Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021H0729(03)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2021 li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza taċ-Ċekja għall-2021

    ST/9228/2021/INIT

    ĠU C 304, 29.7.2021, p. 10–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    29.7.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 304/10


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-18 ta’ Ġunju 2021

    li tagħti opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Konverġenza taċ-Ċekja għall-2021

    (2021/C 304/03)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1466/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar it-tisħiħ tas-sorveljanza ta' pożizzjonijiet ta' baġit u s-sorveljanza u l-koordinazzjoni ta' politika ekonomika (1), u b'mod partikolari l-Artikolu 9(2)tiegħu,

    Wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet tal-Parlament Ewropew,

    Wara li kkonsulta l-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju,

    Billi:

    (1)

    Fl-20 ta' Marzu 2020, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni dwar l-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir. Il-klawżola liberatorja ġenerali, kif stabbilita fl-Artikoli 5(1), 6(3), 9(1) u 10(3) tar-Regolament (KE) Nru 1466/97 u fl-Artikoli 3(5) u 5(2) tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 (2), tiffaċilita l-koordinament tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika severa. F'dik il-komunikazzjoni, il-Kummissjoni osservat li minħabba r-reċessjoni ekonomika severa li kienet mistennija bħala riżultat tal-pandemija tal-COVID-19, kienu ssodisfati l-kundizzjonijiet għall-attivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali. Fit-23 ta' Marzu 2020, il-Ministri tal-Finanzi tal-Istati Membri qablu mal-valutazzjoni tal-Kummissjoni. Il-klawżola liberatorja ġenerali tat lill-Istati Membri flessibbiltà baġitarja biex jittrattaw il-kriżi tal-COVID-19. Il-klawżola liberatorja ġenerali ffaċilitat il-koordinazzjoni tal-politiki baġitarji fi żminijiet ta' reċessjoni ekonomika severa. L-attivazzjoni tagħha tippermetti diverġenza temporanja mill-perkors ta' aġġustament lejn l-objettiv baġitarju fuq terminu medju ta' kull Stat Membru, dment li dan ma jkunx jipperikola s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fis-17 ta' Settembru 2020, fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija Annwali għat-Tkabbir Sostenibbli tal-2021, il-Kummissjoni ħabbret li l-klawżola liberatorja ġenerali se tibqa' attiva fl-2021.

    (2)

    Fl-20 ta' Lulju 2020, il-Kunsill adotta Rakkomandazzjoni (3) (“ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020”). Huwa rrakkomanda liċ-Ċekja biex tieħu l-miżuri kollha meħtieġa, f'konformità mal-klawżola liberatorja ġenerali, biex b'hekk tindirizza l-pandemija tal-COVID-19 b'mod effettiv, issostni l-ekonomija u tappoġġa l-irkupru li jirriżulta. Liċ-Ċekja rrakkomandalha wkoll biex, meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jippermettu, issegwi politiki fiskali li jkollhom l-għan li jiksbu pożizzjonijiet fiskali prudenti fit-terminu medju u li jiggarantixxu s-sostenibbiltà tad-dejn, filwaqt li jtejbu l-investiment.

    (3)

    In-Next Generation EU, inkluż il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, se tiggarantixxi rkupru sostenibbli, inklużiv u ġust. Ir-Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), li stabbilixxa l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, daħal fis-seħħ fid-19 ta' Frar 2021. Il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza se tipprovdi sostenn finanzjarju għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment, li jinvolvi impuls fiskali ffinanzjat mill-Unjoni. Din se tikkontribwixxi għall-irkupru ekonomiku u għall-implimentazzjoni ta' riformi u investiment sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b'mod partikolari għall-promozzjoni ta' tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali, u ser issaħħaħ ir-reżiljenza u t-tkabbir potenzjali tal-ekonomiji tal-Istati Membri. Hija se tgħin ukoll lill-finanzi pubbliċi biex jerġgħu lura għal pożizzjonijiet aktar favorevoli fil-futur qrib u ser tikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-finanzi pubbliċi sostenibbli, u għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi fuq terminu medju u twil.

    (4)

    Fit-3 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni adottat Komunikazzjoni li tipprovdi orjentazzjonijiet ta' politika biex jiġu ffaċilitati l-koordinazzjoni tal-politiki fiskali u t-tħejjija tal-Programmi ta' Stabbiltà u Konverġenza tal-Istati Membri. Jenħtieġ li l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda, b'kont meħud tal-baġits nazzjonali u l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, tibqa' sservi ta' sostenn fl-2021 u fl-2022. Fl-istess ħin, billi hu mistenni li fit-tieni nofs tal-2021 l-attività ekonomika tiġi gradwalment għan-normal, jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jsiru aktar differenzjati fl-2022. Jenħtieġ li l-politiki fiskali tal-Istati Membri jqisu l-istat tal-irkupru, is-sostenibbiltà fiskali u l-bżonn li jitnaqqsu d-diverġenzi ekonomiċi, soċjali u territorjali. Fid-dawl tal-bżonn li jingħata appoġġ lill-irkupru sostenibbli fl-UE, jenħtieġ li l-Istati Membri b'riskji baxxi għas-sostenibbiltà jorjentaw il-baġits favur li tinżamm politika fiskali li sservi ta' sostenn fl-2022, u li jqisu l-impatt tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza. Jenħtieġ li l-Istati Membri b'livelli għoljin ta' dejn isegwu politiki fiskali prudenti, filwaqt li jippreservaw l-investiment iffinanzjat nazzjonalment u jagħmlu użu minn għotjiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza biex jiffinanzjaw proġetti addizzjonali ta' investiment u riformi strutturali ta' kwalità għolja. Għall-perjodu lil hinn mill-2022, jenħtieġ li l-politiki fiskali jkomplu jqisu s-saħħa tal-irkupru, il-grad tal-inċertezza ekonomika u kunsiderazzjonijiet ta' sostenibbiltà fiskali. L-iffukar mill-ġdid tal-politiki fiskali lejn il-kisba ta' pożizzjonijiet fiskali prudenti f'terminu medju, inkluż bl-eliminazzjoni gradwali tal-miżuri ta' sostenn meta jkun il-waqt, se jikkontribwixxi biex tiġi ggarantita s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu medju.

    (5)

    Fil-komunikazzjoni tagħha tat-3 ta' Marzu 2021, il-Kummissjoni kienet tal-fehma wkoll li d-deċiżjoni dwar id-diżattivazzjoni jew l-applikazzjoni kontinwata tal-klawżola liberatorja ġenerali jenħtieġ li tittieħed bħala valutazzjoni ġenerali tal-istat tal-ekonomija, bil-livell tal-attività ekonomika fl-Unjoni jew fiż-żona tal-euro mqabbel mal-livelli ta' qabel il-kriżi (tmiem l-2019) bħala kriterju kwantitattiv ewlieni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, fit-2 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni qieset li l-kundizzjonijiet biex tibqa' għaddejja l-applikazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali fl-2022 u għad-diżattivazzjoni tagħha mill-2023 kienu ssodisfati. Is-sitwazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi individwali se ikomplu jiġu kkunsidrati wara d-diżattivazzjoni tal-klawżola liberatorja ġenerali.

    (6)

    Fit-30 ta' April 2021, iċ-Ċekja ppreżentat il-Programm ta' Konverġenza tagħha għall-2021, f'konformità mal-Artikolu 8 tar-Regolament (KE) Nru 1466/97.

    (7)

    Fl-2020, fuq il-bażi ta' data vvalidata mill-Eurostat, id-defiċit tal-gvern estiż taċ-Ċekja kien ta' 6,2 % tal-prodott domestiku gross (PDG), filwaqt li d-dejn tal-gvern estiż żdied għal 38,1 % tal-PDG. Il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju kienet tammonta għal -6,4 % tal-PDG, inkluż miżuri baġitarji diskrezzjonali ta' 4,6 % b'sostenn għall-ekonomija u għat-tħaddim tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Iċ-Ċekja pprovdiet ukoll sostenn f'forma ta' likwidità lill-kumpaniji u lill-unitajiet domestiċi (bħal garanziji u differimenti tat-taxxa, li ma għandhomx impatt baġitarju dirett u immedjat), ikkalkulat li jilħaq is-6,2 % tal-PDG; l-użu reali tal-garanziji pubbliċi fl-2020 huwa stmat mill-Kummissjoni li hu bejn wieħed u ieħor ekwivalenti għal 1½ % tal-PDG.

    (8)

    Fit-2 ta' Ġunju 2021, il-Kummissjoni ħarġet rapport taħt l-Artikolu 126(3) tat-Trattat. Dak ir-rapport jiddiskuti s-sitwazzjoni baġitarja taċ-Ċekja, billi d-defiċit tal-gvern estiż tagħha fl-2020 qabeż it-3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG skont it-Trattat. Ir-rapport ikkonkluda li l-kriterju tad-defiċit ma ġiex issodisfat.

    (9)

    Ix-xenarju makroekonomiku li jirfed il-projezzjonijiet baġitarji huwa realistiku fl-2021 u kawt fl-2022. Il-projezzjoni tal-Kummissjoni hija ftit aktar ottimista f'termini ta' tkabbir tal-PDG reali għall-2021 (3,4 % meta mqabbel mat- 3,1 % tal-Programm ta' Konverġenza għall-2021), u hija aktar ottimista għall-2022 (4,4 % meta mqabbel mat- 3,7 % fil-Programm ta' Konverġenza għall-2021), billi l-Kummissjoni qed tistenna żieda fit-tkabbir tal-konsum privat fl-2021 u formazzjoni grossa tal-kapital fiss ogħla fl-2022.

    (10)

    Fil-Programm ta' Konverġenza tiegħu għall-2021, il-gvern qed jippjana żieda fid-defiċit tal-gvern estiż minn 6,2 % tal-PDG fl-2020 għal 8,8 % tal-PDG fl-2021, filwaqt li l-proporzjon tad-dejn huwa ppjanat li jiżdied għal 44,8 % tal-PDG fl-2021. Skont il-Programm ta' Konverġenza tal-2021, il-bidla annwali fil-bilanċ tal-baġit primarju meta mqabbel mal-livell ta' qabel il-kriżi (2019) ammontat għal -9,0 % tal-PDG, li tirrifletti l-miżuri baġitarji diskrezzjonarji ta' 6,5 % tal-PDG b'appoġġ għall-ekonomija u l-operat tal-istabbilizzaturi awtomatiċi. Dawn il-projezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni.

    (11)

    B'rispons għall-pandemija tal-COVID-19 u għar-reċessjoni ekonomika relatata magħha, iċ-Ċekja adottat miżuri baġitarji biex issaħħaħ l-kapaċità tas-sistema tas-saħħa tagħha, trażżan il-pandemija tal-COVID-19, u tgħin lil dawk l-individwi u s-setturi li kienu partikolarment milquta. Din ir-reazzjoni qawwija ta' politika taffiet it-tnaqqis fil-PDG, li, min-naħa tiegħu, naqqas iż-żieda fid-defiċit tal-gvern u d-dejn pubbliku. Il-miżuri fiskali jenħtieġ li jimmassimizzaw l-appoġġ għall-irkupru mingħajr ma jantiċipaw traġettorji fiskali futuri. Għalhekk, il-miżuri jenħtieġ li jevitaw li joħolqu piż permanenti fuq il-finanzi pubbliċi. Meta l-Istati Membri jintroduċu miżuri permanenti, huma għandhom jiffinanzjawhom kif xieraq biex jiżguraw newtralità baġitarja fuq terminu medju. Il-miżuri li ħadet iċ-Ċekja fl-2020 u fl-2021 kienu konformi mar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020. Uħud mill-miżuri diskrezzjonali adottati mill-gvern matul il-perjodu 2020 sal-2021 ma jidhrux li huma temporanji jew akkumpanjati minn miżuri ta' kumpens. Lil hinn mill-orizzont tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni fl-2023, l-impatt kumulattiv li jibqa' minn dawn il-miżuri mhux temporanji huwa preliminarjament ikkalkulat għal madwar 2 % tal-PDG, li jikkonsisti l-aktar fi tnaqqis fid-dħul mit-taxxa fuq l-introjtu personali b'impatt ta' 1,9 % tal-PDG.

    (12)

    Il-Programm ta' Konverġenza għall-2021 jassumi li l-investiment u r-riformi ffinanzjati minn għotjiet fil-kuntest tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza jammontaw għal 0,3 % tal-PDG fl-2021, 0,7 % tal-PDG fl-2022 u 0,7 % tal-PDG fl-2023. It-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni jinkludi dawn l-għotjiet fil-projezzjonijiet baġitarji tiegħu.

    (13)

    Hemm bżonn li l-indikaturi tal-aġġustament fiskali stabbiliti stipulati fir-Regolament (KE) Nru 1466/97 jiġu kkunsidrati fil-kuntest taċ-ċirkostanzi attwali. L-ewwel nett, hemm inċertezza sinifikanti dwar l-istimi tad-distakk fl-output. It-tieni, hemm il-ħtieġa li l-politika fiskali tkun lesta biex tadatta b'mod rapidu għall-evoluzzjoni tal-pandemija tal-COVID-19, b'bidla minn għajnuna ta' emerġenza għal miżuri aktar immirati ladarba r-riskji tas-saħħa jonqsu. It-tielet, il-kuntest attwali huwa kkaratterizzat minn rispons ta' politika sinifikanti biex jappoġġa l-attività ekonomika . Fil-preżenza ta' trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza), l-indikaturi stabbiliti ma jirriflettux l-impuls kollu li l-politiki fiskali jipprovdu lill-ekonomija. F'dan l-isfond, il-bilanċ strutturali ma jidhirx adegwat fiċ-ċirkostanzi attwali. Il-parametru referenzjarju tan-nefqa wkoll jeħtieġ li jiġi adattat (5) u kkomplementat b'informazzjoni addizzjonali sabiex titkejjel bis-sħiħ l-orjentazzjoni tal-politika fiskali.

    (14)

    B'mod simili għall-approċċ segwit fil-valutazzjoni tal-abbozzi tal-pjanijiet baġitarji tal-2021, il-miżuri temporanji ta' emerġenza ġew esklużi mill-aggregat tan-nefqa. Dawn il-miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi jappoġġaw is-sistemi tas-saħħa u jikkumpensaw lill-ħaddiema u lill-kumpaniji għat-telf fid-dħul minħabba l-miżuri ta' lockdowns u l-interruzzjonijiet fil-katina tal-provvista; it-treġġigħ lura tagħhom mill-awtoritajiet pubbliċi jiddependi mir-ritorn għan-normalità tas-sitwazzjoni ekonomika u tas-saħħa pubblika. Biex tiġi vvalutata l-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda fl-istadju attwali, it-trasferimenti mdaqqsa mill-baġit tal-Unjoni (bħal dawk mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza) għandhom jiġu inklużi fl-aggregat tan-nefqa rilevanti. Il-pożizzjoni fiskali ġenerali għalhekk titkejjel mill-bidla fin-nefqa primarja (netta minn miżuri diskrezzjonarji ta' dħul u bl-esklużjoni ta' miżuri temporanji ta' emerġenza relatati mal-kriżi) inkluż in-nefqa ffinanzjata minn għotjiet taħt il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u fondi oħra tal-Unjoni. Lil hinn mill-pożizzjoni fiskali ġenerali, l-analiżi għandha l-għan ukoll li tivvaluta jekk il-politika fiskali nazzjonali hijiex prudenti u jekk il-kompożizzjoni tagħha twassalx għal irkupru sostenibbli konsistenti mat-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Għal dik ir-raġuni, tingħata attenzjoni partikolari lill-evoluzzjoni tal-infiq primarju kurrenti u l-investiment iffinanzjat nazzjonalment.

    (15)

    Fil-Programm ta' Konverġenza tagħha għall-2021, iċ-Ċekja tippjana li fl-2022 id-defiċit tal-gvern estiż jonqos għal 5,9 % tal-PDG, l-aktar minħabba l-waqfien tal-miżuri ta' sostenn temporanji adottati fl-2020 u fl-2021 u minħabba l-irkupru ekonomiku. Il-proporzjon tad-dejn tal-gvern estiż huwa ppjanat li jiżdied għal 48,2 % tal-PDG fl-2022. Dawn il-projezzjonijiet huma fuq l-istess linji tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni. Fuq il-bażi tat-tbassir tar-rebbiegħa 2021 tal-Kummissjoni, u fuq il-bażi tal-metodoloġija speċifika li tirrifletti l-isfidi msemmija hawn fuq, il-pożizzjoni fiskali ġenerali – flimkien ukoll mal-impatt fuq id-domanda aggregata fl-2022 minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġit nazzjonali kif ukoll mill-baġit tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija kkalkulata għal 0,2 % tal-PDG (6). Il-kontribuzzjoni pożittiva tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni hija pprojettata li tiżdied b'0,5 punt perċentwali tal-PDG. L-investiment ffinanzjat f'livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta' 0,3 punti perċentwali tal-PDG (7). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b'mod nazzjonali (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonali) hija pprojettata li tipprovdi kontribut newtrali.

    (16)

    Il-kwalità tal-miżuri baġitarji tal-Istati Membri tidher partikolarment importanti. Riformi strutturali fiskali li jkollhom l-għan li jtejbu l-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali jistgħu jkunu ta' sostenn għat-tkabbir potenzjali, joħolqu spazju fiskali tant meħtieġ u jgħinu biex jiggarantixxu s-sostenibbiltà fiskali fit-terminu twil, inkluż fid-dawl tat-tibdil fil-klima u l-problemi sanitarji. Mil-lat tad-dħul, il-kriżi tal-COVID-19 saħħet l-importanza tar-riformi għal sistemi ta' dħul pubbliku aktar effiċjenti u ġusti. Min-naħa tan-nefqa, sar saħansitra aktar kruċjali li jiżdiedu l-livell u l-kwalità ta' investimenti sostenibbli u li jsaħħu t-tkabbir, b'mod konsistenti mal-objettivi tat-tisħiħ tal-potenzjal tat-tkabbir, ir-reżiljenza ekonomika u soċjali u t-tranżizzjoni doppja ekoloġika u diġitali. Il-pjanijiet nazzjonali għall-irkupru u r-reżiljenza se jippermettu li tittejjeb il-kompożizzjoni tal-baġits nazzjonali.

    (17)

    Skont il-pjanijiet baġitarji ta' terminu medju tal-Programm ta' Konverġenza għall-2021, huwa ppjanat li d-defiċit tal-gvern estiż jonqos minn 5,4 % fl-2023, għal 5,2 % tal-PDG fl-2024. Id-defiċit tal-gvern estiż mhuwiex ippjanat li jinżel lura għal inqas minn 3 % tal-valur referenzjarju tal-PDG sakemm idum il-programm. Fuq il-bażi tal-Programm ta' Konverġenza għall-2021, il-pożizzjoni fiskali ġenerali meħuda – inkluż l-impatt fuq id-domanda aggregata minn investiment iffinanzjat kemm mill-baġits nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni, b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza – hija stmata għal +1,2 % tal-PDG fl-2023 u l-2024 bħala medja. Il-kontribut pożittiv tan-nefqa ffinanzjata mill-għotjiet tal-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u minn fondi oħra tal-Unjoni huwa projettat li jonqos b'0,3 punti perċentwali tal-PDG. L-investiment ffinanzjat f'livell nazzjonali huwa pprojettat li jipprovdi kontribut espansjonarju ta' 0,1 punti perċentwali tal-PDG (8). In-nefqa kurrenti primarja ffinanzjata b'mod nazzjonali (netta minn miżuri ta' dħul diskrezzjonali) hija pprojettata li tipprovdi kontribut restrittiv ta' 0,8 ta' punti perċentwali tal-PDG. L-istima attwali tat-tkabbir potenzjali nominali medju fuq 10 snin hija ta' 4¼ % (9). Madankollu, din l-istima ma tinkludix l-impatt tar-riformi li huma parti mill-pjan ta' rkupru u reżiljenza u li jistgħu għalhekk jagħtu spinta lit-tkabbir potenzjali taċ-Ċekja.

    (18)

    Skont il-Programm ta' Konverġenza għall-2021, il-proporzjoni tad-dejn tal-gvern ġenerali hija ppjanata li tiżdied minn 51,5 % tal-PDG fl-2023 għal 54,6 % tal-PDG fl-2024. Skont l-aħħar analiżi dwar is-sostenibbiltà tad-dejn, huwa kkunsidrat li fit-terminu medju ċ-Ċekja taffaċċa riskji medji rigward is-sostenibbiltà fiskali.

    (19)

    Fid-dawl tal-livell ta' inċertezza li bħalissa għadu eċċezzjonalment għoli, il-gwida tal-politika fiskali għandha tibqa' fil-biċċa l-kbira kwalitattiva. Gwida kwantifikata aktar preċiża għas-snin ta' wara għandha tiġi pprovduta fl-2022, jekk il-grad ta' inċertezza jkun naqas b'mod suffiċjenti sa dak iż-żmien.

    (20)

    Il-Kunsill ivvalutat il-Programm ta' Konverġenza għall-2021 u s-segwitu li għamlet iċ-Ċekja għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020,

    B'DAN JISTIEDEN LIĊ-ĊEKJA BIEX:

    1.   

    Fl-2022, iżżomm pożizzjoni fiskali ta' appoġġ, inkluż l-impuls ipprovdut mill-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, u Jippreserva l-investiment iffinanzjat fil-livell nazzjonali.

    2.   

    Meta l-kundizzjonijiet ekonomiċi jkunu jippermettu, issegwi politika fiskali mmirata li tikseb pożizzjonijiet fiskali prudenti fuq terminu medju u li tiżgura s-sostenibbiltà fiskali fuq terminu medju. Fl-istess ħin, issaħħaħ l-investiment biex tingħata spinta lill-potenzjal tat-tkabbir.

    3.   

    Tagħti attenzjoni partikolari għall-kompożizzjoni tal-finanzi pubbliċi, kemm min-naħa tad-dħul kif ukoll min-naħa tan-nefqa tal-baġit, u għall-kwalità tal-miżuri baġitarji sabiex tiggarantixxi rkupru sostenibbli u inklużiv. Tagħti prijorità lill-investiment sostenibbli u li jsaħħaħ it-tkabbir, b'mod partikolari lill-investiment li jappoġġa t-tranżizzjoni ekoloġika u diġitali. Tagħti prijorità lir-riformi strutturali fiskali li se jgħinu biex jipprovdu finanzjament għall-prijoritajiet tal-politika pubblika u jikkontribwixxu għas-sostenibbiltà fit-tul tal-finanzi pubbliċi, inkluż, fejn rilevanti, billi jsaħħu l-kopertura, l-adegwatezza u s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa u tal-protezzjoni soċjali għal kulħadd.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ġunju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. LEÃO


    (1)  ĠU L 209, 2.8.1997, p. 1.

    (2)  Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1467/97 tas-7 ta' Lulju 1997 dwar li titħaffef u li tiġi ċċarata l-implimentazzjoni tal-proċedura ta' defiċit eċċessiv (ĠU L 209, 2.8.1997, p. 6).

    (3)  Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Lulju 2020 dwar il-Programm Nazzjonali ta' Riforma tal-2020 taċ-Ċekja u li tagħti l-opinjoni tal-Kunsill dwar il-Programm ta' Stabbiltà tal-2020 taċ-Ċekja (ĠU C 282, 26.8.2020, p. 15).

    (4)  Regolament (UE) 2021/241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2021 li jistabbilixxi l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza (ĠU L 57, 18.2.2021, p. 17).

    (5)  B'mod partikolari, il-livellar ta' erba' snin tal-investiment użat fil-parametru referenzjarju tan-nefqa ma jippermettix valutazzjoni xierqa tal-appoġġ fiskali għall-irkupru pprovdut minn investimenti ffinanzjati nazzjonalment.

    (6)  Sinjal negattiv tal-indikatur jikkorrispondi għal eċċess tat-tkabbir fin-nefqa primarja meta mqabbel mat-tkabbir ekonomiku fit-terminu medju, li jindika politika fiskali espansjonarja.

    (7)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata nazzjonalment hija pprojettata li tipprovdi kontribuzzjoni newtrali.

    (8)  Nefqa kapitali oħra ffinanzjata f'livell nazzjonali hija pprojettata li tipprovdi kontribut espansjonarju.

    (9)  Stmat mill-Kummissjoni skont il-metodoloġija miftehma b'mod komuni.


    Top