Wara li kkonsulta mal-Kumitat tal-Persunal,

Billi:

(1)

L-eu-LISA twettaq l-attivitajiet tagħha skont ir-Regolament (UE) Nru 2018/1726.

(2)

L-eu-LISA għandha s-setgħa li twettaq inkjesti amministrattivi, proċedimenti pre-dixxiplinari, dixxiplinari u ta’ sospensjoni, skont ir-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet tal-Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (4) (“Regolamenti tal-Persunal”), u bid-Deċiżjoni tal-eu-LISA Nru 2014-080 tat-28 ta’ Jannar 2015 tal-Bord tat-Tmexxija tal-eu-LISA dwar l-adozzjoni ta’ regoli ta’ implimentazzjoni għar-Regolamenti tal-Persunal li jadottaw dispożizzjonijiet ta’ implimentazzjoni dwar it-twettiq ta’ inkjesti amministrattivi u proċedimenti dixxiplinari. Jekk meħtieġ, tinnotifika wkoll il-każijiet lill-OLAF.

(3)

Il-membri tal-persunal tal-eu-LISA għandhom l-obbligu li jirrapportaw attivitajiet potenzjalment illegali, inkluż il-frodi u l-korruzzjoni, li huma ta’ detriment għall-interessi tal-Unjoni. Il-membri tal-persunal huma obbligati wkoll li jirrapportaw imġiba relatata mal-qadi ta’ dmirijiet professjonali li jistgħu jikkostitwixxu nuqqas serju ta’ konformità mal-obbligi tal-uffiċjali tal-Unjoni. Dan huwa rregolat permezz tad-Deċiżjoni tal-eu-LISA dwar ir-regoli interni fir-rigward tal-iżvelar ta’ informazzjoni protetta tas-26 ta’ Ġunju 2018.

(4)

L-eu-LISA stabbilixxiet politika biex tipprevjeni u tindirizza b’mod effettiv il-każijiet reali jew potenzjali ta’ fastidju psikoloġiku jew sesswali fuq il-post tax-xogħol, kif previst fid-Deċiżjoni tiegħu Nru 2018-174 tas-6 ta’ Diċembru 2018 tal-Bord tat-Tmexxija fir-rigward il-politika tal-eu-LISA dwar il-protezzjoni tad-dinjità tal-persuna u l-prevenzjoni tal-fastidju psikoloġiku u sesswali li jadotta miżuri ta’ implimentazzjoni skont ir-Regolamenti tal-Persunal. Id-Deċiżjoni tistabbilixxi proċedura informali fejn l-allegat vittma tal-fastidju tista’ tikkuntattja lil konsulenti “kunfidenzjali” tal-eu-LISA.

(5)

L-eu-LISA tista’ twettaq ukoll investigazzjonijiet dwar ksur potenzjali ta’ regoli ta’ sigurtà għal informazzjoni klassifikata tal-Unjoni Ewropea (“IKUE”), abbażi tad-Deċiżjoni Nru 2019-273 tagħha tal-20 ta’ Novembru 2019 li temenda r-regoli ta’ sigurtà tagħha għall-protezzjoni ta’ IKUE.

(6)

L-eu-LISA hija suġġetta kemm għal awditi interni, kif ukoll esterni li jikkonċernaw l-attivitajiet tagħha.

(7)

Fil-kuntest ta’ tali inkjesti amministrattivi, awditi u investigazzjonijiet, l-eu-LISA tikkoopera ma’ istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni.

(8)

L-eu-LISA tista’ tikkoopera mal-awtoritajiet nazzjonali u organizzazzjonijiet internazzjonali ta’ pajjiżi terzi, skont id-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1726.

(9)

L-eu-LISA tista’ wkoll tikkoopera mal-awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, jew fuq talba tagħhom jew fuq l-inizjattiva tagħha stess.

(10)

L-eu-LISA hija involuta f’każijiet quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta jew tirreferi kwistjoni lill-Qorti, tiddefendi deċiżjoni li tkun ħadet u li ġiet ikkontestata quddiem il-Qorti, jew tintervjeni f’każijiet rilevanti għall-kompiti tagħha. F’dan il-kuntest, l-eu-LISA jista’ jkollha bżonn tippreserva l-kunfidenzjalità tad-data personali li tinsab fid-dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti.

(11)

Biex tissodisfa l-kompiti tagħha, l-eu-LISA tiġbor u tipproċessa l-informazzjoni u diversi kategoriji ta’ data personali, inkluż id-data ta’ identifikazzjoni ta’ persuni fiżiċi, l-informazzjoni ta’ kuntatt, ir-rwoli u l-kompiti professjonali, l-informazzjoni dwar l-imġiba u l-prestazzjoni privata u professjonali, u d-data finanzjarja. L-eu-LISA taġixxi bħala kontrollur tad-data.

(12)

Skont ir-Regolament (EU) 2018/1725, l-eu-LISA hija għalhekk obbligata li tipprovdi informazzjoni lis-suġġetti tad-data dwar dawk l-attivitajiet ta’ pproċessar u li tirrispetta d-drittijiet tagħhom bħala suġġetti tad-data.

(13)

L-eu-LISA tista’ tkun meħtieġa li tirrikonċilja dawk id-drittijiet mal-objettivi ta’ inkjesti amministrattivi, awditi, investigazzjonijiet u proċedimenti tal-qorti. Jista’ jkun ukoll meħtieġ li tibbilanċja d-drittijiet ta’ suġġett tad-data mad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti oħra tad-data. Għal dak il-għan, l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti lill-eu-LISA l-possibbiltà li tillimita, taħt kundizzjonijiet stretti, l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll tal-Artikolu 4 tiegħu sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20. Sakemm ma jkunx hemm restrizzjonijiet previsti f’att legali adottat abbażi tat-Trattati, ikun neċessarju li jiġu adottati regoli interni li skonthom l-eu-LISA tkun intitolata li tillimita dawk id-drittijiet.

(14)

L-eu-Lisa jista’ jkollha bżonn, pereżempju, li tillimita l-informazzjoni li tipprovdi lil suġġett tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tiegħu jew tagħha matul il-fażi ta’ valutazzjoni preliminari ta’ inkjesta amministrattiva jew matul l-inkjesta nnifisha, qabel iċ-ċaħda possibbli ta’ każ jew fl-istadju pre-dixxiplinari. F’ċerti ċirkostanzi, l-għoti ta’ tali informazzjoni jista’ jaffettwa b’mod serju l-kapaċità tal-eu-LISA li twettaq l-inkjesta b’mod effettiv, kull meta, pereżempju, ikun hemm riskju li l-persuna kkonċernata tista’ teqred l-evidenza jew tinterferixxi ma’ xhieda potenzjali qabel dawn jiġu intervistati. L-eu-LISA jista’ wkoll ikollha bżonn tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tax-xhieda kif ukoll dawk ta’ persuni oħra involuti.

(15)

Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tiġi protetta l-anonimità ta’ xhud jew ta’ informatur li jkun talab li ma jiġix identifikat. F’każ bħal dan, l-eu-LISA tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra ta’ tali persuni, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet tagħhom.

(16)

Jista’ jkun hemm il-ħtieġa li tiġi protetta l-informazzjoni kunfidenzjali dwar membru tal-persunal li jkun ikkuntattja lill-konsulenti kunfidenzjali tal-eu-LISA fil-kuntest ta’ proċedura ta’ fastidju. F’każijiet bħal dawn, l-eu-LISA tista’ tiddeċiedi li tillimita l-aċċess għall-identità, id-dikjarazzjonijiet u data personali oħra tal-vittma allegata, tal-persuna allegata li tagħti l-fastidju u tal-persuni l-oħrajn involuti, sabiex tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet ta’ dawk kollha kkonċernati.

(17)

L-eu-LISA għandha tapplika restrizzjonijiet biss meta dawn jirrispettaw l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali, ikunu strettament meħtieġa u jkunu miżura proporzjonata f’soċjetà demokratika. L-eu-LISA għandha tagħti raġunijiet li jispjegaw il-ġustifikazzjoni għal dawk ir-restrizzjonijiet.

(18)

Fl-applikazzjoni tal-prinċipju tar-responsabbiltà, l-eu-LISA għandha żżomm rekord tal-applikazzjoni tagħha tar-restrizzjonijiet.

(19)

Meta tkun qed tipproċessa data personali skambjata ma’ organizzazzjonijiet oħrajn fil-kuntest tal-kompiti tagħha, l-eu-LISA u dawk l-organizzazzjonijiet għandhom jikkonsultaw ma’ xulxin dwar ir-raġunijiet potenzjali għaliex ġew imposti restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità ta’ dawk ir-restrizzjonijiet, sakemm dan ma jxekkilx l-attivitajiet tal-eu-LISA.

(20)

L-Artikolu 25(6) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725 jobbliga lill-kontrollur jinforma lis-suġġetti tad-data dwar ir-raġunijiet prinċipali li fuqhom hija bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u dwar id-dritt tagħhom li jressqu lment quddiem l-EDPS.

(21)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) Nru 2018/1725, l-eu-LISA hija intitolata tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk b’xi mod dan jikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. L-eu-LISA għandha tivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkanċellax l-effett tagħha.

(22)

L-eu-LISA għandha tneħħi r-restrizzjoni malli l-kundizzjonijiet li jiġġustifikaw ir-restrizzjoni ma jibqgħux japplikaw aktar, u għandha tivvaluta dawk il-kundizzjonijiet fuq bażi regolari.

(23)

Sabiex tiġi żgurata l-akbar protezzjoni tad-drittijiet u tal-libertajiet tas-suġġetti tad-data u f’konformità mal-Artikolu 44(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data (UPD) tal-eu-LISA għandu jkun ikkonsultat fi żmien xieraq bi kwalunkwe restrizzjoni li tista’ tiġi applikata u jivverifika l-konformità tagħha ma’ din id-Deċiżjoni.

(24)

L-Artikoli 16(5) u 17(4) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jipprevedu eċċezzjonijiet għad-dritt tas-suġġetti tad-data għall-informazzjoni u d-dritt ta’ aċċess. Jekk dawn l-eċċezzjonijiet ikunu japplikaw, l-eu-LISA ma għandhiex għalfejn tapplika restrizzjoni skont din id-Deċiżjoni.

(25)

Skont l-Artikolu 35(2) tar-Regolament (UE) 2018/1726, il-Bord tat-Tmexxija għandu jadotta miżuri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Aġenzija inkluż ir-regoli interni msemmija fil-paragrafi 1, 3 u 4 tal-Artikolu 25 tar-Regolament 2018/1725, wara konsultazzjoni mal-EDPS.

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi regoli relatati mal-kundizzjonijiet li taħthom l-eu-LISA tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 22, 35 u 36, skont l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-kuntest tal-proċeduri stabbiliti fil-paragrafu 2 skont l-Artikolu 25 ta’ dak ir-Regolament.

2.   L-eu-LISA, bħala l-kontrollur, hija rappreżentata mid-Direttur Eżekuttiv tagħha.

Artikolu 2

Restrizzjonijiet

1.   L-eu-LISA tista’ tillimita l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 22, 35 u 36, u l-Artikolu 4 tiegħu, sakemm id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu għad-drittijiet u għall-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 20:

(a)

skont l-Artikolu 25(1) (b), (c), (f), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta jitwettqu inkjesti amministrattivi, proċedimenti pre-dixxiplinari, dixxiplinari jew ta’ sospensjoni skont l-Artikolu 86 u l-Anness IX tar-Regolamenti tal-Persunal u d-Deċiżjoni tal-eu-LISA Nru 2104-080 tat-28 ta’ Jannar 2015 u meta jiġu notifikati każijiet lill-OLAF;

(b)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-eu-LISA jistgħu jirrappurtaw fatti kunfidenzjali fejn jemmnu li jkun hemm irregolaritajiet serji, kif stipulat fid-Deċiżjoni tal-eu-LISA Nru 2018-122 dwar ir-regoli interni dwar l-iżvelar ta’ informazzjoni protetta tas-26 ta’ Ġunju 2018;

(c)

skont l-Artikolu 25(1)(h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta jiġi żgurat li l-membri tal-persunal tal-eu-LISA jkunu jistgħu jagħmlu rapport lill-konsulenti kunfidenzjali fil-kuntest ta’ proċedura ta’ fastidju, kif definit mid-Deċiżjoni tal-eu-LISA Nru 2018-174 ta’ Diċembru 2018;

(d)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta jitwettqu awditi interni b’rabta ma’ attivitajiet jew dipartimenti tal-eu-LISA;

(e)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (d), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tkun qed tipprovdi jew tirċievi assistenza lil jew minn istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji oħra tal-Unjoni jew meta tikkoopera magħhom fil-kuntest tal-attivitajiet skont il-punti (a) sa (d) ta’ dan il-paragrafu u skont ftehimiet dwar il-livell ta’ servizz rilevanti, memoranda ta’ qbil u ftehimiet ta’ kooperazzjoni;

(f)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tkun qed tipprovdi jew tirċievi assistenza lil jew minn awtoritajiet nazzjonali ta’ pajjiżi terzi u organizzazzjonijiet internazzjonali jew tikkoopera ma’ dawn l-awtoritajiet u l-organizzazzjonijiet, mingħajr preġudizzju għad-dispożizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1726;

(g)

skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tkun qed tipprovdi jew tirċievi assistenza u kooperazzjoni lil u minn awtoritajiet pubbliċi tal-Istati Membri tal-UE, jew fuq talba tagħhom jew fuq l-inizjattiva tagħha stess;

(h)

skont l-Artikolu 25(1)(e) tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta tiġi pproċessata data personali f’dokumenti miksuba mill-partijiet jew mill-intervenjenti fil-kuntest ta’ proċedimenti quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   Kwalunkwe restrizzjoni għandha tirrispetta l-essenza tad-drittijiet u l-libertajiet fundamentali u tkun meħtieġa u proporzjonata f’soċjetà demokratika.

3.   Għandu jsir test tan-neċessità u tal-proporzjonalità fuq bażi ta’ każ b’każ qabel ma jiġu applikati r-restrizzjonijiet. Ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu limitati għal dak li hu strettament meħtieġ biex jinkiseb l-objettiv tagħhom.

4.   Għal skopijiet ta’ responsabbiltà, l-eu-LISA għandha żżomm rekord li jiddeskrivi r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet applikati, liema raġunijiet minn dawk elenkati fil-paragrafu 1 japplikaw u l-eżitu tat-test tan-neċessità u tal-proporzjonalità. Dawk ir-rekords għandhom ikunu parti minn reġistru, li għandu jkun disponibbli fuq talba lill-EDPS. L-eu-LISA għandha tħejji rapporti perjodiċi dwar l-applikazzjoni tal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Meta tkun qed tipproċessa data personali riċevuta minn organizzazzjonijiet oħrajn fil-kuntest tal-kompiti tagħha, l-eu-LISA għandha tikkonsulta ma’ dawk l-organizzazzjonijiet dwar ir-raġunijiet potenzjali għaliex imponiet restrizzjonijiet u dwar il-ħtieġa u l-proporzjonalità tar-restrizzjonijiet ikkonċernati, sakemm dan ma jxekkilx l-attivitajiet tal-eu-LISA.

Artikolu 3

Riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data

1.   Valutazzjonijiet tar-riskji għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġetti tad-data li jimponu restrizzjonijiet u dettalji tal-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dawk ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu rreġistrati fir-rekord tal-attivitajiet tal-ipproċessar miżmum mill-eu-LISA skont l-Artikolu 31 tar-Regolament. Dawn għandhom jiġu rreġistrati wkoll fi kwalunkwe valutazzjoni tal-impatt fuq il-protezzjoni tad-data fir-rigward ta’ dawk ir-restrizzjonijiet imwettqa skont l-Artikolu 39 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Kull meta l-eu-LISA tivvaluta n-neċessità u l-proporzjonalità ta’ restrizzjoni, għandha tikkunsidra r-riskji potenzjali għad-drittijiet u l-libertajiet tas-suġġett tad-data.

Artikolu 4

Salvagwardji u perjodi ta’ ħżin

1.   L-eu-LISA għandha timplimenta salvagwardji biex tipprevjeni l-abbuż u l-aċċess illegali jew it-trasferiment tad-data personali fir-rigward ta’ liema restrizzjonijiet japplikaw jew jistgħu jiġu applikati. Tali salvagwardji għandhom jinkludu miżuri tekniċi u organizzazzjonali u għandhom ikunu spjegati b’mod dettaljat, skont kif ikun meħtieġ, fid-deċiżjonijiet interni, fil-proċeduri u fir-regoli ta’ implimentazzjoni tal-eu-LISA. Is-salvagwardji għandhom jinkludu:

(a)

definizzjoni ċara tar-rwoli, ir-responsabbiltajiet u l-passi proċedurali;

(b)

jekk ikun xieraq, ambjent elettroniku sigur li jipprevjeni l-aċċess jew it-trasferiment illegali u aċċidentali ta’ data elettronika lil persuni mhux awtorizzati;

(c)

jekk ikun xieraq, il-ħażna u l-ipproċessar siguri ta’ dokumenti tal-karti;

(d)

il-monitoraġġ dovut tar-restrizzjonijiet u rieżami perjodiku tal-applikazzjoni tagħhom.

Ir-rieżamijiet imsemmija fil-punt (d) għandhom jitwettqu mill-inqas kull sitt xhur.

2.   Ir-restrizzjonijiet għandhom jitneħħew hekk kif iċ-ċirkostanzi li jiġġustifikawhom ma jkunux għadhom japplikaw.

3.   Id-data personali għandha tinżamm skont ir-regoli ta’ żamma applikabbli tal-eu-LISA, li għandhom jiġu definiti fir-rekords tal-protezzjoni tad-data miżmuma skont l-Artikolu 31 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fi tmiem il-perjodu taż-żamma, id-data personali għandha titħassar, tiġi anonimizzata jew trasferita fl-arkivji skont l-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 5

L-Involviment tal-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad- Data

1.   L-UPD tal-eu-LISA għandu jkun infurmat mingħajr dewmien żejjed kull meta d-drittijiet tas-suġġett tad-data jkunu limitati jew intenzjonati li jiġu llimitati skont din id-Deċiżjoni. Huwa jew hija għandhom jingħataw aċċess għar-rekords assoċjati u kwalunkwe dokument li jikkonċerna l-kuntest fattwali jew legali.

2.   L-UPD tal-eu-LISA jista’ jitlob rieżami tal-applikazzjoni ta’ restrizzjoni. L-eu-LISA għandha tinforma lill-UPD tagħha bil-miktub dwar ir-riżultat tar-rieżami.

3.   L-eu-LISA għandha tiddokumenta l-involviment tal-UPD fl-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet, inkluż liema informazzjoni tiġi kondiviża miegħu jew magħha.

4.   Fil-prattika, il-persuna responsabbli f’isem il-kontrollur (“kontrollur fil-prattika”) (5)għandha tinforma lill-UPD tal-eu-LISA meta titneħħa r-restrizzjoni.

Artikolu 6

Informazzjoni lis-suġġetti tad- data dwar restrizzjonijiet tad-drittijiet tagħhom

1.   L-eu-LISA għandha tinkludi taqsima fl-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web/intranet tagħha li tipprovdi informazzjoni ġenerali lis-suġġetti tad-data dwar il-potenzjal għar-restrizzjoni tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont l-Artikolu 2(1). L-informazzjoni għandha tkopri liema drittijiet jistgħu jiġu limitati, ir-raġunijiet li fuqhom jistgħu jiġu applikati restrizzjonijiet u t-tul potenzjali tagħhom.

2.   L-eu-LISA għandha tinforma lis-suġġetti tad-data individwalment, bil-miktub u mingħajr dewmien żejjed bir-restrizzjonijiet kontinwi jew futuri tad-drittijiet tagħhom. L-eu-LISA għandha tinforma lis-suġġett tad-data bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun ibbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni, bid-dritt tagħhom li jikkonsultaw lill-UPD bl-għan li jikkontestaw r-restrizzjoni u d-drittijiet tagħhom li jressqu lment quddiem l-EDPS.

3.   L-eu-LISA tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għar-restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem l-EDPS sakemm din tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx ġustifikat għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ. Hekk kif ma tibqax tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni, l-eu-LISA għandha tipprovdi l-informazzjoni lis-suġġett tad-data.

Artikolu 7

Komunikazzjoni ta' ksur ta’ data personali lis-suġġett tad- data

1.   Meta l-eu-LISA tkun taħt obbligu li tikkomunika ksur tad-data skont l-Artikolu 35(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725, f’ċirkostanzi eċċezzjonali tista’ tillimita din il-komunikazzjoni b’mod sħiħ jew parzjali. Għandha tiddokumenta f’nota r-raġunijiet għar-restrizzjoni, il-bażi legali għaliha skont l-Artikolu 2 u tagħmel valutazzjoni tan-neċessità u l-proporzjonalità tagħha. In-nota għandha tiġi kkomunikata lill-EDPS fil-mument tan-notifika tal-ksur ta’ data personali.

2.   Fejn ir-raġunijiet għar-restrizzjoni ma jkunux għadhom japplikaw, l-eu-LISA għandha tikkomunika l-ksur ta’ data personali lis-suġġett tad-data kkonċernat u tinformah/a bir-raġunijiet ewlenin għar-restrizzjoni u dwar id-dritt tiegħu jew tagħha li jressaq/tressaq ilment quddiem l-EDPS.

Artikolu 8

Kunfidenzjalità ta’ komunikazzjonijiet elettroniċi

1.   F’ċirkostanzi eċċezzjonali, l-eu-LISA tista’ tillimita d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi skont l-Artikolu 36 tar-Regolament (UE) 2018/1725. Dawn ir-restrizzjonijiet għandhom ikunu konformi mad-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6).

2.   Fejn l-eu-LISA tillimita d-dritt għall-kunfidenzjalità tal-komunikazzjonijiet elettroniċi, għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għal kull talba mis-suġġett tad-data, bir-raġunijiet prinċipali li fuqhom tkun bbażata l-applikazzjoni tar-restrizzjoni u bid-dritt tiegħu jew tagħha li jressaq/tressaq ilment quddiem l-EDPS.

3.   L-eu-LISA tista’ tiddifferixxi, tħalli barra jew tiċħad l-għoti ta’ informazzjoni li tikkonċerna r-raġunijiet għar-restrizzjoni u d-dritt li jitressaq ilment quddiem l-EDPS sakemm din tikkanċella l-effett tar-restrizzjoni. Il-valutazzjoni dwar jekk dan ikunx ġustifikat għandha ssir fuq bażi ta’ każ b’każ.

Artikolu 9

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul f’Tallinn, is-16 ta’ April 2021.

Għall-Bord tat-Tmexxija

Zsolt SZOLNOKI

President tal-Bord tat-Tmexxija


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 99.

(3)  Gwida tal-EDPS dwar l-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 u r-regoli interni li jillimitaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data (aġġornament 24 ta’Ġunju 2020) — https://edps.europa.eu/data-protection/our-work/publications/guidelines/guidance-art-25-regulation-20181725_en

(4)  Ir-Regolament (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 tad-29 ta’ Frar 1968 li jistabbilixxi r-Regolamenti tal-Persunal tal-Uffiċjali u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Uffiċjali Oħra tal-Komunitajiet Ewropej u li jistabbilixxi miżuri temporanji speċjali applikabbli għall-uffiċjali tal-Kummissjoni (ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1).

(5)  Gwida tal-EDPS dwar id-dokumentazzjoni ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar għal istituzzjonijiet, korpi u aġenziji tal-UE (EUIs) — Responsabbiltà dwar ir-raġuni Parti I — “il-maniġment superjuri huwa responsabbli għall-konformità mar-regoli, iżda r-responsabbiltà normalment tittieħed f’livell aktar baxx (“persuna responsabbli f’isem il-kontrollur”/“kontrollur fil-prattika”)”.

(6)  Id-Direttiva 2002/58/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Lulju 2002 dwar l-ipproċessar tad-data personali u l-protezzjoni tal-privatezza fis-settur tal-komunikazzjoni elettronika(Direttiva dwar il-privatezza u l-komunikazzjoni elettronika) (ĠU L 201, 31.7.2002, p. 37).


Top