Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020R0191

    Regolament ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/191 tal-10 ta’ Frar 2020 dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    C/2020/825

    ĠU L 40, 13.2.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/reg_impl/2020/191/oj

    13.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 40/1


    REGOLAMENT TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/191

    tal-10 ta’ Frar 2020

    dwar il-klassifikazzjoni ta’ ċerti oġġetti fin-Nomenklatura Magħquda

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 952/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-9 ta’ Ottubru 2013 li jistabbilixxi l-Kodiċi Doganali tal-Unjoni (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 57(4) u l-Artikolu 58(2) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Biex tiġi żgurata l-applikazzjoni uniformi tan-Nomenklatura Magħquda annessa mar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 (2), jeħtieġ li jiġu adottati miżuri li jikkonċernaw il-klassifikazzjoni tal-oġġetti msemmija fl-Anness ta’ dan ir-Regolament.

    (2)

    Ir-Regolament (KEE) Nru 2658/87 stabbilixxa r-regoli ġenerali għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda. Dawk ir-regoli japplikaw ukoll għal kull nomenklatura oħra li hija bbażata fuqha parzjalment jew kollha kemm hi, jew li żżid kwalunkwe sottodiviżjoni magħha u li hija stabbilita b’dispożizzjonijiet speċifiċi tal-Unjoni, bil-għan li jiġu applikati t-tariffi u miżuri oħra relatati mal-kummerċ tal-oġġetti.

    (3)

    Skont dawk ir-regoli ġenerali, l-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness jenħtieġ li jiġu kklassifikati taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2), minħabba r-raġunijiet stabbiliti fil-kolonna (3) ta’ dik it-tabella.

    (4)

    Jixraq li jiġi stipulat li l-informazzjoni vinkolanti dwar it-tariffi maħruġa għall-oġġetti kkonċernati minn dan ir-Regolament u li ma tikkonformax ma’ dan ir-Regolament, tkun tista’ tibqa’ tiġi invokata mid-detentur, għal ċertu perjodu, f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (UE) Nru 952/2013. Dak il-perjodu jenħtieġ li jkun ta’ tliet xhur.

    (5)

    Il-miżuri previsti f’dan ir-Regolament huma skont l-opinjoni tal-Kumitat tal-Kodiċi Doganali,

    ADOTTAT DAN IR-REGOLAMENT:

    Artikolu 1

    L-oġġetti deskritti fil-kolonna (1) tat-tabella stabbilita fl-Anness għandhom jiġu kklassifikati fin-Nomenklatura Magħquda taħt il-kodiċi NM indikat fil-kolonna (2) ta’ dik it-tabella.

    Artikolu 2

    L-informazzjoni tariffarja vinkolanti li ma tkunx konformi ma’ dan ir-Regolament tista’ tibqa’ tiġi invokata f’konformità mal-Artikolu 34(9) tar-Regolament (KEE) Nru 952/2013 għal perjodu ta’ tliet xhur mid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament.

    Artikolu 3

    Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri kollha.

    Magħmul fi Brussell, l-10 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kummissjoni

    F’isem il-President,

    Stephen QUEST

    Direttur Ġenerali Id-Direttorat Ġenerali għat-Tassazzjoni u l

    Unjoni Doganali


    (1)  ĠU L 269, 10.10.2013, p. 1.

    (2)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2658/87 tat-23 ta’ Lulju 1987 dwar in-nomenklatura tat-tariffa u l-istatistika u dwar it-Tariffa Doganali Komuni ta’ Dwana (ĠU L 256, 7.9.1987, p. 1).


    ANNESS

    Deskrizzjoni tal-oġġetti

    Klassifikazzjoni (Kodiċi NM)

    Raġunijiet

    (1)

    (2)

    (3)

    Tubu flessibbli li jikkonsisti fuq in-naħa ta’ barra, minn saff ta’ drapp manifatturat innittjat (85 % najlon, 15 % elastan) u fuq in-naħa ta’ ġewwa minn kisja li tixbaħ il-ġel magħmula minn materjal tal-plastik mhux ċellulari. It-tubi flessibbli jiġu f’tulijiet differenti (bejn 65 u 150 mm) u b’dijametri differenti (bejn 15 u 30 mm).

    Il-prodott huwa ppreżentat li jintuża biex jittaffa l-uġigħ mill-pressjoni u mill-frizzjoni fis-swaba’ u fid-dwiefer sensittivi tal-idejn jew tas-saqajn. It-tul tal-prodott jista’ jiġi adattat billi jinqata’.

    Il-prodott huwa ppreżentat għall-bejgħ bl-imnut.

    6307 90 10

    Il-klassifikazzjoni hija ddeterminata mir-regoli ġenerali 1 u 6 għall-interpretazzjoni tan-Nomenklatura Magħquda, min-Nota 1 tal-Kapitolu 63 u mill-kliem tal-kodiċijiet NM 6307, 6307 90 u 6307 90 10 .

    Il-klassifikazzjoni fl-intestatura 3005 hija eskluża minħabba li l-oġġetti ma għandhomx il-karattru ta’ tajjar, garża, faxex jew oġġetti simili, imqiegħda f’forom jew f’pakketti għall-bejgħ bl-imnut għal skopijiet mediċi.

    Il-klassifikazzjoni fil-Kapitolu 39 bħala plastiks u oġġetti tagħhom hija eskluża, skont in-Nota 2(p) għal dak il-Kapitolu, minħabba li l-oġġetti huma magħmulin minn drappijiet ta’ tessuti tal-intestatura 5903 (drappijiet ta’ tessuti, impregnated, miksijin, mgħottijin jew laminati bi plastiks).

    L-oġġetti huma prodotti fl-istat komplut, lesti għall-użu, u għalhekk huma oġġetti magħmula mit-tessuti f’konformità man-Nota 7(b) tat-Taqsima XI. Għalkemm l-oġġetti jikkonsistu minn drappijiet ta’ tessuti tal-intestatura 5903 (drappijiet ta’ tessuti, impregnated, miksijin, mgħottijin jew laminati bi plastiks), il-klassifikazzjoni f’Kapitolu 59 hija eskluża skont in-Nota 8(a) tat-Taqsima XI, għaliex il-Kapitolu 59 ma japplikax għal oġġetti manifatturati skont it-tifsira tan-Nota 7 tal-istess Taqsima.

    L-intestatura 6307 tapplika għal oġġetti oħrajn manifatturati minn kwalunkwe drapp ta’ tessut skont it-tifsira tan-Nota 1 tal-Kapitolu 63, sakemm ma jkunux inklużi f’intestaturi oħra tat-Taqsima XI. Tkopri wkoll oġġetti f’tul li jista’ jiġi adattat billi jinqatgħu għat-tul mixtieq u li huma manifatturati skont it-tifsira tan-Nota 7 tat-Taqsima XI (ara wkoll in-Noti ta’ Spjegazzjoni tas-Sistema Armonizzata għall-intestatura 6307, l-ewwel u t-tielet paragrafu).

    Għalhekk l-oġġett għandu jiġi kklassifikat taħt il-kodiċi tan-NM 6307 90 10 , bħala oġġetti oħrajn ta’ tessuti manifatturati.


    Top