Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1968

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1968 tad-9 ta’ Novembru 2021 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    ST/12807/2021/INIT

    ĠU L 401, 12.11.2021, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/1968/oj

    12.11.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 401/1


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1968

    tad-9 ta’ Novembru 2021

    li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395(1), l-ewwel subparagrafu, tagħha,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxu d-dritt li persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) dovuta fir-rigward ta’ provvisti lilhom ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Skont l-Artikolu 26(1), punt (a), ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ assi tan-negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod aktar ġenerali, għal skopijiet oħra li ma jkunux dawk tan-negozju tagħhom għandhom jiġu ttrattati bħala provvista ta’ servizzi.

    (2)

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 (2) awtorizzat lil-Latvja, sal-31 ta’ Diċembru 2018, biex tillimita għal 50 % id-dritt li tnaqqas il-VAT fuq ix-xiri, il-kiri fit-tul, l-akkwist intra-Komunitarju u l-importazzjoni ta’ karozzi tal-passiġġieri b’piż massimu awtorizzat li ma jaqbiżx 3 500 kilogramma u li ma għandhomx aktar minn tmien postijiet minbarra l-post tas-sewwieq, kif ukoll fuq in-nefqa relatata mal-manutenzjoni, it-tiswija u l-fjuwil ta’ tali karozzi tal-passiġġieri. L-awtorizzazzjoni teħles ukoll lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu mhux kummerċjali ta’ tali karozzi tal-passiġġieri bħala provvista ta’ servizzi.

    (3)

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 (3) estendiet il-validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 sal-31 ta’ Diċembru 2021.

    (4)

    Permezz tal-ittra tal-21 ta’ April 2021, il-Latvja ressqet talba lill-Kummissjoni biex tkompli tapplika l-miżura speċjali li tidderoga mill-Artikolu 26(1), punt (a), u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tillimita d-dritt ta’ tnaqqis fir-rigward tan-nefqa fuq ċerti karozzi tal-passiġġieri li ma jintużawx biss għal skopijiet kummerċjali (“it-talba”).

    (5)

    Skont l-Artikolu 395(2), it-tieni subparagrafu, tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni bagħtet it-talba lill-Istati Membri l-oħra permezz tal-ittri tal-10 ta’ Ġunju 2021. Bl-ittra tal-14 ta’ Ġunju 2021, il-Kummissjoni nnotifikat lil-Latvja li kellha l-informazzjoni kollha li kellha bżonn biex tivvaluta t-talba.

    (6)

    Kif mitlub mill-Artikolu 6(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429, il-Latvja ressqet rapport li jinkludi l-analiżi tal-perċentwal iffissat għat-tnaqqis tal-VAT. Abbażi ta’ informazzjoni attwalment disponibbli, jiġifieri l-esperjenza miksuba minn awditi tat-taxxa u d-data statistika b’rabta mal-użu privat tal-karozzi tal-passiġġieri, il-Latvja tiddikjara li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u xieraq.

    (7)

    Minħabba l-impatt pożittiv tal-miżura speċjali fuq il-piż amministrattiv tal-kontribwenti u tal-awtoritajiet tat-taxxa billi tissimplifika l-ġbir tal-VAT u tipprevjeni l-evażjoni tat-taxxa minħabba żamma skorretta tar-rekords, jenħtieġ li l-Latvja tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżura speċjali.

    (8)

    Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri speċjali jkollha limitu taż-żmien biex tkun tista’ ssir evalwazzjoni tal-effettività tagħha u tal-perċentwal xieraq.

    (9)

    F’każ li l-Latvja tqis li estensjoni ulterjuri tal-miżura speċjali lil hinn mill-2024 hija neċessarja, jenħtieġ li tressaq rapport lill-Kummissjoni li jinkludi rieżami tal-perċentwal applikat, flimkien mat-talba għall-estensjoni, sal-31 ta’ Marzu 2024.

    (10)

    Il-miżura speċjali se jkollha biss effett negliġibbli fuq l-ammont globali tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhux se jkollha effett negattiv fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li jinġabru mit-taxxa fuq il-VAT.

    (11)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 tiġi emendata skont dan,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Artikolu 6 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “Artikolu 6

    1.   Din id-Deċiżjoni għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2016. Din għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2024.

    2.   Kwalunkwe talba għall-estensjoni tal-awtorizzazzjoni prevista f’din id-Deċiżjoni għandha titressaq lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2024 u għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jinkludi rieżami tal-perċentwal stabbilit fl-Artikolu 1.”.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.

    Għandha tapplika mill-1 ta’ Jannar 2022.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Latvja.

    Magħmul fi Brussell, id-9 ta’ Novembru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    A. ŠIRCELJ


    (1)  ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

    (2)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/2429 tal-10 ta’ Diċembru 2015 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 334, 22.12.2015, p. 15).

    (3)  Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2018/1921 tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni (UE) 2015/2429 li tawtorizza lil-Latvja biex iddaħħal miżura speċjali ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1) u l-Artikoli 168 u 168a tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 311, 7.12.2018, p. 36).


    Top