Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D2058

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/2058 tat-23 ta’ Novembru 2021 li tawtorizza lill-Italja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, minbarra d-dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port

    ST/13280/2021/INIT

    ĠU L 422, 26.11.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/2058/oj

    26.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 422/1


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/2058

    tat-23 ta’ Novembru 2021

    li tawtorizza lill-Italja tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lil bastimenti, minbarra d-dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2003/96/KE tas-27 ta’ Ottubru 2003 li tirriforma l-istruttura tal-Komunità dwar tassazzjoni fuq prodotti ta’ enerġija u elettriku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 19 tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fl-ittra tagħha tal-14 ta’ Settembru 2020, l-Italja, f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19 tad-Direttiva 2003/96/KE, talbet awtorizzazzjoni biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku pprovdut direttament lill-bastimenti marittimi u tal-passaġġi fuq l-ilma interni, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”). Fl-ittra tagħha tat-12 ta’ Mejju 2021, l-Italja pprovdiet informazzjoni addizzjonali.

    (2)

    Permezz tar-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni, l-Italja għandha l-għan li tippromwovi l-użu tal-elettriku milx-xatt. L-użu ta’ tali elettriku huwa meqjus bħala mod li jagħmel inqas ħsara lill-ambjent biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tal-elettriku tal-bastimenti rmiġġati f’port milli l-ħruq ta’ karburanti tal-bunker minn dawk il-bastimenti.

    (3)

    Sa fejn l-użu tal-elettriku mix-xatt jevita l-emissjonijiet ta’ sustanzi li jniġġsu l-arja li joriġinaw mill-ħruq ta’ karburanti tal-bastimenti minn bastimenti li jkunu rmiġġati f’port, dan itejjeb il-kwalità tal-arja lokali fl-ibliet portwali. Għalhekk, ir-rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt mistennija li tikkontribwixxi għall-objettivi ta’ politika ambjentali, tas-saħħa u tal-klima tal-Unjoni.

    (4)

    Li jingħata permess lill-Italja biex tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt ma jmurx lil hinn minn dak li hu neċessarju sabiex jiżdied l-użu ta’ tali elettriku peress li fil-maġġoranza tal-każijiet, l-iġġenerar tal-elettriku abbord ser jibqa’ l-alternattiva l-aktar kompetittiva. Għall-istess raġuni, u minħabba li bħalissa l-penetrazzjoni tat-teknoloġija fis-suq hija relattivament baxxa, l-applikazzjoni ta’ rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni tal-elettriku mix-xatt mhux probabbli li ser twassal għal distorsjonijiet sinifikanti fil-kompetizzjoni matul il-perjodu ta’ applikazzjoni ta’ dik ir-rata ta’ tassazzjoni u għalhekk mhux ser ikollha effett negattiv fuq il-funzjonament xieraq tas-suq intern.

    (5)

    Sabiex l-operaturi tal-portijiet u tal-bastimenti, kif ukoll id-distributuri u r-ridistributuri tal-elettriku jkunu jistgħu jkomplu jippromwovu l-użu tal-elettriku mix-xatt, huwa xieraq li l-Italja tiġi awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku mix-xatt.

    (6)

    F’konformità mal-Artikolu 19(2) tad-Direttiva 2003/96/KE, l-awtorizzazzjonijiet mogħtija skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 19(1) ta’ dik id-Direttiva jeħtieġ li jkunu għal żmien strettament limitat. Sabiex jiġi żgurat li l-perjodu tal-awtorizzazzjoni jkun twil biżżejjed sabiex l-operaturi ekonomiċi rilevanti ma jiġux skoraġġuti milli jagħmlu l-investimenti neċessarji, huwa xieraq li l-awtorizzazzjoni tingħata għal sitt snin mill-1 ta’ Jannar 2022. Madankollu, l-awtorizzazzjoni jenħtieġ li tieqaf tapplika mid-data tal-applikazzjoni ta’ kwalunkwe dispożizzjoni ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt adottata mill-Kunsill skont l-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni rilevanti oħra tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jekk tali dispożizzjonijiet isiru applikabbli qabel il-31 ta’ Diċembru 2027.

    (7)

    Din id-Deċiżjoni hija mingħajr preġudizzju għall-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Italja hija awtorizzata tapplika rata mnaqqsa ta’ tassazzjoni fuq l-elettriku fornut direttament lill- bastimenti marittimi u fuq l-ilma interni, minbarra dgħajjes għall-użu privat jew għal divertiment, irmiġġati f’port (“elettriku mix-xatt”), dment li jitħarsu l-livelli minimi ta’ tassazzjoni msemmija fl-Artikolu 10(1) tad-Direttiva 2003/96/KE.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022 sal-31 ta’ Diċembru 2027.

    Madankollu, jekk il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq il-bażi tal-Artikolu 113 jew ta’ kwalunkwe dispożizzjoni oħra rilevanti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jipprevedi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-benefiċċji fuq it-taxxa għall-elettriku mix-xatt, din id-Deċiżjoni għandha tieqaf tapplika fil-jum li fih isiru applikabbli dawk id-dispożizzjonijiet ġenerali.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Taljana.

    Magħmul fi Brussell, it-23 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    G. DOVŽAN


    (1)  ĠU L 283, 31.10.2003, p. 51.


    Top