Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0778

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2021/778 tas-6 ta’ Mejju 2021 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul il-103 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u s-76 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-Sistemi tal-Anti-fouling ta’ Ħsara fuq il-Bastimenti

    ST/7527/2021/INIT

    ĠU L 167, 12.5.2021, p. 40–42 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2021/778/oj

    12.5.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 167/40


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2021/778

    tas-6 ta’ Mejju 2021

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea matul il-103 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u s-76 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali, dwar l-adozzjoni ta’ emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, il-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien, u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-Sistemi tal-Anti-fouling ta’ Ħsara fuq il-Bastimenti

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 100(2), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Jenħtieġ li l-għan tal-azzjoni tal-Unjoni fis-settur tat-trasport marittimu jkun li tittejjeb is-sikurezza marittima u li jiġi protett l-ambjent tal-baħar u saħħet il-bniedem.

    (2)

    Il-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”), matul il-103 sessjoni tiegħu (“MSC 103”) mill-5 sal-14 ta’ Mejju 2021, huwa mistenni jadotta emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, 1978 (il-“Konvenzjoni STCW”), il-Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, 2011 (il-“Kodiċi ESP tal-2011”) u l-Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza Kontra n-Nirien (il-“Kodiċi FSS”).

    (3)

    Il-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI, matul is-76 sessjoni tiegħu (“MEPC 76”) mill-10 sas-17 ta’ Ġunju 2021, huwa mistenni jadotta emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-Sistemi Anti-fouling ta’ Ħsara fuq il-Bastimenti, 2001 (il-“Konvenzjoni AFS”).

    (4)

    L-emendi għall-Parti A tal-Kodiċi STCW tal-Konvenzjoni STCW jiċċaraw il-livell operazzjonali tal-funzjonijiet ta’ ‘uffiċjal elettrotekniku u jintroduċu definizzjoni komuni tat-terminu “vultaġġ għoli”. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jiċċaraw il-funzjonijiet ta’ persuni li jaħdmu abbord, u b’hekk jipprovdu aktar ċarezza dwar ir-responsabbiltajiet u l-kompiti differenti.

    (5)

    L-emendi għall-Anness 2 għall-parti A tal-Anness B tal-Kodiċi ESP tal-2011 jippermettu lis-surveyors jiffokaw fuq żoni ta’ suspett għall-kejl tal-ħxuna ta’ tankers taż-żejt b’buq doppju. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jżidu s-sikurezza fuq il-baħar u jnaqqsu r-riskju ta’ tixrid f’każ ta’ aċċidenti.

    (6)

    L-emendi għall-Kapitolu 9 tal-Kodiċi FSS jakkomodaw sistemi li jikkombinaw is-sikurezza mtejba ta’ detetturi tan-nar identifikabbli individwalment meħtieġa għall-vapuri tal-passiġġieri bl-iżolament tal-ħsarat fit-taqsima identifikabbli inqas kumplessa u inqas għalja, attwalment aċċettabbli għall-vapuri tal-merkanzija u l-gallarija tal-kabini tal-vapuri tal-passiġġieri biss. Dawk l-emendi għandhom l-għan li jipproteġu aħjar lill-persuni abbord f’każ ta’ nar.

    (7)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul l-MSC 103, peress li l-emendi għall-Konvenzjoni STCW, għall-Kodiċi ESP tal-2011 u għall-Kodiċi FSS ser ikunu jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri d-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (1), ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2) u d-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (3), rispettivament.

    (8)

    L-emendi għall-Annessi 1 u 4 għall-Konvenzjoni AFS jiżguraw projbizzjoni globali fuq is-sustanza tal-anti-fouling, iċ-ċibutrin, li l-bejgħ u l-użu tiegħu huma diġà pprojbiti fl-Unjoni.

    (9)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni waqt l-MEPC 76, peress li l-emendi għall-Annessi 1 u 4 għall-Konvenzjoni AFS jistgħu jinfluwenzaw b’mod deċiżiv il-kontenut tal-liġi tal-Unjoni, jiġifieri r-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4).

    (10)

    L-Unjoni la hija membru tal-OMI, u lanqas parti kontraenti għall-konvenzjonijiet u l-kodiċijiet rilevanti. Għaldaqstant jenħtieġ li l-Kunsill jawtorizza lill-Istati Membri jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni.

    (11)

    Jenħtieġ li l-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni jkun limitat għall-kontenut tal-emendi proposti, sa fejn dawk l-emendi jkunu jistgħu jaffettwaw regoli komuni tal-Unjoni u jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni. Jenħtieġ li din id-Deċiżjoni ma taffettwax id-diviżjoni tal-kompetenzi bejn l-Unjoni u l-Istati Membri,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-103 sessjoni tal-Kumitat tas-Sikurezza Marittima tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali (“OMI”) għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-:

    (a)

    Konvenzjoni Internazzjonali dwar Standards ta’ Taħriġ, Ċertifikazzjoni u Għassa għall-Baħħara, kif stabbiliti fl-Annessi 7 u 8 għad-dokument tal-OMI MSC 102/24;

    (b)

    Kodiċi Internazzjonali dwar il-Programm Imtejjeb ta’ Spezzjonijiet Waqt il-Kontrolli ta’ Bastimenti ta’ Tagħbija bl-Ingrossa u Tankers taż-Żejt, kif stabbiliti fl-Anness 15 għad-dokument tal-OMI MSC 102/24; u

    (c)

    Kodiċi Internazzjonali għas-Sistemi tas-Sikurezza kontra n-Nirien, kif stabbiliti fl-Anness 20 għad-dokument tal-OMI MSC 102/24.

    Artikolu 2

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni matul is-76 sessjoni tal-Kumitat tal-Protezzjoni tal-Ambjent tal-Baħar tal-OMI għandha tkun li taqbel mal-adozzjoni tal-emendi għall-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Kontroll tas-Sistemi tal-Anti-fouling ta’ Ħsara fuq il-Bastimenti, kif stabbiliti fl-Anness 7 għad-dokument tal-OMI MEPC 75/18.

    Artikolu 3

    1.   Il-pożizzjonijiet li għandhom jittieħdu f’isem l-Unjoni kif stabbilit fl-Artikoli 1 u 2 ikopru l-emendi kkonċernati sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni u li jistgħu jaffettwaw ir-regoli komuni tal-Unjoni, u għandhom jiġiuespressi mill-Istati Membri, li huma lkoll membri tal-OMI, li jaġixxu b’mod konġunt fl-interessi tal-Unjoni.

    2.   Jista’ jintlaħaq qbil dwar bidliet minuri għall-pożizzjonijiet imsemmijin fl-Artikoli 1 u 2 mingħajr ma tittieħed deċiżjoni ulterjuri min-naħa tal-Kunsill.

    Artikolu 4

    L-Istati Membri huma b’dan awtorizzati jagħtu l-approvazzjoni tagħhom li jintrabtu, fl-interessi tal-Unjoni, bl-emendi msemmija fl-Artikoli 1 u 2, sa fejn dawk l-emendi jaqgħu fil-kompetenza esklużiva tal-Unjoni.

    Artikolu 5

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Mejju 2021.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    J. BORRELL FONTELLES


    (1)  Id-Direttiva 2008/106/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Novembru 2008 dwar il-livell minimu ta’ taħriġ tal-baħħara (ĠU L 323, 3.12.2008, p. 33).

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 530/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Ġunju 2012 dwar l-introduzzjoni aċċellerata ta’ rekwiżiti ta’ buq doppju jew ta’ disinn ekwivalenti għal tankers taż-żejt b’buq wieħed (ĠU L 172, 30.6.2012, p. 3).

    (3)  Id-Direttiva 2009/45/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta’ Mejju 2009 dwar regoli u standards ta’ sigurtà għal vapuri tal-passiġġieri (ĠU L 163, 25.6.2009, p. 1).

    (4)  Ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1).


    Top