Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H0729(24)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija

    ST/9559/2021/INIT

    ĠU C 304, 29.7.2021, p. 111–115 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/111


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Ġunju 2021

    bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija

    (2021/C 304/24)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 126(7) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni Ewropea;

    Billi:

    (1)

    Skont l-Artikolu 126 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, l-Istati Membri għandhom jevitaw defiċit eċċessivi tal-gvern.

    (2)

    Il-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir (PST) huwa bbażat fuq l-objettiv ta’ finanzi pubbliċi sodi bħala mezz li jsaħħaħ il-kundizzjonijiet għall-istabbiltà tal-prezzijiet u għal tkabbir sostenibbli b’saħħtu li jwassal għall-ħolqien tal-impjiegi.

    (3)

    Wara rakkomandazzjoni mill-Kummissjoni, fit-3 ta’ April 2020 il-Kunsill iddeċieda, permezz tad-Deċiżjoni (UE) 2020/590 (1), f’konformità mal-Artikolu 126(6) tat-Trattat, li kien jeżisti defiċit eċċessiv fir-Rumanija u ħareġ rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut id-defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2022 (2), (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta' April 2020”), f’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (3).

    (4)

    Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST. Dik il-klawżola, kif inhu stipulat fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru.1466/97 (4) u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru. 1467/97, tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. F’ dik il-Komunikazzjoni, il-Kummissjoni ppreżentat il-fehma tagħha li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li tirriżulta mill-pandemija tal-COVID-19, il-kundizzjonijiet kienu jiġġustifikaw l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni.

    (5)

    Fil-15 ta’ Settembru 2020, ir-Rumanija ppreżentat ir-rapport tagħha dwar l-azzjoni meħuda b’rispons għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020. Dak ir-rapport indika deterjorament kbir tal-finanzi pubbliċi tagħha matul l-2020, prinċipalment minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

    (6)

    Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar is-sitwazzjoni fiskali fir-Rumanija. Fid-dawl tal-inċertezza eċċezzjonali kontinwa maħluqa mill-pandemija tal-COVID-19 u l-impatt makroekonomiku u fiskali straordinarju tagħha, il-Kummissjoni qieset li f’dak l-istadju ma setgħet tittieħed l-ebda deċiżjoni dwar passi ulterjuri fil-proċedura ta’ defiċit eċċessiv li kienet inbdiet għar-Rumanija. B’mod partikolari, l-inċertezza eċċezzjonali, inkluż fir-rigward tat-tfassil ta’ perkors kredibbli għall-politika fiskali, ma ppermettiex lill-Kummissjoni tippreżenta f’dak l-istadju Rakkomandazzjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat. Il-Kummissjoni ddikjarat li kienet ser tivvaluta mill-ġdid is-sitwazzjoni baġitarja tar-Rumanija fir-rebbiegħa 2021 fuq il-bażi tad-data tal-eżitu tas-sena 2020, il-baġit tal-2021 u t-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni u li, jekk ikun xieraq, kienet ser tipproponi passi ġodda skont il-proċedura ta’ defiċit eċċessiv, filwaqt li tqis l-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST fl-2021.

    (7)

    Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjoni ta’ politika biex tiġi ffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. F’dik il-Komunikazzjoni il-Kummissjoni esprimiet il-fehma tagħha li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwa tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST jenħtieġ li tinkludi valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell ta’ attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro meta mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala l-kriterju kwantitattiv ewlieni. Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni intitolata “Il-koordinazzjoni tal-politika ekonomika fl-2021: biex tingħeleb il-COVID-19, ikun appoġġat l-irkupru u tkun modernizzata l-ekonomija tagħna”. Skont din il-Komunikazzjoni, il-klawżola liberatorja ġenerali tal-PST ser tkompli tiġi applikata fl-2022 u hija mistennija li tiġi diżattivata mill-2023 ‘il quddiem.

    (8)

    Skont aġġornament tal-Monitoraġġ tas-Sostenibbiltà tad-Dejn tal-2020 tal-Kummissjoni biex jirrifletti it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, ir-riskju għas-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju u twil tar-Rumanija għadhom għoljin. Jeħtieġ li dawk ir-riskji jiġu indirizzati bi pjan fiskali adegwat fit-terminu medju appoġġat minn miżuri strutturali.

    (9)

    Fid-dawl tat-tnaqqis qawwi fl-attività ekonomika marbut mal-pandemija tal-COVID-19 u tal-bżonn relatat għal politiki fiskali biex jappoġġaw l-irkupru fl-2021 u l-2022, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 ma għadhiex tipprovdi bażi rilevanti għall-gwida tal-politika fiskali għar-Rumanija.

    (10)

    Skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 3(5) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, fil-każ ta’ reċessjoni ekonomika severa fiż-żona tal-euro jew fl-Unjoni inġenerali, il-Kunsill jista’ jiddeċiedi, fuq rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni, li jadotta rakkomandazzjoni riveduta skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat bil-kundizzjoni li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali għall-perjodu medju.

    (11)

    F’konformità mal-Artikolu 126(7) tat-Trattat u l-Artikolu 3 tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-Kunsill huwa meħtieġ jagħmel rakkomandazzjoni lill-Istat Membru kkonċernat filwaqt li jistabbilixxi wkoll skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv. Dik ir-rakkomandazzjoni għandha tistabbilixxi skadenza massima ta’ sitt xhur għal azzjoni effettiva li trid tittieħed mill-Istat Membru kkonċernat biex jikkoreġi d-defiċit eċċessiv, li jista’ jitnaqqas għal tliet xhur meta jkun ġustifikat mis-serjetà tas-sitwazzjoni. Barra minn dan, f’rakkomandazzjoni biex jiġi kkoreġut defiċit eċċessiv, il-Kunsill għandu jirrikjedi l-kisba ta’ miri baġitarji annwali li, fuq il-bażi tat-tbassir li fuqu tissejjes dik ir-rakkomandazzjoni, ikunu konsistenti ma’ titjib minimu annwali fil-bilanċ strutturali, jiġifieri l-bilanċ aġġustat ċiklikament minbarra miżuri ta’ darba u miżuri temporanji oħrajn, ta’ mill-inqas 0,5 % tal-PDG bħala parametru referenzjarju.

    (12)

    Il-PDG reali fir-Rumanija naqas bi 3,9 % fl-2020. Skont it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, it-tkabbir tal-PDG reali huwa mbassar li jirkupra b’5,1 % fl-2021 u b’4,9 % fl-2022. Il-konsum privat huwa mistenni li jirkupra hekk kif l-introduzzjoni tal-vaċċinazzjoni timxi ’l quddiem u l-miżuri ta’ tbegħid soċjali jitneħħew gradwalment, filwaqt li t-tkabbir fil-pagi huwa mistenni wkoll li jibqa’ b’saħħtu. L-introduzzjoni gradwali tal-proġetti mill-Pjan għall-Irkupru u r-Reżiljenza (recovery and resilience plan, RRP), kif imsemmi fir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), hija mistennija li tagħti impetu ġdid lit-tkabbir tal-investiment. Il-kontribut tal-esportazzjonijiet netti, jiġifieri l-esportazzjonijiet mingħajr l-importazzjonijiet, huwa mistenni li jibqa’ negattiv matul il-perjodu ta’ tbassir. Dan billi l-importazzjonijiet huma mistennija li jiġu xprunati mill-irkupru tal-konsum privat kif ukoll mill-investiment li qed jiżdied. L-esportazzjonijiet huma mistennija li jiġu appoġġati minn irkupru fid-domanda esterna iżda li jibqgħu inqas dinamiċi mill-importazzjonijiet. Il-previżjoni ta’ tkabbir hija soġġetta għal riskji bbilanċjati. Minn naħa waħda, strateġija fiskali kredibbli fit-terminu medju tista’ tgħin biex jitneħħa t-tħassib dwar is-sostenibbiltà fiskali, b’mod partikolari meta kkombinata ma’ riformi ambizzjużi (inklużi dawk li jinsabu fir-RRP). Dan jgħin biex jiġu indirizzati l-iżbilanċi makroekonomiċi tar-Rumanija, biex jittaffew ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u biex jikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli, inkluż billi tittejjeb il-klima tal-investiment. Min-naħa l-oħra, l-inċertezza fir-rigward tat-tfassil tal-politika pubblika u d-dewmien jew l-ineffiċjenzi fl-implimentazzjoni tar-RRP jistgħu jirriżultaw f’effetti negattivi tal-kunfidenza.

    (13)

    Fit-2 ta’ Marzu 2021, il-Parlament Rumen adotta l-baġit tar-Rumanija u l-istrateġija fiskali fit-terminu medju għall-2021. Dik l-istrateġija fiskali, flimkien ma’ informazzjoni dwar il-profil ta’ sostenn finanzjarju mhux ripagabbli u self skont il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza stabbilita mir-Regolament (UE) 2021/241 (“il-Faċilità”), tqieset fil-Programm ta’ Konverġenza tar-Rumanija tal-2021 (“il-Programm ta’ Konverġenza”), li ġie ppreżentat lill-Kummissjoni fil-5 ta’ Mejju 2021. Billi jibda b’defiċit tal-gvern estiż ta’ 9,2 % tal-PDG fl-2020, il-Programm ta’ Konverġenza jimmira lejn defiċit tal-gvern estiż ta’ inqas minn 3 % tal-PDG sal-2024 bil-passi li ġejjin: 8,0 % tal-PDG fl-2021, 6,2 % tal-PDG fl-2022, 4,4 % tal-PDG fl-2023 u 2,9 % tal-PDG fl-2024. L-aġġustament fiskali stabbilit fil-Programm ta’ Konverġenza huwa bbażat l-iktar fuq in-nefqa. Il-kontroll tan-nefqa (tnaqqis bħala perċentwal tal-PDG) huwa previst b’mod partikolari għall-pagi tas-settur pubbliku (tnaqqis b’1,4 punti perċentwali bejn l-2022 u l-2024) u għat-trasferimenti soċjali (tnaqqis b’0,9 punti perċentwali bejn l-2022 u l-2024).

    (14)

    It-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, estiż sal-2024, jipproġetta defiċit tal-gvern estiż ta’ 8,0 % tal-PDG fl-2021, ta’ 7,1 % tal-PDG fl-2022 u ta’ 6,8 % tal-PDG fl-2023 u l-2024. Dan it-tbassir iqis l-infiq mistenni li jiġi ffinanzjat minn sostenn finanzjarju mhux ripagabbli u self mill-Faċilità, kif preżentat fil-Programm ta’ Konverġenza u f’informazzjoni addizzjonali pprovduta mir-Rumanija. It-tnaqqis tad-defiċit nominali ġenerali tal-gvern ipproġettat mill-Kummissjoni huwa xprunat l-aktar mill-iskadenza gradwali tal-miżuri ta’ emerġenza adottati b’rispons għall-pandemija tal-COVID-19, minn dħul ogħla xprunat mill-irkupru ekonomiku proġettat u mill-impatt pożittiv addizzjonali tal-investimenti u r-riformi mistennija li jiġu ffinanzjati mill-Faċilità. Barra minn hekk, il-Gvern Rumen iddeċieda li jiffriża l-pagi tas-settur pubbliku fl-2021 u l-2022, li jipposponi ż-żidiet fil-pensjonijiet fl-2021 u li jżid il-pensjonijiet b’mod moderat fl-2022, miżuri li jikkontribwixxu għal previżjoni mtejba meta mqabbla ma’ dik fit-tbassir ekonomiku tal-ħarifa 2020 tal-Kummissjoni. Dawk il-miżuri diġà ġew adottati. Barra minn hekk, il-gvern Rumen għandu l-intenzjoni li jadotta leġiżlazzjoni ġdida dwar il-pensjonijiet li żżomm in-nefqa tal-pensjonijiet bħala perċentwal tal-PDG ġeneralment stabbli. Il-proġezzjoni ta’ defiċit ogħla fit-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, meta mqabbel mal-Programm ta’ Konverġenza, jirriżulta mill-fatt li l-konsolidazzjoni ppjanata mhijiex appoġġata kompletament permezz ta’ miżuri implimentati, jew imħabbra b’mod kredibbli u għaldaqstant ma setgħetx titqies f’dak it-tbassir. Id-defiċit strutturali huwa pproġettat mill-Kummissjoni li jitjieb b’0,7 punti perċentwali tal-PDG fl-2021 u b’0,5 punti perċentwali p tal-PDG fl-2022 u li jiddeterjora b’0,1 punti perċentwali tal-PDG fl-2023 u b’0,4 punti perċentwali tal-PDG fl-2024.

    (15)

    Id-dejn tal-gvern estiż kien ta’ 34,7 % tal-PDG fi tmiem l-2018, ta’ 35,3 % tal-PDG fi tmiem l-2019 u ta’ 47,3 % tal-PDG fi tmiem l-2020. Skont it-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, huwa pproġettat li jiżdied għal 49,7 % tal-PDG fi tmiem l-2021, għal 52,7 % tal-PDG fi tmiem l-2022 u għal 59,5 % tal-PDG fi tmiem l-2024, b’hekk joqrob għall-ewwel darba l-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat fin-nuqqas ta’ miżuri korrettivi addizzjonali għal dawk diġà implimentati jew imħabbra b’mod kredibbli.

    (16)

    L-analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn fit-terminu medju u twil, aġġornata wara t-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, tikkonferma li r-riskji għas-sostenibbiltà huma għolja fit-terminu medju. Skont il-proġettazzjoni tal-linja bażi ta’ 10 snin, il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż mal-PDG ser ikompli jiżdied matul il-perjodu ta’ proġettazzjoni u jilħaq livell qrib id-90 % tal-PDG. Ir-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn huma xprunati minn defiċit fiskali kbar, minn spejjeż tat-tixjiħ u mill-vulnerabbiltà tal-perkors tad-dejn għal xokkijiet makro fiskali. Iż-żidiet fil-pensjonijiet, adottati fis-sajf 2019, u li għalissa qed jiġu posposti sa tmiem l-2022, huma s-sors predominanti tar-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn. L-istruttura tad-dejn, b’sehem għoli ta’ dejn iddenominat f’munita barranija u b’sehem sinifikanti ta’ dejn miżmum minn dawn li mhumiex residenti, tkompli żżid mar-riskji għas-sostenibbiltà tad-dejn, għalkemm l-interventi dwar is-suq sekondarju mill-Bank Nazzjonali tar-Rumanija għenu biex l-ispejjeż tas-self tal-gvern jinżammu f’livelli favorevoli fl-2020. Barra minn hekk, hemm riskji marbuta ma’ obbligazzjonijiet kontinġenti li jirriżultaw minn garanziji tal-istat (ta’ 1,4 % tal-PDG) mogħtija lil kumpaniji u lil dawk li jaħdmu għal rashom matul il-kriżi tal-COVID-19. Il-ħtiġijiet ta’ finanzjament gross huma pproġettati li jiżdiedu. Min-naħa l-oħra, ir-riformi u l-investiment permezz tan-NextGenerationEU, jekk jiġu implimentati b’mod effettiv, huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv fuq it-tkabbir tal-PDG fis-snin li ġejjin, b’hekk jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà tad-dejn.

    (17)

    Skont l-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv għandha titlesta fis-sena ta’ wara l-identifikazzjoni tiegħu sakemm ma jkunx hemm ċirkostanzi speċjali. Jenħtieġ li l-perkors ta’ aġġustament jiġi determinat f’konformità mar-Regolament (KE) Nru 1467/97, filwaqt li titqies il-pożizzjoni ekonomika u fiskali tal-Istat Membru kkonċernat.

    (18)

    Fis-sitwazzjoni attwali, tali ċirkostanzi speċjali jeżistu fir-Rumanija. L-għoti ta’ sena addizzjonali lir-Rumanija, f’konformità mar-regola stabbilita fl-Artikolu 3(4) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, ikun jeħtieġ aġġustament fiskali qawwi ħafna u jirriżulta f’telf sinifikanti fl-output, b’hekk jirriskja li jikkomprometti l-irkupru ekonomiku wara l-pandemija tal-COVID-19. Perkors ta’ aġġustament bi skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2024, filwaqt li xorta waħda jeħtieġ aġġustamenti annwali sostanzjali, ikun jimplika sforz aktar gradwali u jsib bilanċ tajjeb bejn il-konsolidazzjoni fiskali u l-appoġġ għall-irkupru ekonomiku. Il-perkors il-ġdid ta’ aġġustament iqis ukoll is-sitwazzjoni fiskali li nbidlet, inklużi l-iżviluppi baġitarji fl-2020 u l-istrateġija baġitarja l-ġdida stabbilita mill-Gvern Rumen. Ir-riformi, inklużi dawk li jtejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi, ikunu strumentali biex tiġi żgurata korrezzjoni durabbli tad-defiċit eċċessiv. Fid-dawl ta’ dawk il-konsiderazzjonijiet, u b’mod konsistenti mal-orjentazzjonijiet tal-politika fiskali stabbiliti fil-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta’ Marzu 2021, hija ġustifikata li tiġi stabbilita skadenza għall-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv sal-2024.

    (19)

    Perkors ta’ aġġustament kredibbli u sostenibbli skont din l-iskadenza jkun jeħtieġ li r-Rumanija tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-gvern estiż ta’ 8,0 % fl-2021, ta’ 6,2 % tal-PDG fl-2022, ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2024, f’konformità mal-miri tal-gvern stess. Fuq il-bażi tat-tbassir ekonomiku tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, dan huwa konsistenti ma’ rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 3,4 % fl-2021, ta’ 1,3 % fl-2022, ta’ 0,9 % fl-2023 u ta’ 0,0 % fl-2024 (6). Dawn ir-rati ta’ tkabbir tan-nefqa primarja netta tal-gvern se jkunu l-indikatur primarju użat biex jiġi vvalutat l-isforz fiskali jekk tkun meħtieġa analiżi bir-reqqa. L-aġġustament fiskali annwali korrispondenti fil-bilanċ strutturali huwa ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024.

    (20)

    F’dan l-istadju, biex jiġi vvalutat l-impatt potenzjali tal-politika fiskali ġenerali fuq l-output, jenħtieġ li l-pagamenti sostanzjali mill-baġit tal-Unjoni (mill-Faċilità u minn fondi oħra tal-Unjoni) jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti, bħala miżura tal-pożizzjoni fiskali (7). Fuq din il-bażi, il-fondi tal-Unjoni huma mistennija li jkollhom impatt pożittiv sinifikanti fuq l-ekonomija Rumena fis-snin li ġejjin. B’mod speċifiku, l-investimenti u r-riformi appoġġati mill-Faċilità jipprovdu opportunità għar-Rumanija biex ittejjeb il-pożizzjoni fiskali sottostanti tagħha fit-terminu medju filwaqt li xorta tappoġġa t-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi.

    (21)

    Jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiżguraw korrezzjoni fit-tul tad-defiċit eċċessiv, filwaqt li jkunu mmirati lejn it-titjib tal-kwalità tal-finanzi pubbliċi u r-rinfurzar tal-potenzjal ta’ tkabbir tal-ekonomija. Jenħtieġ li r-riformi ta’ natura fiskali u ekonomika usa’, inklużi r-riformi tas-sistema tal-pensjonijiet, l-amministrazzjoni tat-taxxa, il-pagi tas-settur pubbliku u l-governanza tal-intrapriżi tal-istat, jappoġġaw l-isforz ta’ konsolidazzjoni fiskali u jagħmluh sostenibbli.

    (22)

    Mill-2016, ir-Rumanija ddegorat b’mod sistematiku u b’mod ripetut mir-regoli fiskali nazzjonali tagħha u mill-iskeda ta’ żmien għall-adozzjoni tal-istrateġija fiskali fit-terminu medju, stabbiliti fil-qafas fiskali nazzjonali. Fil-futur, l-aġġustament baġitarju tar-Rumanija se jkun appoġġat mill-applikazzjoni sħiħa tal-qafas fiskali nazzjonali,

    ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

    1.   

    Jenħtieġ li r-Rumanija ttemm is-sitwazzjoni ta’ defiċit eċċessiv sa mhux aktar tard mill-2024.

    2.   

    Jenħtieġ li r-Rumanija tilħaq il-mira tad-defiċit nominali tal-gvern estiż ta’ 8,0 % tal-PDG fl-2021, ta’ 6,2 % tal-PDG fl-2022, ta’ 4,4 % tal-PDG fl-2023, u ta’ 2,9 % tal-PDG fl-2024, li huma konsistenti mar-rata ta’ tkabbir nominali tan-nefqa primarja netta tal-gvern ta’ 3,4 % fl-2021, ta’ 1,3 % fl-2022, ta’ 0,9 % fl-2023 u ta’ 0,0 % fl-2024. Dan jikkorrispondi ma’ aġġustament strutturali annwali ta’ 0,7 % tal-PDG fl-2021, ta’ 1,8 % tal-PDG fl-2022, ta’ 1,7 % tal-PDG fl-2023 u ta’ 1,5 % tal-PDG fl-2024.

    3.   

    Jenħtieġ li r-Rumanija timplimenta bis-sħiħ il-miżuri diġà adottati fl-2021. Jenħtieġ li hija tispeċifika u timplimenta l-miżuri addizzjonali li huma meħtieġa biex tikkoreġi tad-defiċit eċċessiv tagħha sal-2024. Jenħtieġ li l-miżuri ta’ konsolidazzjoni baġitarja jiggarantixxu korrezzjoni sostenibbli b’mod li jiffavorixxi t-tkabbir. Jenħtieġ li kwalunkwe gwadann anormali jintuża biex jitnaqqas id-defiċit tal-gvern estiż.

    4.   

    Il-Kunsill jistabbilixxi l-iskadenza tal-15 ta’ Ottubru 2021 sabiex ir-Rumanija tieħu azzjoni effettiva u, f’konformità mal-Artikolu 3(4a) tar-Regolament (KE) Nru 1467/97, biex tirrapporta dwar l-istrateġija ta’ konsolidazzjoni prevista biex jintlaħqu l-miri. Minn hawn ’il quddiem, jenħtieġ li r-Rumanija tirrapporta dwar il-progress li jsir fl-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni mill-inqas kull sitt xhur, sakemm id-defiċit eċċessiv ikun ikkoreġut. Barra minn hekk, jenħtieġ li r-Rumanija tiżgura l-applikazzjoni sħiħa u effettiva tal-qafas fiskali nazzjonali tagħha. Biex jiġi żgurat is-suċċess tal-istrateġija fiskali fit-terminu medju, se jkun importanti wkoll li l-konsolidazzjoni fiskali tiġi appoġġata b’riformi komprensivi.

    Din ir-Rakkomandazzjoni hija indirizzata lir-Rumanija.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEÃO


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/509 tat-3 ta’ April 2020 dwar l-eżistenza ta’ defiċit eċċessiv fir-Rumanija (ĠU L 110, 8.4.2020, p. 58).

    (2)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-3 ta’ April 2020 bl-għan li tintemm is-sitwazzjoni ta’defiċit eċċessiv tal-gvern fir-Rumanija (ĠU C 116, 8.4.2020, p. 1).

    (3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (4)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1).

    (5)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021 p. 17).

    (6)  In-nefqa primarja netta tal-gvern hi magħmula min-nefqa totali tal-gvern mingħajr in-nefqa marbuta mal-imgħax, in-nefqa marbuta mal-programmi tal-Unjoni kompletament koperti mid-dħul tal-fondi tal-Unjoni u mill-bidliet mhux diskrezzjonali fin-nefqa marbuta mal-benefiċċju tal-qgħad. Il-formazzjoni grossa tal-kapital fiss iffinanzjata f’livell nazzjonali hija mifruxa fuq perjodu ta’ erba’ snin. Miżuri ta’ dħul diskrezzjonali jew żidiet fid-dħul mitluba mil-liġi huma meqjusa. Miżuri ta’ darba fuq in-naħa kemm tad-dħul kif ukoll tan-nefqa huma mnaqqsa.

    (7)  Il-pożizzjoni tal-politika fiskali titkejjel billi titqabbel il-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali iżda tinkludi bidliet fin-nefqa ffinanzjati mill-Faċilità u minn sostenn finanzjarju ieħor mhux ripagabbli mill-Unjoni) mar-rata ta’ tkabbir potenzjali medju ta’ 10 snin. Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-RRP u li jistgħu jagħtu spinta lit-tkabbir ekonomiku potenzjali tar-Rumanija. Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir tan-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku ta’ terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.


    Top