EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1314

Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1314 tal-10 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti massimi nazzjonali u tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għal ċerti Stati Membri għas-sena kalendarja 2020

C/2020/4552

ĠU L 307, 22.9.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 31/12/2022; Impliċitament imħassar minn 32021R2115

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1314/oj

22.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 307/1


REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1314

tal-10 ta’ Lulju 2020

li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-limiti massimi nazzjonali u tal-limiti massimi netti għall-pagamenti diretti għal ċerti Stati Membri għas-sena kalendarja 2020

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta’ appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009 (1), u b’mod partikolari l-Artikoli 6(3) u 7(3) tiegħu,

Billi:

(1)

F’konformità mat-tielet subparagrafu tal-Artikolu 11(6) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, bosta Stati Membri kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 bid-deċiżjoni tagħhom dwar it-tnaqqis tal-ammont tal-pagamenti diretti skont l-Artikolu 11(1) ta’ dan ir-Regolament u tal-prodott stmat riżultanti tat-tnaqqis għas-sena kalendarja 2020.

(2)

F’konformità mas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, bosta Stati Membri kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Diċembru 2019 bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu disponibbli bħala appoġġ addizzjonali permezz tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (il-FAEŻR) fl-2021, ċertu persentaġġ tal-limitu massimu nazzjonali annwali tagħhom għall-pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020.

(3)

F’konformità mas-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013, sat-8 ta’ Frar 2020, diversi Stati Membri kienu nnotifikaw lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom li jagħmlu disponibbli bħala pagamenti diretti għas-sena kalendarja 2020 ċertu ammont ta’ appoġġ li jrid jiġi ffinanzjat permezz tal-FAEŻR fis-sena finanzjarja 2021.

(4)

Abbażi ta’ dawk in-notifiki, ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 (2) adatta l-limiti massimi nazzjonali u l-limiti massimi għal pagamenti diretti stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 rispettivament, għas-sena kalendarja 2020.

(5)

Madankollu, iċ-ċirkostanzi eċċezzjonali kkawżati mill-pandemija tal-COVID-19 u l-miżuri ta’ konteniment li segwew adottati mill-Istati Membri jesponu lill-bdiewa għal diffikultajiet serji. Sabiex jittaffew il-konsegwenzi ta’ dawn id-diffikultajiet, ċerti Stati Membri talbu li d-deċiżjonijiet tagħhom jiġu riveduti fir-rigward tat-trasferimenti bejn il-pilastri. Fid-dawl tan-natura mingħajr preċedent taċ-ċirkustanzi attwali, jidher xieraq li jiġu aċċettati dawn it-talbiet bil-kundizzjoni li l-ammonti riveduti u d-deċiżjonijiet ma jinvolvux ksur tal-aspettattivi leġittimi tal-applikanti.

(6)

B’mod partikolari, id-Danimarka nnotifikat lill-Kummissjoni dwar ir-reviżjoni tad-deċiżjoni preċedenti tagħha nnotifikata skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(1) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013. Il-Belġju kkanċella d-deċiżjoni preċedenti tiegħu dwar it-trasferiment.

(7)

Barra minn hekk, il-Bulgarija, id-Danimarka, il-Kroazja, il-Lussemburgu u l-Portugall innotifikaw lill-Kummissjoni dwar reviżjoni tad-deċiżjoni preċedenti tagħhom li ġiet innotifikata skont is-sitt subparagrafu tal-Artikolu 14(2) tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013.

(8)

Huwa għalhekk meħtieġ li jerġgħu jiġu adattati l-limiti massimi stabbiliti fl-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena kalendarja 2020 sabiex ikunu inkorporati l-ammonti riveduti u d-deċiżjonijiet riveduti.

(9)

B’riżultat tad-deċiżjonijiet riveduti nnotifikati mid-Danimarka, il-limiti massimi nazzjonali u l-limiti massimi netti tagħha għall-pagamenti diretti fis-sena 2020 jibqgħu l-istess. Għalhekk, mhuwiex meħtieġ li jiġu adattati l-limiti massimi stabbiliti fir-Regolament Delegat (UE) 2020/756 fir-rigward tad-Danimarka.

(10)

F’konformità mat-tieni subparagrafu tal-Artikolu 137(1) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, ir-Regolament (UE) Nru 1307/2013 kif applikabbli fis-sena 2020 ma japplikax fir-Renju Unit għas-sena tat-talba 2020. Għalhekk, ma hemmx bżonn jiġu stabbiliti limiti massimi ġodda għas-sena 2020 fir-rigward tar-Renju Unit.

(11)

Għalhekk, l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 jenħtieġ li jiġu emendati skont dan.

(12)

Peress li l-emendi magħmula minn dan ir-Regolament jaffettwaw l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 għas-sena 2020, dan ir-Regolament jenħtieġ li jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu u jenħtieġ li japplika mill-1 ta’ Jannar 2020,

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

L-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huma emendati f’konformità mal-Anness ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mill-1 ta’ Jannar 2020.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/756 tal-1 ta’ April 2020 li jemenda l-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 179, 9.6.2020, p. 1).


ANNESS

L-Annessi II u III tar-Regolament (UE) Nru 1307/2013 huma emendati kif ġej:

(1)

fl-Anness II, l-entrati għas-sena kalendarja 2020 għall-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Lussemburgu u l-Portugall jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

Sena kalendarja

2020

“Il-Belġju

505 266 ”

“Il-Bulgarija

866 720 ”

“Il-Kroazja

348 281 ”

“Il-Lussemburgu

35 276 ”

“Il-Portugall

684 355 ”

(2)

fl-Anness III, l-entrati għas-sena kalendarja 2020 għall-Belġju, il-Bulgarija, il-Kroazja, il-Lussemburgu u l-Portugall jiġu sostitwiti b’dan li ġej:

Sena kalendarja

2020

“Il-Belġju

505,3”

“Il-Bulgarija

867,1”

“Il-Kroazja

348,3”

“Il-Lussemburgu

35,3”

“Il-Portugall

684,5”


Top