Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1777

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1777 tas-27 ta’ Novembru 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

C/2020/8175

ĠU L 399, 30.11.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 20/04/2021; Impliċitament imħassar minn 32021R0404

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1777/oj

30.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 399/1


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1777

tas-27 ta’ Novembru 2020

li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 92/65/KEE tat-13 ta’ Lulju 1992, li tistabbilixxi l-ħtiġijiet dwar saħħa tal-annimali li jirregolaw il-kummerċ ta’, u l-importazzjoni fil-Komunità ta’ annimali, semen, ova u embrijuni mhux suġġetti għal ħtiġijiet ta’ saħħa tal-annimali meħtieġa f’regoli speċifiċi tal-Komunità li hemm referenza għalihom fl-Anness A(I) tad-Direttiva 90/425/KEE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 17(3) tagħha,

Wara li kkunsidrat id-Direttiva tal-Kunsill 2009/156/KE tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw il-moviment u l-importazzjoni minn pajjiżi terzi ta’ ekwidi (2), u b’mod partikolari l-Artikolu 12(1), (4) u (5), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 16 u l-Artikolu 19(a) u (b) tagħha,

Billi:

(1)

Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 (3) jistabbilixxi l-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom. Din tistabbilixxi l-lista ta’ pajjiżi terzi minn fejn l-Istati Membri għandhom jawtorizzaw id-dħul ta’ ekwidi u ta’ semen, ova u embrijuni ta’ annimali tal-ispeċi ekwina, u tispeċifika l-kundizzjonijiet tas-saħħa tal-annimali u taċ-ċertifikazzjoni veterinarja għal dawn l-entrati.

(2)

Id-Direttiva 2009/156/KE tistipula r-rekwiżiti tas-saħħa tal-annimali li jirregolaw l-importazzjoni tal-ekwidi fl-Unjoni minn pajjiżi terzi. Id-Direttiva tipprevedi li l-importazzjoni tal-ekwidi fl-Unjoni hija awtorizzata biss minn pajjiżi terzi jew minn partijiet mit-territorji tagħhom li ilhom ħielsa mill-glanders (Burgholderia mallei) għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur.

(3)

Fil-25 ta’ Lulju 2019, il-Kuwajt għarraf lill-Kummissjoni b’żewġ każijiet ta’ glanders (Burkholderia mallei) fi żwiemel reġistrati li kienu miżmuma fil-kwarantina ta’ qabel l-esportazzjoni biex jintbagħtu lejn l-Unjoni. Il-Kuwajt minnufih issospenda l-esportazzjoni lejn l-Unjoni ta’ żwiemel reġistrati, u wettaq il-miżuri meħtieġa ta’ sorveljanza u kontroll. Għalhekk, id-dħul fl-Unjoni ta’ żwiemel irreġistrati mill-Kuwajt ġie sospiż bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2147 (4). Fit-8 ta’ Settembru 2019, tliet żwiemel oħra fl-istess razzett ġew ikkonfermati pożittivi għall-glanders permezz ta’ test ta’ fissazzjoni ta’ komplement (CFT) imwettaq fil-Laboratorju Reġjonali ta’ Referenza tal-Organizzazzjoni Dinjija għas-Saħħa tal-Annimali (OIE). Fit-23 ta’ Ġunju 2020, il-Kuwajt informa lill-Kummissjoni li fit-30 ta’ April 2020 kien lesta stħarriġ kliniku u seroloġiku attiv, inkluż l-ittestjar għall-glanders ta’ 7 914-il żiemel imwettaq b’riżultati negattivi f’Laboratorju ta’ Referenza Reġjonali tal-OIE.

(4)

Il-Kuwajt għalhekk wera li baqa’ ħieles mill-glanders minn meta nstab l-aħħar każ fit-8 ta’ Settembru 2019. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu awtorizzati d-dħul temporanju ta’żwiemel reġistrati, id-dħul mill-ġdid ta’żwiemel reġistrati wara l-esportazzjoni temporanja, u l-importazzjoni ta’ żwiemel reġistrati, kif ukoll it-tranżitu ta’ ekwidi mill-Kuwajt. Għalhekk jixraq li tiġi emendata l-annotazzjoni għall-Kuwajt fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659.

(5)

Fil-25 ta’ Diċembru 2019, it-Turkija nnotifikat permezz tas-Sistema ta’ Notifika tal-Mard tal-Annimali li fl-4 ta’ Diċembru 2019 ġie kkonfermat każ ta’ glanders f’żiemel fil-Gżira ta’ Büyükada, il-Provinċja ta’ Istanbul, it-Turkija. Id-dħul fl-Unjoni ta’ ekwidi u ta’ prodotti ġerminali ta’ ekwidi mit-Turkija ġie sospiż għal perjodu ta’ mill-inqas sitt xhur bl-adozzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/581 (5).

(6)

It-Turkija pprovdiet l-informazzjoni li tiddokumenta li l-Provinċji ta’ Ankara, Edirne, Istanbul, Izmir, Kirklareli u Tekirdag ilhom ħielsa mill-glanders għal aktar minn sitt xhur wara li ġiet innotifikata t-tifqigħa fil-Gżira ta’ Büyükada, fil-Provinċja ta’ Istanbul fil-25 ta’ Diċembru 2019. Barra minn hekk, dak il-pajjiż implimenta miżuri biex jitnaqqas ir-riskju li jiddaħħal il-glanders f’dawk il-provinċji. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu awtorizzati d-dħul temporanju ta’ żwiemel reġistrati, id-dħul mill-ġdid ta’ żwiemel reġistrati wara l-esportazzjoni temporanja, u l-importazzjonijiet ta’ żwiemel reġistrati, kif ukoll it-tranżitu ta’ ekwidi mill-Provinċji ta’ Ankara, Edirne, Istanbul, Izmir, Kirklareli u Tekirdag. Għalhekk jixraq li tiġi emendata l-annotazzjoni għat-Turkija fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659.

(7)

Għalhekk, jenħtieġ li r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 jiġi emendat skont dan.

(8)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat Permanenti dwar il-Pjanti, l-Annimali, l-Ikel u l-Għalf,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 huwa emendat f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-27 ta’ Novembru 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)   ĠU L 268, 14.9.1992, p. 54.

(2)   ĠU L 192, 23.7.2010, p. 1.

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2018/659 tat-12 ta’ April 2018 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 110, 30.4.2018, p. 1).

(4)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/2147 tat-28 ta’ Novembru 2019 li jemenda u jikkoreġi r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 325, 16.12.2019, p. 99).

(5)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/581 tas-27 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659 dwar il-kundizzjonijiet biex jidħlu fl-Unjoni ekwidi ħajjin u s-semen, l-ova u l-embrijuni tagħhom (ĠU L 133, 28.4.2020, p. 52).


ANNESS

Fl-Anness I tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2018/659, il-lista ta’ pajjiżi terzi u tal-partijiet mit-territorju tal-pajjiżi terzi li minnhom huwa awtorizzat id-dħul fl-Unjoni ta’ konsenji ta’ ekwidi u tas-semen, l-ova u l-embrijuni tal-ekwidi, hija emendata kif ġej:

(a)

l-annotazzjoni għall-Kuwajt hija sostitwita b’dan li ġej:

“KW

Il-Kuwajt

KW-0

Il-pajjiż kollu

E

X

X

X

X

(b)

l-annotazzjoni għat-Turkija hija sostitwita b’dan li ġej:

“TR

It-Turkija

TR-0

Il-pajjiż kollu

 

TR-1

Il-provinċji ta’ Ankara, Edirne, Istanbul, Izmir, Kirklareli u Tekirdag

E

X

X

X

X


Top