This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020R2237
Commission Delegated Regulation (EU) 2020/2237 of 13 August 2020 amending Delegated Regulation (EU) 2020/3 as regards the derogation for the minimum conservation reference size of Venus shells (Venus spp.) in certain Italian territorial waters
Regolament Delegat tal-kummissjoni (UE) 2020/2237 tat-13 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/3 fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja
Regolament Delegat tal-kummissjoni (UE) 2020/2237 tat-13 ta’ Awwissu 2020 li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/3 fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja
C/2020/5342
ĠU L 436, 28.12.2020, p. 1–3
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022
28.12.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 436/1 |
REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/2237
tat-13 ta’ Awwissu 2020
li jemenda r-Regolament Delegat (UE) 2020/3 fir-rigward tad-deroga għad-daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja
IL-KUMMISSJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Politika Komuni tas-Sajd, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1954/2003 u (KE) Nru 1224/2009 u jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 2371/2002 u (KE) Nru 639/2004 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/585/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(6) tiegħu,
Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/1241 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Ġunju 2019 dwar il-konservazzjoni ta’ riżorsi tas-sajd u l-protezzjoni ta’ ekosistemi tal-baħar permezz ta’ miżuri tekniċi, li jemenda r-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006, (KE) Nru 1224/2009 u r-Regolamenti (UE) Nru 1380/2013, (UE) 2016/1139, (UE) 2018/973, (UE) 2019/472 u (UE) 2019/1022 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KE) Nru 894/97, (KE) Nru 850/98, (KE) Nru 2549/2000, (KE) Nru 254/2002, (KE) Nru 812/2004 u (KE) Nru 2187/2005 (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(2) tiegħu.
Wara li kkunsidrat ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1967/2006 tal-21 ta’ Diċembru 2006 dwar miżuri ta’ ġestjoni għall-isfruttament sostenibbli ta’ riżorsi tas-sajd fil-Baħar Mediterran u li jemenda r-Regolament (KEE) Nru 2847/93 u jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1626/94 (3) u b’mod partikolari l-Artikolu 15a tiegħu,
Billi:
(1) |
Ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 għandu l-għan li jelimina b’mod progressiv il-qbid skartat fis-sajd tal-Unjoni permezz tal-introduzzjoni ta’ obbligu ta’ ħatt l-art għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal limiti tal-qbid u, fil-Mediterran, anki għall-qabdiet ta’ speċijiet soġġetti għal daqsijiet minimi. |
(2) |
Skont l-Artikolu 15(1)(d) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, l-obbligu ta’ ħatt l-art għas-sajd demersali fil-Baħar Mediterran japplika sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2017 għal dawk l-ispeċijiet li jiddefinixxu s-sajd u sa mhux aktar tard mill-1 ta’ Jannar 2019 għall-ispeċijiet l-oħrajn kollha. |
(3) |
Il-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut adottati mill-Kummissjoni skont ir-Regolament (UE) Nru 1380/2013 jistgħu jinkludu l-ispeċifikazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 15(5) (a) sa (e) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013, inkluż l-iffissar ta’ daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni (‘MCRS’). |
(4) |
L-Artikolu 15a tar-Regolament (KE) Nru 1967/2006 u l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (UE) 2019/1241 jagħtu s-setgħa lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, għall-fini tal-adozzjoni tal-pjanijiet għall-iskartar tal-ħut u għall-ispeċijiet soġġetti għall-obbligu ta’ ħatt l-art, daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni bl-għan li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-frieħ ta’ organiżmi tal-baħar. Skont dawk l-Artikoli, id-daqsijiet minimi ta’ referenza għall-konservazzjoni jistgħu jidderogaw, fejn xieraq, mid-daqsijiet stabbiliti fl-Anness IX għar-Regolament (UE) 2019/1241. |
(5) |
Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/3 (4) stabbilixxa pjan għall-iskartar tal-gandoffli ta’ Venere (Venus spp.) fl-ibħra territorjali Taljani mill-1 ta’ Jannar 2020 sal-31 ta’ Diċembru 2022, wara rakkomandazzjoni mressqa mill-Italja u wara konsultazzjoni mal-Kunsill Konsultattiv għall-Baħar Mediterran, b’kont meħud tal-parir tal-STECF u d-dħul fis-seħħ tar-Regolament (UE) 2019/1241. Madankollu, l-applikazzjoni ta’ daqs minimu ta’ referenza għall-konservazzjoni mnaqqas għall-gandoffli ta’ Venere ta’ 22 mm kienet limitata għal sena, sal-31 ta’ Diċembru 2020. Fl-istess ħin, l-eżenzjoni tal-kapaċità ta’ sopravivenza għolja għall-qabdiet ta’ gandoffli ta’ Venere taħt l-MCRS ingħatat sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
(6) |
L-Italja hija l-uniku Stat Membru b’interess ta’ ġestjoni dirett fis-sajd għall-gandoffli ta’ Venere, fl-ibħra territorjali Taljani tas-Subżoni Ġeografiċi GFCM 9, 10, 17 u 18. Fit-2 ta’ Marzu 2020, l-Italja ppreżentat Rakkomandazzjoni Konġunta li titlob li d-deroga tal-MCRS stabbilita fir-Regolament Delegat (UE) 2020/3 għall-istokk tal-gandoffli ta’ Venere tiġi estiża sal-31 ta’ Diċembru 2022. |
(7) |
Ir-Rakkomandazzjoni Konġunta ppreżentata mill-Italja ġiet riveduta fid-dawl tal-għanijiet u l-miri tal-Artikoli 3 u 4 tar-Regolament (UE) 2019/1241, mill-STECF (STECF 20-01) (5). |
(8) |
L-STECF innota li d-distribuzzjonijiet tal-frekwenzi tat-tul (2017-2019) ippreżentati fir-Rakkomandazzjoni Konġunta l-ġdida jissuġġerixxu li mill-ewwel implimentazzjoni fl-2017, skont ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 (6), tal-MCRS iżgħar (minn 25 mm għal 22 mm), ġiet osservata żieda fl-abbundanza ta’ individwi > 22 mm fl-istokk f’ċerti żoni tar-Reġjun ta’ Marche. Barra minn hekk, l-STECF ikkonkluda li l-istatus tal-istokkijiet jidher li kien stabbli jew li kien qed jitjieb f’dawk iż-żoni li għalihom hemm biżżejjed informazzjoni disponibbli. L-STECF jikkonkludi li l-pjan ta’ ġestjoni jinkludi dispożizzjonijiet li x’aktarx ikunu aktar effettivi għall-ġestjoni tar-rati ta’ sfruttament fuq il-popolazzjonijiet tal-gandoffli ta’ Venere mill-kundizzjonijiet li kienu jeżistu qabel l-2017. Barra minn hekk, l-STECF ikkonkluda li, billi l-MCRS imnaqqas għall-gandoffli ta’ Venere għadu akbar mid-daqs fl-ewwel maturità (irrapportat bejn 15-17 mm), probabbilment mhux se jkun detrimentali għall-kapaċità riproduttiva tal-istokk u x’aktarx li ftit li xejn se jkollu effett fuq ir-rata ta’ sfruttament fuq il-frieħ. |
(9) |
Il-Kummissjoni tqis li, abbażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha f’dan l-istadju fir-rakkomandazzjoni konġunta u l-valutazzjonijiet tal-STECF (STECF19-02 u 20-01), id-deroga għall-MCRS hija konformi mal-objettivi tal-isfruttament sostenibbli tal-istokk tal-gandoffli ta’ Venere fl-ibħra territorjali Taljani. Għalkemm l-STECF jinnota li l-informazzjoni fir-rigward tar-reġjun ta’ Marche u r-reġjun ta’ Puglia kienet inqas kompluta, il-Kummissjoni tqis li l-istruttura tal-popolazzjoni tal-gandoffli ta’ Venere f’dawn ir-reġjuni tjiebet fl-aħħar sentejn u hemm evidenza ta’ reklutaġġ tajjeb. Il-Kummissjoni tqis li billi l-MCRS imnaqqas propost għall-gandoffli ta’ Venere għadu akbar mid-daqs fl-ewwel maturità (irrapportat bejn 15 u 17-il mm), x’aktarx li dan ftit li xejn ikollu effett fuq ir-rata ta’ sfruttament fuq il-frieħ, li hija konformi mal-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241. L-MCRS aktar baxx ikkontribwixxa wkoll biex jitnaqqas l-impatt fuq l-attività tas-sajd fuq l-ekosistema tal-baħar billi ppermetta tnaqqis sinifikanti fiż-żona fejn isir sajd bil-gangmi. Abbażi ta’ dan, jidher li l-MCRS imnaqqas propost jikkonforma mar-rekwiżiti stabbiliti għall-miżuri tekniċi fl-Artikolu 15 u fl-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) 2019/1241. Fid-dawl tal-konklużjonijiet ta’ hawn fuq, huwa xieraq li d-deroga mitluba tingħata sal-31 ta’ Diċembru 2022. Barra minn hekk, il-Kummissjoni tinnota li f’konformità mal-pjan ta’ ġestjoni nazzjonali tagħha, l-Italja se tissorvelja mill-qrib l-istokkijiet tal-gandoffli ta’ Venere permezz ta’ rapporti annwali li għandhom jintbagħtu lill-Kummissjoni. |
(10) |
Il-miżuri ssuġġeriti fir-rakkomandazzjoni konġunta huma konformi mal-Artikolu 18(3) tar-Regolament (UE) Nru 1380/2013. |
(11) |
Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament Delegat (UE) 2020/3 jiġi emendat kif xieraq. |
(12) |
Billi l-miżuri previsti f’dan ir-Regolament għandhom impatt dirett fuq l-attivitajiet ekonomiċi marbuta mas-sajd u l-ippjanar tal-istaġun tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni, jenħtieġ li dan ir-Regolament jidħol fis-seħħ immedjatament wara l-pubblikazzjoni tiegħu, |
ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:
Artikolu 1
Emenda tar-Regolament Delegat (UE) 2020/3
Fl-Artikolu 5 tar-Regolament Delegat (UE) 2020/3, jitħassar it-tielet paragrafu.
Artikolu 2
Dħul fis-seħħ
Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.
Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.
Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Awwissu 2020.
Għall-Kummissjoni
Il-President
Ursula VON DER LEYEN
(1) ĠU L 354 28.12.2013, p. 22.
(2) ĠU L 198, 25.7.2019, p. 105.
(3) ĠU L 409, 30.12.2006, p. 11.
(4) Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/3 tat-28 ta’ Awwissu 2019 li jistabbilixxi pjan għall-iskartar tal-gandoffli Venus (Venus spp.) fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 2, 6.1.2020, p. 1).
(5) Il-Kumitat Xjentifiku, Tekniku u Ekonomiku għas-Sajd (STECF) – it-63 Rapport Plenarju – Proċedura bil-miktub (PLEN-20-01). L-Uffiċċju tal-Pubblikazzjonijiet tal-Unjoni Ewropea, il-Lussemburgu, 2020, ISBN 978-92-76-18117-0, doi:10.2760/465398, JRC120479https://stecf.jrc.ec.europa.eu/documents/43805/2660523/STECF+PLEN+20-01.pdf/262e4bef-ca24-4ce7-b0cb-b95f67e1538f
(6) egolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2016/2376 tat-13 ta’ Ottubru 2016 li jistabbilixxi pjan għall-iskart tal-mollusk bivalv Venus spp. fl-ilmijiet territorjali tal-Italja (ĠU L 352, 23.12.2016, p. 48).