This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32021D1011
Council Decision (CFSP) 2021/1011 of 21 June 2021 appointing the European Union Special Representative for the Sahel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1011 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/1011 tal-21 ta’ Ġunju 2021 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
ST/9345/2021/INIT
ĠU L 222, 22.6.2021, p. 21–26
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force: This act has been changed. Current consolidated version: 26/07/2024
22.6.2021 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 222/21 |
DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (PESK) 2021/1011
tal-21 ta’ Ġunju 2021
li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 33 u l-Artikolu 31(2) tiegħu,
Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,
Billi:
(1) |
Fis-7 ta’ Diċembru 2015, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2015/2274 (1) li taħtar lis-Sur Ángel LOSADA FERNÁNDEZ bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea (RSUE) għas-Saħel. |
(2) |
Fil-25 ta’ Ġunju 2018, il-Kunsill adotta d-Deċiżjoni (PESK) 2018/906 (2) li testendi l-mandat tas-Sur LOSADA FERNANDEZ bħala r-RSUE għas-Saħel. Dik id-Deċiżjoni ġiet emendata l-aħħar mid-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/283 (3). Il-mandat tar-RSUE ser jiskadi fit-30 ta’ Ġunju 2021 |
(3) |
Jenħtieġ li jinħatar Rappreżentant Speċjali ġdid tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel għal perijodu ta’ 14-il xahar. |
(4) |
Ir-RSUE ser jimplimenta l-mandat fil-kuntest ta’ sitwazzjoni li tista’ tiddeterjora u li tista’ timpedixxi l-kisba tal-objettivi tal-azzjoni esterna tal-Unjoni kif stipulat fl-Artikolu 21 tat-Trattat, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea
1. Is-Sa Emanuela DEL RE hija b’dan maħtura bħala r-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (RSUE) mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022. Il-Kunsill jista’ jiddeċiedi li l-mandat tar-RSUE jiġi estiż jew itterminat aktar kmieni, abbażi ta’ valutazzjoni mill-Kumitat Politiku u ta’ Sigurtà (KPS) u ta’ proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà (RGħ).
2. Għall-finijiet tal-mandat tar-RSUE, is-Saħel huwa definit bħala li jinkludi dik iż-żona li hija l-fokus ewlieni tal-Istrateġija Integrata tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (l-“Istrateġija”) kif adottata mill-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2021, jiġifieri l-Burkina Faso, iċ-Chad, il-Mali, il-Mauritania u n-Niġer. Ir-RSUE għandu wkoll jaħdem flimkien mal-pajjiżi tal-Baċir tal-Lag Chad u pajjiżi u entitajiet reġjonali jew internazzjonali oħrajn lil hinn mis-Saħel, inkluż il-Magreb, l-Afrika tal-Punent u l-Golf tal-Guinea, kif adatt.
Artikolu 2
Objettivi ta’ politika
1. Il-mandat tar-RSUE għandu jkun ibbażat fuq l-objettivi ta’ politika tal-Istrateġija tal-Unjoni fir-rigward tas-Saħel biex jikkontribwixxi b’mod attiv filwaqt li jagħti prijorità għall-isforzi reġjonali u internazzjonali biex jinkisbu paċi, sigurtà, stabbiltà u żvilupp dejjiema fir-reġjun. Barra minn hekk, ir-RSUE għandu jimmira li jsaħħaħ l-impatt tal-kwalità u l-viżibilità tal-impenn multidimensjonali tal-Unjoni fis-Saħel.
2. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-isforzi tal-Unjoni fir-reġjun b’mod integrat, inkluż fl-oqsma politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp, u għall-koordinazzjoni tal-istrumenti u l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha għall-azzjonijiet tal-Unjoni. Ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-approfondiment tal-isforzi ta’ impenn u ta’ koordinazzjoni tal-Unjoni b’mekkaniżmi nazzjonali, reġjonali u internazzjonali, b’mod partikolari is-Sħubija għas-Sigurtà u l-Istabbiltà fis-Saħel (P3S), l-Alleanza għas-Saħel u l-Koalizzjoni għas-Saħel bħala qafas għal impenn politiku u strateġiku mas-Saħel.
3. L-azzjoni tar-RSUE għandha titkompla b’appoġġ għal u f’koordinazzjoni mad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra, inkluż l-Istati Membri u l-Kummissjoni. Min-naħa waħda għandha tingħata attenzjoni partikolari lis-sħubija mal-G5 tas-Saħel, inkluż il-prevedibbiltà tal-finanzjament tal-Forza Konġunta tal-G5 tas-Saħel u min-naħa l-oħra lill-istabbilizzazzjoni fit-tul tal-Mali.
Artikolu 3
Mandat
1. Sabiex jinkisbu l-objettivi ta’ politika fir-rigward tas-Saħel, il-mandat tar-RSUE għandu jkun li:
(a) |
jikkontribwixxi b’mod attiv għall-implimentazzjoni tal-Istrateġija u jikkoordina u jiżviluppa aktar l-approċċ integrat tal-Unjoni għall-kriżijiet reġjonali, bil-ħsieb li jissaħħu l-koerenza u l-effettività ġenerali tal-attivitajiet tal-Unjoni fis-Saħel; |
(b) |
jaħdem flimkien, inkluż permezz ta’ shuttle diplomacy, mal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fir-reġjun, il-gvernijiet, l-organizzazzjonijiet reġjonali, b’mod partikolari l-G5 tas-Saħel u l-Forza Konġunta tiegħu, il-firmatarji tal-Ftehim ta’ Paċi u Rikonċiljazzjoni fil-Mali li jirriżulta mill-Proċess ta’ Alġier (il-“Ftehim ta’ Paċi tal-Mali”), l-organizzazzjonijiet internazzjonali, is-soċjetà ċivili u d-dijaspori, u l-pajjiżi tal-Magreb, il-Golf tal-Guinea u l-Baċir tal-Lag Chad, bl-għan li jippromwovi l-objettivi tal-Unjoni u jikkontribwixxi għal fehim aħjar tar-rwol tal-Unjoni fis-Saħel. Mal-G5 tas-Saħel, għandha tingħata attenzjoni, inter alia, għall-promozzjoni tar-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-elementi mhux militari tal-Forza Konġunta tiegħu bħall-komponent tal-pulizija; |
(c) |
jirrappreżenta u jippromwovi l-interessi u l-viżibilità tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali rilevanti u fejn rilevanti, billi jipparteċipa fil-Comité de Suivi tal-Ftehim ta’ Paċi fil-Mali; |
(d) |
jiffaċilita azzjoni tal-Unjoni kkoordinata u komprensiva bis-sħiħ fir-reġjun abbażi tal-istrumenti rilevanti kollha, inkluż il-Faċilità Ewropea għall-Paċi, il-kooperazzjoni għall-iżvilupp, l-attivitajiet tal-Istati Membri u l-appoġġ tal-Unjoni għall-ġestjoni tal-kriżijiet u l-prevenzjoni tal-kunflitti permezz tal-missjoni militari tal-Unjoni Ewropea biex tikkontribwixxi għat-taħriġ tal-Forzi Armati ta’ Mali (EUTM Mali), il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fil-Mali (EUCAP Sahel Mali), il-missjoni tal-PSDK tal-Unjoni Ewropea fin-Niġer (EUCAP Sahel Niger), u l-isforzi tal-Unjoni għall-istabbilizzazzjoni fil-Koalizzjoni għas-Saħel, b’mod partikolari il-P3S u l-Alleanza għas-Saħel u-segretarjati rispettivi tagħhom; |
(e) |
iżomm kooperazzjoni mill-qrib man-NU, b’mod partikolari r-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali għall-Afrika tal-Punent u s-Saħel, il-Koordinatur Speċjali għall-iżvilupp fis-Saħel, ir-Rappreżentant Speċjali tas-Segretarju Ġenerali u l-Kap tal-Missjoni Multidimensjonali Integrata tan-Nazzjonijiet Uniti għall-Istabbilizzazzjoni fil-Mali (MINUSMA), l-Unjoni Afrikana, b’mod partikolari r-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni Afrikana għall-Mali u s-Saħel, il-G5 tas-Saħel, b’mod partikolari l-Presidenza tal-G5 u s-Segretarju Eżekuttiv tagħha, ir-Rappreżentant Għoli tal-Koalizzjoni għas-Saħel, il-Komunità Ekonomika tal-Istati tal-Afrika tal-Punent, il-Kummissjoni tal-Baċir tal-Lag Chad, l-Awtorità ta’ Liptako-Gourma; u partijiet ikkonċernati nazzjonali, reġjonali u internazzjonali ewlenin oħra, inkluż mibgħuta speċjali oħra għas-Saħel, kif ukoll mal-awtoritajiet rilevanti speċjalment fil-Magreb, fil-Qarn tal-Afrika, fil-Golf tal-Guinea u fiż-żona tal-Lvant Nofsani; |
(f) |
isegwi mill-qrib, janalizza u jirrapporta dwar l-impatt tal-kawżi ewlenin tal-instabbiltà u x-xejriet fit-tul fir-reġjun, inkluż it-tibdil fil-klima, it-telf tal-bijodiversità, il-pastoraliżmu, l-aċċess għar-riżorsi naturali, b’mod partikolari l-art u l-ilma, kif ukoll jippromwovi l-ġestjoni sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-kooperazzjoni dwarhom li jsaħħu l-istabbiltà, u jappoġġa l-isforzi biex jiġi limitat it-tixrid tal-instabbiltà, billi tingħata attenzjoni partikolari lir-reġjuni l-aktar vulnerabbli f’termini ta’ sigurtà, b’mod partikolari r-reġjuni ta’ Liptako-Gourma u tal-Lag Chad; |
(g) |
isegwi mill-qrib id-dimensjonijiet reġjonali u transkonfinali tal-isfidi li qed jiffaċċja r-reġjun, inkluż it-tibdil fil-klima, il-pastoraliżmu, l-aċċess għar-riżorsi naturali, il-pandemiji, it-terroriżmu, il-kriminalità organizzata, il-kuntrabandu tal-armi, it-traffikar ta’ bnedmin u d-dħul klandestin ta’ persuni, it-traffikar tad-drogi, il-flussi tar-refuġjati u migrazzjoni u l-flussi finanzjarji relatati; |
(h) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi umanitarji, politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp ta’ flussi ta’ refuġjati u migrazzjoni fuq skala kbira, inkluż persuni spostati internament. Fuq talba, jidħol fi djalogu dwar il-migrazzjoni mal-partijiet ikkonċernati rilevanti u jikkontribwixxi b’mod aktar ġenerali għall-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni u r-refuġjati fir-rigward tar-reġjun, f’konformità mal-prijoritajiet politiċi tal-Unjoni; |
(i) |
f’kooperazzjoni mill-qrib mal-Koordinatur tal-UE għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu, jikkontribwixxi għall-implimentazzjoni ulterjuri tal-Istrateġija tal-UE Kontra t-Terroriżmu kif ukoll tal-Konklużjonijiet tal-Kunsill rilevanti dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu vjolenti. Iżomm kuntatti politiċi regolari ta’ livell għoli mal-pajjiżi fir-reġjun milquta mit-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali u jiżgura r-rwol ewlieni tal-Unjoni fl-isforz għall-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kriminalità organizzata internazzjonali u l-kważi ewlenin tagħhom. Dan jinkludi l-isforzi tal-Unjoni biex issaħħaħ l-appoġġ tagħha għall-kapaċità reġjonali tas-settur tas-sigurtà permezz tar-reġjonalizzazzjoni tal-missjonijiet tal-politika ta’ sigurtà u ta’ difiża komuni (PSDK) u appoġġ attiv għall-bini tal-kapaċitajiet reġjonali b’mod partikolari l-Forza Konġunta G5 tas-Saħel, il-koordinazzjoni tagħha ma’ atturi internazzjonali bħal MINUSMA, u r-relazzjoni tagħha mal-popolazzjoni lokali, f’konformità mar-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU (UNSCR) 2359 (2017) u 2391 (2017); |
(j) |
isegwi mill-qrib il-konsegwenzi politiċi, ta’ sigurtà u ta’ żvilupp tal-kriżijiet umanitarji fir-reġjun; |
(k) |
jikkontribwixxi, f’kooperazzjoni mar-RSUE għad-Drittijiet tal-Bniedem, għall-implimentazzjoni tal-politika tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun, f’konformità mal-Pjan ta ‘Azzjoni tal-Unjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija, il-Linji Gwida tal-Unjoni dwar id-drittijiet tal-bniedem, b’mod partikolari l-Linji Gwida tal-Unjoni dwar Tfal u Kunflitti Armati, kif ukoll dwar il-vjolenza kontra n-nisa u l-bniet u l-ġlieda kontra l-forom kollha ta’ diskriminazzjoni kontrihom, u l-politika tal-Unjoni dwar in-Nisa’, il-Paċi u s-Sigurtà f’konformità mal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà 2019-2024, u jippromwovi l-inklussività u l-ugwaljanza bejn il-ġeneri fil-proċess tal-bini tal-istat, f’konformità mal-UNSCR 1325 (2000) u r-riżoluzzjonijiet sussegwenti dwar in-Nisa, il-Paċi u s-Sigurtà, inkluż l-UNSCR 2242 (2015), u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-UNSCR 2250(2015) dwar iż-żgħażagħ, il-paċi u s-sigurtà; |
(l) |
ikompli jagħti attenzjoni partikolari lis-settur tal-ġustizzja fl-intier tiegħu, u lill-mekkaniżmi ta’ akkontabbiltà li jistgħu jintużaw biex tiġi miġġielda l-impunità u li biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja pubblika fis-sistema ġudizzjarja tagħha. Il-kontribut tar-RSUE għandu jinkludi monitoraġġ u rappurtar regolari dwar żviluppi, kif ukoll il-formulazzjoni ta’ rakkomandazzjonijiet f’dan ir-rigward u ż-żamma ta’ kuntatti regolari mal-awtoritajiet rilevanti fir-reġjun, l-Uffiċċju tal-Prosekutur tal-Qorti Kriminali Internazzjonali, l-Uffiċċju tal-Kummissarju Għoli għad-Drittijiet tal-Bniedem u jaħdem flimkien mad-difensuri u l-osservaturi tad-drittijiet tal-bniedem fir-reġjun; |
(m) |
permezz ta’ kuntatti frekwenti fir-reġjun u b’kont meħud tal-aspettattivi lokali, jappoġġa lill-Unjoni biex tadatta għall-kuntest lokali. Abbażi ta’ analiżi bir-reqqa u kontinwa tas-sitwazzjoni, jiskatta r-riflessjoni u jikkontribwixxi għall-viżjoni strateġika u fit-tul tal-Unjoni fis-Saħel; |
(n) |
isegwi u jirrapporta dwar il-konformità mal-UNSCRs rilevanti, b’mod partikolari l-UNSCRs 2056 (2012), 2071 (2012), 2085 (2012), 2100 (2013), 2227 (2015), 2295 (2016), 2364 (2017), 2374 (2017), 2359 (2017), 2391 (2017), 2423 (2018), 2432 (2018), 2480 (2019), 2484 (2019), 2531 (2020), 2541 (2020). |
2. Għall-finijiet tat-twettiq tal-mandat tar-RSUE, ir-RSUE għandu, fost l-oħrajn:
(a) |
jagħti pariri u jirrapporta dwar il-formulazzjoni tal-pożizzjonijiet tal-Unjoni f’fora reġjonali u internazzjonali, kif meħtieġ, sabiex jippromovi u jsaħħaħ proattivament l-approċċ komprensiv tal-Unjoni lejn il-kriżijiet fis-Saħel; |
(b) |
jikkontribwixxi biex tinżamm viżjoni globali tal-attivitajiet kollha tal-Unjoni u jappoġġa u jikkoopera mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni. |
Artikolu 4
Implimentazzjoni tal-mandat
1. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli għall-implimentazzjoni tal-mandat, filwaqt li jaġixxi taħt l-awtorità tar-RGħ.
2. Il-KPS għandu jżomm kollegament privileġġat mar-RSUE u għandu jkun il-punt primarju ta’ kuntatt tar-RSUE mal-Kunsill. Il-KPS għandu jipprovdi lir-RSUE gwida strateġika u direzzjoni politika fil-qafas tal-mandat, mingħajr preġudizzju għas-setgħat tar-RGħ.
3. Ir-RSUE għandu jikkoopera u jaħdem f’koordinazzjoni mill-qrib mas-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u mad-dipartimenti rilevanti tiegħu.
Artikolu 5
Finanzjament
1. L-ammont ta’ referenza finanzjarja maħsub biex ikopri n-nefqa relatata mal-mandat tar-RSUE għall-perijodu mill-1 ta’ Lulju 2021 sal-31 ta’ Awwissu 2022 għandu jkun ta’ EUR 1 588 000.
2. In-nefqa għandha tiġi ġestita konformement mal-proċeduri u r-regoli applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni.
3. Il-ġestjoni tan-nefqa għandha tkun soġġetta għal kuntratt bejn ir-RSUE u l-Kummissjoni. Ir-RSUE għandu jkun responsabbli quddiem il-Kummissjoni għal kull nefqa.
Artikolu 6
Kostituzzjoni u kompożizzjoni tat-tim
1. Fil-limiti tal-mandat tar-RSUE u l-mezzi finanzjarji korrispondenti disponibbli, ir-RSUE għandu jkun responsabbli mill-formazzjoni ta’ tim. It-tim għandu jinkludi t-tagħrif espert dwar kwistjonijiet speċifiċi ta’ politika kif meħtieġ mill-mandat. Ir-RSUE għandu jżomm lill-Kunsill u l-Kummissjoni mill-ewwel infurmati dwar minn min hu magħmul il-grupp.
2. L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet tal-Unjoni u s-SEAE jistgħu jipproponu s-sekondar ta’ persunal biex jaħdem mar-RSUE. Is-salarju ta’ tali persunal issekondat għandu jkun kopert mill-Istat Membru, mill-istituzzjoni tal-Unjoni kkonċernata jew mis-SEAE, rispettivament. L-esperti ssekondati mill-Istati Membri mal-istituzzjonijiet tal-Unjoni jew mas-SEAE jistgħu wkoll jiġu assenjati sabiex jaħdmu mar-RSUE. Il-persunal internazzjonali kkuntrattat għandu jkollu ċ-ċittadinanza ta’ Stat Membru.
3. Il-persunal issekondat kollu għandu jibqa’ taħt l-awtorità amministrattiva tal-Istat Membru li jibagħtu, tal-istituzzjoni tal-Unjoni jew tas-SEAE u għandu jwettaq dmirijietu u jaġixxi fl-interess tal-mandat tar-RSUE.
4. Il-persunal tar-RSUE għandu jiġi kolokat mad-dipartimenti rilevanti tas-SEAE jew id-delegazzjonijiet tal-UE sabiex jiġu żgurati l-koerenza u l-konsistenza tal-attivitajiet rispettivi tagħhom.
Artikolu 7
Privileġġi u immunitajiet tar-RSUE u tal-persunal tar-RSUE
Il-privileġġi, l-immunitajiet u garanziji oħra meħtieġa għat-tlestija u l-funzjonament bla xkiel tal-missjoni tar-RSUE u tal-membri tal-persunal tar-RSUE għandhom jiġu miftehmin mal-pajjiżi ospitanti, kif meħtieġ. L-Istati Membri u s-SEAE għandhom jagħtu l-appoġġ kollu meħtieġ għal dan il-għan.
Artikolu 8
Sigurtà ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE
Ir-RSUE u l-membri tat-tim tar-RSUE għandhom jirrispettaw il-prinċipji u l-istandards minimi ta’ sigurtà stabbiliti mid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE (4).
Artikolu 9
Aċċess għall-informazzjoni u appoġġ loġistiku
1. L-Istati Membri, il-Kummissjoni, is-SEAE u s-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill għandhom jiżguraw li jingħata aċċess lir-RSUE għal kwalunkwe informazzjoni rilevanti.
2. Id-delegazzjonijiet tal-Unjoni fir-reġjun u/jew l-Istati Membri, għandhom jipprovdu appoġġ loġistiku fir-reġjun, kif xieraq.
Artikolu 10
Sigurtà
F’konformità mal-politika tal-Unjoni dwar is-sigurtà ta’ persunal skjerat barra l-Unjoni f’kapaċità operattiva skont it-Titolu V tat-Trattat, ir-RSUE għandu jieħu l-miżuri kollha raġonevolment prattikabbli, f’konformità mal-mandat tar-RSUE u s-sitwazzjoni tas-sigurtà fiż-żona ta’ responsabbiltà, għas-sigurtà tal-persunal kollu taħt l-awtorità diretta tar-RSUE, b’mod partikolari billi:
(a) |
jistabbilixxi pjan ta’ sigurtà speċifiku bbażat fuq gwida mis-SEAE, li jinkludi miżuri ta’ sigurtà fiżiċi, organizzattivi u proċedurali speċifiċi, li jirregolaw il-ġestjoni tal-moviment mingħajr periklu tal-persunal lejn, u ġewwa, iż-żona ta’ responsabbiltà, kif ukoll il-ġestjoni ta’ inċidenti ta’ sigurtà, u li jinkludi pjan ta’ kontinġenza u pjan ta’ evakwazzjoni; |
(b) |
jiżgura li l-persunal kollu stazzjonat barra l-Unjoni jkun kopert b’assigurazzjoni ta’ riskju għoli, kif meħtieġ mill-kundizzjonijiet fiż-żona ta’ responsabbiltà; |
(c) |
jiżgura li l-membri kollha tat-tim tar-RSUE li ser jiġi stazzjonat barra l-Unjoni, inkluż persunal ikkuntrattat lokalment, ikunu rċevew it-taħriġ adatt fir-rigward tas-sigurtà qabel jaslu, jew kif jaslu, fiż-żona ta’ responsabbiltà, abbażi tal-livelli tar-riskju assenjati lil dik iż-żona mis-SEAE; |
(d) |
jiżgura li r-rakkomandazzjonijiet kollha miftiehma, magħmula wara valutazzjonijiet regolari ta’ sigurtà jiġu implimentati u jipprovdi rapporti bil-miktub lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tagħhom u dwar kwistjonijiet oħra ta’ sigurtà fil-qafas tar-rapporti regolari ta’ progress u rapport komprensiv finali dwar l-implementazzjoni tal-mandat. |
Artikolu 11
Rappurtar
Ir-RSUE għandu regolarment jipprovdi rapporti bil-fomm u bil-miktub lir-RGħ u lill-KPS. Ir-RSUE għandu jirrapporta wkoll lill-gruppi ta’ ħidma tal-Kunsill, skont kif meħtieġ. Ir-rapporti regolari għandhom jiġu ċċirkolati permezz tan-network COREU. Ir-RSUE jista’ jipprovdi rapporti lill-Kunsill Affarijiet Barranin. F’konformità mal-Artikolu 36 tat-Trattat, ir-RSUE jista’ jkun involut fl-għoti ta’ informazzjoni lill-Parlament Ewropew.
Artikolu 12
Koordinazzjoni
1. Fil-qafas tal-Istrateġija, ir-RSUE għandu jikkontribwixxi għall-unità, il-konsistenza u l-effettività tal-azzjoni tal-Unjoni u għandu jgħin biex jiġi żgurat li l-istrumenti kollha tal-Unjoni u l-azzjonijiet kollha tal-Istati Membri jkunu impenjati b’mod konsistenti, biex jinkisbu l-objettivi ta’ politika tal-Unjoni. Għandhom jintalbu kuntatti mal-Istati Membri fejn xieraq. L-attivitajiet tar-RSUE għandhom jiġu kkoordinati ma’ dawk tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u l-Kummissjoni, kif ukoll dawk ta’ RSUE oħrajn attivi fir-reġjun. Ir-RSUE għandu jipprovdi sessjonijiet ta’ informazzjoni regolari lid-delegazzjonijiet tal-Unjoni u lill-missjonijiet tal-Istati Membri fir-reġjun.
2. Fuq il-post, għandu jinżamm kuntatt mill-qrib mal-Kapijiet rilevanti tal-Missjonijiet tal-Istati Membri rilevanti, mal-Kapijiet tad-delegazzjonijiet tal-Unjoni u mal-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-PSDK rilevanti. Dawn għandhom jagħmlu kull sforz biex jgħinu lir-RSUE fl-implimentazzjoni tal-mandat. Ir-RSUE, f’koordinazzjoni mill-qrib mad-delegazzjonijiet rilevanti tal-Unjoni, għandu jipprovdi gwida politika lokali lill-Kapijiet tal-Missjonijiet tal-EUCAP Sahel Niger u tal-EUCAP Sahel Mali u lill-Kmandant tal-Missjoni tal-EUTM Mali. Ir-RSUE, il-Kmandant tal-Missjoni ta’ EUTM Mali u l-Kmandant tal-Operazzjonijiet Ċivili għandhom jikkonsultaw lill xulxin kif meħtieġ. Ir-RSUE għandu wkoll iżomm kuntatt ma’ atturi internazzjonali u reġjonali oħrajn fuq il-post.
Artikolu 13
Assistenza rigward pretensjonijiet
Ir-RSUE u l-persunal tar-RSUE għandhom jassistu fil-forniment ta’ elementi b’rispons għal kwalunkwe pretensjoni u obbligu li jirriżultaw mill-mandati tar-RSUE preċedenti għas-Saħel, u għandhom jipprovdu assistenza amministrattiva u aċċess għall-fajls rilevanti għal dawn il-finijiet.
Artikolu 14
Rieżami
L-implimentazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni u l-konsistenza tagħha ma’ kontributi oħrajn mill-Unjoni lir-reġjun għandhom jinżammu taħt rieżami regolari. Ir-RSUE għandu jippreżenta lir-RGħ, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni rapporti ta’ progress regolari u rapport komprensiv finali dwar l-implimentazzjoni tal-mandat sal-31 ta’ Mejju 2022.
Artikolu 15
Dħul fis-seħħ
Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.
Magħmul fil-Lussemburgu, il-21 ta’ Ġunju 2021.
Għall-Kunsill
Il-President
J. BORRELL FONTELLES
(1) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/2274 tas-7 ta’ Diċembru 2015 li taħtar ir-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 322, 8.12.2015, p. 44).
(2) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/906 tal-25 ta’ Ġunju 2018 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 161, 26.6.2018, p. 22).
(3) Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2021/283 tat-22 ta’ Frar 2021 li temenda d-Deċiżjoni (PESK) 2018/906 li testendi l-mandat tar-Rappreżentant Speċjali tal-Unjoni Ewropea għas-Saħel (ĠU L 62, 23.2.2021, p. 47).
(4) Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2013/488/UE tat-23 ta’ Settembru 2013 dwar ir-regoli ta’ sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 274, 15.10.2013, p. 1).