Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0942

Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2021/942 tal-10 ta’ Ġunju 2021 li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010

C/2021/4050

ĠU L 205, 11.6.2021, p. 80–81 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/942/oj

11.6.2021   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 205/80


DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/942

tal-10 ta’ Ġunju 2021

li tistabbilixxi r-regoli għall-applikazzjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE fir-rigward tal-istabbiliment tal-lista ta’ pajjiżi terzi li magħhom l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 369m(3) tagħha,

Billi:

(1)

Il-funzjonament tas-suq intern, il-globalizzazzjoni u t-tibdil teknoloġiku rriżultaw fi tkabbir esponenzjali tal-kummerċ elettroniku u, għalhekk, tal-forniment mill-bogħod ta’ merkanzija u servizzi fl-Istati Membri minn fornituri stabbiliti jew fi Stat Membru ieħor jew f’territorji terzi jew pajjiżi terzi.

(2)

Id-Direttiva 2006/112/KE ġiet emendata bid-Direttivi (UE) 2017/2455 (2) u (UE) 2019/1995 (3) bil-għan li s-sistema tat-taxxa fuq il-valur miżjud (VAT) tiġi adattata għall-kummerċ elettroniku billi tiggarantixxi l-ġbir effikaċi u effiċjenti tal-VAT billi jiġi minimizzat il-piż amministrattiv kemm għall-persuni taxxabbli kif ukoll għall-amministrazzjonijiet tat-taxxa u biex jiġi mmodernizzat il-qafas legali għall-VAT għall-kummerċ elettroniku transfruntier min-negozji għall-konsumaturi.

(3)

Skont l-Artikolu 369m(1)(c), l-Istati Membri għandhom jippermettu lil kwalunkwe persuna taxxabbli stabbilita f’pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE (4) u r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 (5) biex tapplika l-iskema speċjali għall-bejgħ mill-bogħod minn dak il-pajjiż terz, mingħajr il-bżonn li tkun rappreżentata minn intermedjarju stabbilit fl-Unjoni.

(4)

Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Renju tan-Norveġja dwar il-kooperazzjoni amministrattiva, il-ġlieda kontra l-frodi u l-irkupru tat-talbiet fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (6) daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Settembru 2018.

(5)

Dan il-ftehim huwa simili b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva 2010/24/UE u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 peress li jistabbilixxi sistema komuni għall-kooperazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward tal-iskambju ta’ informazzjoni sabiex l-awtoritajiet responsabbli għall-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-VAT ikunu jistgħu jgħinu lil xulxin biex jiggarantixxu l-konformità ma’ dik il-leġiżlazzjoni u jipproteġu d-dħul mill-VAT. Jipprovdi wkoll assistenza biex tiġi ggarantita l-valutazzjoni korretta tal-VAT, għall-ġlieda kontra l-frodi tal-VAT u għall-irkupru ta’ talbiet relatati mal-VAT. Il-ftehim jinkludi regoli u proċeduri għall-kooperazzjoni amministrattiva u l-assistenza għall-irkupru li huma simili għar-regoli u l-proċeduri stabbiliti fid-Direttiva 2010/24/UE u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 u jistabbilixxi obbligi għall-awtoritajiet kompetenti biex jassistu lil xulxin, li huma ta’ livell ekwivalenti għal dak tad-Direttiva 2010/24/UE u tar-Regolament (UE) Nru 904/2010.

(6)

Għalhekk jenħtieġ li r-Renju tan-Norveġja jiġi elenkat bħala pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka msemmi fl-Artikolu 369m(1)(c) tad-Direttiva 2006/112/KE.

(7)

Peress li d-dispożizzjonijiet sostantivi rilevanti tad-Direttiva 2006/112/KE japplikaw mill-1 ta’ Lulju 2021, huwa xieraq li din id-Deċiżjoni tibda tapplika minn dik id-data.

(8)

Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Kooperazzjoni Amministrattiva,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pajjiż terz li miegħu l-Unjoni kkonkludiet ftehim dwar l-assistenza reċiproka b’kamp ta’ applikazzjoni simili għad-Direttiva 2010/24/UE u r-Regolament (UE) Nru 904/2010 huwa r-Renju tan-Norveġja.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Lulju 2021.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Ġunju 2021.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.

(2)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2017/2455 tal-5 ta’ Diċembru 2017 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE u d-Direttiva 2009/132/KE fir-rigward ta’ ċerti obbligi tat-taxxa fuq il-valur miżjud għall-provvisti ta’ servizzi u għall-bejgħ mill-bogħod ta’ oġġetti (ĠU L 348, 29.12.2017, p. 7).

(3)  Id-Direttiva tal-Kunsill (UE) 2019/1995 tal-21 ta’ Novembru 2019 li temenda d-Direttiva 2006/112/KE fir-rigward tad-dispożizzjonijiet relatati ma’ bejgħ b’distanza ta’ merkanzija u ċerti provvisti domestiċi ta’ merkanzija (ĠU L 310, 2.12.2019, p. 1).

(4)  Id-Direttiva tal-Kunsill 2010/24/UE tas-16 ta’ Marzu 2010 dwar l-assistenza reċiproka għall-irkupru ta’ talbiet relatati ma’ taxxi, dazji u miżuri oħra (ĠU L 84, 31.3.2010, p. 1).

(5)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 904/2010 tas-7 ta’ Ottubru 2010 dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-ġlieda kontra l-frodi fil-qasam tat-taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 268, 12.10.2010, p. 1).

(6)   ĠU L 195, 1.8.2018, p. 3.


Top