Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H0729(15)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Litwanja

    ST/9240/2021/INIT

    ĠU C 304, 29.7.2021, p. 68–72 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/68


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Ġunju 2021

    li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta’ Stabbiltà tal-2021 tal-Litwanja

    (2021/C 304/15)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 5(2) tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stabbilita fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u l-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika severa. F'dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li, minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija minħabba l-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta' Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta' Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali ser tibqa' attiva fl-2021.

    (2)

    Fl-20 ta' Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda lill-Litwanja biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b'hekk tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b'mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Lil-Litwanja rrakkomandalha wkoll li, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li għandhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti f'terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li ttejjeb l-investiment.

    (3)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2021 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro tindika li jenħtieġ li l-politiki fiskali jibqgħu ta' appoġġ fl-Istati Membri kollha taż-żona tal-euro matul l-2021 u li l-miżuri ta' politika jitfasslu skont iċ-ċirkostanzi speċifiċi għall-pajjiż u jkunu f'waqthom, temporanji u mmirati. Meta jippermettu l-kundizzjonijiet epidemjoloġiċi u ekonomiċi, jenħtieġ li l-miżuri ta' emerġenza jitneħħew gradwalment, waqt li jiġi miġġieled l-impatt soċjali u tas-suq tax-xogħol tal-kriżi. Jenħtieġ li l-Istati Membri jsegwu politiki fiskali li jkunu mmirati lejn il-kisba ta' pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li jiżguraw is-sostenibbiltà fejn jidħol id-dejn, filwaqt li jsaħħu l-investiment. L-Istati Membri jenħtieġ li jsegwu riformi li jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

    (4)

    Fit-18 ta' Novembru 2020, il-Kummissjoni adottat l-opinjonijiet tagħha dwar l-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021 tal-Istati Membri taż-Żona tal-Euro, li kienu bbażati fuq valutazzjoni kwalitattiva tal-miżuri fiskali. Il-Kummissjoni kienet tal-opinjoni li l-abbozz tal-pjan baġitarju tal-Litwanja kien ġeneralment f'konformità mar-rakkomandazzjonijiet dwar il-politika fiskali stabbiliti mir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020, u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fl-abbozz ta' pjan baġitarju kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta' inċertezza konsiderevoli. Fil-21 ta' Diċembru 2020, il-Litwanja ppreżentat abbozz ta' pjan baġitarju aġġornat għall-2021. Il-Kummissjoni kienet tal-fehma li l-abbozz ta' pjan baġitarju aġġornat tal-Litwanja kien ġeneralment konformi mar-rakkomandazzjonijiet tal-politika fiskali stabbiliti fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020 u li l-biċċa l-kbira tal-miżuri inklużi fl-abbozz ta' pjan baġitarju aġġornat kienu jappoġġaw l-attività ekonomika fl-isfond ta' inċertezza konsiderevoli. Madankollu, xi miżuri ma dehrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta' kumpens.

    (5)

    In-Next Generation EU, li jinkludi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, ser jiżgura rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza ser tipprovdi appoġġ finanzjarji għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment, li jirriżulta f'impuls finanzjarju ffinanzjat mill-Unjoni. Hija ser tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku, għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, speċjalment għall-promozzjoni ta' tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser issaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji. Hija ser tgħin ukoll biex il-finanzi pubbliċi jirritornaw għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fit-terminu qrib u ser tikkontribwixxi biex tissaħħaħ is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi, tat-tkabbir u tal-ħolqien tal-impjiegi fit-terminu medju u twil.

    (6)

    Fit-3 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi aktar orjentazzjonijiet ta' politika biex tiffaċilita l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali, li tqis il-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa' sservi ta' sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-Unjoni, jenħtieġ li l-Istati Membri b'riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits tagħhom favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta' sostenn fl-2022, b'kont meħud tal-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b'livelli għoljin ta' dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali u jagħmlu użu minn għotjiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta' investiment u riformi strutturali ta' kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta' pożizzjonijiet fiskali prudenti f'terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta' sostenn, ser jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

    (7)

    Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni uriet ukoll il-fehma li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta' qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta' Ġunju 2021 il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tkompli tapplika l-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u biex tiddiżattivaha mill-2023 ġew issodisfati. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż ikomplu jitqiesu wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

    (8)

    Fit-30 ta' April 2021, il-Litwanja ppreżentat il-Programm ta' Stabbiltà tagħha tal-2021, b'mod konformi mal-Artikolu 4 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (9)

    Fl-2020, fuq il-bażi ta' data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja kien ta' 7,4 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 47,3 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju kienet tammonta għal -8,0 % tal-PDG, inklużi miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta' 7,1 % tal-PDG b'sostenn għall-ekonomija u għat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Il-Litwanja pprovdiet ukoll appoġġ ta' likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differiment ta' taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), ikkalkulat li jilħaq it-2,7 % tal-PDG; l-użu li fil-fatt sar mill-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni għal anqas minn ½ % tal-PDG.

    (10)

    Fit-2 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport taħt l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja tal-Litwanja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2020 qabeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG stabbilit fit-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat.

    (11)

    Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa kawt fl-2021 u l-2022. Huwa mbassar li l-PDG reali jikber bi 2,6 % fl-2021 u bi 3,2 % fl-2022. Ix-xenarju makroekonomiku ma qiesx l-investimenti li għandhom jiġu ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Skont it-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, il-PDG reali mistenni jikber bi 2,9 % fl-2021 u bi 3,9 % fl-2022. Il-projezzjonijiet tal-PDG tal-Kummissjoni huma ogħla primarjament minħabba l-preżunzjoni ta' rkupru aktar b'saħħtu fid-domanda domestika, inkluż investimenti ffinanzjati mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza.

    (12)

    Fil-Programm ta' Stabbiltà tiegħu tal-2021, il-gvern qed jippjana żieda fid-defiċit tal-gvern estiż minn 7,4 % tal-PDG fl-2020 għal 8,1 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 52,1 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta' Stabbiltà tal-2021, it-tibdil fil-bilanċ baġitarju primarju fl-2021 meta mqabbel mal-livell ta' qabel il-kriżi (2019) mistenni jammonta għal -8,9 % tal-PDG, u jirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta' 5,2 % tal-PDG b'appoġġ għall-ekonomija u l-operat ta' stabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-projezzjonijiet huma konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, li jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż fl-2021 jilħaq it-8,2 % filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG mistenni jilħaq il-51,9 % tal-PDG.

    (13)

    B'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata magħha, il-Litwanja adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19 u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta' politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw trajettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri għandhom jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, jenħtieġ li jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet il-Litwanja fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonarji adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020 sal-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta' kumpens. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tal-Kummissjoni tar-rebbiegħa 2021, fl-2023, l-impatt kumulattiv li jibqa' minn dawk il-miżuri mhux temporanji huwa kkalkulat b'mod preliminari għal madwar 1 % tal-PDG, li jikkonsisti prinċipalment f'żidiet fil-pagi fis-settur pubbliku, fil-pensjonijiet u benefiċċji oħra.

    (14)

    Il-Programm ta' Stabbiltà tal-2021 jassumi investiment u riformi ffinanzjati minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza li jammontaw għal 0,3 % tal-PDG fl-2021, 0,8 % fl-2022, 1,0 % fl-2023, u 0,9 % fl-2024. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jinkludi dawn l-għotjiet fil-projezzjonijiet baġitarji tagħha.

    (15)

    L-indikaturi stabbiliti tal-aġġustament fiskali stabbiliti fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 iridu jitqiesu fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti rigward l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm bżonn li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta malajr għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, u tiċċaqlaq minn għajnuna ta' emerġenza għal miżuri aktar speċifiċi ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta' politika sinifikanti b'appoġġ għall-attività ekonomika. Fil-preżenza ta' trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li l-politiki fiskali jipprovdu lill-ekonomija. F'dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx li huwa adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll jeħtieġ li jiġi adattat (5) u kkomplementat b'informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

    (16)

    B'mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri ta' emerġenza temporanji ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni tas-saħħa pubblika u ekonomika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali għalhekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta' dħul u bl-esklużjoni ta' miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi) inkluż in-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali.

    (17)

    Fil-Programm ta Stabbiltà tagħha tal-2021', id-defiċit tal-gvern estiż tal-Litwanja huwa ppjanat li jonqos għal 6,0 % tal-PDG fl-2022, prinċipalment minħabba t-terminazzjoni tal-miżuri temporanji ta' appoġġ adottati fl-2020 u fl-2021. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 54,2 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-projezzjonijiet huma konformi mat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, li jistenna li d-defiċit tal-gvern estiż fl-2021 jilħaq is-6,0 % filwaqt li l-proporzjon tad-dejn għall-PDG mistenni jilħaq il-54,1 % tal-PDG. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll minn dak tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal -2,0 % tal-PDG (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b'0,5 punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG (7). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni espansjonarja ta' 1,8 punti perċentwali tal-PDG.

    (18)

    Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Ir-riformi strutturali fiskali mmirati lejn it-titjib tal-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jappoġġaw it-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex tiġi żgurata s-sostenibbiltà fiskali fit-tul, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-isfidi tas-saħħa. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta' dħul pubbliku aktar effiċjenti u aktar ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta' investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b'mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza ser jippermettu li tittejjeb il-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali.

    (19)

    Skont il-pjanijiet baġitarji ta' terminu medju tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2021, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 4,0 % fl-2023 għal 2,2 % tal-PDG fl-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż huwa għalhekk ippjanat li fl-2024 ma jibqax jaqbeż il-valur referenzjarju ta' 3 % tal-PDG skont it-Trattat. Fuq il-bażi tal-Programm ta' Stabbiltà tal-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll minn dak tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal +2,1 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tonqos b'0,1 punt perċentwali tal-PDG. L-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta' 0,1 punti perċentwali tal-PDG (8). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata fuq livell nazzjonali (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonarji) hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta' 1,9 punti perċentwali tal-PDG. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta' 5¼ % (9). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta' rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali tal-Litwanja.

    (20)

    Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jibqa' 57,9 % tal-PDG fl-2023 u fl-2024. Fuq it-terminu medju, il-Litwanja titqies li qed tiffaċċa riskji medji għas-sostenibbiltà fiskali.

    (21)

    Fid-dawl tal-livell ta' inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa' fil-biċċa l-kbira kwalitattiva u tinkludi element kwantifikat differenzjat bħala parti mill-gwida ta' terminu medju. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta' wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta' inċertezza jkun naqas b'mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

    (22)

    Il-Kunsill ivvaluta l-Programm ta' Stabbiltà tal-2021 u s-segwitu mil-Litwanja għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020,

    B'DAN JIRRAKKOMANDA LIL-LITWANJA BIEX:

    1.   

    Fl-2022 tibqa' żżomm pożizzjoni fiskali ta' sostenn, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u tippreserva l-investiment iffinanzjat fuq livell nazzjonali. Iżżomm it-tkabbir tan-nefqa kurrenti ffinanzjata fuq livell nazzjonali taħt kontroll.

    2.   

    Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata lejn il-ksib ta' pożizzjonijiet fiskali prudenti f'terminu medju u tiżgura s-sostenibbiltà fiskali f'terminu medju. Fl-istess ħin ittejjeb l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    3.   

    Tagħti attenzjoni partikolari lill-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm fuq in-naħa tad-dħul kif ukoll fuq in-naħa tan-nefqa tal-baġit nazzjonali, u lill-kwalità tal-miżuri baġitarji biex jiġi żgurat irkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b'mod partikolari lill-investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li ser jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż, fejn rilevanti, billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEÃO


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6)

    (3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-Litwanja u li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 tal-Litwanja (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 95).

    (4)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (5)  B'mod partikolari, il-livellar fuq erba' snin tal-investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni adegwata tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati fuq livell nazzjonali.

    (6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

    (7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

    (8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata fuq livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni restrittiva ta' 0,1 punti perċentwali tal-PDG.

    (9)  Stmat mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija miftehma bejn kulħadd.


    Top