EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0527

Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/527 tal-15 ta’ April 2020 li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja fir-rigward ta’ Jindal Saw Limited wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’T-301/16

C/2020/2139

ĠU L 118, 16.4.2020, p. 14–25 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document No longer in force, Date of end of validity: 16/06/2022

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/527/oj

16.4.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 118/14


REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/527

tal-15 ta’ April 2020

li jimponi mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja fir-rigward ta’ Jindal Saw Limited wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali f’T-301/16

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 9 (4) u l-Artikolu 14(1) tiegħu,

Billi:

1.   PROĊEDURA

(1)

Fis-17 ta’ Marzu 2016, il-Kummissjoni adottat ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (2), kif emendat bir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 (3) (“ir-Regolament ikkonċernat”).

1.1.   Is-Sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea

(2)

Jindal Saw Limited (“Jindal”) u l-importatur relatat tagħha, Jindal Saw Italia SpA (flimkien “l-applikanti”), ikkontestaw ir-regolament inkwistjoni quddiem il-Qorti Ġenerali. Fl-10 ta’ April 2019, il-Qorti Ġenerali qatgħet is-sentenza tagħha fil-kawża T-301/16 (4) dwar ir-regolament inkwistjoni (“is-sentenza”).

(3)

Il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet għamlet żball fir-rigward tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezzijiet tagħha sa fejn kienu kkonċernati l-applikanti. F’dan il-każ, minn naħa waħda, fir-rigward tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni qieset jew il-prezzijiet fil-livell mill-fabbrika (5) tal-entitajiet ta’ produzzjoni meta dawn biegħu direttament lil xerrejja indipendenti, jew il-prezzijiet fil-livell mill-fabbrika tal-entitajiet tal-bejgħ. Min-naħa l-oħra, fir-rigward tal-bejgħ ta’ Jindal fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni użat bħala prezz tat-tluq sabiex tasal għal prezz komparabbli tal-ħatt l-art fl-UE l-prezz il-prezz tal-esportazzjoni kif mibni fil-kuntest tad-determinazzjoni tal-marġni tad-dumping (b’hekk, wara li neħħiet il-kostijiet SG&A flimkien mal-profitti tal-entitajiet tal-bejgħ relatati ta’ Jindal fl-UE). Skont il-Qorti Ġenerali, il-kummerċjalizzazzjoni ta’ prodotti mwettqa mhux direttament mill-produttur, iżda permezz ta’ entitajiet ta’ bejgħ relatati, timplika l-eżistenza ta’ kostijiet u ta’ marġni ta’ profitt speċifiċi għal dawk l-entitajiet, biex b’hekk il-prezzijiet mitluba minnhom lil xerrejja indipendenti ġeneralment ikunu ogħla mill-prezzijiet mitluba mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil xerrejja bħal dawn u, għalhekk, ma jistgħux jiġu assimilati għal dawk il-prezzijiet tal-aħħar (6). B’riżultat ta’ dan, il-Qorti Ġenerali kkunsidrat li bit-twettiq, għat-tqabbil tal-prezzijiet li sar fil-kuntest tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezzijiet, tal-assimilazzjoni bejn il-prezzijiet mitluba mill-entitajiet tal-bejgħ lil xerrejja indipendenti u l-prezzijiet mitluba mill-produtturi fil-bejgħ dirett tagħhom lil xerrejja bħal dawn, fir-rigward tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni biss, il-Kummissjoni qieset għal dak il-prodott prezz li kien minfuħ u, għalhekk, ma kienx favorevoli għal Jindal Saw, li kienet fil-parti l-kbira kienet tbigħ fl-Unjoni permezz tal-entitajiet tal-bejgħ (7). Għall-Qorti Ġenerali, dan kien żball fil-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz tal-prodott ikkonċernat, billi l-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz ma kienx sar billi tqabblu l-prezzijiet fl-istess livell ta’ kummerċ. Għaldaqstant, il-Qorti Ġenerali sabet żball peress li l-Kummissjoni naqqset l-ispejjeż tal-bejgħ u l-profitti tal-entitajiet tal-bejgħ relatati ta’ Jindal fl-Unjoni mill-bejgħ lill-ewwel xerrej indipendenti, filwaqt li l-ispejjeż tal-bejgħ u l-profitti tal-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-industrija tal-Unjoni ma tnaqqsux mill-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni għall-ewwel klijent indipendenti. Il-Qorti Ġenerali qieset li ż-żewġ prezzijiet ma tqabblux simmetrikament fl-istess livell ta’ kummerċ.

(4)

B’riżultat ta’ dan, il-Qorti Ġenerali sabet li l-Kummissjoni kienet kisret l-Artikolu 3(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku li kien fis-seħħ fiż-żmien tal-investigazzjoni oriġinali (8) (“ir-Regolament anti-dumping bażiku”). Billi t-twaqqigħ tal-prezzijiet, kif ikkalkolat fir-regolament inkwistjoni, kien bażi għall-konklużjoni li l-importazzjonijiet tal-prodott ikkonċernat kienu fl-għerq tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, il-Qorti Ġenerali sabet li l-eżistenza ta’ rabta kawżali bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu lill-industrija tal-Unjoni bħala kundizzjoni neċessarja għall-impożizzjoni ta’ dazju anti-dumping f’konformità mal-Artikolu 3(6) tar-Regolament anti-dumping bażiku, setgħet ġiet ippreġudikata wkoll (9).

(5)

Barra minn hekk, il-Qorti Ġenerali sabet li ma setax jiġi eskluż li, kieku t-twaqqigħ tal-prezz kellu jiġi kkalkolat b’mod korrett, il-marġni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni kien jiġi stabbilit f’livell taħt dak tal-marġni tad-dumping. F’dak il-każ, f’konformità mal-Artikolu 9(4) tar-Regolament anti-dumping bażiku, l-ammont tad-dazju anti-dumping ikollu jitnaqqas għal rata li tkun biżżejjed biex dak id-dannu jitneħħa (10).

(6)

Fid-dawl tal-kunsiderazzjonijiet ta’ hawn fuq, il-Qorti Ġenerali ħassret ir-Regolament inkwistjoni f’dak li kellu x’jaqsam ma’ Jindal Saw Limited.

1.2.   Implimentazzjoni tas-Sentenza tal-Qorti Ġenerali

(7)

Skont l-Artikolu 266 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (“TFUE”), l-istituzzjonijiet tal-Unjoni għandhom l-obbligu li jieħdu l-passi neċessarji sabiex jikkonformaw mas-sentenzi tal-Qorti. Fil-każ ta’ annullament ta’ att adottat mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni fil-kuntest ta’ proċedura amministrattiva, bħall-investigazzjonijiet anti-dumping f’dan il-każ, il-konformità mas-sentenza tal-Qorti Ġenerali tikkonsisti fis-sostituzzjoni tal-att annullat b’att ġdid, li fih l-illegalità identifikata mill-Qorti Ġenerali tiġi eliminata (11).

(8)

Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, il-proċedura għas-sostituzzjoni ta’ att annullat tista’ tissokta fil-punt eżatt li fih saret l-illegalità (12). Dan jimplika, b’mod partikolari, li f’sitwazzjoni fejn att li jikkonkludi proċedura amministrattiva jiġi annullat, l-annullament mhux neċessarjament jaffettwa l-atti preparatorji, bħall-bidu tal-proċedura anti-dumping. Pereżempju, fejn jiġi annullat regolament li jimponi miżuri anti-dumping definittivi, il-proċediment jibqa’ miftuħ minħabba li huwa biss l-att li jikkonkludi l-proċediment li jisparixxi mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni (13), ħlief f’każijiet fejn l-illegalità tkun seħħet fl-istadju tal-bidu. It-tkomplija tal-proċedura amministrattiva bl-impożizzjoni mill-ġdid tad-dazji anti-dumping fuq l-importazzjonijiet li jkunu saru matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regolament annullat ma tistax titqies li tmur kontra r-regola ta’ nonretroattività (14).

(9)

Fil-każ preżenti, il-Qorti ġenerali annullat ir-regolament inkwistjoni fr-rigward ta’ Jindal Saw Limited fuq il-bażi li l-Kummissjoni għamlet żball meta ddeterminat l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz sinifikanti. Dak l-iżball, potenzjalment, seta’ jippreġudika l-analiżi tal-kawżalità, kif ukoll il-marġni tad-dannu.

(10)

Il-konstatazzjonijiet fir-regolament inkwistjoni, li ma ġewx ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda miċħuda mill-Qorti Ġenerali jew ma ġewx eżaminati mill-Qorti Ġenerali, u għalhekk ma wasslux għall-annullament tar-regolament inkwistjoni, jibqgħu kompletament validi (15).

(11)

Wara s-sentenzi tal-Qorti fil-kawża T-301/16 tal-10 ta’ April 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet permezz ta’ Avviż (“l-Avviż dwar il-ftuħ mill-ġdid”), li parzjalment tiftaħ mill-ġdid l-investigazzjonijiet anti-dumping dwar l-importazzjonijiet ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li wasslu għall-adozzjoni tar-regolamenti inkwistjoni u li tkompli l-investigazzjoni mill-punt li fih seħħet l-irregolarità. Il-ftuħ mill-ġdid kien limitat fil-kamp tal-applikazzjoni tiegħu għall-implimentazzjoni tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward ta’ Jindal Saw Limited.

(12)

Sussegwentement, fit-22 ta’ Lulju 2019, il-Kummissjoni ddeċidiet li tagħmel l-importazzjonijiet ta’ ċerti tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja u prodotti minn Jindal Saw Limited soġġetti għar-reġistrazzjoni u talbet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali sabiex jistennew il-pubblikazzjoni tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni rilevanti tal-Kummissjoni li kien se jimponi mill-ġdid id-dazji qabel ma jiddeċiedu dwar kwalunkwe talba għal ħlas lura u remissjoni tad-dazji anti-dumping f’dak li kellu x’jaqsam mal-importazzjonijiet li jikkonċernaw Jindal Saw Limited (16) (“ir-Regolament dwar ir-reġistrazzjoni”).

(13)

Il-Kummissjoni informat lill-partijiet interessati kollha dwar il-ftuħ mill-ġdid u stednithom jikkummentaw.

2.   KUMMENTI MINGĦAND IL-PARTIJIET INTERESSATI

(14)

Il-Kummissjoni rċiviet kummenti mill-industrija tal-Unjoni u żewġ produtturi esportaturi.

(15)

Jindal iddikjarat li l-Kummissjoni ma setgħetx tagħti struzzjonijiet lill-awtoritajiet doganali nazzjonali biex ma jħallsux lura u/jew ma jagħmlux remissjoni tad-dazji li kienu nġabru skont ir-regolament inkwistjoni. Hija ddikjarat li s-sitwazzjoni fil-każ preżenti hija differenti minn dik fis-sentenza Deichmann (17). Jindal iddikjarat ukoll li d-dazji ma jistgħux jiġu imposti mill-ġdid retroattivament. Skont Jindal, ir-regolament inkwistjoni kien annullat fis-sħuħija tieħu, li jfisser li tneħħa mill-ordinament ġuridiku tal-Unjoni b’effett retroattiv, filwaqt li fis-sentenza Deichmann ma kien hemm l-ebda fattur “li kapaċi jaffettwa l-validità tar-regolament definittiv”. Barra minn hekk, Jindal iddikjarat li l-illegalità li nstabet fir-rigward tal-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz kellha r-riżultat li “tinvalida l-analiżi sħiħa tar-rabta ta’ kawżalità tal-Kummissjoni”. Dan, fl-opinjoni ta’ Jindal, ifisser li d-dazji fl-intier tagħhom la kellhom jiġu imposti, u lanqas imposti mill-ġdid, peress li l-analiżi sħiħa tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità kienet żbaljata.

(16)

Il-Kummissjoni fakkret li hija ġurisprudenza stabbilita li, meta l-Qorti tiddikjara li regolament li jimponi dazji huwa invalidu, dawn id-dazji għandhom jitqiesu li qatt ma kienu dovuti legalment fis-sens tal-Artikolu 236 tal-Kodiċi Doganali u, fil-prinċipju, huma meħtieġa li jitħallsu lura mill-awtoritajiet doganali nazzjonali skont il-kondizzjonijiet stabbiliti għal dak l-għan (18). Madankollu, il-Qorti ddikjarat ukoll li l-ambitu eżatt ta’ dikjarazzjoni ta’ invalidità mill-Qorti f’sentenza u, konsegwentement, tal-obbligi li jirriżultaw minnha jridu jiġu stabbiliti f’kull każ speċifiku billi jitqiesu mhux biss il-parti operattiva ta’ dik is-sentenza, iżda wkoll ir-raġunijiet li jikkostitwixxu l-bażi essenzjali tagħha (19). Wara d-divulgazzjoni, Jindal tenniet dawn l-affermazzjonijeit mingħajr ma pprovdiet aktar argumenti.

(17)

Fil-każ inkwistjoni, il-Qorti Ġenerali ddubitat mill-metodu tal-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ Jindal u mill-impatt tiegħu fuq il-kawżalità kif ukoll mill-impatt possibbli tiegħu fuq il-marġni tad-dannu fil-punti 192-195 tas-sentenza. Madankollu, dawk l-elementi ma xeħtux f’dubju l-validità tal-konstatazzjonijiet l-oħra kollha li saru fir-regolament inkwistjoni u li jistgħu jsostnu l-validità tas-sejbiet finali tad-dannu tal-Kummissjoni, kif elaborat aktar fil-premessa (24). Fi kwalunkwe każ, anki jekk is-sejbiet tal-investigazzjoni miftuħa mill-ġdid kienu li jenħtieġ li ma jiġi impost mill-ġdid l-ebda dazju anti-dumping, l-awtoritajiet doganali jkollhom il-possibbiltà li jħallsu lura l-ammont sħiħ tad-dazji, li jkunu nġabru minn meta ġie adottat ir-regolament inkwistjoni.

(18)

Barra minn hekk, il-Qorti tal-Ġustizzja konsistentement sostniet li l-Artikolu 10(1) tar-Regolament anti-dumping bażiku (20) ma jipprekludix atti milli jimponu mill-ġdid dazji anti-dumping fuq importazzjonijiet li saru matul il-perjodu ta’ applikazzjoni tar-regolamenti ddikjarati invalidi (21). Konsegwentement, kif spjegat fil-premessa (15) tar-Regolament ta’ reġistrazzjoni, it-tkomplija tal-proċedura amministrattiva u l-impożizzjoni mill-ġdid eventwali tad-dazji ma jistgħux jitqiesu bħala kuntrarji għar-regola ta’ nonretroattività (22). Għaldaqstant, id-dikjarazzjoni ta’ Jindal li d-dazji ma jistgħux jiġu imposti mill-ġdid ġiet miċħuda.

(19)

Jindal iddikjarat ukoll li sabiex tikkonforma mas-sentenza tal-Qorti, il-Kummissjoni trid tuża l-prezzijiet attwali ta’ Jindal għall-ewwel klijenti indipendenti tagħha. Hija enfasizzat li l-Kummissjoni ma tistax tibni l-prezzijiet tas-sussidjarji tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni. Hija ddikjarat li dan imur kontra l-punt 187 tas-sentenza li fiha l-Qorti ddikjarat: “…li l-prezzijiet użati għall-kalkolu tat-twaqqigħ tal-prezz kellhom ikunu prezzijiet innegozjati max-xerrejja indipendenti, jiġifieri prezzijiet li setgħu jittieħdu inkunsiderazzjoni minn dawn tal-aħħar sabiex jiddeċiedu jekk jixtrux il-prodotti tal-industrija tal-Unjoni jew il-prodotti tal-produtturi esportaturi inkwistjoni, u mhux il-prezzijiet fi stadju intermedj u”. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni qieset li f’Kazchrome(23) jiġifieri s-sors iċċitat mill-Qorti Ġenerali f’Jindal, il-Qorti Ġenerali ma waslet għall-ebda konklużjoni kategorika li issa siltet Jindal (jiġifieri, li fil-każijiet kollha meta jsiru kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz, dak li jħodd huma l-prezzijiet attwali mitluba mill-entitajiet tal-bejgħ relatati tal-produttur esportatur fl-UE). Fil-fatt, il-Qorti Ġenerali f’Kazchrome kienet kawta meta ddikjarat li “l-konklużjoni li tirriżulta mill-eżami magħmul iktar ’il fuq tikkonċerna biss il-kawża preżenti” (24). Il-Kummissjoni hija tal-fehma li l-prezzijiet CIF tal-ħatt l-art fil-portijiet tal-iżdoganar tal-merkanzija jistgħu jintużaw fil-kuntest tal-eżaminazzjoni tal-effetti fuq il-prezzijiet tal-importazzjonijiet sussidjati permezz ta’ kalkoli speċifiċi tat-twaqqigħ tal-prezz. Huwa f’dak il-livell li l-importazzjonijiet normalment jikkompetu mal-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni, għaliex dak huwa l-livell li fih in-negozjanti jagħmlu l-għażla tagħhom jekk iridux iġibu l-prodott mill-industrija tal-Unjoni jew mill-produtturi esportaturi. Tentattivi sabiex jiġu stmati x’inhuma dawk il-prezzijiet CIF tal-ħatt l-art fil-kuntest li fih il-produttur esportatur ibigħ permezz ta’ entitajiet relatati fl-Unjoni għall-fini tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz mhumiex differenti minn sitwazzjoni li fiha l-Kummissjoni tuża direttament għat-tqabbil il-prezzijiet CIF tal-ħatt l-art tal-produtturi esportaturi meta jbigħu direttament fl-Unjoni. Għalhekk, ir-referenza għal “prezzijiet innegozjati” kemm f’Kazchrome kif ukoll aktar tard f’Jindal għandha tinftiehem fil-kuntest xieraq tagħha.

(20)

Jindal iddikjarat ukoll li jenħtieġ li l-Kummissjoni tikkoreġi difetti u żbalji ta’ kalkolu oħra li feġġew wara li ġie adottat ir-regolament inkwistjoni. Kif spjegat il-Kummissjoni fl-Avviż dwar il-ftuħ mill-ġdid, is-sejbiet fir-regolament inkwistjoni li ma kinux ikkontestati, jew li ġew ikkontestati iżda miċħuda bis-sentenza tal-Qorti Ġenerali jew li ma ġewx eżaminati minnha, u għalhekk ma wasslux għall-annullament tar-regolament inkwistjoni, jibqgħu kompletament validi (25). Għalhekk, il-Kummissjoni mhijiex meħtieġa tanalizza allegazzjonijiet fuq kwistjonijiet li jmorru lil hinn minn dak li sabet illegali l-Qorti Ġenerali.

(21)

Il-produttur esportatur l-ieħor, Electrosteel Castings Ltd. (“ECL”), iddikjara li f’każ li l-Kummissjoni tiddetermina li l-importazzjonijiet minn Jindal ma kinux il-kawża tad-dannu għall-industrija tal-Unjoni, jenħtieġ li din terġa’ tivvaluta jekk jenħtieġx li jinżammu l-miżuri kontra l-importazzjonijiet minn ECL. Huwa ddikjara wkoll li f’każ li l-Kummissjoni tikkoreġi l-marġnijiet tad-dannu ta’ Jindal, il-marġnijiet tiegħu jenħtieġ li jiġi kkoreġut ukoll. Mad-divulgazzjoni ECL, appoġġa lill-Gvern tal-Indja, tenna dawn l-affermazzjonijiet u argumenta li l-ikkalkular mill-ġdid tal-marġnijiet tiegħu huwa konsegwenza neċessarja tal-ftuħ mill-ġdid tal-proċedura. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jenħtieġ li twettaq l-eżerċizzju ex officio.

(22)

Rigward l-ewwel affermazzjonijiet tal-ECL, il-Kummissjoni osservat li, kif innotat fil-premessa (24) il-Kummissjoni ma kellhiex bżonn tikkalkola mill-ġdid il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ ECL f’dan il-każ. Fi kwalunkwe każ, anki wara l-kalkolu mill-ġdid tat-twaqqigħ tal-prezz għal Jindal, skont l-approċċ deskritt fit-Taqsima 3.2 aktar ’il quddiem, il-Kummissjoni ddeterminat li kien għad hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu għall-industrija tal-Unjoni kif spjegat fit-Taqsima 3.4. Għaldaqstant, din id-dikjarazzjoni saret irrilevanti. Il-Kummissjoni rrifjutat ukoll it-tieni affermazzjoni minħabba li kwalunke rikalkolazzjoni tal-marġnijiet ta’ ECL taqa’ lil hinn mill-ambitu tal-proċedura preżenti. Anki jekk nassumu li l-affermazzjoni ta’ ECL li l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz tiegħu kien fil-medda ta’ marġni stabbilit għal Jindal skont l-approċċ deskritt fit-Taqsima 3.2, il-Kummissjoni nnotat li xorta jkun hemm twaqqigħ tal-prezz, minkejja li anqas, għall-importazzjonijiet Indjani kollha. Tali livell ta’ twaqqigħ tal-prezz, fid-dawl taċ-ċirkostanzi speċifiċi tas-suq tal-prodott ikkonċernat, ikunu sinifikanti biex ikun determinat li l-importazzjonijiet Indjani inkwistjoni kienu kawża ġenwina u sostanzjali għad-dannu misjub. Il-Kummissjoni indirizzat din il-kwistjoni ulterjorment fit-Taqsima 3.4.

(23)

L-industrija tal-Unjoni ddikjarat li fl-analiżi tagħha tad-dannu, jenħtieġ li l-Kummissjoni tqis l-effett ta’ tnaqqis fil-prezzijiet tal-importazzjonijiet fuq l-industrija tal-Unjoni. Bil-kontra ta’ dan, mar-rivelazzjoni ECL afferma li tali analiżi tmur lil hinn l-ambiti tal-proċedura miftuħa mill-ġdid u ma għandiex titwettaq. Il-Kummissjoni sabet li l-analiżi tad-depressjoni tal-prezzijiet hija parti integrali mill-analiżi tal-kawżalità, li l-Qorti Ġenerali sabet li setgħet kienet preġudikata mill-iżball inkwistjoni. Għalhekk, il-Kummissjoni analizzat it-tnaqqis fil-prezzijiet kif stabbilit fit-Taqsima 3.3 aktar ’l isfel.

3.   RIEŻAMI TAT-TWAQQIGĦ TAL-PREZZ/TNAQQIS TAL-PREZZIJIET MILL-IMPORTAZZJONIJIET INKWISTJONI U L-MARĠNI TAD-DANNU FIR-RIGWARD TA’ JINDAL SAW LIMITED

3.1.   L-impatt tal-bejgħ ta’ Jindal fuq id-determinazzjoni tad-dannu

(24)

Il-Kummissjoni fakkret li l-importazzjonijiet minn Jindal kien jirrappreżenta biss 20 % tal-importazzjonijiet mill-Indja totali fil-perjodu ta’ investigazzjoni. L-importazzjonijiet l-oħra kollha mhumiex affettwati mis-sentenza tal-Qorti Ġenerali. Fi kliem ieħor, anki jekk wieħed jelimina l-importazzjonijiet ta’ Jindal mill-valutazzjoni tal-effetti fuq il-prezzijiet, is-sejbiet ta’ twaqqigħ sinifikanti tal-prezz (26) fir-rigward ta’ parti sinifikanti ħafna tal-importazzjonijiet inkwistjoni jibqgħu mhux affettwati. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li kemm il-kunsiderazzjoni tal-effetti tal-prezzijiet kif ukoll id-determinazzjoni li l-imporazzjonijiet inkwistjoni kkawżaw dannu għall-industrija domestika tal-Unjoni huma magħmula fir-rigward tal-importazzjonijiet mill-pajjiż jew mill-pajjiżi kkonċernati fis-sħuħija tagħhom (u mhux fuq il-bażi ta’ kull produttur esportatur) (27). Għalhekk, il-Kummissjoni qieset li r-reviżjoni tal-kalkoli tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Jindal ma varjatx il-konklużjoni li, b’mod ġenerali, kien hemm twaqqigħ sinifikanti tal-prezz mill-importazzjonijiet Indjani. Għalhekk, l-iżball li nstab mill-Qorti Ġenerali ma kellux impatt materjali fuq is-sejbiet ġenerali fl-investigazzjoni oriġinali. F’dan is-sens, is-sejbiet kollha ta’ dannu fl-investigazzjoni oriġinali huma b’dan inkorporati u kkonfermati.

3.2.   Determinazzjoni tat-twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ Jindal

(25)

Anki jekk, kif instab fil-premessa (24), il-Kummissjoni tqis li l-impatt tal-iżball li nstab mill-Qorti Ġenerali ma kienx ser ibiddel is-sejbiet tal-Kummissjoni ta’ twaqqigħ tal-prezz u ta’ dannu, il-Kummissjoni eżaminat f’aktar dettall jekk kienx għad hemm twaqqigħ tal-prezz fir-rigward ta’ Jindal, meta wieħed iqis ukoll il-kundizzjonijiet speċifiċi tas-suq f’dan il-każ.

(26)

Il-Qorti Ġenerali ddikjarat li l-obbligu li jitwettaq eżami oġġettiv tal-impatt tal-importazzjonijiet li oġġett ta’ dumping, kif meħtieġ mill-Artikolu 3(2) tar-Regolament anti-dumping bażiku, jeħtieġ li jsir tqabbil ġust bejn il-prezz tal-prodott ikkonċernat u l-prezz tal-prodott simili tal-industrija tal-Unjoni meta jinbiegħ fit-territorju tal-Unjoni. Sabiex tiġi żgurata l-ġustizzja ta’ tali tqabbil, il-prezzijiet iridu jitqabblu fl-istess livell ta’ kummerċ (ara l-punt 176 tal-Kawża T-301/16).

(27)

Fil-każ preżenti, hemm għadd ta’ karatteristiċi sinifikanti speċifiċi tas-suq relatati mal-prodott ikkonċernat, li huma deskritti hawn taħt.

3.2.1.   Il-prodott u l-kumpaniji kkonċernati

(28)

Il-prodott ikkonċernat huwa tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala ħadid fondut bil-grafit sferojdali) (“pajpijiet duttili”), bl-esklużjoni ta’ tubi u ta’ pajpijiet tal-ħadid fondut duttili mingħajr kisi fuq ġewwa u fuq barra (“pajpijiet mikxufin”), li joriġinaw mill-Indja, li bħalissa jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010 u 7303009010).

(29)

Il-Kummissjoni fakkret li żewġ gruppi (minn tlieta) ta’ kumpaniji li jagħmlu l-prodott ikkonċernat ikkooperaw bħala l-industrija tal-Unjoni (li jirrappreżentaw madwar 96 % tal-produzzjoni totali). SG PAM Group (“SG PAM”) kien qed ibigħ lil klijenti indipendenti fl-Unjoni permezz tat-tliet kumpaniji ta’ produzzjoni tiegħu li jinsabu fi Franza, fil-Ġermanja u fi Spanja kif ukoll permezz ta’ ħafna sussidjarji tal-bejgħ li jinsabu fi Stati Membri differenti (28). It-tieni grupp ta’ produtturi tal-Unjoni, Duktus Rohrsysteme GmbH, kien qed ibigħ mill-kumpanija tal-produzzjoni Ġermaniża tiegħu u permezz ta’ sussidjarja tal-bejgħ waħda (29). Jindal, min-naħa l-oħra, kienet tbigħ il-prodott ikkonċernat fl-Unjoni permezz ta’ tliet sussidjarji tal-bejgħ li jinsabu fl-Italja, fi Spanja u fir-Renju Unit (30).

3.2.2.   L-ispeċifiċitajiet tas-suq tal-pajpijiet tal-ħadid duttili fl-Unjoni

(a)    Kanali ta’ bejgħ/tipi ta’ klijenti

(30)

L-użu ewlieni tal-pajpijiet duttili huwa t-trasport tal-ilma u tad-drenaġġ. Għalhekk, il-kumpaniji tal-provvista tal-ilma u tat-trattament tal-ilma, fl-aħħar mill-aħħar, jirrappreżentaw il-biċċa l-kbira tad-domanda għall-prodott ikkonċernat. Dawn il-kumpaniji jużaw pajpijiet duttili fi proġetti infrastrutturali kbar, u x-xiri tagħhom huwa soġġett, direttament jew indirettament, għal akkwist pubbliku permezz ta’ sejħiet għall-offerti pubbliċi. Kif stabbilit fl-ilment (31), il-pajpijiet duttili jinbiegħu direttament lill-kuntratturi jew lill-kumpaniji tal-ilma (jiġifieri bejgħ lill-utenti) jew inkella indirettament permezz tan-negozjanti (jiġifieri bejgħ lid-distributuri). Anki jekk sehem kbir mill-pajpijiet duttili l-ewwel jinbiegħ lill-kumpaniji tal-kostruzzjoni, dawn il-kumpaniji jipparteċipaw fl-offerti tal-kumpaniji tal-provvista u tat-trattament tal-ilma, u għalhekk finalment il-pressjoni fuq il-prezz tas-sejħiet għall-offerti kważi dejjem tkun preżenti. B’hekk, il-parti l-kbira tal-bejgħ tal-pajpijiet duttili fis-suq tal-Unjoni hija marbuta direttament jew indirettament ma’ sejħiet għal offerti f’diversi Stati Membri.

(31)

SG PAM biegħ madwar 75 % tal-produzzjoni tiegħu lill-utenti u l-25 % li kien fadal lil distributuri mhux relatati. Ductus kellu struttura ta’ bejgħ differenti billi kien qiegħed ibigħ prinċipalment lil distributuri mhux relatati (kważi 90 % tal-bejgħ). Madankollu, minħabba li l-bejgħ ta’ Duktus kien jirrappreżenta biss sehem żgħir mill-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, il-Kummissjoni kkonfermat li mhux anqas minn 65 % tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni mar direttament għall-utenti.

(32)

Jindal kellha tip simili ta’ struttura ta’ bejgħ lill-klijenti tal-industrija tal-Unjoni, hekk kif hija biegħet aktar minn 70 % lill-utenti u madwar 30 % lil distributuri mhux relatati.

(33)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li Jindal u l-industrija tal-Unjoni biegħu l-prodott ikkonċernat lil tipi simili ta’ klijenti fi proporzjonijiet simili.

(b)    Bejgħ dirett mill-produtturi kontra bejgħ permezz ta’ sussidjarji tal-bejgħ

(34)

SG PAM kellu struttura ta’ bejgħ territorjali li fiha l-entitajiet tiegħu kienu jiffokaw fuq is-swieq lokali fejn kienu preżenti. Dan kien japplika kemm għall-produtturi ta’ SG PAM kif ukoll għas-sussidjarji tal-bejgħ tiegħu. Pereżempju, SG PAM France kienet l-unika entità ta’ SG PAM li tbigħ direttament lill-utenti finali fi Franza. Anki jekk ċertu tip ta’ prodott kien immanifatturat minn SG PAM Germany jew Spain, dan it-tip ta’ prodott l-ewwel kien jinbiegħ mill-ġdid internament lil SG PAM France u huwa biss wara dan li mbagħad jinbiegħ lill-utent finali minn SG PAM France. Bl-istess mod, SG PAM Belgium kienet l-unika entità ta’ bejgħ fil-Belġju [u l-Lussemburgu]; SG PAM UK fir-Renju Unit [u l-Irlanda]; SG PAM Italy fl-Italja biss eċċ. Fi kliem ieħor, it-tliet entitajiet produtturi ma kinux qed ibigħu direttament lill-utenti fis-swieq fejn kienu preżenti entitajiet produtturi jew sussidjarji tal-bejgħ oħra. Din l-istruttura tirrifletti l-fatt li s-suq huwa mmexxi minn sejħiet għal offerti organizzati minn muniċipalitajiet/kumpaniji tal-utilitajiet pubbliċi fl-Istati Membri u, għaldaqstant, ir-rappreżentazzjoni xierqa tal-bejgħ hija meħtieġa f’kull suq

(35)

Anki Duktus kellu struttura ta’ bejgħ lokalizzata minħabba li kien ibigħ aktar minn 50 % tal-produzzjoni tiegħu fis-suq domestiku tiegħu, il-Ġermanja. Duktus kellu sussidjarja waħda biss tal-bejgħ Duktus Czech Republic (“Duktus CZ”), li kienet qed tbigħ biss fir-Repubblika Ċeka u fis-Slovakkja. Il-bejgħ ta’ Duktus CZ kien relattivament żgħir, madwar 10 % tal-bejgħ kollu ta’ Duktus. Jindal kellha biss bejgħ minimu (anqas minn 1 %) f’dawn iż-żewġ swieq.

(36)

Il-Kummissjoni wettqet analiżi dettaljata tal-prezzijiet għal SG PAM biex tiddetermina x-xejriet tal-prezzijiet tal-bejgħ dirett mill-fabbrika u l-bejgħ indirett permezz tas-sussidjarji tal-bejgħ tiegħu. SG PAM huwa bil-bosta l-akbar produttur tal-Unjoni u jirrappreżenta 80 % tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni li kkooperaw fl-Unjoni u 90 % tal-produzzjoni (32). Il-Kummissjoni qabblet il-prezzijiet tal-bejgħ tal-10 tipi l-aktar mibjugħa tal-prodott (33) għal tliet kumpaniji tal-produzzjoni ta’ SG PAM u l-akbar żewġ sussidjarji tal-bejgħ tiegħu li jbigħu volumi simili. It-tqabbil wera varjazzjonijiet konsiderevoli fil-prezzijiet f’tip ta’ prodott wieħed. B’mod partikolari, is-sussidjarji tal-bejgħ spiss kellhom prezzijiet aktar baxxi mill-bejgħ mill-produtturi iżda anki bil-kontra kien minnu. Dan jista’ jkun spjegat għaliex, kif spjegat qabel, is-suq tal-prodott ikkonċernat jidher li huwa affettwat mill-użu tas-sejħiet għal offerti. Skont is-suq ġeografiku, il-prezz tat-tip ta’ prodott inkwistjoni jista’ jvarja. Fir-rigward tas-swieq ġeografiċi, il-Kummissjoni osservat li fil-prinċipju ntuża biss kanal wieħed ta’ bejgħ fis-suq ġeografiku rispettiv kif deskritt fil-premessa (34). Għalhekk, ma seta’ jsir l-ebda tqabbil tax-xejriet tal-prezzijiet bejn il-bejgħ mill-kumpaniji tal-produzzjoni kontra l-bejgħ permezz tal-entitajiet tal-bejgħ domestiku fl-istess suq ġeografiku għall-volumi rappreżentattivi.

(37)

Għalhekk, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-bejgħ direttament mill-produttur jew il-bejgħ permezz tal-entitajiet tal-bejgħ tal-produttur ma kellu l-ebda impatt osservabbli fuq il-livell tal-prezz ta’ dan il-bejgħ lill-klijent. B’mod partikolari, il-bejgħ permezz ta’ entità relatata ma nstabx li jwassal għal prezzijiet ogħla mill-bejgħ magħmul direttament mill-produttur minħabba l-pressjoni fuq il-prezz tas-sejħa għal offerti u l-livell differenti tal-prezz skont il-post ġeografiku. Anki jekk l-industrija tal-Unjoni kellha bejgħ finali mill-kumpaniji produtturi tagħha fis-swieq domestiċi tagħha, dan il-bejgħ kien lill-istess tip ta’ klijenti bħall-bejgħ tas-sussidjarji tal-bejgħ tagħha fl-Istati Membri l-oħra. Għaldaqstant, abbażi ta’ din l-analiżi dettaljata tal-prezzijiet mitluba mill-industrija tal-Unjoni fis-suq tal-Unjoni, il-Kummissjoni sabet li huwa xieraq li l-bejgħ dirett u l-bejgħ indirett permezz ta’ sussidjarji tal-bejgħ jiġu ttrattati bħala li jitwettqu fl-istess livell ta’ kummerċ.

3.2.3.   Konklużjoni ġenerali u l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ Jindal

(38)

Fid-dawl ta’ dan li ntqal hawn fuq, il-Kummissjoni sabet li s-settur tal-pajpijiet duttili għandu diversi speċifiċitajiet, li ppermettewlha tqis li l-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni u ta’ Jindal twettaq fl-istess livell ta’ kummerċ:

Kemm l-industrija tal-Unjoni kif ukoll Jindal kellhom sehem simili ta’ bejgħ dirett lill-utenti u bejgħ indirett permezz ta’ negozjanti/distributuri (madwar 70 %/30 % rispettivament);

Bħala regola ġenerali, il-bejgħ dirett lil klijenti mhux relatati mill-produtturi tal-Unjoni ma segwiex xejra differenti tal-prezz mill-bejgħ li sar permezz tas-sussidjarji tal-bejgħ tagħhom;

Is-suq huwa mmexxi mis-sejħiet għal offerti u, b’riżultat ta’ dan, kważi dejjem ikun hemm pressjoni sinifikanti fuq il-prezzijiet. Il-kostijiet addizzjonali involuti minħabba l-eżistenza ta’ entitajiet tal-bejgħ relatati kemm għall-produtturi esportaturi kif ukoll għall-industrija tal-Unjoni ma setgħux neċessarjament jingħaddew lix-xerrejja indipendenti finali, kif muri mill-fatt li ma kien hemm l-ebda differenza osservabbli fix-xejriet tal-prezz għall-bejgħ dirett u indirett.

(39)

Fid-dawl tal-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali fil-Kawża t-301/16 u b’mod partikolari d-dikjarazzjonijiet fil-punt 184 tas-sentenza kif stabbilit fil-premessa (3) aktar ’il fuq, il-Kummissjoni ma setgħetx issib evidenza li l-kostijiet addizzjonali u l-marġini ta’ profitt tal-entitajiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni ġeneralment irriżultaw fi prezzijiet ogħla għax-xerrejja indipendenti għar-raġunijiet spjegati fil-premessi (36) u (37) aktar ’il fuq. Il-partikolaritajiet tas-suq f’ċerti każijiet juru li mhuwiex dejjem il-każ li l-kostijiet iġġenerati mill-entitajiet tal-bejgħ intermedju u l-profitti jistgħu jkunu riflessi awtomatikament fil-prezz, bħal f’dan il-każ, kif il-Qorti Ġenerali rrikonoxxiet ukoll b’mod impliċitu billi żiedet il-kelma “ġeneralment”.

(40)

Madankollu, sabiex tikkonforma mas-sentenza u b’mod partikolari mad-dikjarazzjonijiet magħmula mill-Qorti Ġenerali fil-punt 184 tas-sentenza, il-Kummissjoni eżaminat jekk ikunx hemm twaqqigħ tal-prezz anki meta jitqabblu l-prezzijiet għall-ewwel klijent indipendenti fil-livell tal-entitajiet tal-bejgħ, kemm jekk ikunu l-kumpaniji tal-produzzjoni direttament jew inkella sussidjarja tal-bejgħ. Dan sar mingħajr preġudizzju għall-konstatazzjonijiet ta’ hawn fuq.

(41)

Għalhekk, il-Kummissjoni użat il-prezzijiet tal-bejgħ finali lill-ewwel klijent indipendenti fl-Unjoni taż-żewġ naħat (l-industrija tal-Unjoni u Jindal) aġġustati għall-allowances. Fejn xieraq, il-Kummissjoni aġġustat dak il-prezz finali għall-ewwel klijent indipendenti għat-trasport, għall-assigurazzjoni, għat-tqandil, għall-kostijiet tat-tagħbija, għall-imballaġġ, għall-kreditu, għall-ispejjeż tal-garanzija u għall-kummissjonijiet bejn il-kumpanija li tagħmel il-bejgħ u l-klijent mhux relatat. Dan irriżulta f’marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz ta’ 3,1 %.

(42)

Għaldaqstant, ir-rieżaminazzjoni tas-sitwazzjoni speċifika li tikkonċerna lil Jindal uriet li l-prezzijiet tal-bejgħ ta’ Jindal waqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni, għalkemm f’livell aktar baxx minn dak stabbilit fl-investigazzjoni oriġinali. Kif spjegat aktar ’il quddiem, dan it-twaqqigħ tal-prezz jista’ jitqies bħala sinifikanti f’sitwazzjoni tas-suq fejn is-sensittività tal-prezzijiet hija importanti.

3.3.   Depressjoni tal-prezzijiet

(43)

Fi kwalunkwe każ, anki jekk il-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz rivedut ta’ Jindal kellu jitqies bħala marġinali jew mhux xieraq, il-Kummissjoni kkunsidrat li l-importazzjonijiet inkwistjoni xorta jibqgħu jeżerċitaw effetti negattivi fuq il-prezz tal-bejgħ tal-Unjoni.

(44)

L-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping jista’ jkollhom impatt sinifikanti fuq is-suq speċjalment meta l-prodotti jkunu omoġenji u meta s-sensittività tal-prezzijiet tkun importanti. Il-pajpijiet duttili huma prodotti b’sensittività għolja tal-prezzijiet u għal dan it-tip ta’ prodotti anki differenza żgħira fil-prezz jista’ jkollha impatt kbir fuq is-suq.

(45)

Il-pajpijiet duttili huma prodott iddefinit mill-istandards tekniċi. Għalhekk, għall-istess tip ta’ prodott, hemm relattivament ftit differenza fil-kwalità, li tagħmel il-prezzijiet fattur ta’ importanza assoluta fid-deċiżjonijiet tax-xiri. Barra minn hekk, il-kanal ewlieni ta’ bejgħ huwa s-sejħiet għal offerti diretti u indiretti, fejn il-loġika tal-offerent bl-anqas prezz hija estremament qawwija. Dik il-loġika tapplika għall-parteċipazzjonijiet diretti fis-sejħiet għal offerti mill-manifatturi u mis-sussidjarji tal-bejgħ tagħhom, iżda wkoll għall-parteċipazzjoni indiretta meta dawn jipprovdu prodotti lil kumpaniji oħra li qed jipparteċipaw fis-sejħiet għal offerti. Dawn il-kumpaniji normalment ikunu kumpaniji tal-kostruzzjoni li jwieġbu għas-sejħiet għal offerti tal-awtoritajiet kontraenti (kunsilli tal-ibliet, kumpaniji tal-provvista tal-ilma eċċ). Dawn is-sejħiet għal offerti jinkludu kemm il-provvista kif ukoll l-installazzjoni tal-pajpijiet. Peress li s-sejħiet għal offerti normalment ikunu miftuħa għall-offerenti kollha, il-kumpaniji kollha kienu taħt pressjoni biex inaqqsu l-prezzijiet tagħhom bl-għan li jallinjaw ruħhom mal-offerent bl-anqas prezz sabiex jirbħu kuntratt.

(46)

F’dawn iċ-ċirkostanzi speċifiċi, il-prezzijiet tal-prodott ikkonċernat tnaqqsu minħabba ż-żieda mgħaġġla fl-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping mill-Indja, kif stabbilit fil-premessa (51) aktar ’il quddiem, u t-twaqqigħ tal-prezz waħdu ma kienx jirrifletti bis-sħiħ l-impatt negattiv tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping fuq il-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Kif spjegat fir-regolament inkwistjoni (34), filwaqt li l-bejgħ u s-sehem mis-suq tal-Indja żdiedu materjalment matul il-perjodu ta’ investigazzjoni, il-volum tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni naqas ħafna aktar mill-konsum u l-industrija tal-Unjoni tilfet 11 % tal-bejgħ u s-sehem mis-suq tagħha naqas b’4 %. Il-pressjoni kontinwa eżerċitata mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping bi prezz baxx (35) ma ppermettietx lill-industrija tal-Unjoni tadatta l-prezzijiet tal-bejgħ tagħha.

(47)

Konsegwentement, il-Kummissjoni kkonkludiet li, anki li kieku kellha tiġi kkontestata l-eżistenza ta’ twaqqigħ tal-prezz, xorta waħda jkun hemm tnaqqis tal-prezz dovut għall-importazzjonijiet inkwistjoni f’dan il-każ.

3.4.   Rabta ta’ kawżalità

(48)

Il-Kummissjoni eżaminat ukoll jekk kienx għad hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping u d-dannu fid-dawl tal-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz rivedut għal Jindal u/jew is-sejbiet alternattivi ta’ tnaqqis fil-prezzijiet. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni fakkret li l-importazzjonijiet ta’ Jindal kienu jirrappreżentaw madwar 20 % tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping. Il-Kummissjoni sabet ukoll, li l-marġni ta’ twaqqigħ tal-prezz aktar baxx ikkalkolat mill-ġdid għall-bejgħ ta’ Jindal ma biddilx il-fatt li l-importazzjonijiet l-oħrajn kollha mill-Indja kienu qed iwaqqgħu l-prezzijiet tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni kif stipulat fil-premessa (22), minħabba li dawk l-importazzjonijiet ma kinux soġġetti għall-konstatazzjonijiet tal-Qorti Ġenerali. Il-marġni rivedut tat-twaqqigħ tal-prezz ta’ Jindal, flimkien mal-marġni sinifikanti tat-twaqqigħ tal-prezz misjub għall-biċċa l-kbira tal-importazzjonijiet Indjani fl-investigazzjoni oriġinali, jikkonfermaw is-sejba oriġinali tal-Kummissjoni dwar l-eżistenza ta’ dannu materjali kif ukoll ir-rabta ta’ kawżalità f’dan il-każ.

(49)

Imbagħad il-Kummissjoni għamlet analiżi ġenerali tar-rabta ta’ kawżalità bejn id-dannu li nstab u l-importazzjonijiet kollha oġġett ta’ dumping mill-Indja, filwaqt li qieset ukoll is-sejbiet alternattivi dwar it-tnaqqis fil-prezzijiet.

(50)

Il-Kummissjoni sabet li l-profittabilità tal-bejgħ tal-industrija tal-Unjoni lil klijenti indipendenti kienet baxxa ħafna. Il-pressjoni kompetittiva mill-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping għamlet lill-industrija tal-Unjoni mhux kapaċi żżid biżżejjed il-prezzijiet tagħha sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni finanzjarja tagħha. Il-profittabbiltà baxxa turi li l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping naqqsu l-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni u ma ħallewhomx jiżdiedu sabiex jiksbu livelli sostenibbli ta’ profittabbiltà.

(51)

Barra minn hekk, kif stabbilit fir-regolament inkwistjoni (il-premessi (79) u (80)) il-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdied b’mod sinifikanti minkejja suq li kien qed jiċkien. L-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping żdiedu b’aktar minn 10 % matul il-perjodu taħt kunsiderazzjoni. F’dan ir-rigward, l-Artikolu 3(6) tar-regolament anti-dumping bażiku jistabbilixxi li l-volum tal-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping waħdu jista’ jkun responsabbli għad-dannu materjali għall-industrija tal-Unjoni.

(52)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni kkonkludiet li minkejja l-livell aktar baxx tal-marġini tat-twaqqigħ tal-prezz stabbilit mill-ġdid għal Jindal, l-importazzjonijiet kollha kienu qed iwaqqgħu l-prezz tal-bejgħ tal-Industrija tal-Unjoni. Minħabba f’hekk, xorta hemm rabta ta’ kawżalità bejn l-importazzjonijiet oġġett ta’ dumping kollha mill-Indja u d-dannu mġarrab mill-Industrija tal-Unjoni. Barra minn hekk, anki li kieku s-sejbiet ta’ twaqqigħ tal-prezz fir-rigward tal-importazzjonijiet inkwistjoni kellhom ikunu ddubitati, il-Kummissjoni kkonkludiet li l-importazzjonijiet Indjani kkawżaw tnaqqis sinifikanti fil-prezzijiet u, għalhekk, b’dan huma kkonfermati s-sejbiet oriġinali dwar id-dannu/ir-rabta ta’ kawżalità.

3.5.   Marġni tad-dannu

(53)

Il-Qorti Ġenerali sabet fil-punt 194 tas-sentenza fil-Kawża T-301/16 li, li kieku l-Kummissjoni ikkalkolat it-twaqqigħ tal-prezz b’mod korrett, ma setax jiġi eskluż li l-marġni tad-dannu tal-industrija tal-Unjoni seta’ jiġi stabbilit f’livell anqas minn dak tal-marġni tad-dumping.

(54)

L-ewwel nett, il-Kummissjoni tinnota li r-regoli dwar id-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu li kienu applikabbli meta ġiet konkluża l-investigazzjoni li wasslet għall-miżuri, inbidlu bir-Regolament (UE) 2018/1036. Ir-regoli l-ġodda f’ċirkostanzi eċċezzjonali biss jeħtieġu li jiġi kkalkolat marġni tad-dannu.

(55)

It-tieni, il-Kummissjoni fakkret li l-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz u d-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu għandhom objettivi differenti. L-analiżi tat-twaqqigħ tal-prezz għandha l-għan li tiddetermina jekk l-importazzjonijiet inkwistjoni għandhomx impatt fuq il-prezzijiet tal-industrija tal-Unjoni. Is-sejbiet dwar it-twaqqigħ tal-prezz huma wieħed mill-elementi li l-Kummissjoni tqis fl-analiżi tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità. B’kuntrast ma’ dan, l-għan li jiġi stabbilit marġni tad-dannu huwa li jiġi eżaminat jekk dazju aktar baxx mill-marġni tad-dumping misjub ikunx biżżejjed biex jitneħħa d-dannu. B’differenza mill-kuntest tad-determinazzjoni tad-dannu u mill-obbligi dettaljati fl-Artikolu 3 tar-Regolament anti-dumping bażiku, il-leġiżlatur ma stabbilixxa l-ebda sett komprensiv ta’ regoli dwar kif il-Kummissjoni jenħtieġ li tagħmel stima ta’ dan il-livell ta’ dazju. F’dak iż-żmien, l-Artikolu 9 tar-regolament anti-dumping fis-seħħ kien jistipula sempliċement li “l-ammont tad-dazju tal-anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni tad-dumping stabbilit iżda jeħtieġ li jkun inqas mill-marġni jekk dan id-dazju inferjuri jkun adegwat biex titneħħa l-ħsara lill-industrija tal-Unjoni”. F’dan il-każ, il-Kummissjoni kienet qed tikkalkola prezz suffiċjenti biex tkopri l-kost tal-produzzjoni tal-industrija tal-Unjoni miżjud b’ammont raġonevoli ta’ profitt (l-hekk imsejjaħ “prezz mhux dannuż”). Dan il-prezz tqabbel mal-prezz tal-importazzjoni. Din id-differenza fil-prezz ġiet espressa bħala perċentwal tal-prezz CIF tal-prodott importat sabiex tali perċentwal jew marġni mbagħad ikunu jistgħu jitqabblu mal-ammont tad-dumping misjub (espress ukoll fuq il-bażi tal-prezzijiet CIF). Tabilħaqq, kemm jekk ikun ibbażat fuq il-marġni tad-dannu kif ukoll jekk fuq il-marġni tad-dumping, id-dazju dejjem jiġi applikat għall-prezz CIF tal-prodotti importati meta dawn il-prodotti jiġu kklerjati permezz tad-dwana fl-Unjoni.

(56)

Barra minn hekk, il-metodoloġija u ċ-ċifri użati fil-kuntest tat-twaqqigħ tal-prezz huma differenti minn dawk fil-kalkoli tal-bejgħ taħt il-prezz. Marġni tat-twaqqigħ jiġi kkalkolat għal kull tip ta’ prodott (“PCN”) bħala differenza bejn il-prezzijiet attwali tal-importazzjoni tal-produttur esportatur u l-prezzijiet attwali tal-produtturi tal-Unjoni espressi bħala perċentwal tal-prezz tal-industrija tal-Unjoni. Imbagħad, il-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ponderat ġenerali jiġi kkalkolat bħala differenza bejn il-prezzijiet attwali tal-importazzjoni tal-produttur esportatur u l-prezzijiet attwali tal-produtturi tal-Unjoni espressi bħala perċentwal tal-“fatturat teoretiku” tal-produttur esportatur, jiġifieri l-ammont li l-produttur esportatur kien jagħmel, li kieku biegħ il-kwantitajiet importati bl-istess prezz bħall-produtturi tal-Unjoni. B’kuntrast ma’ dan, il-marġini tad-dannu jiġi kkalkolat (ukoll fuq bażi ta’ PCN) bħala differenza bejn il-prezz mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni u l-prezz attwali tal-importazzjoni, espressa bħala perċentwali tal-valur CIF attwali tal-produttur esportatur (b’hekk, l-attwali u mhux il-fatturat teoretiku).

(57)

Għalhekk, żball fid-determinazzjoni tal-eżistenza u l-ammont tat-twaqqigħ tal-prezz għal produttur esportatur partikolari mhux neċessarjament ikollu impatt awtomatiku fuq id-determinazzjoni tal-marġni tad-dannu għal produttur esportatur bħal dan.

(58)

Fi kwalunkwe każ, fid-dawl tal-punt 194 tas-sentenza tal-Qorti Ġenerali, il-Kummissjoni rrieżaminat il-marġni tad-dannu ta’ Jindal.

(59)

F’ċirkostanzi normali, il-prezz mhux dannuż tal-industrija tal-Unjoni huwa bbażat fuq il-kost tal-produzzjoni għal kull tip ta’ prodott, inkluż SGA, flimkien ma’ profitt raġonevoli u stabbilit fil-livell mill-fabbrika. Madankollu, f’dan il-każ partikolari l-Kummissjoni ma kellhiex biżżejjed informazzjoni dettaljata u vverifikata dwar il-kostijiet tal-produzzjoni fuq bażi PCN, li hija meħtieġa għall-kalkolu tal-marġni tad-dannu kif deskritt hawn fuq. Min-naħa l-oħra, il-Kummissjoni kellha informazzjoni fil-pussess tagħha li tinkludi wkoll il-kostijiet tal-bejgħ u l-profitti tal-entitajiet tal-bejgħ tal-produtturi tal-Unjoni. Minħabba ċ-ċirkostanzi partikolari f’dan il-każ, speċjalment id-differenzi numerużi fit-tipi ta’ prodotti u l-istandards/l-ispeċifikazzjonijiet tekniċi speċifiċi li jirriżultaw mill-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħiet għal offerti, il-prezz mhux dannuż kien eċċezzjonalment ibbażat fuq il-prezz tal-bejgħ finali għal kull tip ta’ prodott, aġġustat għall-allowances kif deskritt aktar ’il fuq fil-premessa (41), li minnu tnaqqas il-profitt attwali u mbagħad żdied profitt raġonevoli. Minħabba dawn iċ-ċirkustanzi speċjali, sabiex ikun hemm konformità mas-sentenza, kien ikkunsidrat eċċezzjonalment xieraq li dak il-prezz jitqabbel mal-prezz tal-bejgħ finali ta’ Jindal simetrikament, jiġifieri fil-livell tal-importaturi relatati tiegħu, aġġustat biss għall-allowances kif deskritt fil-premessa (41) aktar ’il fuq, iżda inklużi l-SG&A u l-profitt, jekk jeżistu.

(60)

Għalhekk, il-marġini tad-dannu kkalkolat mill-ġdid ġie stabbilit għal 9,0 %.

(61)

Wara r-rivelazzjoni, SG PAM ikkontesta l-marġni tad-dannu stabbilit f’dan il-livell. L-ewwel, SG PAM stqarr li l-Kummissjoni implimentat b’mod eċċessiv il-kostatazzjonijiet tal-Qorti billi kkalkolat mill-ġdid il-marġni tad-dannu fid-dawl li, fl-opinjoni tagħhom, il-Qorti ma sabet l-ebda żball fil-kalkolu tal-marġni tad-dannu. It-tieni, SG PAM afferma li l-marġni tad-dannu propost ma jneħħix id-dannu għall-Industrija tal-Unjoni fid-dawl li l-livell ristabbilit ta’ dazju jkun komparabbli ma dak ta’ ECL. Abbażi tal-informazzjoni dwar is-suq tiegħu SG PAM afferma li tali livell ta’ dazju la kien jaffettwa l-volumi ta’ ECL u lanqas il-prezzijiet, li ma kienx iħalli lil SG PAM jilħaq il-livell ta’ prezzijiet mhux dannużi u jtejjeb il-profittabilità tiegħu. Għaldaqstant, il-Kummissjoni jenħtieġ li tapplika r-regola tad-dazju inferjuri jew tuża metodoloġija differenti għall-kalkolu biex tistabbilixxi l-marġni tad-dannu.

(62)

Rigward l-ewwel affermazzjoni, il-Kummissjoni fakkret kif stipulat fil-premessa (5) li l-Qorti Ġenerali espliċitament tat l-istruzzjoni lill-Kummissjoni biex teżamina jekk l-ikkalkolar mill-ġdid tal-marġni tat-twaqqigħ tal-prezz ikollux ukoll effett fuq il-livell tad-dazju finali minħabba bidla potenzjali fil-marġni tad-dannu.

(63)

It-tieni nett, il-Kummissjoni tenniet il-qafas legali. Skont l-Artikolu 9(4) tar-Regolament anti-dumping fis-seħħ dak iż-żmien, “l-ammont tad-dazju anti-dumping ma għandux jaqbeż il-marġni ta’ dumping stabbilit, iżda dan għandu jkun inqas mill-marġni jekk dazju inferjuri bħal dan ikun xieraq biex jitwarrab id-dannu lill-industrija tal-Unjoni”. Similarment, l-Artikolu 15(1), it-tielet subparagrafu tar-regolament bażiku antisussidji fis-seħħ meta saret l-investigazzjoni jipprevedi li “l-ammont tad-dazju kumpensatorju ma għandux jeċċedi l-ammont ta’ sussidji kumpensabbli stabbilit, iżda jkun xieraq li jkun inqas mill-ammont totali tas-sussidji kumpensabbli jekk dan id-dazju inqas ikun adegwat għall-eliminazzjoni tad-dannu lill-industrija tal-Unjoni”.

(64)

Din l-investigazzjoni antidumping li reġgħet infetħet saret b’mod parallel ma’ investigazzjoni antisussidji li fiha l-ammont ikkalkulat mill-ġdid ta’ sussidjar kien stabbilit għal 6 %. Minħabba li l-marġini ta’ dumping għal Jindal ta’ 19 % ma ġiex affettwat mis-sentenza tal-Qorti, is-sussidju kombinat u l-marġnijiet ta’ dumping huma ogħla mill-marġni ta’ dannu stabbilit mill-ġdid.

(65)

Fid-dawl tal-qafas legali msemmi hawn fuq, ir-rati ta’ dazju kumpensatorju u antidumping ikkombinati ma jistgħux, skont ir-regola tad-dazju inferjuri, jaqbżu l-marġni tad-dannu. Għalhekk, il-Kummissjoni se timponi biss id-dazju anti-dumping definittiv b’mod supplimentari għad-dazju kumpensatorju definittiv sal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu rilevanti.

(66)

Fl-investigazzjoni oriġinali, il-Kummissjoni stabbilixxiet prezz mhux dannuż għall-industrija tal-Unjoni kif deskritt fil-premessa (59). Dan il-prezz ġie mqabbel mal-prezz tal-importazzjoni u d-differenza ġiet espressa bħala perċentwal (“marġni tad-dannu”). Ma kienx ikkontestat mill-industrija tal-Unjoni fiż-żmien li din il-metodoloġija kienet legalment korretta biex tneħħi d-dannu tagħha li kien ġie stabbilit. Kwalunkwe kunsiderazzjoni dwar l-effikaċja tal-miżuri fid-dawl tal-avvenimenti sussegwenti allegati ma tistax tibdel il-legalità ta’ din il-metodoloġija. Ma hemm l-ebda raġuni għalfejn għandha ssir devjazzjoni minn din il-metodoloġija issa meta tiġi stabbilita r-rata tad-dazju mingħajr l-iżbalji misjuba mill-Qorti dwar it-twaqqigħ tal-prezz, li affettwaw ukoll il-marġni tad-dannu.

(67)

Għaldaqstant, il-Kummissjoni ma laqegħtx dawn l-affermazzjonijiet.

4.   MIŻURI DEFINITTIVI

(68)

Fuq il-bażi tal-konklużjonijiet milħuqa fir-rigward tad-dumping, tad-dannu u tar-rabta ta’ kawżalità f’din l-investigazzjoni anti-dumping miftuħa mill-ġdid, għandu jiġi impost mill-ġdid dazju anti-dumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ pajpijiet u ta’ tubi tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit tal-ħadid fondut sferojdali) li joriġinaw mill-Indja u mmanifatturati minn Jindal Saw Limited.

(69)

Din l-investigazzjoni twettqet b’mod parallel mal-investigazzjoni antisussidji miftuħa mill-ġdid rigward l-istess kumpanija u l-istess prodott li fiha l-Kummissjoni stabbilixxiet ammont ta’ sussidju li kien anqas mil-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu. Għalhekk, il-Kummissjoni imponiet dazji kumpensatorji fil-livell tal-ammont definittiv ta’ sussidjar misjub. Minħabba li l-marġini tas-sussidju u tad-dumping ikkombinati huma ogħla mill-marġni tad-dannu stabbilit mill-ġdid, ir-rati tad-dazju kumpensatorju u anti-dumping ikkombinati ma jistgħux, f’konformità mar-regola tal-anqas dazju, jaqbżu l-marġni tad-dannu. Għalhekk, il-Kummissjoni se timponi biss id-dazju anti-dumping definittiv b’mod supplimentari għad-dazju kumpensatorju definittiv sal-livell ta’ eliminazzjoni tad-dannu rilevanti.

(70)

Fuq din il-bażi, ir-rata li biha se jiġu imposti dawn id-dazji hija stabbilita kif ġej:

Isem il-Kumpanija

Ammont ta’ sussidjar

Marġni tad-dumping

Marġni tad-dannu

Rata tad-dazju kumpensatorju

Rata tad-dazju anti-dumping

Dazji totali

Jindal Saw Limited

6,0 %

19,0 %

9,0 %

6,0 %

3,0 %

9,0 %

(71)

Il-livell rivedut ta’ dazji anti-dumping japplika mingħajr ebda interruzzjoni temporali mid-dħul fis-seħħ tar-regolament inkwistjoni (jiġifieri, mid-19 ta’ Marzu 2016 ’il quddiem). L-awtoritajiet doganali huma ordnati jiġbru l-ammont xieraq fuq l-importazzjonijiet li jikkonċernaw lil Jindal Saw Limited u jroddu lura kwalunkwe ammont żejjed miġbur sa issa f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli.

(72)

Fid-dawl tal-Artikolu 109 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (36), meta ammont ikun irid jiġi rimborżat wara sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, l-imgħax li jkun irid jitħallas jenħtieġ li jkun ir-rata applikata mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-operazzjonijiet prinċipali ta’ rifinanzjament tiegħu, kif ippubblikata fis-serje C ta’ Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea fl-ewwel jum kalendarju ta’ kull xahar.

(73)

Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit bl-Artikolu 15(1) tar-Regolament Nru 2016/1036.

ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

1.   Dazju anti-dumping definittiv huwa hawnhekk impost fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), bl-esklużjoni ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili mingħajr kisi fuq ġewwa u fuq barra (“pajpijiet mikxufin”), li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċi NM ex 7303 00 10 u ex 7303 00 90 (il-kodiċijiet TARIC 7303001010 u 7303009010), li joriġinaw mill-Indja, u mmanifatturati minn Jindal Saw Limited, mid-19 ta’ Marzu 2016.

2.   Ir-rata tad-dazju anti-dumping definittiv applikabbli għall-prezz nett, ħieles fil-fruntiera tal-Unjoni, qabel id-dazju, tal-prodott deskritt fil-paragrafu 1 u mmanifatturat minn Jindal Saw Limited, għandha tkun ta’ 3 % (kodiċi addizzjonali TARIC C054).

Artikolu 2

Kwalunkwe dazju anti-dumping definittiv imħallas minn Jindal Saw Limited skont ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jmur oltre d-dazju anti-dumping definittiv stabbilit fl-Artikolu 1 għandu jitħallas lura jew jinħafer.

Ir-rimborż jew ir-remissjoni għandhom jintalbu mill-awtoritajiet doganali nazzjonali f’konformità mal-leġiżlazzjoni doganali applikabbli. Kull rimborż li jkun seħħ wara s-sentenza tal-Qorti Ġenerali fil-kawża T-301/16 Jindal Saw għandu jiġi rkuprat mill-awtoritajiet li jkunu għamlu r-rimborż sal-ammont stipulat fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 3

Id-dazju anti-dumping definittiv impost bl-Artikolu 1 għandu jinġabar ukoll fuq l-importazzjonijiet irreġistrati f’konformità mal-Artikolu 1 tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1250 li jagħmel ċerti importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tal-10 ta’ April 2019, fil-kawżi T-300/16 u T-301/16, fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 u (UE) 2016/388 li jimponu dazju kumpensatorju definittiv u dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja.

Artikolu 4

L-awtoritajiet doganali huma ordnati li ma jkomplux bir-reġistrazzjoni tal-importazzjonijiet stabbilita f’konformità mal-Artikolu 1(1) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2019/1250, li b’dan huwa mħassar.

Artikolu 5

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ jum wara dik tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ April 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

(2)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 73, 18.3.2016, p. 53).

(3)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2016/1369 tal-11 ta’ Awwissu 2016 li jemenda r-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 217, 12.8.2016, p. 4).

(4)  Is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (L-Ewwel Awla Estiża) tal-10 ta’ April 2019, Jindal Saw Ltd u Jindal Saw Italia SpA vs Il-Kummissjoni Ewropea, T-301/16, ECLI:EU:T:2019:234

(5)  Il-livell mill-fabbrika jfisser li l-kostijiet tat-trasport tnaqqsu fejn meħtieġ.

(6)  Il-Kawża T-301/16, il-punt 184.

(7)  Ibid, il-punt 185.

(8)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1225/2009 tat-30 ta’ Novembru 2009 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Komunità Ewropea (ĠU L 343, 22.12.2009, p. 51) (issostitwit bir-Regolament (UE) 2016/1036.

(9)  Il-Kawża T-301/16, il-punt 193.

(10)  Ibid. il-punt 194.

(11)  Il-Kawżi Magħquda 97,193, 99 u 215/86 Asteris AE u oħrajn u r-Repubblika Ellenika vs Il-Kummissjoni [1988] Ġabra 2181, il-punti 27 u 28.

(12)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industrie des Poudres Spheriques vs Il-Kunsill [2000] Ġabra I-8147, il-punti 80 sa 85; Il-Kawża T-301/01 Alitalia vs Il-Kummissjoni [2008] Ġabra II-1753, il-punti 99 u 142; Il-Kawżi Magħquda T-267/08 u T-279/08 Region Nord-Pas de Calais vs Il-Kummissjoni [2011] ECLI:EU:T:2011:209, il-punt 83.

(13)  Il-Kawża C-415/96 Spanja vs Il-Kummissjoni, Ġabra I-6993, il-punt 31; Il-Kawża C-458/98 P Industries des Poudres Spheriques vs Il-Kunsill [2000] Ġabra I-8147, il-punti 80 sa 85.

(14)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg [2018], ECLI:EU:C:2018:187, il-punt 79; u C-612/16 C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 58.

(15)  Il-Kawża T-650/17, Jinan Meide Casting Co. Ltd, ECLI:EU:T:2019:644, il-punti 333-342.

(16)  Ir-Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2019/1250 tat-22 ta’ Lulju 2019 li jagħmel ċerti importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet tal-ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja soġġetti għar-reġistrazzjoni wara l-ftuħ mill-ġdid tal-investigazzjoni sabiex jiġu implimentati s-sentenzi tal-10 ta’ April 2019, fil-kawżi T-300/16 u T-301/16, fir-rigward tar-Regolamenti ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/387 u (UE) 2016/388 li jimponu dazju kumpensatorju definittiv u dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (ĠU L 195, 23.7.2019, p. 13).

(17)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg [2018], ECLI:EU:C:2018:187.

(18)  Ara, għal dan l-għan, il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, u s-sentenzi ċċitati fil-punt 62 tagħha, jiġifieri, C-351/04 Ikea Wholesale, tas-27 ta’ Settembru 2007, EU:C:2007:547, il-punti 66 sa 69, u, C-365/15, Wortmann, tat-18 ta’ Jannar 2017 EU:C:2017:19, il-punt 34.

(19)  C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, il-punt 63 u l-ġurisprudenza ċċitata fiha.

(20)  Ir-Regolament (UE) 2016/1036.

(21)  C-256/16 Deichmann, EU:C:2018:187, il-punti 77 u 78 u C-612/16, C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 57.

(22)  Il-Kawża C-256/16 Deichmann SE vs Hauptzollamt Duisburg, il-punt 79 u l-Kawża C-612/16, C & J Clark International Ltd vs Commissioners for Her Majesty’s Revenue & Customs, is-sentenza tad-19 ta’ Ġunju 2019, il-punt 58.

(23)  Is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company ‘Kazchrome’ u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-107/08, ECLI:EU:T:2011:704.

(24)  Is-sentenza tat-30 ta’ Novembru 2011, Transnational Company ‘Kazchrome’ u ENRC Marketing vs Il-Kunsill u l-Kummissjoni, T-107/08, ECLI:EU:T:2011:704, il-punt 68.

(25)  Il-Kawża T-650/17, Jinan Meide Casting Co. Ltd, ECLI:EU:T:2019:644, il-punti 333-342.

(26)  Ara l-premessi (93) u (126) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja (“ir-regolament inkwistjoni”).

(27)  Ara, f’dan is-sens, is-sentenza tal-Qorti Ġenerali (It-Tieni Awla) tat-8 ta’ Mejju 2019 Kawża T-749/16, Stemcor London, ECLI:EU:T:2019:310, il-punt 84, (“[I]l-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li d-dannu mġarrab minn produzzjoni stabbilita tal-Unjoni minħabba importazzjonijiet bi prezzijiet ta’ dumping għandu jiġi evalwat globalment, mingħajr ma jkun hemm bżonn (jew, saħansitra, possibbli) li tiġi individwalizzata l-parti minn dan id-dannu li jista’ jiġi attribwit lil kull waħda mill-kumpanniji responsabbli”).

(28)  Biex tissimplifika l-investigazzjoni, il-Kummissjoni ħadet kampjun tal-akbar sitt sussidjarji tal-bejgħ ta’ SG PAM.

(29)  Duktus ukoll kien ibigħ permezz ta’ sussidjarja tal-bejgħ fir-Repubblika Ċeka, iżda minħabba d-daqs żgħir tagħha, id-data tagħha ma ġietx ivverifikata.

(30)  It-tliet sussidjarji kollha ta’ Jindal ġew ivverifikati. Jindal kellha wkoll anqas minn 3 % tal-bejgħ tal-Unjoni direttament mill-Indja lill-gżejjer remoti ta’ Reunion u Mayotte, li huma meqjusa bħala t-territorju doganali tal-UE.

(31)  Verżjoni konsolidata tal-ilment ippreżentat fl-10 ta’ Novembru 2014, għal spezzjoni mill-partijiet interessati, p. 6.

(32)  Il-proporzjon ogħla ta’ produzzjoni huwa spjegat mill-fatt li SG PAM kien qed jesporta aktar minn Duktus.

(33)  Dawn l-10 tipi tal-prodott kienu jirrappreżentaw aktar minn 30 % tal-Bejgħ kollu ta’ SG PAM. Minħabba li t-tipi tal-prodott kienu mferrxa ħafna – l-aktar tip ta’ prodott mibjugħ kien jikkostitwixxi biss 6 % tal-bejgħ kollu, filwaqt li l-għaxar l-akbar 2,7 % biss, il-Kummissjoni kkunsidrat l-aktar 10 rappreżentattivi.

(34)  Ara l-premessi (80) u (99) tar-Regolament ta’ Implimentazzjoni (UE) 2016/388 li jimponi dazju antidumping definittiv fuq l-importazzjonijiet ta’ tubi u pajpijiet ta’ ħadid fondut duttili (magħruf ukoll bħala grafit ta’ ħadid fondut sferojdali), li joriġinaw mill-Indja.

(35)  Il-fatt li l-importazzjonijiet Indjani saru bi prezzijiet aktar baxxi mill-bejgħ tal-Unjoni seta’ jidher fit-tabelli fil-premessi (82) (prezzijiet tal-importazzjoni Indjani) u (106) (prezz medju tal-bejgħ fl-Unjoni) tar-regolament inkwistjoni.

(36)  Ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).


Top