Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D1844

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/1844 tat-18 ta’ Ottubru 2021 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ emenda tal-Protokoll 3 għal dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    ST/11792/2021/INIT

    ĠU L 373, 21.10.2021, p. 91–93 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2023

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/1844/oj

    21.10.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 373/91


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/1844

    tat-18 ta’ Ottubru 2021

    dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ emenda tal-Protokoll 3 għal dak il-Ftehim dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikulari Artikolu 207(4), l-ewwel subparagrafu, flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra (“il-Ftehim”), ġie konkluż mill-Unjoni permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2002/357/KE, KEFA (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Mejju 2002.

    (2)

    Il-Ftehim jinkludi l-Protokoll 3 dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (Protokoll 3). Skont l-Artikolu 4 tal-Protokoll 3, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit bl-Artikolu 89 tal-Ftehim (“il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni”) jista’ jiddeċiedi li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3.

    (3)

    Il-Konvenzjoni reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (“il-Konvenzjoni PEM”) ġiet konkluża mill-Unjoni bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE (2) u daħlet fis-seħħ fir-rigward tal-Unjoni fl-1 ta’ Mejju 2012. Din tistabbilixxi dispożizzjonijiet dwar l-oriġini tal-oġġetti nnegozjati skont ftehimiet bilaterali rilevanti ta’ kummerċ ħieles konklużi bejn il-Partijiet Kontraenti għall-Konvenzjoni PEM, li japplikaw mingħajr preġudizzju għall-prinċipji stabbiliti f’dawk il-ftehimiet bilaterali.

    (4)

    Wara l-adozzjoni tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2067 (3) rigward il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni fir-rigward tal- emenda għall-Ftehim billi jiġi ssotitwit il-Protokoll 3, il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2021 (4) li tissostitwixxi l-Protokoll 3 b’test ġdid.

    (5)

    Il-Protokoll 3 fih, min-naħa, referenza dinamika għall-Konvenzjoni PEM, li tagħmel il-Konvenzjoni PEM applikabbli bejn l-Unjoni u l-Ġordan, u, min-naħa l-oħra, ir-regoli tranżitorji li kienu applikabbli bħala sett alternattiv ta’ regoli tal-oriġini għal dawk stabbiliti fil-Konvenzjoni PEM attwali mill-1 ta’ Settembru 2021.

    (6)

    Bħala parti mill-appoġġ tal-Unjoni għall-Ġordan fil-kuntest tal-kriżi tar-refuġjati Sirjani, f’Lulju 2016 l-Unjoni u l-Ġordan qablu li temporanjament jirrilassaw ir-regoli tal-oriġini li japplikaw għall-esportazzjonijiet ta’ prodotti Ġordaniżi lejn l-Unjoni skont il-Ftehim.

    (7)

    Konsegwentement, il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan adotta d-Deċiżjoni Nru 1/2016 (5) sabiex jiġu emendati d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3, rigward id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u sabiex tiġi ssupplimentata l-lista ta’ ħidma jew ipproċessar meħtieġ li jsir fuq materjali mhux oriġinarji sabiex ċerti kategoriji ta’ prodotti, manifatturati fit-territorju tal-Ġordan, u konnessi mal-ġenerazzjoni ta’ impjiegi għar-refuġjati Sirjani u l-Ġordaniżi, jiksbu status oriġinarju.

    (8)

    Il-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan adotta Deċiżjoni Nru 1/2018 (6) sabiex jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3 billi jirrilassa r-regoli tal-iskema oriġinali ulterjorment u jestendi d-durata tal-iskema stabbilita bid-Deċiżjoni Nru 1/2016 sal-31 ta’ Diċembru 2030. Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 daħlet fis-seħħ fl-4 ta’ Diċembru 2018.

    (9)

    Sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni kontinwa tad-Deċiżjonijiet Nru 1/2016 u Nru 1/2018, huwa meħtieġ li dawn jintrabtu mar-regoli tranżitorji li kienu applikabbli mill-1 ta’ Settembru 2021. Dan jeħtieġ l-adozzjoni ta’ deċiżjoni li temenda l-Protokoll 3 billi jiżdied Appendiċi B tiegħu sabiex il-faċilitajiet imsemmija fid-Deċiżjonijiet Nru 1/2016 u Nru 1/2018 jibqgħu applikabbli. Il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni ser jadotta tali deċiżjoni emendatorja. Huwa għalhekk xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni rigward l-emendar tal-Protokoll 3.

    (10)

    L-applikazzjoni tal-Appendiċi B tal-Protokoll 3 jenħtieġ li tkun akkumpanjata minn obbligi xierqa rigward monitoraġġ u rapportar. Barra minn hekk, jenħtieġ li jkun possibbli li tiġi sospiża l-applikazzjoni tal-Appendiċi B tal-Protokoll 3 jekk il-kundizzjonijiet għall-applikazzjoni tagħha ma jibqgħux jiġu ssodisfati jew jekk il-kundizzjonijiet għall-miżuri ta’ salvagwardja jiġu ssodisfati.

    (11)

    Sabiex tiġi żgurata l-kontinwità fl-applikazzjoni tad-Deċiżjonijiet Nru 1/2016 u Nru 1/2018, inkluż id-derogi pprovduti fihom, u biex b’hekk tippermetti li esportaturi awtorizzati jevitaw li jġarrbu telf ekonomiku skont id-Deċiżjoni Nru 1/2016, id-deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ li tinkludi klawżola ta’ retroattività.

    (12)

    Il-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni jenħtieġ għaldaqstant li tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward ta’ emenda tal-Protokoll 3 tiegħu, għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni (7).

    2.   Bidliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni stipulata fil-paragrafu 1, jistgħu jiġu miftiehma mir-rappreżentanti tal-Unjoni fil-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha u għandha tiskadi fil-31 ta’ Diċembru 2023.

    Magħmul fil-Lussemburgu, it-18 ta’ Ottubru 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Kummissjoni 2002/357/KE, KEFA tas-26 ta’ Marzu 2002 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi l-Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, fuq in-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, fuq in-naħa l-oħra (ĠU L 129, 15.5.2002, p. 1).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/94/UE tas-26 ta’ Marzu 2012 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Reġjonali dwar ir-regoli preferenzjali tal-oriġini pan-Ewro-Mediterranji (ĠU L 54, 26.2.2013, p. 3).

    (3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/2067 tas-7 ta’ Diċembru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill ta’ Assoċjazzjoni stabbilit mill-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, minn naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-emenda ta’ dak il-Ftehim billi jiġi sostitwit il-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ kooperazzjoni amministrattiva (ĠU L 424, 15.12.2020, p. 37).

    (4)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2021 tal-Kunsill Assoċjazzjoni UE-Ġordan tal-15 ta’ April 2021 li temenda l-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, billi tissostitwixxi l-Protokoll 3 tiegħu dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-metodi ta’ koperazzjoni amministrattiva [2021/742] (ĠU L 164, 10.5.2021, p. 1).

    (5)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2016 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan tad-19 ta’ Lulju 2016 li jemenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ “prodotti oriġinarji” u l-lista ta’ ħidma jew ipproċessar meħtieġ li jrid jitwettaq fuq materjali mhux oriġinarji sabiex ċerti kategoriji ta’ prodotti, manifatturati f’żoni ddedikati għall-iżvilupp u marbuta ma’ żoni industrijali, u l-ħolqien ta’ impjiegi għal refuġjati Sirjani u Ġordaniżi, jikseb status oriġinarju [2016/1436] (ĠU L 233, 30.8.2016, p. 6).

    (6)  Id-Deċiżjoni Nru 1/2018 tal-Kumitat ta’ Assoċjazzjoni UE-Ġordan tal-4 ta’ Diċembru 2018 li temenda d-dispożizzjonijiet tal-Protokoll 3 għall-Ftehim Ewro-Mediterranju li jistabbilixxi Assoċjazzjoni bejn il-Komunitajiet Ewropej u l-Istati Membri tagħhom, min-naħa l-waħda, u r-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, min-naħa l-oħra, dwar id-definizzjoni tal-kunċett ta’ prodotti oriġinarji” u l-lista ta’ ħidma jew ipproċessar meħtieġ li jrid jitwettaq fuq materjali mhux oriġinarji sabiex ċerti kategoriji ta’ prodotti, manifatturati fit-territorju tar-Renju Ħaxemita tal-Ġordan, u marbuta mal-ħolqien ta’ impjiegi għal refuġjati Sirjani u Ġordaniżi, jiksbu status oriġinarju [2019/42] (ĠU L 9, 11.1.2019, p. 147).

    (7)  Ara d-dokument ST 11793/21 fuq http://register.consilium.europa.eu


    Top