This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1442
Decision (EU) 2021/1442 of the European Central Bank of 3 August 2021 on delegation of the power to adopt decisions on internal models and on extension of deadlines (ECB/2021/38)
Deċiżjoni (UE) 2021/1442 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi (BĊE/2021/38)
Deċiżjoni (UE) 2021/1442 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-3 ta’ Awwissu 2021 dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi (BĊE/2021/38)
ĠU L 314, 6.9.2021, p. 22–29
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
6.9.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 314/22 |
DEĊIŻJONI (UE) 2021/1442 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW
tat-3 ta’ Awwissu 2021
dwar id-delega tas-setgħa li jiġu adottati deċiżjonijiet dwar mudelli interni u dwar l-estensjoni tal-iskadenzi (BĊE/2021/38)
IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 148, 149 u 150 tiegħu,
Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 4(1)(e) tiegħu,
Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni (UE) 2017/933 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' Novembru 2016 dwar qafas ġenerali għad-delegazzjoni ta' setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet għal strumenti legali relatati ma' kompiti superviżorji (BĊE/2016/40) (3) u b'mod partikolari l-Artikolu 4 tagħha,
Billi:
(1) |
Fil-qafas tal-Artikolu 6 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) iwettaq il-kompitu esklussiv ta’ superviżjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu bl-għan illi jiżgura applikazzjoni konsistenti tal-istandards superviżorji, li jrawwem stabbiltà finanzjarja u li jiżgura kundizzjonijiet ugwali. |
(2) |
Skont l-Artikolu 4(1)(e) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti għal entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni, huwa responsabbli għall-għoti ta’ permess minn qabel lil entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni biex jikkalkulaw ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji għar-riskju tal-kreditu fi klassijiet differenti ta’ skoperturi u unitajiet tan-negozju skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, biex jerġgħu lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex jużaw b’mod permanenti l-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013. |
(3) |
Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jista’ jkun fihom obbligi jew rekwiżiti li d-destinatarju jrid jissodisfa sa skadenza speċifika, fejn dan ikun meħtieġ sabiex tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjoni jew rekwiżiti oħra. Fuq talba tal-entitajiet taħt superviżjoni, il-BĊE jista’ jestendi l-iskadenza għal obbligi jew rekwiżiti permezz ta’ deċiżjoni superviżorja oħra, fejn dan jitqies raġonevoli. Barra minn hekk, fuq talba tal-akkwirenti proposti, il-BĊE jista’ jestendi l-perijodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti f’istituzzjoni ta’ kreditu. |
(4) |
Il-BĊE, bħala l-awtorità kompetenti, huwa meħtieġ li jadotta għadd sostanzjali ta’ deċiżjonijiet dwar il-mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi kull sena. Biex jiġi ffaċilitat il-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija neċessarja deċiżjoni ta' delega fir-rigward tal-adozzjoni ta' tali deċiżjonijiet. Il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea rrikonoxxiet li d-delega ta' awtorità hija neċessarja biex tippermetti lil istituzzjoni li tkun meħtieġa tadotta numru konsiderevoli ta' deċiżjonijiet biex twettaq dmirijietha. Bl-istess mod, hija rrikonoxxiet il-ħtieġa li tiżgura li l-korpi li jieħdu d-deċiżjonijiet ikunu jistgħu jaħdmu bħala prinċipju inerenti għas-sistemi istituzzjonali kollha (4). |
(5) |
Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet għandha tkun limitata u proporzjonata, u l-ambitu tad-delegazzjoni għandu jkun definit b'mod ċar. |
(6) |
Fl-24 ta’ Ġunju 2020, il-Kunsill Governattiv iddeċieda li jistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Bulgarija (5), u bejn il-BĊE u r-Repubblika tal-Kroazja (6). L-Artikolu 7(1) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 jipprevedi li biex iwettaq ċerti kompiti fir-rigward ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fi Stat Membru li l-munita tiegħu mhijiex l-euro fejn tkun ġiet stabbilita kooperazzjoni mill-qrib skont dak l-Artikolu, il-BĊE jista’ jindirizza struzzjonijiet lill-awtorità kompetenti nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti. Huwa għalhekk xieraq li dawn l-istruzzjonijiet jiġu inklużi fost l-atti li l-BĊE jista’ jadotta permezz ta’ delega lill-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma skont id-dispożizzjonijiet rilevanti ta’ din id-Deċiżjoni. |
(7) |
Id-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40) tispeċifika l-proċedura li għandha tiġi segwita għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet superviżorji u l-persuni li lilhom jistgħu jiġu ddelegati setgħat ta' teħid ta' deċiżjonijiet. Dik id-Deċiżjoni ma taffettwax l-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tal-BĊE u hija mingħajr preġudizzju għall-kompetenza tal-Bord ta' Sorveljanza li jipproponi abbozzi ta' deċiżjonijiet kompleti lill-Kunsill Governattiv. |
(8) |
Meta l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjoni delegata, kif stabbilit f'din id-Deċiżjoni, ma jintlaħqux, għandhom jiġu adottati deċiżjonijiet skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni skont l-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u l-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew (7). Barra minn hekk, il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jenħtieġ li tintuża wkoll meta l-kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma ikollhom tħassib dwar l-issodisfar tal-kriterji ta’ valutazzjoni għal deċiżjonijiet dwar mudelli interni jew l-estensjoni ta’ deċiżjonijiet dwar skadenzi minħabba l-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni u meta l-eżitu tal-valutazzjoni rilevanti jkollu impatt dirett fuq waħda jew aktar minn dawk id-deċiżjonijiet l-oħra u għalhekk id-deċiżjonijiet jenħtieġ li jitqiesu simultanjament mill-istess persuna li tieħu d-deċiżjonijiet sabiex jiġu evitati eżiti konfliġġenti. |
(9) |
Id-deċiżjonijiet superviżorji tal-BĊE jistgħu jkunu suġġetti għal rieżami amministrattiv skont l-Artikolu 24 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u kif speċifikat aktar fid-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew (8). Fil-każ ta' tali rieżami amministrattiv, il-Bord Superviżorju għandu jqis l-opinjoni tal-Bord Amministrattiv ta' Rieżami u jissottometti abbozz ta' deċiżjoni ġdida lill-Kunsill Governattiv għal adozzjoni taħt il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Definizzjonijiet
Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:
(1) |
“deċiżjoni dwar mudelli interni” tfisser deċiżjoni tal-BĊE dwar permess minn qabel biex għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali l-Approċċ Ibbażat fuq il-Klassifikazzjonijiet Interni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' fondi proprji tagħhom għar-riskju ta’ kreditu fi klassijiet ta’ skoperturi differenti skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, biex jerġa’ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u biex juża b’mod permanenti l-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(2) |
“Approċċ Standardizzat” tfisser l-approċċ għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ppeżati skont ir-riskju għall-finijiet tal-punti (a) u (f) tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 previst fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 2 ta’ dak ir-Regolament; |
(3) |
“Approċċ Ibbażat fuq Klassifikazzjonijiet Interni” (Approċċ IRB) tfisser l-approċċ għall-kalkolu tal-ammonti ta’ skoperturi ponderati għar-riskju għall-finijiet tal-punti (a) u (f) tal-Artikolu 92(3) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 previst fil-Parti Tlieta, it-Titolu II, il-Kapitolu 3 ta’ dak ir-Regolament; |
(4) |
“Proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1", "proporzjon ta' kapital tal-Grad 1" u "proporzjon ta' kapital totali" jfissru proporzjon ta' kapital ta' Ekwità Komuni tal-Grad 1, proporzjon ta' kapital tal-Grad 1 u proporzjon ta' kapital totali, rispettivament, kif imsemmi fl-Artikolu 92(2) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(5) |
“obbligu” tfisser dispożizzjoni anċillari għal deċiżjoni superviżorja li tirrikjedi li d-destinatarju jew id-destinatarji jieħdu azzjoni sa data ta’ skadenza sabiex tiġi żgurata l-implimentazzjoni xierqa tad-deċiżjoni superviżorja; |
(6) |
“limitazzjoni” tfisser dispożizzjoni anċillari għal deċiżjoni superviżorja li tirrestrinġi jew timmodifika l-użu permess ta’ mudell intern, inkluż billi timponi fatturi ta’ multiplikazzjoni ogħla jew żidiet kapitali; |
(7) |
“deċiżjoni ta’ estensjoni tal-iskadenzi” tfisser deċiżjoni tal-BĊE li testendi (a) l-iskadenza għall-konformità mal-obbligi jew ir-rekwiżiti imposti mill-BĊE f’deċiżjoni superviżorja u (b) il-perjodu massimu għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta stabbilit f’deċiżjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti peress li tali deċiżjonijiet huma definiti fil-punt (3) tal-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew (ECB/2019/23) (9); |
(8) |
“deċiżjoni delegata” tfisser deċiżjoni delegata kif iddefinita fil-punt (4) tal-Artikolu 3 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40); |
(9) |
“kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma” tfisser il-kapijiet ta' unitajiet ta’ ħidma tal-BĊE li lilhom tiġi delegata s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni jew deċiżjonijiet dwar estensjonijiet ta’ skadenzi; |
(10) |
"proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni" tfisser il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 26(8) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 u li hija speċifikata aktar fl-Artikolu 13g tad-Deċiżjoni BĊE/2004/2; |
(11) |
"deċiżjoni negattiva" tfisser deċiżjoni li tagħti jew ma tagħtix kompletament il-permess jew l-estensjoni kif mitlub mill-entità taħt superviżjoni jew mill-akkwirent propost. Deċiżjoni b'dispożizzjonijiet anċillari bħal kundizzjonijiet, obbligi jew limitazzjonijiet għandha titqies bħala deċiżjoni negattiva sakemm tali dispożizzjonijiet anċillari (a) jiżguraw li l-entità taħt superviżjoni tissodisfa r-rekwiżiti tad-dritt tal-Unjoni relevanti msemmija fl-Artikoli 4(2), 5(2) u 6(2) u ġew miftiehma bil-miktub jew (b) sempliċiment tiddikjara mill-ġdid wieħed jew aktar mir-rekwiżiti eżistenti li l-entità taħt superviżjoni trid tikkonforma magħhom skont id-dritt tal-Unjoni jew jeħtieġu informazzjoni dwar it-twettiq ta' wieħed jew aktar minn dawk ir-rekwiżiti; |
(12) |
“sensittività” tfisser karatteristika jew fattur li jista’ jkollu impatt negattiv fuq ir-reputazzjoni tal-BĊE u/jew fuq il-funzjonament effettiv u konsistenti tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku, inkluż iżda mhux limitat għal kwalunkwe wieħed minn dawn li ġejjin: (a) l-entità rilevanti taħt superviżjoni tkun preċedentement, jew hija attwalment, soġġetta għal miżuri superviżorji severi bħal miżuri ta’ intervent bikri; (b) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat se jistabbilixxi preċedent ġdid li jista’ jorbot lill-BĊE fil-futur; (c) l-abbozz ta’ deċiżjoni ladarba jiġi adottat jista’ jiġbed l-attenzjoni negattiva tal-midja jew tal-pubbliku; jew (d) awtorità nazzjonali kompetenti li tkun daħlet f’kooperazzjoni mill-qrib mal-BĊE tikkomunika n-nuqqas ta’ qbil tagħha mal-abbozz ta’ deċiżjoni propost lill-BĊE.’; |
(13) |
“entità sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser entità sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinita fil-punt (16) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (10); |
(14) |
“grupp sinifikanti taħt superviżjoni” tfisser grupp sinifikanti taħt superviżjoni kif iddefinit fil-punt (22) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17); |
(15) |
"Deċiżjoni SREP" tfisser id-deċiżjoni adottata mill-BĊE abbażi tal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 wara r-rieżami superviżorju annwali u l-proċess ta' valutazzjoni fi ħdan it-tifsira tal-Artikolu 97 tad-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11); |
(16) |
“gwida tal-BĊE” tfisser kwalunkwe dokument, adottat mill-Kunsill Governattiv fuq proposta tal-Bord Superviżorju u ppubblikat fuq is-sit elettroniku tal-BĊE u li jagħti gwida dwar l-interpretazzjoni ta' rekwiżiti legali mill-BĊE. |
(17) |
“Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni” tfisser dokument b’dan it-titolu u kwalunkwe dokument ieħor li jagħti gwida dwar kif il-BĊE jifhem ir-rekwiżiti legali applikabbli għall-valutazzjoni tal-mudelli interni, adottati mill-Kunsill Governattiv fuq proposta mill-Bord Superviżorju, li tiġi ppubblikata fuq is-sit web tal-BĊE. |
Artikolu 2
Suġġett u kamp ta' applikazzjoni
1. Din id-Deċizjoni tispeċifika l-kriterji għad-delegazzjoni tas-setgħat tat-teħid ta’ deċiżjonijiet lill-kapijiet ta' unitajiet ta' ħidma tal-BĊE biex jadottaw deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi.
2. Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet hija mingħajr preġudizzju għall-valutazzjoni superviżorja li għandha titwettaq għall-finijiet tat-teħid ta’ deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi.
Artikolu 3
Delega ta’ deċiżjonijiet dwar mudelli interni u deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta' iskadenzi
1. B’mod konformi mal-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni (UE) 2017/933 (BĊE/2016/40), il-Kunsill Governattiv bil-preżenti jiddelega lill-kapijiet tal-unitajiet ta' ħidma nnominati mill-Bord Eżekuttiv skont l-Artikolu 5 ta' dik id-Deċiżjoni s-setgħa li jadottaw deċiżjonijiet dwar:
(a) |
permess għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(b) |
permess biex wieħed imur lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(c) |
permess għall-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(d) |
estensjoni tal-iskadenzi. |
2. Id-delega tas-setgħat tat-teħid tad-deċiżjonijiet skont il-paragrafu 1 għandha tapplika għal:
(a) |
l-adozzjoni mill-BĊE ta’ deċiżjonijiet superviżorji; |
(b) |
l-adozzjoni ta’ struzzjonijiet mill-BĊE indirizzati, skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, lill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali li magħhom il-BĊE stabbilixxa kooperazzjoni mill-qrib. |
3. Id-deċiżjonijiet dwar mudelli interni msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk ikunu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikoli 4, 5 u 6.
4. Id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta’ skadenzi msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni delegata jekk jiġu sodisfatti l-kriterji għall-adozzjoni ta' deċiżjonijiet delegati, kif stabbilit fl-Artikolu 7 u 8.
5. Id-deċiżjonijiet dwar mudelli interni u d-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni ta' skadenzi m'għandhomx jiġu adottati permezz ta' deċiżjoni ddelegata jekk il-kumplessità tal-valutazzjoni jew is-sensittività tal-kwistjoni jeħtieġu li jiġu adottati skont il-proċedura ta' nuqqas ta' oġġezzjoni. Il-Kapijiet tal-unitajiet ta’ ħidma għandhom jippreżentaw deċiżjoni dwar il-mudelli interni jew deċiżjoni ta’ estensjoni tal-iskadenzi li tissodisfa l-kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati stabbiliti fl-Artikoli 4 sa 8 lill-Bord Superviżorju u lill-Kunsill Governattiv għall-adozzjoni skont il-proċedura ta’ nuqqas ta’ oġġezzjoni jekk il-valutazzjoni superviżorja ta’ dik id-deċiżjoni dwar il-mudelli interni jew id-deċiżjoni dwar l-estensjoni ta' skadenza jkollha impatt dirett fuq il-valutazzjoni superviżorja ta’ deċiżjoni oħra li għandha tiġi adottata skont il-proċedura ta’ nuqqas ta' oġġezzjoni.
6. Id-deċiżjonijiet negattivi dwar il-mudelli interni u d-deċiżjonijiet negattivi dwar estensjoni ma għandhomx jiġu adottati permezz ta’ deċiżjoni ddelegata.
Artikolu 4
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB
1. Id-deċiżjonijiet li jagħtu permess għall-estenzjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
l-estensjoni tintalab għal perjodu li ma jaqbiżx it-tliet snin mill-iskadenza stabbilita fl-aħħar pjan approvat għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għall-klassi tal-iskopertura rilevanti, jew l-unità tan-negozju jew għall-użu tal-istimi proprji ta’ telf fil-każ ta’ inadempjenza jew ta’ fatturi ta’ konverżjoni kif imsemmi fl-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013; |
(b) |
il-valur tal-iskopertura u l-ammont tal-iskopertura ponderata għar-riskju tal-iskoperturi li għalihom l-istituzzjoni tapplika l-Approċċ IRB, ikkalkulati b’kont meħud tal-gwida għall-kalkolu ta’ dawn l-ammonti kif stabbilit fil-Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni, huma u jibqgħu, wara d-deċiżjoni,’il fuq minn 50 % tal-valur tal-iskopertura totali u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni. |
2. Il-valutazzjoni tal-estensjoni tal-iskadenza għall-implimentazzjoni sekwenzjali tal-Approċċ IRB għandha titwettaq skont l-Artikolu 148 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni Ewropea, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi tal-BĊE applikabbli jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.
Artikolu 5
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel biex wieħed jerġa’ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati
1. Deċiżjonijiet li jagħtu permess biex wieħed imur lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
Wara t-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati, il-fondi proprji tal-entità taħt superviżjoni huma stmati li jkomplu jaqbżu s-somma tar-rekwiżiti stabbiliti fl-Artikolu 92(1)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, il-fondi proprji meħtieġa li jinżammu skont l-Artikolu 16(2)(a) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, ir-rekwiżit ta’ riżerva kombinata kif iddefinita fil-punt (6) tal-Artikolu 128 tad-Direttiva 2013/36/UE u l-gwida tal-kapital tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli u l-proporzjon CET1 ma jonqsux b’aktar minn 50 punti bażi u l-marġni ta’ kapital fuq rekwiżiti kapitali ġenerali u l-gwida tal-kapital tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli ma tkunx iżgħar minn 50 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1 fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk dik l-entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni; |
(b) |
wara t-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati, ir-rekwiżiti ta’ fondi proprji ma jitnaqqsux fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni. |
2. Meta talba għat-treġġigħ lura għall-użu ta’ approċċi inqas sofistikati tkun tikkonċerna aktar minn sistema waħda ta’ klassifikazzjoni, id-deċiżjoni għandha tittieħed permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk il-kriterji kollha stabbiliti fil-paragrafu 1 jiġu ssodisfati fir-rigward ta’ kull sistema ta’ klassifikazzjoni fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-deċiżjoni.
3. Il-valutazzjoni li tikkonċerna t-treġġigħ lura għal approċċi inqas sofistikati għandha titwettaq skont l-Artikolu 149 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi tal-BĊE applikabbli jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozz finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.
Artikolu 6
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar permess minn qabel għal użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat
1. Id-deċiżjonijiet li jagħtu permess għall-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
wara d-deċiżjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat, il-valur tal-iskopertura u l-ammont tal-iskopertura ponderata għar-riskju tal-iskoperturi li għalihom l-istituzzjoni tapplika l-Approċċ IRB, ikkalkulati b’kont meħud tal-gwida stabbilita fil-Gwida tal-BĊE għall-mudelli interni, huma daqs jew ogħla minn 50% tal-valur totali tal-iskopertura u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni; |
(b) |
wara d-deċiżjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat, iż-żieda fil-valur tal-iskopertura u l-ammonti tal-iskopertura ponderata għar-riskju koperti mill-Approċċ Standardizzat ma taqbiżx l-20 % tal-valur totali tal-iskopertura u l-ammont totali tal-iskopertura ponderata għar-riskju fuq livell konsolidat ta’ grupp sinifikanti taħt superviżjoni jew fuq livell individwali ta’ entità sinifikanti taħt superviżjoni, jekk tali entità sinifikanti taħt superviżjoni ma tkunx parti minn grupp sinifikanti taħt superviżjoni. |
2. Il-valutazzjoni dwar l-użu parzjali permanenti tal-Approċċ Standardizzat għandha titwettaq skont l-Artikolu 150 tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni u regolatorji adottati mill-Kummissjoni, filwaqt li jitqiesu wkoll kwalunkwe gwidi applikabbli tal-BĊE jew dokumenti simili maħruġa mill-BĊE, kif ukoll il-Linji Gwida u l-abbozzi finali tal-istandards tekniċi regolatorji tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej.
Artikolu 7
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar l-estensjoni tal-iskadenzi għall-obbligi u għar-rekwiżiti imposti f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE
1. Id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi għall-obbligi u għar-rekwiżiti imposti f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk jiġu ssodisfati l-kriterji kollha li ġejjin:
(a) |
l-entità taħt superviżjoni titlob l-estensjoni sal-iskadenza u t-talba tiġi sottomessa lill-BĊE mill-inqas 30 jum qabel ma tiskadi l-iskadenza; |
(b) |
l-estensjoni ma taqbiżx id-durata tal-perjodu qabel l-iskadenza inizjali u ma taqbiżx it-12-il xahar; |
(c) |
l-estensjoni ma taffettwax b’mod negattiv id-drittijiet tal-entità taħt superviżjoni. |
2. Minkejja l-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-iskadenzi ma għandhomx jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-estensjoni tinvolvi bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tal-obbligu jew ir-rekwiżit f’deċiżjoni superviżorja preċedenti tal-BĊE, jew fil-valutazzjoni sottostanti li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni preċedenti; |
(b) |
l-estensjoni tikkonċerna skadenza li diġà ġiet estiża; |
(c) |
l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li l-punteġġ tagħha għall-governanza kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli ikun 4; |
(d) |
l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li l-marġni ta’ fondi proprji tagħha ‘l fuq mill-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun inqas minn 100 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1; |
(e) |
l-estensjoni tkun mitluba minn istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkunu ġew indirizzati miżuri ta’ intervent bikri matul it-tliet snin preċedenti kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12); |
(f) |
l-estensjoni mhijiex permessa skont il-liġi applikabbli. |
3. Il-valutazzjoni tat-talbiet għall-estensjoni tal-iskadenzi għandha titwettaq b’kont meħud ta’ (a) jekk l-estensjoni tkun raġonevoli, filwaqt li titqies il-ġustifikazzjoni għall-estensjoni mitluba pprovduta mill-istituzzjoni ta’ kreditu u (b) jekk l-estensjoni tipperikolax l-implimentazzjoni effettiva tal-miżura superviżorja.
Artikolu 8
Kriterji għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet delegati dwar l-estensjoni tal-perijodu massimu għall-konklużjoni ta’ akkwist propost
1. Deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-perijodu massimu stabbilit f’deċiżjonijiet ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti għall-konklużjoni ta’ akkwist propost għandhom jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni delegata jekk l-estensjoni tingħata għal perijodu massimu ta’ 12-il xahar mid-data ta’ skadenza tal-perijodu oriġinali għall-konklużjoni tal-akkwiżizzjoni proposta.
2. Minkejja l-paragrafu 1, id-deċiżjonijiet dwar l-estensjoni tal-perjodu massimu msemmi ma għandhomx jittieħdu permezz ta’ deċiżjoni ddelegata jekk tapplika xi waħda minn dawn li ġejjin:
(a) |
l-estensjoni tinvolvi bidla fil-kamp ta’ applikazzjoni oriġinali tad-deċiżjoni dwar il-parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti jew il-valutazzjoni sottostanti li fuqha kienet ibbażata dik id-deċiżjoni; |
(b) |
il-perjodu massimu diġà ġie estiż; |
(c) |
l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li l-punteġġ tagħha għall-governanza kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun 4; |
(d) |
l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li l-marġni ta’ fondi proprji tagħha ‘l fuq mill-gwida kapitali tal-Pilastru 2 kif stabbilit fl-aħħar deċiżjoni SREP disponibbli jkun inqas minn 100 punt bażi f’termini tal-proporzjon CET1; |
(e) |
l-akkwirent propost jew l-entità fil-mira tkun istituzzjoni ta’ kreditu li lilha jkunu ġew indirizzati miżuri ta’ intervent bikri matul it-tliet snin preċedenti kif previst fl-Artikolu 27 tad-Direttiva 2014/59/UE. |
3. Il-valutazzjoni tat-talbiet għall-estensjoni tal-perijodu massimu msemmi għandha titwettaq b’kont meħud ta’ (a) jekk l-estensjoni tkun raġonevoli, b’kont meħud tal-ġustifikazzjoni għall-estensjoni mitluba pprovduta mill-akkwirent propost b) jekk l-estensjoni tipperikolax l-implimentazzjoni effettiva tal-miżura superviżorja.
Artikolu 9
Dispożizzjoni tranżitorja
Din id-Deċiżjoni m'għandhiex tapplika f'każijiet fejn l-applikazzjoni għal deċiżjoni dwar il-mudelli interni ġiet sottomessa lill-BĊE qabel id-dħul fis-seħħ ta' din id-Deċiżjoni.
Artikolu 10
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Gurnal Ufficjali tal-Unjoni Ewropea.
Magħmul fi Frankfurt am Main, it-3 ta’ Awwissu 2021.
Il-President tal-BĊE
Christine LAGARDE
(1) ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1.
(2) ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.
(3) ĠU L 141, 1.6.2017, P. 14.
(4) Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Europea tat-23 ta’ Settembru 1986, AKZO Chemie vs Il-Kummissjoni, 5/85, ECLI:EU:C:1986:328, il-punt 37; u s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-26 ta’ Mejju 2005, Carmine Salvatore Tralli vs Il-BĊE, C-301/02 P, ECLI:EU:C:2005:306, il-punt 59.
(5) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta' kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30) (ĠU L 224, I, 13.7.2020, p. 1).
(6) Id-Deċiżjoni (UE) 2020/1016 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Hrvatska Narodna Banka (BĊE/2020/31) (ĠU L 224, I, 13.7.2020, p. 4).
(7) Id-Deċiżjoni BĊE/2004/2 tal-Bank Ċentrali Ewropew tad-19 ta’ Frar 2004 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 80, 18.3.2004, p. 33).
(8) Id-Deċiżjoni BĊE/2014/16 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-14 ta' April 2014 dwar l-istabbiliment ta' Bord Amministrattiv ta' Rieżami u r-Regoli Operattivi tiegħu (ĠU L 175, 14.6.2014, p. 47).
(9) Id-Deċiżjoni (UE) 2019/1376 tal-Bank Ċentrali Ewropew tat-23 ta’ Lulju 2019 dwar id-delega tas-setgħa biex jiġu adottati deċiżjonijiet dwar l-ippassaportar, l-akkwiżizzjoni ta’ parteċipazzjoni azzjonarja kwalifikanti u l-irtirar ta' liċenzja ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (BĊE/2019/23) (ĠU L 224, 28.8.2019, p. 1).
(10) Ir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).
(11) Id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338).
(12) Id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KEE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/UE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190).