EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1481

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1481 tal-14 ta’ Ottubru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

ĠU L 341, 15.10.2020, p. 7–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/1481/oj

15.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 341/7


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1481

tal-14 ta’ Ottubru 2020

li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/44 tat-18 ta’ Jannar 2016 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja u li jħassar ir-Regolament (UE) Nru 204/2011 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 21(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà,

Billi:

(1)

Fit-18 ta’ Jannar 2016, il-Kunsill adotta r-Regolament (UE) 2016/44.

(2)

Fit-12 ta’ Mejju 2020, ir-Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta’ Sigurtà ħareġ dikjarazzjoni, f’isem l-Unjoni, li ddikjarat li l-Unjoni għadha determinata li tara li l-embargo fuq l-armi tan-NU fil-Libja jiġi rrispettat b’mod sħiħ. Ġie enfasizzat ukoll li jridu jsiru l-isforzi kollha biex tiġi żgurata l-implimentazzjoni sħiħa u effettiva tar-riżoluzzjonijiet rilevanti tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU, anke permezz tal-fruntieri tal-art u tal-ajru mal-Libja.

(3)

Fil-21 ta’ Settembru 2020, il-Kunsill adotta r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2020/1309 (2), li identifika tliet entitajiet involuti fil-ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU.

(4)

Il-Kunsill għadu mħasseb serjament dwar is-sitwazzjoni fil-Libja u b’mod partikolari dwar atti li jheddu l-paċi, is-sigurtà jew l-istabbiltà tal-Libja, inkluż ksur tal-embargo fuq l-armi tan-NU.

(5)

F’dak il-kuntest, jenħtieġ li persuna involuta f’tali atti tinżied mal-lista ta’ persuni fiżiċi u ġuridiċi, entitajiet jew korpi soġġetti għall-miżuri restrittivi kif stabbilit fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44 huwa emendat f’konformità mal-Anness għal dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-14 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

M. ROTH


(1)  ĠU L 12, 19.1.2016, p. 1.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1309 tal-21 ta’ Settembru 2020 li jimplimenta l-Artikolu 21(2) tar-Regolament (UE) 2016/44 dwar miżuri restrittivi fid-dawl tas-sitwazzjoni fil-Libja (ĠU L 305 I, 21.9.2020, p. 1).


ANNESS

Fl-Anness III għar-Regolament (UE) 2016/44, taħt l-intestatura, "Parti A Persuni", tiżdied l-entrata li ġejja:

 

Isem

Informazzjoni ta' identifikazzjoni

Raġunijiet

Data tal-elenkar

"22.

Yevgeniy Viktorovich PRIGOZHIN

(Евгений Викторович Пригожин)

Data tat-twelid: 1 ta' Ġunju 1961

Post tat-twelid: Leningrad (San Pietruburgu)

Nazzjonalità: Russa

Sess: raġel

Yevgeniy Viktorovich Prigozhin huwa negozjant Russu b'rabtiet mill-qrib, inkluż finanzjarji, mal-kumpannija militari privata Grupp Wagner.

B'dan il-mod, Prigozhin hu involut fl-attivitajiet u jipprovdi appoġġ lill-attivitajiet tal-Grupp Wagner fil-Libja li jheddu l-paċi, l-istabbiltà u s-sigurtà tal-pajjiż.

B'mod partikolari, il-Grupp Wagner hu involut fi ksur multiplu u ripetut tal-embargo fuq l-armi fil-Libja stabbilit fl-UNSCR 1970 (2011) u traspost fl-Artikolu 1 tad-Deċiżjoni (PESK) 2015/1333, inkluż it-twassil ta' armi kif ukoll l-iskjerament ta' merċenarji fil-Libja b'appoġġ għall-Armata Nazzjonali Libjana. Il-Grupp Wagner ipparteċipa f'operazzjonijiet militari multipli kontra l-Gvern ta' Kunsens Nazzjonali approvat min-NU u kkontribwixxa biex jikkawża danni lill-istabbiltà tal-Libja u jimmina l-proċess ta' paċi."

15.10.2020


Top