Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R1298

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/1298 tat-13 ta’ Lulju 2020 li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

    C/2020/4721

    ĠU L 304, 18.9.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/1298/oj

    18.9.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 304/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1298

    tat-13 ta’ Lulju 2020

    li jemenda l-Anness tar-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2019/452 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta’ Marzu 2019 li jistabbilixxi qafas għall-iskrinjar tal-investimenti diretti barranin fl-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 8(4) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    L-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) 2019/452 jipprovdi li l-proġetti jew programmi ta’ interess għall-Unjoni għandhom jinkludu dawk il-proġetti u programmi li jinvolvu ammont sostanzjali jew sehem sinifikanti ta’ finanzjament mill-Unjoni, jew li huma koperti mid-dritt tal-Unjoni dwar infrastruttura essenzjali, teknoloġiji essenzjali jew inputs essenzjali li huma essenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubblika.

    (2)

    Il-lista tal-proġetti jew programmi ta’ interess għall-Unjoni msemmija fil-punt (1) hija stabbilita fl-Anness tar-Regolament (UE) 2019/452.

    (3)

    Il-Kummissjoni sabet li hemm diversi proġetti u programmi oħra li jinvolvu ammont sostanzjali jew sehem sinifikanti ta’ finanzjament mill-Unjoni, jew li huma koperti mid-dritt tal-Unjoni dwar infrastruttura essenzjali, teknoloġiji essenzjali jew inputs essenzjali li huma essenzjali għas-sigurtà jew għall-ordni pubblika, u li għalhekk jenħtieġ li jiġu inklużi fil-lista msemmija hawn fuq.

    (4)

    Huwa xieraq li jissemmew espressament is-sħubijiet taħt Orizzont 2020 fil-forma ta’ parteċipazzjoni tal-Unjoni fi programmi mwettqa minn diversi Stati Membri, strumenti bħall-Impriżi Konġunti jew korpi bħall-Istitut Ewropew tal-Innovazzjoni u t-Teknoloġija. Dawn is-sħubijiet għandhom irwol importanti fl-azzjonijiet tal-UE li jindirizzaw l-emerġenzi tal-kura tas-saħħa bħall-pandemija tal-COVID-19 peress li huma jappoġġaw, fost oqsma oħra, ir-riċerka u innovazzjoni relatati mas-saħħa pubblika, l-inizjattivi li jtejbu l-effiċjenza, l-effettività u l-kwalità tal-proċess tal-iżvilupp ta’ mediċina, is-sħubijiet bejn is-settur privat u l-akkademja għat-titjib tas-sostenibbiltà tas-sistemi tas-saħħa.

    (5)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Anness tar-Regolament (UE) 2019/452 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-Anness tar-Regolament (UE) 2019/452 huwa emendat kif ġej:

    (1)

    Il-punt 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “3.

    Orizzont 2020 jinkludi programmi ta’ riċerka u żvilupp skont l-Artikolu 185 tat-TFUE, u impriżi konġunti jew kwalunkwe struttura oħra stabbiliti skont l-Artikolu 187 tat-TFUE:

    Ir-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 - il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104) inklużi azzjonijiet relatati ma’ Teknoloġiji Abilitanti Essenzjali bħall-intelliġenza artifiċjali, ir-robotika, is-semikondutturi u ċ-ċibersigurtà.”

    (2)

    Il-punt 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

    “8.

    Il-kooperazzjoni strutturata permanenti (PESCO):

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/340 tas-6 ta’ Marzu 2018 li tistabbilixxi l-lista ta’ proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 65, 8.3.2018, p. 24).

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2018/1797 tad-19 ta’ Novembru 2018 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 294, 21.11.2018, p. 18).

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2019/1909 tat-12 ta’ Novembru 2019 li temenda u taġġorna d-Deċiżjoni (PESK) 2018/340 li tistabbilixxi l-lista tal-proġetti li għandhom jiġu żviluppati taħt il-PESCO (ĠU L 293, 14.11.2019, p. 113).”

    (3)

    Jiżdiedu l-punti 9, 10 u 11 li ġejjin:

    “9.

    Azzjoni Preparatorja dwar it-Tħejjija għall-programm il-ġdid GOVSATCOM tal-UE:

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 58(2)(b) tiegħu (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    10.

    Azzjoni Preparatorja fuq ir-Riċerka dwar id-Difiża:

    Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012, u b’mod partikolari l-Artikolu 58(2)(b) tiegħu (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).

    11.

    Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER:

    Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (Euratom) 2007/198 tas-27 ta’ Marzu 2007 li tistabbilixxi l-Impriża Konġunta Ewropea għall-ITER u l-Iżvilupp tal-Enerġija mill-Fużjoni u li tikkonferilha vantaġġi (ĠU L 90, 30.3.2007, p. 58).”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jiġi ppubblikat f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea ladarba l-perjodu għal oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill ikun skada, jew il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn informaw lill-Kummissjoni li mhux se joġġezzjonaw, skont l-Artikolu 16(6) tar-Regolament (UE) 2019/452.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, it-13 ta’ Lulju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)   ĠU L 79I, 21.3.2019, p. 1.


    Top