Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32021D0007

    Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzojni tal-Kummissjoni (UE) 2021/7 tal-5 ta’ Jannar 2021 dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2021) 7) (It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    C/2021/7

    ĠU L 4, 7.1.2021, p. 12–13 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2021/7/oj

    7.1.2021   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 4/12


    ID-DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZOJNI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2021/7

    tal-5 ta’ Jannar 2021

    dwar l-estensjoni tal-azzjoni meħuda mill-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi li tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodott bijoċidali Biobor JF f’konformità mal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

    (notifikata bid-dokument C(2021) 7)

    (It-testi bil-Finlandiż u bl-Iżvediż biss huma awtentiċi)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta’ Mejju 2012 dwar it-tqegħid fis-suq u l-użu tal-prodotti bijoċidali (1), u b’mod partikolari t-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fis-6 ta’ Mejju 2020, l-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi (“l-awtorità kompetenti”) adottat deċiżjoni f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012 biex sat-2 ta’ Novembru 2020 jiġi permess it-tqegħid fis-suq u l-użu mill-utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru (“l-azzjoni”). L-awtorità kompetenti għarrfet lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri l-oħra dwar l-azzjoni u l-ġustifikazzjoni għaliha, f’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 55(1) ta’ dak ir-Regolament.

    (2)

    Skont it-tagħrif mogħti mill-awtorità kompetenti, l-azzjoni kienet meħtieġa sabiex titħares is-saħħa pubblika. Il-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru tista’ twassal għal funzjonament ħażin tal-magna tal-inġenju tal-ajru u tipperikola l-ajrunavigabbiltà tiegħu, u għalhekk tipperikola s-sikurezza tal-passiġġieri u l-ekwipaġġ. Il-pandemija tal-COVID-19 u r-restrizzjonijiet fuq it-titjiriet li rriżultaw wasslu biex bosta inġenji tal-ajru kellhom jiġu pparkjati temporanjament. L-immobbiltà tal-inġenji tal-ajru hija fattur aggravanti tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

    (3)

    Il-Biobor JF fih 2,2’-(1-metiltrimetilenediossi)bis-(4-metil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 2665-13-6) u 2,2’-ossibis (4,4,6-trimetil-1,3,2-diossaborinan) (numru CAS 14697-50-8), sustanzi attivi għall-użu fi prodotti bijoċidali tat-tip ta’ prodott 6 bħala preservattivi għall-prodotti waqt il-ħżin kif definit fl-Anness V tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. Peress li dawk is-sustanzi attivi mhumiex inklużi fil-programm ta’ ħidma stabbilit fl-Anness II tar-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 (2) għall-eżami sistematiku tas-sustanzi attivi kollha eżistenti li jinsabu fil-prodotti bijoċidali msemmija fir-Regolament (UE) Nru 528/2012, jeħtieġ li jiġu vvalutati u approvati qabel ma l-prodotti bijoċidali li jkun fihom dawn is-sustanzi jkunu jistgħu jiġu awtorizzati fil-livell nazzjonali jew fil-livell tal-Unjoni.

    (4)

    Fl-4 ta’ Settembru 2020, il-Kummissjoni rċeviet talba motivata mingħand l-awtorità kompetenti biex tiġi estiża l-azzjoni f’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 55(1) tar-Regolament (UE) Nru 528/2012. It-talba motivata saret abbażi tat-tħassib li s-sikurezza tat-trasport tal-ajru tista’ tkompli tiġi pperikolata mill-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru wara l-iskadenza tal-permess temporanju u l-argument li l-Biobor JF huwa essenzjali sabiex tiġi kkontrollata tali kontaminazzjoni mikrobijoloġika.

    (5)

    Skont it-tagħrif mogħti mill-awtorità kompetenti, l-uniku prodott bijoċidali alternattiv irrakkomandat mill-manifatturi tal-inġenji tal-ajru u tal-magni għat-trattament tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika ġie rtirat mis-suq f’Marzu 2020 minħabba anomaliji serji fl-imġiba tal-magni li ġew osservati wara t-trattament b’dak il-prodott.

    (6)

    Kif indikat mill-awtorità kompetenti, it-trattament mekkaniku tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru mhux dejjem ikun possibbli u l-proċeduri tal-avjazzjoni miftiehma jeħtieġu t-trattament bi prodott bijoċidali anki meta t-tindif mekkaniku jkun possibbli. Barra minn hekk, it-trattament mekkaniku jesponi lill-ħaddiema għal gassijiet tossiċi u għalhekk jenħtieġ li jiġi evitat.

    (7)

    Skont it-tagħrif mogħti mill-awtorità kompetenti, il-manifattur tal-Biobor JF ħa passi għall-awtorizzazzjoni regolari tal-prodott u fil-bidu tal-2021 mistennija titressaq applikazzjoni għall-approvazzjoni tas-sustanzi attivi li fih. L-approvazzjoni tas-sustanzi attivi u l-awtorizzazzjoni sussegwenti tal-prodott bijoċidali jirrappreżentaw soluzzjoni permanenti għall-futur, iżda se jkun meħtieġ ammont sinifikanti ta’ żmien biex dawn il-proċeduri jitlestew.

    (8)

    Peress li n-nuqqas ta’ kontroll tal-kontaminazzjoni mikrobijoloġika tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru jista’ jipperikola s-sikurezza tat-trasport bl-ajru, u peress li dak il-periklu ma jistax jitrażżan b’mod adegwat bl-użu ta’ prodott bijoċidali ieħor jew b’mezzi oħrajn, jixraq li l-awtorità kompetenti titħalla testendi l-azzjoni għal perjodu li ma jaqbiżx il-550 jum li jibdew mill-jum ta’ wara l-iskadenza tal-perjodu inizjali ta’ 180 jum permess fid-deċiżjoni tal-awtorità kompetenti tas-6 ta’ Mejju 2020.

    (9)

    Meta wieħed iqis li l-azzjoni ilha li skadiet mit-3 ta’ Novembru 2020, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li jkollha effett retroattiv.

    (10)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Prodotti Bijoċidali,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi tista’ testendi sas-7 ta’ Mejju 2022 l-azzjoni biex tippermetti t-tqegħid fis-suq u l-użu mill-utenti professjonali tal-prodott bijoċidali Biobor JF għat-trattament antimikrobiku tat-tankijiet tal-fjuwil u tas-sistemi tal-fjuwil tal-inġenji tal-ajru.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lill-Aġenzija Finlandiża għas-Sikurezza u s-Sustanzi Kimiċi.

    Għandha tapplika mit-3 ta’ Novembru 2020.

    Magħmul fi Brussell, il-5 ta’ Jannar 2021.

    Għall-Kummissjoni

    Stella KYRIAKIDES

    Membru tal-Kummissjoni


    (1)   ĠU L 167, 27.6.2012, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament ta’ Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1062/2014 tal-4 ta’ Awwissu 2014 dwar il-programm ta’ ħidma għall-evalwazzjoni sistematika tas-sustanzi attivi bijoċidali kollha li jeżistu fil-prodotti bijoċidali msemmijin fir-Regolament (UE) Nru 528/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 294 10.10.2014, p. 1).


    Top