This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1992
Commission Implementing Decision (EU) 2021/1992 of 15 November 2021 on harmonised standards for toys drafted in support of Directive 2009/48/EC of the European Parliament and of the Council
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1992 tal-15 ta’ Novembru 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/1992 tal-15 ta’ Novembru 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
C/2021/8007
ĠU L 405, 16.11.2021, p. 14–19
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 04/04/2023; Imħassar b' 32023D0740
16.11.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 405/14 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/1992
tal-15 ta’ Novembru 2021
dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1025/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ottubru 2012 dwar l-Istandardizzazzjoni Ewropea, li jemenda d-Direttivi tal-Kunsill 89/686/KEE u 93/15/KEE u d-Direttivi 94/9/KE, 94/25/KE, 95/16/KE, 97/23/KE, 98/34/KE, 2004/22/KE, 2007/23/KE, 2009/23/KE u 2009/105/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kunsill 87/95/KEE u d-Deċiżjoni Nru 1673/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 10(6) tiegħu,
Billi:
(1) |
F’konformità mal-Artikolu 13 tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), il-ġugarelli li jkunu konformi ma’ standards armonizzati jew ma’ partijiet minnhom, li r-referenzi tagħhom ikunu ġew ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, għandhom ikunu preżunti konformi mar-rekwiżiti koperti minn dawk l-istandards jew partijiet minnhom, stabbiliti fl-Artikolu 10 tad-Direttiva 2009/48/KE u fl-Anness II ta’ dik id-Direttiva. |
(2) |
Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi, fil-Parti I tal-Anness II tagħha, rekwiżiti speċifiċi dwar il-proprjetajiet fiżiċi u mekkaniċi (inklużi dispożizzjonijiet immirati biex jiżguraw li l-ġugarelli jiġu maħduma b’tali mod li jevitaw li jikkawżaw ħruq, smit jew tip ta’ korriment fiżiku ieħor) u fil-Parti II tal-Anness II tagħha, rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ sikurezza tal-ġugarelli fir-rigward ta’ perikli ta’ fjammabbiltà. Id-Direttiva 2009/48/KE tistabbilixxi wkoll, fil-Parti III tal-Anness II tagħha, rekwiżiti speċifiċi sabiex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda riskju ta’ effetti avversi fuq is-saħħa tal-bniedem minħabba l-esponiment għas-sustanzi jew għat-taħlitiet kimiċi li l-ġugarelli jkunu magħmula minnhom jew li jkun fihom. Barra minn hekk, l-Artikolu 10(2) jistipula r-rekwiżit ta’ sikurezza ġenerali, l-Artikolu 11(2) jistipula r-rekwiżiti għat-twissijiet dwar il-ġugarelli, u l-Anness V tad-Direttiva 2009/48/KE jistipula twissijiet għall-ġugarelli, fosthom twissija speċifika għal ġugarelli kimiċi. |
(3) |
Bl-ittra M/445 (3) tad-9 ta’ Lulju 2009, il-Kummissjoni ressqet talba quddiem il-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni (CEN) u l-Kumitat Ewropew għall-Istandardizzazzjoni Elettroteknika (CENELEC) għall-abbozzar ta’ standards armonizzati ġodda u għar-reviżjoni tal-istandards armonizzati eżistenti b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE. |
(4) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-2:2011+A1:2014 “Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 2: Fjammabbiltà”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/867 (4). Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-2:2020. |
(5) |
L-istandard armonizzat EN 71-2:2020 huwa aktar ċar u preċiż mill-predeċessur tiegħu EN 71-2:2011+A1:2014. Dan jinkludi: aktar definizzjonijiet, u b’hekk jiddeskrivi aħjar għal liema ġugarelli japplikaw l-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard; formulazzjoni aktar ċara u preċiża; speċifikazzjonijiet ġodda għal kostumi tal-logħob li fihom mili sfuż; speċifikazzjonijiet addizzjonali għall-ħasil jew it-tindif (jew le) tal-kostumi tal-logħob qabel l-ittestjar; speċifikazzjonijiet dwar l-ittestjar ta’ partijiet iżgħar ta’ ġugarelli billi jingħaqdu, kif ukoll dwar l-ittestjar ta’ mili, tappezzerija u tiżjin; eżempji illustrattivi ta’ ġugarelli li jaħbu (bħal maskri tal-wiċċ jew elmi) u kostumi tal-logħob u indikazzjonijiet dwar kif għandhom jiġu ttestjati; dijagrammi sekwenzjali li juru kif jinkisbu kampjuni tat-test minn kostumi tal-logħob. |
(6) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda wkoll l-istandard armonizzat EN 71-3:2019 “Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 3: Migrazzjoni ta’ ċerti elementi”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/867. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-3:2019+A1:2021. |
(7) |
L-istandard armonizzat EN 71-3:2019+A1:2021 jaġġorna l-lista tiegħu ta’ valuri ta’ limitu legali, meħuda mid-Direttiva 2009/48/KE, għall-elementi fil-ġugarelli. L-aġġornament jikkonċerna l-aluminju, li kellhom jiġu applikati valuri ta’ limitu msaħħa mill-20 ta’ Mejju 2021 (5). Jikkonċerna wkoll il-kromju-VI, li l-valur ta’ limitu preċedenti kien imħassar. Il-formula matematika li tikkalkula l-migrazzjoni tal-kromju-VI ta’ kampjun ta’ ġugarell ġiet adattata għall-proċedura tat-test. Il-bidliet l-oħra huma kollha editorjali. |
(8) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda aktar l-istandard armonizzat EN 71-4:2013 “Sigurtà ta’ ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/867. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-4:2020. |
(9) |
L-istandard armonizzat EN 71–4:2020 huwa aktar ċar minn ta’ qablu, EN 71–4:2013, minħabba għadd ta’ bidliet editorjali. Ma’ dan, il-pittogrammi u l-kliem bħala sinjal tar-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) intużaw ħafna aktar u kienu b’mod aktar konsistenti. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet għall-kontenituri reżistenti għat-tfal issa jiddependu fuq standard internazzjonali stabbilit, meħud mis-CEN. Il-protezzjoni tal-għajnejn issa hija meħtieġa għal ċerti settijiet tal-esperimenti. Fl-aħħar, ġew inklużi aktar spjegazzjonijiet dwar ir-raġunament tal-ispeċifikazzjonijiet. |
(10) |
Abbażi tat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009, is-CEN irreveda l-istandard armonizzat EN 71-13:2014 “Sigurtà ta’ ġugarelli - Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma”, li r-referenza għalih ġiet ippubblikata bid-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/867]. Dan irriżulta fl-adozzjoni tal-istandard armonizzat EN 71-13:2021. |
(11) |
L-ispeċifikazzjonijiet tal-istandard armonizzat EN 71–13:2021 huma marbuta b’mod aktar ċar mar-rekwiżiti tad-Direttiva 2009/48/KE. B’mod partikolari, l-ispeċifikazzjonijiet relatati ma’ twissijiet u indikazzjonijiet speċifiċi stabbiliti fl-Anness V, Parti B, tad-Direttiva 2009/48/KE ġew estiżi u jirrelataw b’mod aktar ċar ma’ logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma li jinkludu ċerti fwejjaħ allerġeniċi. Barra minn hekk, l-ispeċifikazzjonijiet għall-għeluq ta’ kontenituri li huma reżistenti għat-tfal fil-logħob u fil-kittijiet ikkonċernati issa huma bbażati fuq standard internazzjonali, imsejjaħ EN ISO 8317:2015 Imballaġġ reżistenti għat-tfal – Rekwiżiti u proċeduri ta’ ttestjar għall-pakketti li jistgħu jerġgħu jingħalqu. Il-metodu ta’ ttestjar fl-EN ISO 8317:2015 jissostitwixxi l-metodu ta’ ttestjar ta’ qablu, stabbilit f’EN 71–13:2014. Fl-aħħar, ir-referenzi għal-leġiżlazzjoni tal-Unjoni ġew aġġornati, b’mod partikolari l-leġiżlazzjoni dwar is-sikurezza tal-ikel. |
(12) |
Il-Kummissjoni, flimkien mas-CEN, ivvalutat jekk l-istandards armonizzati EN 71-2:2020, EN 71-3:2019+A1:2021, EN 71-4:2020 u EN 71-13:2021 abbozzati mis-CEN jikkonformawx mat-talba M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009. Dawn l-erba’ standards armonizzati jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru, u li huma stabbiliti fid-Direttiva 2009/48/KE. Għalhekk jixraq li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. |
(13) |
L-istandards armonizzati EN 71-2:2020, EN 71-3:2019+A1:2021, EN 71-4:2020 u EN 71-13:2021 jissostitwixxu l-istandards armonizzati EN 71-2:2011+A1:2014, EN 71-3:2019, EN 71-4:2013 u EN 71-13:2014, rispettivament. Għalhekk huwa meħtieġ li r-referenzi ta’ dawk l-istandards jiġu rtirati minn Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Sabiex il-manifatturi tal-ġugarelli jkollhom biżżejjed żmien biex jadattaw il-prodotti tagħhom għall-ispeċifikazzjonijiet riveduti fl-istandards armonizzati EN 71-2:2020, EN 71-3:2019+A1:2021, EN 71-4:2020 u EN 71-13:2021, jenħtieġ li l-irtirar tar-referenza tal-istandards armonizzati EN 71-2:2011+A1:2014, EN 71-3:2019, EN 71-4:2013 u EN 71-13:2014, jiġi ddifferit. |
(14) |
Fl-interessi taċ-ċarezza, tar-razzjonalità u tas-simplifikazzjoni, jenħtieġ li lista sħiħa ta’ referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE u li jissodisfaw ir-rekwiżiti li għandhom l-għan li jkopru tiġi ppubblikata f’att uniku. Ir-referenzi tal-istandards armonizzati abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE huma ppubblikati attwalment bid-Deċiżjonijiet ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/867 u 2019/1728 (7). Konsegwentement, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/867 tiġi sostitwita b’deċiżjoni ġdida. |
(15) |
Il-konformità ma’ standard armonizzat tikkonferixxi preżunzjoni ta’ konformità mar-rekwiżiti essenzjali korrispondenti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni dwar l-armonizzazzjoni mid-data tal-pubblikazzjoni tar-referenza ta’ tali standard f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għalhekk, jenħtieġ li din id-Deċiżjoni tidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tagħha, |
ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Ir-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness I ta’ din id-Deċiżjoni, huma b’dan ippubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Artikolu 2
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/867 hija mħassra.
Madankollu, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2021/867 għandu jkompli japplika għar-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness II ta’ din id-Deċiżjoni, sad-dati stabbiliti f’dak l-Anness.
Barra minn hekk, l-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1728 għandu jkompli japplika għar-referenzi tal-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE, elenkati fl-Anness III ta’ din id-Deċiżjoni, sad-dati stabbiliti f’dak l-Anness.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Novembru 2021.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 316, 14.11.2012, p. 12.
(2) Id-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Ġunju 2009 dwar is-sikurezza tal-ġugarelli. ĠU L 170, 30.6.2009, p. 1.
(3) M/445 tad-9 ta’ Lulju 2009 dwar mandat ta’ standardizzazzjoni indirizzat lis-CEN u lis-CENELEC fil-qafas tad-Direttiva 2009/48/KE li tirrevedi d-Direttiva 88/378/KEE dwar is-sikurezza tal-ġugarelli.
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/867 tat-28 ta’ Mejju 2021 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 190, 31.5.2021, p. 96).
(5) Id-Direttiva tal-Kummissjoni (UE) 2019/1922 tat-18 ta’ Novembru 2019 li temenda, għall-finijiet ta’ adattament għall-iżviluppi tekniċi u xjentifiċi, il-punt 13 tal-parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza tal-ġugarelli, fir-rigward tal-aluminju (ĠU L 298, 19.11.2019, p. 5).
(6) Ir-Regolament (KE) Nru 1272/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar il-klassifikazzjoni, l-ittikkettar u l-imballaġġ tas-sustanzi u t-taħlitiet, li jemenda u jħassar id-Direttivi 67/548/KEE u 1999/45/KE, u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1907/2006 (ĠU L 353, 31.12.2008, p. 1).
(7) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1728 tal-15 ta’ Ottubru 2019 dwar l-istandards armonizzati għall-ġugarelli abbozzati b’appoġġ għad-Direttiva 2009/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 263, 16.10.2019, p. 32).
ANNESS I
Nru |
Referenza tal-istandard |
||
1. |
EN 71-1:2014+A1:2018 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 1: Kwalitajiet mekkaniċi u fiżiċi |
||
2. |
EN 71-2:2020 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 2: Fjammabilità |
||
3. |
EN 71-3:2019+A1:2021 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 3: Migrazzjoni ta’ ċerti elementi |
||
4. |
EN 71-4:2020 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati |
||
5. |
EN 71-5:2015 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 5: Ġugarelli ta’ natura kimika (settijiet) minbarra settijiet għal esperimenti |
||
6. |
EN 71-7:2014+A3:2020 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 7: Żebgħat li jitpinġew bis-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar |
||
7. |
EN 71-8:2018 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 8: Ġugarelli għal attivitajiet fid-dar |
||
8. |
EN 71-12:2016 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli Nota ta’ informazzjoni: Il-valuri limitu fil-punt a) tat-Tabella 2 tal-klawżola 4.2 tal-istandard “EN 71-12:2016 sigurtà tal-ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli” huma iktar baxxi mill-valuri limitu li għandu jkun hemm konformità magħhom u li huma stabbiliti fil-punt 8 tal-Parti III tal-Anness II tad-Direttiva 2009/48/KE. B’mod partikolari dawk il-valuri huma kif ġej: |
||
Sustanza |
Standard EN 71-12:2016 |
Direttiva 2009/48/KE |
|
N-nitrosamini |
0,01 mg/kg |
0,05 mg/kg |
|
N-nitrosazjabbli |
0,1 mg/kg |
1 mg/kg. |
|
9. |
EN 71-13:2021 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma |
||
10. |
EN 71-14:2018 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 14: Trampolini għal użu domestiku |
||
11. |
EN IEC 62115:2020 Ġugarelli elettriċi — Sikurezza EN IEC 62115:2020/A11:2020 |
ANNESS II
Nru |
Referenza tal-istandard |
Data tal-irtirar |
1. |
EN 71-2:2011+A1:2014 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 2: Fjammabilità |
il-15 ta’ Mejju 2022 |
2. |
EN 71-3:2019 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 3: Migrazzjoni ta’ ċerti elementi |
il-15 ta’ Mejju 2022 |
3. |
EN 71-4:2013 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 4: Settijiet għal esperimenti għal attivitajiet ta’ kimika u attivitajiet relatati |
il-15 ta’ Mejju 2022 |
4. |
EN 71-13:2014 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 13: Logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq ix-xamm, logħob li jintlagħab fuq bord u hu bbażat fuq it-togħma, kits kosmetiċi u kits tat-togħma |
il-15 ta’ Mejju 2022 |
ANNESS III
Nru |
Referenza tal-istandard |
Data tal-irtirar |
1. |
EN 71-7:2014+A2:2018 Sigurtà tal-ġugarelli - Parti 7: Żebgħat li jitpinġew bis-swaba’ — Rekwiżiti u metodi ta’ ttestjar Nota: Għall-preservattiv awtorizzat klimbażolu (l-entrata 22 fit-Tabella B.1 tal-Anness B tal-istandard) il-preżunzjoni ta’ konformità tapplika sa konċentrazzjoni massima permessa ta’ 0,2 % (mhux: 0,5 %). Dan huwa bbażat fuq l-“ADDENDUM tal-Opinjoni dwar il-Klimbażolu (P64) ref. SCCS/1506/13” tal-Kumitat Xjentifiku dwar is-Sikurezza tal-Konsumatur (SCCS) li ġie adottat wara l-pubblikazzjoni tal-istandard mis-CEN. https://ec.europa.eu/health/sites/health/files/scientific_committees/consumer_safety/docs/sccs_o_212.pdf |
it-28 ta’ Novembru 2021 |
2. |
EN 71-12:2013 Sigurtà tal-ġugarelli — Parti 12: Sustanzi N-nitrosamini u N-nitrosazjabbli |
it-28 ta’ Novembru 2021 |
3. |
EN 62115:2005 Ġugarelli elettriċi — Sikurezza (IEC 62115:2003 (Modifikat) + A1:2004) EN 62115:2005/A2:2011 (IEC 62115:2003/A2:2010 (Modifikat) EN 62115:2005/A2:2011/AC:2011 EN 62115:2005/A11:2012 EN 62115:2005/A11:2012/AC:2013 EN 62115:2005/A12:2015 |
il-21 ta’ Frar 2022 |