Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0445

    Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2020/445 tal-15 ta’ Ottubru 2019 li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

    C/2019/7329

    ĠU L 94, 27.3.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_del/2020/445/oj

    27.3.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 94/1


    REGOLAMENT DELEGAT TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/445

    tal-15 ta’ Ottubru 2019

    li jemenda l-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Ir-Regolament (UE) Nru 516/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li jemenda d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2008/381/KE u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 573/2007/KE u Nru 575/2007/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/435/KE (1), u b’mod partikulari l-Artikolu 16(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu msemmi fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (2), ġew identifikati ħtiġijiet għal finanzjament addizzjonali fil-qasam tal-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni.

    (2)

    Ir-rieżami ta’ nofs it-terminu identifika l-ħtieġa għall-għoti ta’ appoġġ finanzjarju xieraq fir-rigward tal-akkoljenza u l-faċilitajiet ta’ akkomodazzjoni u ta’ detenzjoni, u servizzi rispettivi, għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew għal ċittadini ta’ pajjiż terzi li jkunu preżenti fi Stat Membru u li ma jissodisfawx, jew li ma jkunux għadhom jissodisfaw, il-kundizzjonijiet għad-dħul jew għas-soġġorn fi Stat Membru, kif ukoll mal-appoġġ għal akkomodazzjoni għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.

    (3)

    L-Anness II ta-Regolament (UE) Nru 516/2014 jelenka tmien azzjonijiet speċifiċi biex l-Istati Membri jirċievu finanzjament addizzjonali li minnhom sitta huma azzjonijiet konġunti li jinvolvu diversi Stati Membri.

    (4)

    L-iżviluppi ta’ politika u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament misjuba fil-kuntest tar-rieżami ta’ nofs it-terminu ma jistgħux jiġu indirizzati b’mod xieraq permezz tal-lista attwali ta’ azzjonijiet speċifiċi. Għaldaqstant, l-aħjar mod biex jintlaħqu l-ħtiġijiet identifikati fi ħdan l-objettivi tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni huwa li tiġi emendata dik il-lista.

    (5)

    L-azzjoni speċifika l-ġdida li qed tiżdied fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 516/2014 se tikkontribwixxi għall-ġestjoni effiċjenti tal-flussi migratorji. Din hija konformi mal-objettiv speċifiku ta’ dan ir-Regolament, kif imsemmi fl-Artikolu 3(2)(d) tiegħu, li huwa biex tittejjeb is-solidarjetà bejn l-Istati Membri.

    (6)

    Iż-żieda ta’ azzjoni speċifika ġdida li tirrifletti l-iżviluppi ta’ politika riċenti u l-ħtiġijiet ta’ finanzjament tal-Istati Membri se tiġġenera valur miżjud sinifikanti billi tikkontribwixxi għall-mitigazzjoni tal-pressjoni fuq dawk l-aktar affettwati mill-flussi migratorji u tal-asil u, għaldaqstant, fuq l-Unjoni kollha kemm hi.

    (7)

    Sabiex tippermetti l-applikazzjoni fil-pront ta’ din l-azzjoni speċifika, fid-dawl tal-ħtiġijiet ta’ finanzjament urġenti identifikati, jenħtieġ li r-Regolament jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    (8)

    Għaldaqstant, jenħtieġ li r-Regolament (UE) Nru 516/2014 jiġi emendat skont dan,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    Fl-Anness II tar-Regolament (UE) Nru 516/2014, jiżdied il-punt 9 li ġej:

    “9.

    Fi Stati Membri li jiffaċċjaw pressjoni migratorja għolja jew sproporzjonata jew it-tnejn, it-twaqqif, l-iżvilupp u l-operazzjoni ta’ faċilitajiet adegwati ta’ akkoljenza u ta’ akkomodazzjoni u ta’ detenzjoni, u servizzi rispettivi, għal applikanti għal protezzjoni internazzjonali jew ċittadini ta’ pajjiżi terzi li huma preżenti fi Stat Membru u ma jissodisfawx, jew ma għadhomx jissodisfaw, il-kundizzjonijiet għad-dħul jew għas-soġġorn, jew għat-tnejn, kif ukoll appoġġ għall-akkomodazzjoni għal benefiċjarji ta’ protezzjoni internazzjonali.”

    Artikolu 2

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fil-jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u jkun direttament applikabbli fl-Istati Membri skont it-Trattati.

    Magħmul fi Brussell, il-15 ta’ Ottubru 2019.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Jean-Claude JUNCKER


    (1)   ĠU L 150, 20.5.2014, p. 168.

    (2)  Ir-Regolament (UE) Nru 514/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni u dwar l-istrument għal appoġġ finanzjarju għall-kooperazzjoni tal-pulizija, il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-kriminalità, u l-ġestjoni tal-kriżijiet (ĠU L 150, 20.5.2014, p. 112).


    Top