EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020Y0615(01)

Rakkomandazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tas-6 ta’ Mejju 2020 dwar ir-riskji tal-likwidità fil-fondi ta’ investiment (BERS/2020/4) 2020/C 200/01

ĠU C 200, 15.6.2020, p. 1–5 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

15.6.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

C 200/1


RAKKOMANDAZZJONI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU

tas-6 ta’ Mejju 2020

dwar ir-riskji tal-likwidità fil-fondi ta’ investiment

(BERS/2020/4)

(2020/C 200/01)

IL-BORD ĠENERALI TAL-BORD EWROPEW DWAR IR-RISKJU SISTEMIKU,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1092/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 dwar is-sorveljanza makroprudenzjali tal-Unjoni Ewropea tas-sistema finanzjarja u li jistabbilixxi Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 3(2)(b), (d) u (f) u l-Artikoli 16 sa 18 tiegħu,

Wara li kkunsidra d-Deċiżjoni BERS/2011/1 tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku tal-20 ta’ Jannar 2011 li tadotta r-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(3)(e) u l-Artikoli 18 sa 20 tagħha,

Billi:

(1)

Il-pandemija tal-marda tal-coronavirus 2019 (COVID-19) u l-miżuri ta’ trażżin assoċjati u meħtieġa jirrappreżentaw xokk serju u bla preċedent għall-ekonomiji Ewropej. F’dan l-isfond, fil-laqgħa tiegħu tat-2 ta’ April 2020, il-Bord Ġenerali tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) ħabbar li kien ser jiffoka l-attenzjoni tiegħu fuq ħames oqsma ta’ prijorità fejn il-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet fl-Unjoni x’aktarx li kienet partikolarment importanti biex tiġi ssalvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni (3). Wieħed mill-ħames oqsma ta’ prijorità huwa relatat mal-likwidità tas-suq finanzjarju u l-implikazzjonijiet għall-maniġers tal-assi u l-assiguraturi.

(2)

It-tnaqqis qawwi fil-prezzijiet tal-assi osservat fil-bidu tal-pandemija COVID-19 kien akkumpanjat minn tifdijiet sinifikanti minn ċerti fondi ta’ investiment u deterjorament sinifikanti fil-likwidità tas-suq finanzjarju. Filwaqt li l-kundizzjonijiet tas-suq sussegwentement stabbilizzaw, l-aktar minħabba azzjonijiet deċiżivi meħuda mill-banek ċentrali, l-awtoritajiet superviżorji u l-gvernijiet fl-Unjoni u globalment, għad hemm inċertezza sinifikanti dwar il-prospetti makrofinanzjarji.

(3)

Il-valutazzjonijiet preċedenti tal-BERS (4) ta’ intermedjazzjoni finanzjarja mhux bankarja enfasizzaw vulnerabbiltajiet potenzjali li joħorġu minn fondi ta’ investiment li għandhom perjodi qosra ta’ tifdija, iżda jinvestu f’assi inqas likwidi. Diskrepanzi bħal dawn fil-likwidità jżidu r-riskju ta’ aktar pressjonijiet fuq il-valwazzjonijiet tal-assi fi żminijiet ta’ stress, jekk il-fondi ta’ investiment ifittxu li jbiegħu assi inqas likwidi fuq perjodu qasir ta’ żmien biex jissodisfaw it-tifdijiet. Dan jista’ jwassal għal telf akbar fil-valwazzjoni skont is-suq minn istituzzjonijiet finanzjarji oħra bi skoperturi għall-istess assi jew assi korrelatati, jew għal issikkar f’daqqa tal-kundizzjonijiet finanzjarji.

(4)

Ir-regoli eżistenti tal-Unjoni jinkludu obbligi speċifiċi għal kumpaniji tal-ġestjoni tal-fondi fir-rigward tal-ġestjoni tar-riskji tal-likwidità fir-rigward tal-fondi li jiġġestixxu (5). Għall-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS), il-profil tal-likwidità tal-investimenti tal-UCITS għandu jkun xieraq għall-politika ta’ tifdija stabbilita fir-regoli tal-fond jew fl-istrumenti ta’ inkorporazzjoni jew fil-prospett. Bl-istess mod, għal fondi ta’ investiment alternattiv (AIFs) l-istrateġija tal-investiment, il-profil tal-likwidità u l-politika tat-tifdija għandhom ikunu konsistenti (6). Dawn ir-regoli huma kkomplementati minn linji gwida tal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA) dwar l-ittestjar tal-istress tal-likwidità f’UCITS u AIFs għal maniġers ta’ fondi biex jittestjaw regolarment ir-reżiljenza tal-fondi tagħhom għar-riskju tal-likwidità f’kundizzjonijiet ta’ likwidità normali u eċċezzjonali (7).

(5)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mfassla biex ittejjeb l-istat ta’ tħejjija biex wieħed ikun jista’ jirrispondi għal xokkijiet negattivi potenzjali fil-futur li jistgħu jwasslu għal deterjorament fil-likwidità tas-suq finanzjarju, li jirriżulta f’implikazzjonijiet negattivi potenzjali għall-kundizzjonijiet tal-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni.

(6)

Il-BERS jirrikonoxxi li s-settur tal-fondi ta’ investiment fl-Unjoni huwa kbir u divers. B’kunsiderazzjoni ta’ dan, il-BERS identifika żewġ segmenti bħala oqsma ta’ prijorità partikolarment għolja għal skrutinju msaħħaħ mill-perspettiva tal-istabbiltà finanzjarja.

(7)

L-ewwel wieħed minn dawn is-segmenti huwa l-fondi ta’ investiment bi skoperturi sinifikanti għad-dejn korporattiv. Ftit wara l-bidu tal-pandemija COVID-19, kien hemm tifdijiet sinifikanti minn fondi ta’ investiment li jinvestu f’dejn korporattiv. Barra minn hekk, il-fondi ta’ investiment għandhom proporzjon sinifikanti tal-istokk ta’ bonds korporattivi mhux finanzjarji pendenti fl-Unjoni. Kwalunkwe pressjonijiet ta’ tifdijiet futuri minn fondi miftuħa b’perjodi qosra ta’ tifdija jistgħu jirriżultaw f’maniġers ta’ fondi li jbigħu malajr assi inqas likwidi, u b’hekk jikkontribwixxu għal deterjorament fil-kundizzjonijiet ta’ likwidità fis-swieq tad-dejn korporattiv. Dan jista’ jkollu effetti sekondarji negattivi fuq istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom skoperturi għal dawn l-assi – bħal kumpaniji tal-assigurazzjoni, fondi tal-pensjonijiet jew banek – jew impatt negattiv fuq l-ispiża u d-disponibbiltà ta’ finanzjament ibbażat fuq is-suq għal korporazzjonijiet mhux finanzjarji.

(8)

It-tieni segment identifikat mill-BERS bħala qasam ta’ prijorità partikolarment għolja għal skrutinju msaħħaħ minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja huwa l-fondi ta’ investiment bi skoperturi sinifikanti għall-proprjetà immobbli. Ir-restrizzjonijiet tas-saħħa pubblika meħtieġa biex titrażżan il-firxa tal-COVID-19 jistgħu jirriżultaw fi tnaqqis fil-volum tat-tranżazzjonijiet tas-suq tal-proprjetà immobbli u żieda fl-inċertezza tal-valutazzjoni. Il-fondi ta’ investiment fil-proprjetà immobbli huma stmati li jżommu madwar terz tas-suq tal-proprjetà immobbli kummerċjali tal-Unjoni. Tifdijiet futuri minn fondi ta’ investiment li għandhom investimenti sinifikanti fil-proprjetà immobbli jistgħu jikkontribwixxu għal pressjoni ’l isfel fuq il-valutazzjonijiet tal-proprjetà immobbli jekk ikunu akkumpanjati minn bejgħ ta’ assi fil-proprjetà immobbli f’ambjent ta’ volumi baxxi ta’ tranżazzjonijiet. Dan jista’ jkollu implikazzjonijiet negattivi għal istituzzjonijiet finanzjarji oħra li għandhom skoperturi għall-proprjetà immobbli, inkluż dawk li jużaw il-proprjetà immobbli bħala kollateral għas-self.

(9)

L-iżgurar li s-sistema finanzjarja fl-Unjoni tgħin biex tassorbi, minflok tkabbar, ix-xokk tal-COVID-19 jeħtieġ koordinazzjoni sinifikanti kemm bejn l-awtoritajiet superviżorji responsabbli għal segmenti differenti tas-swieq finanzjarji kif ukoll bejn il-fruntieri. Dan huwa partikolarment il-każ għall-attivitajiet tas-swieq kapitali, inkluż dawk imwettqa minn fondi ta’ investiment, fejn il-flussi transkonfinali huma kbar u l-funzjonament bla xkiel ta’ tali attivitajiet jiddependi fuq għadd ta’ atturi fis-sistema finanzjarja kollha.

(10)

Il-BERS jirrikonoxxi l-ħidma ta’ prijorità għolja li bħalissa qed issir mill-ESMA dwar it-tisħiħ tal-konverġenza superviżorja dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tal-maniġers tal-fondi. Dan jinkludi l-Azzjoni Superviżorja Komuni dwar il-ġestjoni tar-riskju tal-likwidità tal-maniġers tal-UCITS imħabbra fl-2020 (8) u l-koordinazzjoni kontinwa tal-azzjonijiet superviżorji tal-ESMA fid-dawl tal-COVID-19.

(11)

Din ir-Rakkomandazzjoni hija mingħajr preġudizzju għall-mandati tal-politika monetarja tal-banek ċentrali fl-Unjoni.

(12)

Ir-rakkomandazzjonijiet tal-BERS jiġu ppubblikati wara li jkunu ġew infurmati d-destinatarji, u wara li l-Bord Ġenerali jkun informa lill-Kunsill tal-Unjoni Ewropew dwar l-intenzjoni tiegħu li jagħmel dan u sakemm il-Kunsill ikollu l-opportunità li jirreaġixxi,

ADOTTA DIN IR-RAKKOMANDAZZJONI:

TAQSIMA 1

RAKKOMANDAZZJONI

Rakkomandazzjoni A — Il-koordinazzjoni tal-impenn superviżorju mal-fondi ta’ investiment biex jiġi vvalutat l-istat ta’ tħejjija tagħhom

Huwa rakkomandat li l-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (ESMA):

1.

tikkoordina mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti biex twettaq eżerċizzju superviżorju ffukat ma’ fondi ta’ investiment li għandhom skoperturi sinifikanti għad-dejn korporattiv u għall-assi fil-proprjetà immobbli biex tivvaluta t-tħejjija ta’ dawn iż-żewġ segmenti tas-settur tal-fondi ta’ investiment għal xokkijiet negattivi potenzjali fil-futur, inkluż kwalunkwe tkomplija potenzjali ta’ tifdijiet sinifikanti u/jew żieda fl-inċertezza tal-valwazzjoni; u

2.

tirrapporta lill-BERS dwar l-analiżi tagħha u dwar il-konklużjonijiet milħuqa rigward l-istat ta’ tħejjija tal-fondi ta’ investiment rilevanti.

TAQSIMA 2

IMPLIMENTAZZJONI

1.   Definizzjonijiet

1.

Għall-finijiet ta’ din ir-Rakkomandazzjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(a)

“awtorità nazzjonali kompetenti” (ANK) tfisser l-awtorità kompetenti kif iddefinita fl-Artikolu 2(1)(h) tad-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (9) jew fl-Artikolu 4(1)(f) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10);

(b)

“fond ta’ investiment” tfisser: (i) impriża għal investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) kif iddefinit fl-Artikolu 1(2) tad-Direttiva 2009/65/KE li ġiet awtorizzata skont l-Artikolu 5 ta’ dik id-Direttiva; u (ii) fond ta’ investiment alternattiv kif iddefinit fl-Artikolu 4(1)(a) tad-Direttiva 2011/61/UE.

2.   Kriterji għall-implimentazzjoni

1.

Il-kriterji li ġejjin japplikaw għall-implimentazzjoni ta’ din ir-Rakkomandazzjoni:

(a)

għandu jitqies b’mod xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità, filwaqt illi jitqies l-għan u l-kontenut tar-rakkomandazzjoni;

(b)

għandhom jiġu sodisfatti l-kriterji speċifiċi ta’ konformità stabbiliti fl-Anness.

3.   Skeda ta’ żmien għas-segwitu

1.

Skont l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010 id-destinatarji għandhom jikkomunikaw lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS l-azzjonijiet meħuda b’reazzjoni għar-rakkomandazzjonijiet u jissostanzjaw kwalunkwe nuqqas ta’ azzjoni. L-ESMA hija mitluba tissottometti l-komunikazzjoni sal-31 ta’ Ottubru 2020.

4.   Monitoraġġ u evalwazzjoni

1.

Is-Segretarjat tal-BERS għandu, fejn ikun xieraq:

(a)

jassisti lill-ESMA, billi jikkontribwixxi għal ċerti partijiet tal-analiżi minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja;

(b)

jikkoordina l-proċedura għas-segwitu;

(c)

jipprovdi assistenza fuq talba tal-ESMA.

2.

Il-Bord Ġenerali se jivvaluta l-azzjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet ikkomunikati mill-ESMA u, fejn xieraq, jista’ jiddeċiedi li din ir-Rakkomandazzjoni ma ġietx segwita u li l-ESMA naqset milli tipprovdi ġustifikazzjoni adegwata għan-nuqqas ta’ azzjoni tagħha.

Magħmul fi Frankfurt am Main, is-6 ta’ Mejju 2020.

Kap tas-Segretarjat tal-BERS,

f’isem il-Bord Ġenerali tal-BERS.

Francesco MAZZAFERRO


(1)  ĠU L 331, 15.12.2010, p. 1.

(2)  ĠU C 58, 24.2.2011, p. 4.

(3)  Ara l-istqarrija għall-istampa maħruġa wara l-laqgħa tal-Bord Ġenerali tal-BERS tat-2 ta’ April 2020, disponibbli fuq: https://www.esrb.europa.eu/news/pr/date/2020/html/esrb.pr200409~a26cc93c59.en.html

(4)  Ara, pereżempju, l-EU Non-bank Financial Intermediation Risk Monitor 2019 (Il-Monitor annwali tar-riskju għall-Intermedjazzjoni Finanzjarja Mhux Bankarja tal-UE għall-2019), disponibbli fuq: https://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/reports/nbfi_monitor/esrb.report190717_NBFImonitor2019~ba7c155135.en.pdf?aad1f4a011a6d589537645242475aa89

(5)  Ara l-Artikolu 40(4) tad-Direttiva tal-Kummissjoni 2010/43/UE tal-1 ta’ Lulju 2010 li timplimenta d-Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tar-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konflitti ta’ interess, it-tmexxija tan-negozju, il-ġestjoni tar-riskji u l-kontenut tal-ftehim ta’ bejn depożitarju u kumpanija maniġerjali (ĠU L 176, 10.7.2010, p. 42).

(6)  Ara l-Artikolu 16(2) tad-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).

(7)  ESMA, Rapport Finali: Linji gwida dwar l-ittestjar tal-istress tal-likwidità f’UCITS u AIFs, 2 ta’ Settembru 2019, disponibbli fuq: https://www.esma.europa.eu/sites/default/files/library/esma34-39-882_final_report_guidelines_on_lst_in_ucits_and_aifs.pdf

(8)  Ara l-istqarrija għall-istampa tal-ESMA tat-30 ta’ Jannar 2020, disponibbli fuq: https://www.esma.europa.eu/press-news/esma-news/esma-launches-common-supervisory-action-ncas-ucits-liquidity-risk-management

(9)  Direttiva 2009/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta’ Lulju 2009 dwar il-koordinazzjoni ta’ liġijiet, regolamenti u dispożizzjonijiet amministrattivi fir-rigward tal-impriżi ta’ investiment kollettiv f’titoli trasferibbli (UCITS) (ĠU L 302, 17.11.2009, p. 32).

(10)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1).


ANNESS

KRITERJI TA’ KONFORMITÀ GĦAR-RAKKOMANDAZZJONI

Għar-Rakkomandazzjoni A, qegħdin jiġu speċifikati l-kriterji ta’ konformità li ġejjin:

1.

Sabiex ikun jista’ jsir eżerċizzju mmirat u f’waqtu, l-ESMA għandha tikkoordina mal-ANK sabiex:

(a)

jidentifikaw il-fondi ta’ investiment fl-Unjoni li għandhom skoperturi partikolarment kbar għad-dejn korporattiv u s-swieq tal-proprjetà immobbli u li huma partikolarment importanti minn perspettiva makroprudenzjali. Billi tillimita l-ambitu tal-eżerċizzju għal dawn il-fondi, din ir-Rakkomandazzjoni tfittex li tiżgura li l-eżerċizzju jkun jista’ jitwettaq fil-ħin disponibbli. L-ESMA tista’ wkoll tkun trid tikkunsidra karatteristiċi rilevanti oħra fl-identifikazzjoni tal-fondi, pereżempju l-frekwenza tat-tifdija u/jew il-grad ta’ ingranaġġ.

(b)

jimpenjaw ruħhom b’mod immirat mas-subsett ta’ fondi ta’ investiment identifikati taħt il-punt (a) biex jgħinu fil-valutazzjoni tal-istat attwali tat-tħejjija tagħhom għal żieda mhux mistennija fit-tifdijiet u/jew żieda fl-inċertezza tal-valutazzjoni, inkluż li jifformaw opinjoni dwar kif dawn il-fondi jistgħu jirrispondu għal xokkijiet negattivi potenzjali fil-futur fuq medda qasira ta’ żmien;

(c)

jivvalutaw l-istat ta’ tħejjija tas-segmenti tad-dejn korporattiv u tal-proprjetà immobbli tas-settur tal-fondi ta’ investiment u jikkunsidraw jekk hemmx bżonn ta’ aktar azzjonijiet biex tittejjeb dak l-istat ta’ tħejjija. B’mod partikolari, il-valutazzjoni għandha tiffoka fuq ix-xokkijiet potenzjali fil-futur ta’ tifdija u/jew inċertezza tal-valwazzjoni u tikkunsidra jekk hijiex meħtieġa azzjoni addizzjonali – pereżempju, gwida addizzjonali jew għall-fondi jew għas-superviżuri rigward l-użu ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità u/jew it-trattament tal-inċertezza tal-valutazzjoni.

2.

Il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin għandhom jitqiesu bħala parti mill-eżerċizzju superviżorju, b’enfasi partikolari fuq oqsma li huma rilevanti minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja.

(a)

Fondi bi skoperturi partikolarment kbar għal dejn korporattiv

Bħala parti minn eżerċizzju mmirat bil-fondi bi skoperturi partikolarment kbar għad-dejn korporattiv, l-informazzjoni li ġejja x’aktarx tkun partikolarment utli minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja:

(i)

Informazzjoni biex tiġi vvalutata l-imġiba tal-fondi fil-bidu tal-pandemija COVID-19. Din l-informazzjoni tista’ tinkludi: (i) il-livell ta’ tifdijiet li deher fil-bidu tal-pandemija COVID-19, meta ġew elevati tifdijiet minn firxa ta’ fondi ta’ bonds korporattivi; (ii) kif intużaw għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità f’dak iż-żmien, inkluż l-għodod speċifiċi attivati minn tipi ta’ fondi differenti; u (iii) liema tipi ta’ assi nbiegħu biex jissodisfaw it-tifdijiet u b’liema mod (pereżempju, permezz ta’ vertical slicing).

(ii)

Informazzjoni biex jiġi vvalutat l-istat attwali tal-istat ta’ tħejjija. Din l-informazzjoni tista’ tinkludi deskrizzjonijiet ta’: (i) is-sett ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità disponibbli għall-fondi identifikati; (ii) il-mod li bih il-maniġers tal-fondi nfushom qed jippreparaw għal kwalunkwe xokkijiet negattivi possibbli fil-futur; (iii) il-mod li bih il-maniġers tal-fondi nfushom x’aktarx jirrispondu għal tkomplija possibbli tat-tifdijiet; (iv) holdings ta’ assi likwidi attwali tal-fondi identifikati; u (v) l-għadd u n-natura ta’ investituri fil-fond (pereżempju, investituri fil-livell ta’ konsumatur kontra investituri istituzzjonali).

(b)

Fondi bi skoperturi partikolarment kbar għall-proprjetà immobbli

Bħala parti minn eżerċizzju mmirat bil-fondi bi skoperturi partikolarment kbar għall-proprjetà immobbli, l-informazzjoni li ġejja x’aktarx tkun partikolarment utli minn perspettiva ta’ stabbiltà finanzjarja:

(i)

Informazzjoni biex jiġi vvalutat il-livell attwali tal-inċertezza tal-valwazzjoni u tal-attività tat-tifdija. Din l-informazzjoni tista’ tinkludi deskrizzjonijiet ta’: (i) kwistjonijiet ta’ inċertezza tal-valutazzjoni li jiffaċċjaw il-fondi tal-proprjetà immobbli f’ġurisdizzjonijiet differenti, jekk ikun hemm; (ii) il-mod li bih l-għodod tal-ġestjoni tal-likwidità ġew użati sallum, inklużi l-għodod speċifiċi attivati; u (iii) id-daqs tat-talbiet ta’ tifdija mill-bidu tal-pandemija COVID-19 u l-mod li bih il-fondi identifikati rrispondew għal dawn it-talbiet.

(ii)

Informazzjoni biex jiġi vvalutat l-istat attwali tat-tħejjija. L-informazzjoni tista’ tinkludi deskrizzjonijiet ta’: (i) il-karatteristiċi strutturali tal-fondi tal-proprjetà immobbli (eż. il-frekwenza tan-negozju, il-perjodi ta’ notifika, eċċ.); (ii) is-sett ta’ għodod ta’ ġestjoni tal-likwidità li huwa disponibbli għall-fondi identifikati; (iii) il-mod li bih il-maniġers tal-fondi nfushom qed iħejju għal kwalunkwe xokkijiet negattivi possibbli fil-futur; (iv) il-mod li bih il-maniġers tal-fondi nfushom x’aktarx jirrispondu għal żieda fl-inċertezza tal-valutazzjoni/żieda fit-tifdijiet; (v) il-holdings ta’ assi likwidi attwali tal-fondi identifikati; u (vi) l-għadd u n-natura tal-investituri fil-fondi identifikati (pereżempju, investituri fil-livell ta’ konsumatur kontra investituri istituzzjonali).


Top