Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0538

Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) 2020/538 tas-17 ta’ April 2020 li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 fir-rigward tal-ambitu tal-Marġini Globali għall-Impenji

ST/7170/2020/INIT

ĠU L 119I, 17.4.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2020/538/oj

17.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

LI 119/1


REGOLAMENT TAL-KUNSILL (UE, Euratom) 2020/538

tas-17 ta’ April 2020

li jemenda r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 fir-rigward tal-ambitu tal-Marġini Globali għall-Impenji

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 312 tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, u b’mod partikolari l-Artikolu 106a tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li kkunsidra l-kunsens tal-Parlament Ewropew,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Filwaqt li jaġixxi f’konformità ma’ proċedura leġiżlattiva speċjali,

Billi:

(1)

It-tifqigħa tal-COVID-19 u l-kriżi tas-saħħa pubblika u ekonomika assoċjata, li jeħtieġu miżuri straordinarji, tefgħu pressjoni enormi fuq ir-riżorsi finanzjarji disponibbli fi ħdan il-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP) u lil hinn minnhom.

(2)

Sabiex l-Unjoni tkun tista’ tiffinanzja rispons xieraq għat-tifqigħa tal-COVID-19 u għall-kriżi tas-saħħa pubblika u ekonomika assoċjata skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 (1), huwa meħtieġ li jinbidel l-għan li għalih jistgħu jintużaw l-approprjazzjonijiet disponibbli fil-qafas tal-Marġini Globali għall-Impenji, fejn dan jirreferi għat-tkabbir u l-impjiegi, b’mod partikolari għall-impjiegi taż-żgħażagħ, kif ukoll għall-migrazzjoni u miżuri ta’ sigurtà.

(3)

Dan ir-Regolament huwa marbut direttament mal-finanzjament inkluż fil-baġit emendatorju Nru 2 għall-baġit ġenerali tal-Unjoni għall-2020 li fil-qafas tiegħu jiġi mobilizzat il-Marġni Globali għall-Impenji biex jiffinanzja miżuri fil-kuntest tat-tifqigħa tal-COVID-19. Sabiex tiġi żgurata koerenza sħiħa ma’ dak il-baġit emendatorju, jenħtieġ li dan ir-Regolament japplika mid-data tal-adozzjoni tiegħu.

(4)

L-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (‘Ftehim dwar il-Ħruġ’) (2) jipprevedi li l-emendi għar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 (3) li jiġu adottati fid-data tad-dħul fis-seħħ tal-Ftehim dwar il-Ħruġ jew warajha ma għandhomx ikunu japplikaw għar-Renju Unit sa fejn dawk l-emendi jkollhom impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit. L-emendi stabbiliti f’dan ir-Regolament huma limitati għall-bidla fl-għan tal-użu tal-Marġini Globali għall-Impenji u ma jżidux l-obbligi finanzjarji. Għaldaqstant, huwa xieraq li jiġi ċċarat li, għall-finijiet tal-Artikolu 135(2) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, l-emendi stabbiliti f’dan ir-Regolament ma għandhomx impatt fuq l-obbligi finanzjarji tar-Renju Unit u, għalhekk, huma applikabbli għar-Renju Unit.

(5)

Fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u l-ħtieġa li jiġi provdut finanzjament bħala kwistjoni ta’ urġenza biex jingħata rispons xieraq, tqies xieraq li tiġi prevista deroga mill-perijodu ta’ tmien ġimgħat imsemmi fl-Artikolu 4 tal-Protokoll Nru 1 dwar ir-rwol tal-parlamenti nazzjonali fl-Unjoni Ewropea, anness mat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, mat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u mat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea għall-Enerġija Atomika.

(6)

Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 jiġi emendat skont dan,

ADOTTA DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(2), it-tieni sentenza hi ssostitwita b’dan li ġej:

“L-approprjazzjonijiet ta’ impenn jistgħu jiddaħħlu fil-baġit lil hinn mil-limiti massimi tal-intestaturi rilevanti tal-QFP fejn ikun neċessarju li jintużaw ir-riżorsi mir-Riżerva ta’ Għajnuna f’Emerġenza, mill-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea, mill-Istrument ta’ Flessibbiltà, mill-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, mill-Marġini ta’ Kontinġenza, mill-flessibbiltà speċifika biex jiġi indirizzat il-qgħad fost iż-żgħażagħ u biex tissaħħaħ ir-riċerka u mill-Marġini Globali għall-Impenji, f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 (*1), mar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*2), u mal-Ftehim Interistituzzjonali dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (*3).

(*1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 2012/2002 tal-11 ta’ Novembru 2002 li jistabbilixxi l-Fond ta’ Solidarjetà tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 311, 14.11.2002, p. 3)."

(*2)  Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1927/2006 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855)."

(*3)  Il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1).”;"

(2)

l-Artikolu 14 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

Marġini Globali għall-Impenj i

(b)

il-paragrafu 1 huwa ssostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-marġini li għadhom disponibbli taħt il-limiti massimi tal-QFP għall-approprjazzjonijiet ta’ impenn għandhom jikkostitwixxu Marġini Globali għall-Impenji, magħmul disponibbli barra mil-limiti massimi stabbiliti fil-QFP għas-snin 2016 sa 2020.”.

Artikolu 2

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fid-data tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Għandu japplika mid-data tal-adozzjoni tiegħu.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ April 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

G. GRLIĆ RADMAN


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2020/521 tal-14 ta’ April 2020 li jattiva l-appoġġ ta’ emerġenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369, u li jemenda d-dispożizzjonijiet tiegħu filwaqt li jqis it-tifqigħa tal-COVID-19 (ĠU L 117, 15.4.2020, p. 3).

(2)   ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

(3)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).


Top