EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H0729(22)

Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall għall-2021

ST/9247/2021/INIT

ĠU C 304, 29.7.2021, p. 102–106 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

29.7.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 304/102


RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Ġunju 2021

li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-Portugall għall-2021

(2021/C 304/22)

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta’ pożizzjonijiet ta’ budget u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta’ politika ekonomika (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

Billi:

(1)

Fl-20 ta’ Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stipulata fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. F’dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kondizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta’ Marzu 2020, il-Ministri għall-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta’ reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta’ aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta’ kull Stat Membru, dment li dan ma jipperikolax is-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta’ Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali ser tibqa’ attiva fl-2021.

(2)

Fl-20 ta’ Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda lill-Portugall biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f’konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b’hekk tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b’mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Huwa rrakkomanda wkoll lill-Portugall biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, isegwi politiki fiskali mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u l-iżgurar tas-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment.

(3)

Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro tindika li jenħtieġ li l-politiki fiskali jibqgħu ta’ appoġġ fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro matul l-2021 u li l-miżuri ta’ politika jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u jkunu f’waqthom, temporanji u mmirati. Meta jippermettu l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi, jenħtieġ li l-miżuri ta’ emerġenza jitneħħew gradwalment, waqt li jiġi miġġieled l-impatt soċjali u tas-suq tax-xogħol tal-kriżi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali li jkunu mmirati lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

(4)

Fit-18 ta’ Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-abbozz tal-pjan baġitarju tal-Portugall kien ġeneralment f’konformità mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika fiskali stipulati fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fl-abbozz ta’ pjan baġitarju kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta’ inċertezza konsiderevoli.

(5)

In-NextGenerationEU, inkluża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ser tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta’ Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tipprovdi appoġġ finanzjarju għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Hija ser tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta’ riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod partikolari għall-promozzjoni ta’ tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser issaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija ser tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

(6)

Fit-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta’ politika ulterjuri biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta’ Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali, li tqis il-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa’ sservi ta’ sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri b’riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta’ sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b’livelli għoljin ta’ dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali u jagħmlu użu minn għotjiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta’ investiment u riformi strutturali ta’ kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta’ pożizzjonijiet fiskali prudenti f’terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta’ sostenn meta jkun il-waqt, ser jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

(7)

Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta’ Marzu 2021, il-Kummissjoni uriet wkoll il-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew it-tkomplija tal-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-Żona tal-Euro mqabbel mal-livelli ta’ qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni qieset li l-kondizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiġi diżattivata mill-2023 ġew issodisfati. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali ser ikomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

(8)

Fit-30 ta’ April 2021, il-Portugall ippreżenta l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 tiegħu, f’konformità mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

(9)

Fl-2020, fuq il-bażi ta’ data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż ta’ Portugall kien ta’ 5,7 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 133,6 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju ammontat għal – 6 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta’ madwar 3 % tal-PDG b’appoġġ għall-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-Portugall ipprovda wkoll sostenn f’forma ta’ likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), ikkalkulat li jilħaq l-4 % tal-PDG; l-użu reali tal-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni li hu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal 3½ % tal-PDG.

(10)

Fit-2 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport skont l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Portugall, billi fl-2020 id-defiċit tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat, filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż tagħha qabeż il-valur referenzjarju ta’ 60 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat u ma naqasx b’pass sodisfaċenti. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat u li ma kienx hemm konformità mal-kriterju tad-dejn.

(11)

Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa realistiku fl-2021 u l-2022. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, il-PDG reali huwa pprojettat li jespandi b’4 % fl-2021 u b’4,9 % fl-2022. Dan huwa konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Is-setturi intensivi fil-kuntatt intlaqtu partikolarment ħażin mill-kriżi tal-COVID-19. Ir-riskji għall-prospettiva makroekonomika għadhom ixaqilbu lejn in-negattiv, minħabba d-dipendenza qawwija tal-Portugall fuq it-turiżmu barrani, li għalih għad hemm livell għoli ta’ inċertezza fir-rigward tal-perkors lejn l-irkupru.

(12)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana tnaqqis fid-defiċit tal-gvern estiż minn 5,7 % tal-PDG fl-2020 għal 4,5 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 128 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, it-tibdil fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta’ qabel il-kriżi (2019) mistenni jammonta għal – 5 % tal-PDG, u jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonali ta’ 3 % tal-PDG b’appoġġ għall-ekonomija u l-operat ta’ stabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-projezzjonijiet huma skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

(13)

B’rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata magħha, il-Portugall adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19 u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta’ politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw trajettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri għandhom jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, jenħtieġ li jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħa l-Portugall fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu mill-2020 u sal-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew ibbilanċjati minn miżuri ta’ tpaċija. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fl-2023, b’mod preliminari huwa stmat li l-impatt kumulattiv li jifdal ta’ dawn il-miżuri mhux temporanji huwa ta’ madwar 1 % tal-PDG, li jikkonsisti l-aktar minn nefqa addizzjonali fuq il-pagi pubbliċi. Dawn il-miżuri mhux temporanji jinkludu wkoll investiment ta’ madwar 1/10 % tal-PDG, li mistenni jagħti appoġġ lit-tkabbir potenzjali fuq terminu medju u għaldaqstant is-sostenibbiltà.

(14)

Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,3 % tal-PDG fl-2021, 1,3 % tal-PDG fl-2022, 1,5 % tal-PDG fl-2023, 1,3 % tal-PDG fl-2024, u 1,1 % tal-PDG fl-2025. Il-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 jassumi wkoll self permezz tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammonta għal 0,7 % tal-PDG fl-2021, 0,2 % tal-PDG fl-2022, u 0,1 % tal-PDG kull sena fil-perjodu 2023-2025. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jinkludi dawn l-għotjiet fil-projezzjonijiet baġitarji.

(15)

L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 iridu jitqiesu fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm bżonn li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, u tiċċaqlaq minn għajnuna ta’ emerġenza għal miżuri aktar speċifiċi ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta’ politika sinifikanti b’appoġġ għall-attività ekonomika. Fil-preżenza ta’ trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li l-politiki fiskali jipprovdu lill-ekonomija. F’dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx li huwa adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll ukoll jiġi adattat (5) u kkomplementat b’informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

(16)

B’mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri ta’ emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u ekonomika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali għalhekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta’ dħul u bl-esklużjoni ta’ miżuri temporanji ta’ emerġenza relatati mal-kriżi) inkluża n-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha wkoll l-għan li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali.

(17)

Fil-Programm ta’ Stabbiltà tiegħu għall-2021, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Portugall huwa ppjanat li jonqos għal 3,2 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba t-twaqqif tal-miżuri temporanji ta’ appoġġ adottati fl-2020 u fl-2021, kif ukoll minħabba l-irkupru ekonomiku mistenni. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jonqos għal 123 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-projezzjonijiet huma konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll mill-baġit tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata għal -1,1 % tal-PDG (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b’0,1 ta’ punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat nazzjonalment huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,2 ta’ punt perċentwali tal-PDG (7). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b’mod nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonali) hija pprojettata li tipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,7 ta’ punt perċentwali tal-PDG.

(18)

Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Riformi strutturali fiskali li jkollhom l-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jkunu ta’ sostenn għat-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-problemi sanitarji. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta’ dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta’ investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b’mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ser jippermettu li tittejjeb il-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali.

(19)

Skont il-pjanijiet baġitarji ta’ terminu medju tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 2,2 % tal-PDG fl-2023 għal 1,6 % tal-PDG fl-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li fl-2023 ma jibqax jaqbeż il-valur referenzjarju ta’ 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Fuq il-bażi tal-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda — inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b’mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza — hija stmata għal 0,3 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata minn għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tibqa’ l-istess. L-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta’ 0,1 ta’ punt perċentwali tal-PDG (8). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fil-livell nazzjonali (netta minn miżuri ta’ dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,3 ta’ punt perċentwali tal-PDG. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta’ 3 % (9). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta’ rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Portugall.

(20)

Id-dejn tal-gvern ġenerali huwa mistenni li jonqos minn 120,7 % tal-PDG fl-2023 għal 117,1 % tal-PDG fl-2024. Fid-dawl tal-proporzjon għoli tad-dejn, li huwa pprojettat li jonqos gradwalment maż-żmien, il-Portugall huwa meqjus li qed jiffaċċa riskji għolja ta’ sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju, skont l-aħħar analiżi tas-sostenibbiltà tad-dejn.

(21)

Fid-dawl tal-livell ta’ inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa’ fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta’ wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta’ inċertezza jkun naqas b’mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

(22)

Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta’ Stabbiltà għall-2021 u s-segwitu li għamel il-Portugall għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020,

B’ DAN JIRRAKKOMANDA LILL-PORTUGALL BIEX:

1.   

Fl-2022, tuża l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex tiffinanzja investiment addizzjonali b’appoġġ tal-irkupru filwaqt li ssegwi politika fiskali prudenti. Tippreserva investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali. Jillimita t-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata b’mod nazzjonali.

2.   

Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, isegwu politika fiskali mmirata li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, isaħħu l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

3.   

Jagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji biex jiġi żgurat irkupru sostenibbli u inklużiv. Jagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b’mod partikolari lill-investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Jagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li ser jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-terminu twil tal-finanzi pubbliċi, fosthom, fejn rilevanti, it-tisħiħ tal-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà ta’ sistemi tas-saħħa u ta’ protezzjoni soċjali għal kulħadd.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kunsill

Il-President

J. LEÃO


(1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

(2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta’ Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta’ defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

(3)  Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta’ Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta’ Riforma tal-2020 tal-Portugall u li tagħti l-Opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2020 tal-Portugall (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 142).

(4)  Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta’ Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

(5)  B’mod partikolari, il-livellar fuq erba’ snin tal-investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni adegwata tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati fuq livell nazzjonali.

(6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir tan-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

(7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta’ 0,1 ta’ punt perċentwali tal-PDG.

(8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta’ 0,2 ta’ punt perċentwali tal-PDG.

(9)  Stmat mill-Kummissjoni, skont il-metodoloġija miftiehma bejn kulħadd.


Top