Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020H1104(01)

    Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-30 ta’ Ottubru 2020 dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ 2020/C 372/01

    ĠU C 372, 4.11.2020, p. 1–9 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    4.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    C 372/1


    RAKKOMANDAZZJONI TAL-KUNSILL

    tat-30 ta’ Ottubru 2020

    dwar Pont għall-Impjiegi - It-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u li tissostitwixxi r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ

    (2020/C 372/01)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 292, flimkien mal-Artikolu 149 tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    F'Novembru tal-2017, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni ħabbru l-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, fejn stabbilew 20 prinċipju u dritt biex jiġu appoġġati swieq tax-xogħol u sistemi ta' protezzjoni soċjali ġusti u li jiffunzjonaw tajjeb. Il-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali jistabbilixxi d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, jiddikjara li l-ugwaljanza fit-trattament u fl-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel għandha tiġi żgurata fl-oqsma kollha u jistabbilixxi d-dritt għall-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ. Jiddikjara wkoll li l-perijodi ta' prova jenħtieġ li jkunu ta' tul raġonevoli u li l-abbuż minn kuntratti atipiċi jrid jiġi pprojbit. Il-Prinċipju 4 ("Appoġġ attiv għall-impjiegi") jiddikjara li "Iż-żgħażagħ għandhom id-dritt għal edukazzjoni kontinwa, apprendistat, traineeships jew offerta ta' xogħol ta' reputazzjoni tajba sa erba' xhur minn meta jiġu qiegħda jew jitilqu mill-iskola."

    (2)

    Il-linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri, adottati mill-Kunsill fid-Deċiżjoni 2019/1181 (1) tiegħu, u b'mod partikolari l-linja gwida 6, jappellaw lill-Istati Membri biex ikomplu jindirizzaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-kwistjoni ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ ('NEET') permezz tal-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-iskola u t-titjib strutturali fit-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, inkluż permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    (3)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2) tistipula l-elementi u l-prinċipji għall-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali, li jippermetti li individwi b'għarfien, ħiliet u kompetenzi li jkunu akkwistaw permezz ta' tagħlim mhux formali u informali jiġu vvalidati u jiksbu kwalifika sħiħa jew, fejn japplika, kwalifika parzjali.

    (4)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tad-19 ta' Diċembru 2016 dwar Perkorsi ta' titjib tal-ħiliet: Opportunitajiet Ġodda għall-Adulti (3) tirrakkomanda li l-adulti b'livell baxx ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi jingħataw l-opportunità, skont il-ħtiġijiet individwali tagħhom, biex jiksbu livell minimu ta' litteriżmu, numeriżmu u kompetenza diġitali, jew biex jiksbu sett usa' ta' ħiliet, għarfien u kompetenzi.

    (5)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' Mejju 2018 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja (4) tappella lill-Istati Membri biex jappoġġaw l-iżvilupp ta' ħiliet diġitali bażiċi u biex iżidu u jtejbu l-livell tal-kompetenzi diġitali fis-segmenti kollha tal-popolazzjoni.

    (6)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-10 ta' Marzu 2014 dwar Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships (5) toffri gwida dwar l-għoti ta' traineeships ta' kwalità għolja u tinkludi elementi ta' kwalità li huma marbuta b'mod partikolari mal-kontenut tat-tagħlim, mal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u mat-trasparenza fir-rigward tal-kundizzjonijiet finanzjarji u l-prattiki ta' reklutaġġ.

    (7)

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-15 ta' Marzu 2018 dwar Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi (6) tidentifika 14-il kriterju ewlieni li l-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati jenħtieġ li jużaw biex jiżviluppaw apprendistati ta' kwalità u effettivi biex jiżguraw kemm l-iżvilupp tal-ħiliet marbuta mal-impjiegi kif ukoll l-iżvilupp personali tal-apprendisti.

    (8)

    Ir-Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7) jipprovdi qafas komuni għal seba' ġabriet ta' data li qabel kienu indipendenti, fosthom l-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE. Minn dak il-qafas komuni, jiġifieri l-Istatistika Soċjali Ewropea Integrata (IESS), toħroġ data komparattiva aktar granulari minn madwar l-UE, li ser tippermetti fehim aħjar tat-tranżizzjoni taż-żgħażagħ mill-edukazzjoni għax-xogħol, waqt li tagħti stampa aktar preċiża tal-esperjenza tagħhom tat-tagħlim u tax-xogħol, iżda wkoll il-karatteristiċi individwali tal-kuntest li jkunu ġejjin minnu.

    (9)

    Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2016, il-Kunsill Ewropew jappella għall-kontinwazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Fil-konklużjonijiet tiegħu tal-15 ta' Ġunju 2017, il-Kunsill jafferma mill-ġdid li l-indirizzar tal-qgħad u tal-inattività fost iż-żgħażagħ għadu prijorità politika, iqis li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ ipprovdew impetu qawwi għal riformi strutturali u innovazzjoni fil-politika, u jenfasizza li sabiex jintlaħqu n-NEETs jeħtieġu kemm sforzi qawwija u persistenti min-naħa tal-awtoritajiet nazzjonali kif ukoll kooperazzjoni transsettorjali.

    (10)

    Fir-riżoluzzjoni tiegħu tat-18 ta' Jannar 2018 dwar l-implimentazzjoni tal-Inizjattiva favur l-impjieg taż-Żgħażagħ fl-Istati Membri, il-Parlament Ewropew jappella lill-Istati Membri biex jistabbilixxu strateġiji ta' sensibilizzazzjoni xierqa u mfassla apposta biex jintlaħqu n-NEETs kollha, u biex jieħdu approċċ integrat favur iżjed disponibbiltà ta' assistenza u servizzi individwalizzati biex jiġu appoġġati ż-żgħażagħ li jiffaċċjaw ostakli multipli. Il-Parlament Ewropew jenfasizza l-ħtieġa li tittejjeb il-kwalità tal-offerti skont il-Garanzija taż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, u jappella għal diskussjoni fil-futur dwar il-grupp ta' età eliġibbli.

    (11)

    Il-Patt Ekoloġiku Ewropew huwa l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni għat-tkabbir. L-għan tiegħu huwa li jittrasforma l-Unjoni f'soċjetà ġusta u għanja, b'ekonomija moderna, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u kompetittiva, fejn sal-2050 ma jkunx hemm emissjonijiet netti ta' gassijiet b'effett ta' serra, u fejn it-tkabbir ekonomiku jkun diżakkoppjat mill-użu tar-riżorsi.

    (12)

    Bil-għan li tgħin fit-tiswija tal-ħsara ekonomika u soċjali kkawżata mill-pandemija tal-COVID-19, tagħti l-ħajja lill-irkupru Ewropew biex jagħmel tajjeb għal dik il-ħsara, u biex tipproteġi u toħloq l-impjiegi, il-Kummissjoni pproponiet pjan ta' rkupru sinifikanti għall-Ewropa ibbażat fuq l-isfruttament tal-potenzjal sħiħ tal-baġit tal-Unjoni u pproponiet l-istrument ta' rkupru "Next Generation EU". Dak l-istrument ser ikun kruċjali biex, fost oqsma oħra, jappoġġa miżuri fuq terminu qasir biex jiġu appoġġati l-impjiegi, inkluż l-impjiegi taż-żgħażagħ, kif ukoll l-investimenti f'riformi tal-politika fuq terminu itwal relatati mas-suq tax-xogħol u mas-sistemi soċjali, edukattivi u ta' taħriġ.

    (13)

    Fl-2013, matul ir-reċessjoni ekonomika preċedenti, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ (ta' bejn il-15 u l-24 sena) kienet ta' 24,4 % fl-Unjoni (żieda minn 16 % fl-2008) u ta' aktar minn 50 % f'xi Stati Membri, u kien hemm 6,5 miljun NEET fl-età ta' bejn il-15 u l-24 sena. B'reazzjoni għal dan, ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ ġiet adottata f'April 2013 (8). Hija tikkostitwixxi rispons koordinat ewlieni, fil-livell tal-Unjoni, għall-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom iż-żgħażagħ u hija msejsa fuq interventi edukattivi u dawk tal-politika attiva tas-suq tax-xogħol fl-Istati Membri.

    (14)

    Bil-pandemija tal-COVID-19, l-Unjoni waqgħet f'reċessjoni ekonomika mingħajr preċedent, li x'aktarx ser terġa' ġġib magħha rati wisq għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u ta' NEETs. L-ekonomija tal-Unjoni mistennija tiċkien b'mod sinifikanti fl-2020, u tidħol fl-aktar reċessjoni profonda fl-istorja tagħha. L-aktar li ser ibatu huma ż-żgħażagħ li qabel il-bidu tal-pandemija diġà kienu f'sitwazzjoni prekarja fis-suq tax-xogħol jew li kellhom jegħlbu ostakli biex jaċċessaw ix-xogħol, filwaqt li dawk li deħlin fis-suq tax-xogħol issa ser isibuha aktar diffiċli li jiżguraw l-ewwel impjieg tagħhom. Għalhekk, fid-dawl tal-kriżi attwali jeħtieġ li tissaħħaħ il-Garanzija għaż-Żgħażagħ.

    (15)

    Iż-żgħażagħ jistgħu jsibu quddiemhom diversi sfidi fis-suq tax-xogħol, anke minħabba l-perijodi tranżitorji tal-ħajja li jkunu għaddejjin minnhom, l-esperjenza limitata jew in-nuqqas ta' esperjenza professjonali tagħhom u ostakli oħra sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol. Kif deher fir-reċessjonijiet fil-passat, iż-żgħażagħ jintlaqtu agħar mill-ħaddiema li huma mdaħħla fiż-żmien u li għandhom aktar esperjenza.

    (16)

    Aktar jistgħu jispiċċaw inattivi n-nisa żgħażagħ milli l-irġiel żgħażagħ minħabba responsabbiltajiet ta' kura, fosthom biex jieħdu ħsieb it-tfal jew adulti dipendenti, jew responsabbiltajiet oħra personali jew tal-familja. Ir-responsabbiltajiet ta' kura bħala raġuni għan-nuqqas ta' attività huma aktar minn ħames darbiet aktar prevalenti fost in-nisa żgħażagħ milli fost l-irġiel żgħażagħ. Dan jista' jwassal għal żieda fid-differenza bejn il-ġeneri fl-impjiegi b'konsegwenzi dejjiema tul il-ħajja tan-nisa.

    (17)

    Il-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ kif ukoll l-aċċess limitat għal edukazzjoni u taħriġ u għal servizzi soċjali inklużivi u ta' kwalità għolja jista' jkollhom effett ċikatriċi bħal żieda fir-riskju ta' qgħad aktar 'il quddiem, livelli aktar baxxi ta' qligħ futur, telf ta' kapital uman u trażmissjoni interġenerazzjonali tal-faqar. Dawk l-elementi jissarrfu fi tbatija individwali u s-soċjetà inġenerali jkollha tħallas għalihom b'mod dirett u indirett. Huma jżidu wkoll l-inugwaljanzi reġjonali, pereżempju fejn, f'żoni rurali jew imbiegħda, iż-żgħażagħ ma jkunux jistgħu jakkwistaw integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol u għaldaqstant ifittxu opportunitajiet fi bnadi oħra.

    (18)

    Żviluppi kontinwi bħall-awtomatizzazzjoni u d-diġitalizzazzjoni tal-produzzjoni u s-servizzi jkomplu jagħtu sura ġdida lid-dinja tax-xogħol. Iż-żgħażagħ huma rrappreżentati żżejjed fl-impjiegi mhux standard bħalma hu x-xogħol fuq pjattaforma jew "gigs", li jista' jkun li ma jkollhomx aċċess għal protezzjoni soċjali adegwata. Iż-żgħażagħ jinsabu fost dawk il-gruppi esposti għat-telf tal-impjieg tagħhom minħabba l-awtomatizzazzjoni, billi l-impjiegi fil-livell tad-dħul x'aktarx li jkollhom proporzjon akbar ta' kompiti awtomatizzabbli. Fl-istess ħin, it-teknoloġiji diġitali joħolqu impjiegi ġodda u jżidu d-domanda għall-ħiliet meħtieġa għal trasformazzjoni diġitali f'ħafna setturi tal-ekonomija.

    (19)

    L-investiment issa fil-kapital uman taż-żgħażagħ Ewropej jgħin biex l-ekonomiji tas-suq soċjali tal-Ewropa jilqgħu għall-futur, billi jakkomodaw bidliet demografiċi waqt li jħaddnu bis-sħiħ l-era diġitali u t-tkabbir tal-impjiegi fl-ekonomija ekoloġika. Investimenti bħal dawn imorru id f'id mar-riformi tas-suq tax-xogħol, li jistgħu jindirizzaw xi wħud mill-problemi strutturali għaż-żgħażagħ u jagħtuhom pożizzjoni aħjar minn fejn jibdew. L-Unjoni tkun tista' tgawdi l-benefiċċji kollha ta' forza tax-xogħol attiva, innovattiva u ta' ħila, waqt li tevita milli l-ekonomija u s-soċjetà jħallsu prezz għoli ħafna talli hemm żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, mill-impjieg jew mit-taħriġ.

    (20)

    Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ, għall-promozzjoni tal-intraprenditorija taż-żgħażagħ u tgħin biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet li jirriżultaw mit-tranżizzjonijiet diġitali u ekoloġiċi. Tista' tgħin biex tnaqqas l-effetti ċikatriċi persistenti fis-suq tax-xogħol ikkawżati minn tnaqqis drastiku billi tħeġġeġ lill-impriżi jingaġġaw żgħażagħ qiegħda, inkluż dawk li kienu qiegħda qabel il-pandemija, u billi tipprovdi taħriġ li jiffaċilita t-tqabbil ta' żgħażagħ qiegħda u inattivi mal-postijiet tax-xogħol.

    (21)

    Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jenħtieġ li tiżgura li ż-żgħażagħ kollha jirċievu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, u apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jsiru qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali. Sabiex tilħaq dik l-ambizzjoni, jenħtieġ li liż-żgħażagħ tagħtihom triq lejn integrazzjoni stabbli fis-suq tax-xogħol, u tasal għand għadd akbar ta' żgħażagħ, u timmotivahom, irrispettivament mill-ostakli li jista' jkollhom quddiemhom, waqt li tiżgura li ħadd minnhom ma jibqa' lura. Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jenħtieġ li tagħmel mill-aħjar biex tappoġġa liż-żgħażagħ biex jiksbu esperjenza tax-xogħol siewja u fl-iżvilupp tal-ħiliet it-tajbin għal dinja tax-xogħol li qed tinbidel, b'mod partikolari dawk il-ħiliet rilevanti għas-setturi ta' tkabbir u t-tranżizzjonijiet ekoloġiċi u diġitali. Il-kwalità tal-apprendistati taqdi rwol importanti f'dan ir-rigward. Hemm bżonn li tingħata spinta lill-provvista ta' apprendistati speċjalment matul il-fażi ta' rkupru u li tiġi promossa l-parteċipazzjoni tal-kumpanniji sabiex tiġi ffaċilitata tranżizzjoni aktar faċli lejn l-impjieg. L-apprendistati jħejju liż-żgħażagħ għal impjiegi li huma mfittxija ħafna, u b'hekk joffrulhom it-triq lejn integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol, anki f'livell lokali.

    (22)

    Fir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ, l-Istati Membri ħadu l-impenn li jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha ta' taħt il-25 sena jirċievu offerta ta' kwalità tajba ta' impjieg, edukazzjoni kontinwa, apprendistat jew traineeship sa erba' xhur minn meta jisfaw qiegħda jew minn meta jħallu l-edukazzjoni formali. It-twessiegħ tal-kategorija tal-età biex tinkludi ż-żgħażagħ ta' bejn il-25 u d-29 sena jirrikonoxxi li t-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol u l-integrazzjoni sostenibbli fis-suq tax-xogħol qed jieħdu aktar fit-tul minħabba n-natura tax-xogħol li qed tinbidel, il-perijodi estiżi mqatta' fl-edukazzjoni u l-ħiliet li hemm domanda għalihom. Huwa importanti li jiġi rikonoxxut li t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku minħabba l-pandemija tal-COVID-19 ser iwassal biex proporzjon akbar ta' dawk bejn il-25 u d-29 sena jisfaw qiegħda u jkunu jeħtieġu appoġġ. Hija tallinja wkoll il-miżuri u l-programmi tal-Istati Membri relatati maż-żgħażagħ, li ġeneralment ikunu disponibbli għaż-żgħażagħ fl-etajiet ta' bejn il-15 u d-29 sena.

    (23)

    In-NEETs huma grupp eteroġenu. Għal xi żgħażagħ, il-fatt li jkunu NEETs jista' jkun sintomu ta' ħafna żvantaġġi intrinsiċi u jista' jindika diżimpenn fit-tul mis-soċjetà, u għaldaqstant ikun hemm il-bżonn ta' interventi itwal. Xi żgħażagħ ikunu vulnerabbli b'mod partikolari, pereżempju dawk li jitilqu kmieni mill-edukazzjoni u t-taħriġ jew dawk li ma jkollhomx edukazzjoni jew taħriġ adegwati, li spiss ikollhom protezzjoni soċjali limitata, aċċess ristrett għal riżorsi finanzjarji, kundizzjonijiet tax-xogħol prekarji, jew issir diskriminazzjoni fil-konfront tagħhom. Għal oħrajn, bħal żgħażagħ b'livell għoli ta' ħiliet jew dawk li diġà għandhom esperjenza ta' xogħol sinifikanti u li għadha rilevanti, il-fatt li jkunu NEETs x'aktarx li jkun status temporanju peress li jħabbtu wiċċhom ma' ostakli baxxi għad-dħul fis-suq tax-xogħol u ma għandhom l-ebda vulnerabbiltajiet inerenti. Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jenħtieġ li tirrikonoxxi li n-NEETs jeħtieġu approċċ individwalizzat: għal xi wħud min-NEETs jista' jkun biżżejjed approċċ eħfef, iżda għal NEETs oħrajn li jkunu aktar vulnerabbli, jistgħu jkunu meħtieġa interventi aktar intensivi, twal u komprensivi. L-interventi jenħtieġ li jkunu bbażati fuq approċċ sensittiv għal kwistjonijiet ta' ġeneru, b'kont meħud tad-differenzi bejn iċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali.

    (24)

    Aktar minn żagħżugħ wieħed minn kull ħamsa madwar l-Unjoni ma jirnexxilux jilħaq livell bażiku ta' ħiliet diġitali, bi probabbiltà ta' tliet darbiet aktar li ż-żgħażagħ bi kwalifiki baxxi ma jilħqux livell suffiċjenti ta' ħiliet diġitali meta mqabbel mal-kontropartijiet tagħhom bi kwalifiki għolja. Bil-pandemija tal-COVID-19 taċċellera t-tranżizzjoni diġitali, id-diskrepanza fil-ħiliet diġitali ssir fattur determinanti ewlieni fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u fil-kapaċità tagħhom li jaħtfu l-opportunitajiet li jirriżultaw minn din it-tranżizzjoni. It-taħriġ ta' aġġornament immirat jgħin liż-żgħażagħ jirrispondu għad-domanda dejjem tikber għall-ħiliet diġitali u jindirizza d-distakk diġitali.

    (25)

    Meta dan jitqies xieraq, it-taħriġ preparatorju qabel ma wieħed jaċċetta offerta, imwettaq skont il-ħtiġijiet individwali u relatat ma' oqsma ta' ħiliet speċifiċi bħal ħiliet diġitali, ekoloġiċi, lingwistiċi, intraprenditorjali u ta' ġestjoni tal-karriera, jenħtieġ li jkun parti minn Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa. Dan it-taħriġ prattiku jista' jkun pass 'il quddiem lejn kors sħiħ ta' taħriġ vokazzjonali, togħma żgħira tad-dinja tax-xogħol, jew inkella jissupplimenta l-edukazzjoni jew l-esperjenza tax-xogħol eżistenti qabel il-bidu tal-offerta tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. In-natura qasira u informali ta' dan it-taħriġ preparatorju, li jenħtieġ li ma jtawwalx il-fażi preparatorja ta' erba' xhur, tiddistingwih mill-offerta nfisha.

    (26)

    Biex tingħata spinta għall-kwalità tal-impjiegi kif ukoll għall-opportunitajiet ta' edukazzjoni u taħriġ, għall-apprendistati u t-traineeships, huma kruċjali koordinazzjoni effettiva u sħubijiet bejn diversi oqsma ta' politika li jinkludu l-impjieg, l-edukazzjoni, iż-żgħażagħ, l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u l-affarijiet soċjali. Servizzi integrati (bħal punti uniċi ta' servizz jew mudelli oħra) joffru aċċess aktar faċli għas-servizzi u għall-benefiċċji, u jistgħu b'mod aktar faċli joffru xi soluzzjonijiet imfassla apposta, flessibbli u li jagħtu soluzzjonijiet aħjar għaż-żgħażagħ b'ostakli multidimensjonali għas-suq tax-xogħol. Is-servizzi integrati jeħtieġu bidla fil-kultura tax-xogħol, billi ż-żgħażagħ jitqiegħdu fiċ-ċentru tal-interventi u titrawwem l-użanza li jsir skambju ta' ideat dwar l-aħjar prattiki fil-livelli kollha tal-gvern u jinbnew networks bejn l-atturi rilevanti kollha. Barra minn hekk, jeħtieġ li jiġu indirizzati kwistjonijiet dwar il-protezzjoni tad-data sabiex ikun hemm kooperazzjoni effettiva u bla xkiel bejn l-amministrazzjonijiet u s-servizzi pubbliċi differenti.

    (27)

    Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa jenħtieġ li tiġi implimentata minn skema li tikkonsisti minn miżuri ta' sostenn, u jenħtieġ li tkun orjentata lejn iċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali. Dawn l-iskemi jenħtieġ li jqisu d-diversità tal-Istati Membri fir-rigward tal-livelli tal-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ, tal-istruttura istituzzjonali, u tal-kapaċità tad-diversi parteċipanti fis-suq tax-xogħol. Jenħtieġ li dawn l-iskemi jqisu wkoll is-sitwazzjonijiet diversi fir-rigward ta' baġits pubbliċi u restrizzjonijiet finanzjarji f'termini tal-allokazzjoni tar-riżorsi, u jiġu mmonitorjati u mtejba b'mod kontinwu.

    (28)

    Il-miżuri ta' sostenn jistgħu jiġu ffinanzjati minn fondi tal-Unjoni. L-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ 2014-2020 ('YEI') (li għaliha l-Unjoni tikkontribwixxi kważi EUR 9 biljun), flimkien ma' investiment addizzjonali mill-Fond Soċjali Ewropew ('FSE'), kienet riżorsa finanzjarja ewlenija tal-Unjoni biex tiġi appoġġata l-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Bħala parti mill-Pjan ta' Rkupru għall-Ewropa u l-istrument "Next Generation EU", il-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza u l-Assistenza fl-Irkupru għall-Koeżjoni u għat-Territorji tal-Ewropa ('REACT-EU') ser jipprovdu finanzjament addizzjonali mill-Unjoni għall-miżuri għall-impjieg taż-żgħażagħ. Dawk l-isforzi ser jiġu kkomplementati fil-perijodu ta' finanzjament 2021-27 mill-Fond Soċjali Ewropew Plus ('FSE+'), li ser jappoġġa l-firxa kollha tal-miżuri ta' impjieg, edukazzjoni u taħriġ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa,

    B'DAN JIRRAKKOMANDA LI L-ISTATI MEMBRI:

    (1)

    jiżguraw li ż-żgħażagħ kollha taħt l-età ta' 30 sena jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, ta' tkomplija tal-edukazzjoni, ta' apprendistat jew traineeship fi żmien erba' xhur minn meta jisfaw qiegħda jew minn meta jtemmu l-edukazzjoni formali, f'konformità mal-Prinċipju 4 tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali.

    Il-punt tat-tluq għall-forniment ta' offerta tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ lil persuna żagħżugħa jenħtieġ li jkun ir-reġistrazzjoni ta' dik il-persuna żagħżugħa ma' fornitur tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ. Jenħtieġ li l-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ ikunu bbażati fuq il-linji gwida li ġejjin, li huma strutturati madwar erba' fażijiet (rispettivament, l-immappjar, is-sensibilizzazzjoni, it-tħejjija u l-offerta) u jenħtieġ li jiġu organizzati skont iċ-ċirkustanzi nazzjonali, reġjonali u lokali, filwaqt li tingħata attenzjoni għall-ġeneru u d-diversità taż-żgħażagħ fil-mira:

    Immappjar

    Identifikazzjoni tal-grupp fil-mira, tas-servizzi disponibbli u tal-ħtiġijiet b'rabta mal-ħiliet

    (2)

    isaħħu l-immappjar tal-grupp fil-mira biex jippermettu fehim aħjar tad-diversità tan-NEETs u l-appoġġ imfassal apposta li x'aktarx ikunu jeħtieġu, inkluż NEETs affettwati b'mod negattiv mir-reċessjoni ekonomika;

    (3)

    jimmappjaw is-servizzi disponibbli għal ħtiġijiet ta' appoġġ differenti, filwaqt li jużaw tbassir tal-ħiliet nazzjonali flimkien ma' tbassir disponibbli tal-ħiliet lokali (infurmat minn, pereżempju, l-intelligenza tas-suq tax-xogħol ibbażata fuq il-big data) biex jidentifikaw il-ħiliet li hemm domanda għalihom fis-suq tax-xogħol, b'attenzjoni partikolari għall-ispeċifiċitajiet reġjonali tas-suq tax-xogħol u għall-ostakli ffaċċati miż-żgħażagħ li jgħixu f'żoni rurali, f'żoni mbiegħda jew f'żoni urbani żvantaġġati;

    Abilitazzjoni tal-prevenzjoni permezz ta' insegwiment u ta' sistemi ta' twissija bikrija

    (4)

    isaħħu s-sistemi ta' twissija bikrija u l-kapaċitajiet ta' insegwiment biex jidentifikaw dawk li jinsabu f'riskju li jsiru NEETs, filwaqt li jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tat-tluq bikri mill-edukazzjoni u t-taħriġ (pereżempju permezz ta' gwida vokazzjonali fl-iskejjel, perkorsi ta' tagħlim aktar flessibbli u aktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol), b'kooperazzjoni mas-settur tal-edukazzjoni, mal-ġenituri jew il-kustodji legali, u l-komunitajiet lokali, u bl-involviment tas-servizzi għaż-żgħażagħ, is-servizzi soċjali, tas-saħħa u tal-impjiegi;

    Sensibilizzazzjoni

    Sensibilizzazzjoni u mmirar tal-komunikazzjoni

    (5)

    jadottaw kanali ta' informazzjoni u skemi ta' sensibilizzazzjoni moderni, favur iż-żgħażagħ u lokali għal attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni, bl-użu ta' opportunitajiet diġitali u mhux diġitali, filwaqt li jiżguraw l-involviment taż-żgħażagħ, tal-ħaddiema żgħażagħ u tal-organizzazzjonijiet lokali taż-żgħażagħ, tal-familji u tal-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri;

    (6)

    jużaw stil viżwali li jintgħaraf għall-komunikazzjonijiet kollha, fejn rilevanti bbażat fuq il-linji gwida li l-Kummissjoni għamlet disponibbli, filwaqt li jtejbu l-aċċessibbiltà għal informazzjoni li tinftiehem faċilment dwar it-tipi kollha ta' appoġġ disponibbli, pereżempju permezz ta' portal web uniku bil-lingwa/i tal-pajjiż. Il-komunikazzjoni jenħtieġ li tevita l-isterjotipi kollha;

    Tisħiħ tas-sensibilizzazzjoni għall-gruppi vulnerabbli

    (7)

    iżidu l-fokus fuq in-NEETs (b'mod partikolari dawk minn gruppi vulnerabbli, fosthom dawk b'diżabbiltajiet u bi problemi multidimensjonali), billi jużaw fornituri tas-servizzi mħarrġa speċifikament u strateġiji komplementari, bħall-ħidma fost iż-żgħażagħ, "ambaxxaturi" żgħażagħ u l-kooperazzjoni ma' sħab li jkunu f'kuntatt ma' gruppi speċifiċi ta' żgħażagħ. Jesploraw, għal dawk in-NEETs li huma l-aktar diffiċli biex jintlaħqu, il-koordinazzjoni fil-forniment ta' benefiċċji, kif ukoll l-użu ta' unitajiet mobbli;

    Tħejjija

    Użu ta' għodod ta' tfassil tal-profil biex jitfasslu pjanijiet ta' azzjoni individwalizzati

    (8)

    itejbu l-għodod u l-prattiki tat-tfassil ta' profili u tal-iskrinjar biex iqabblu l-ħtiġijiet u r-risponsi, billi jadottaw approċċ multivarjat u sensittiv għall-ġeneru għat-tfassil ta' profili u l-iskrinjar li jqis il-preferenzi u l-motivazzjoni, il-ħiliet u l-esperjenza ta' xogħol preċedenti, l-ostakli u l-iżvantaġġi tal-persuna żagħżugħa kkonċernata, inkluż ir-raġunijiet għaliex huma qiegħda jew inattivi jew dawk relatati mar-residenza tagħhom f'żoni rurali, f'żoni mbiegħda jew f'żoni urbani żvantaġġati;

    (9)

    jiżguraw li jissaħħaħ il-proċess ta' konsulenza fis-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi u li l-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ ikollhom kapaċità adegwata tal-persunal, inkluż persunal imħarreġ speċifikament biex iħaddem u jtejjeb l-għodod ta' tfassil tal-profili u ta' skrinjar, kif ukoll biex jiżviluppa pjanijiet ta' azzjoni individwalizzati li jqisu l-ħtiġijiet u r-risponsi ċċentrati fuq il-persuna;

    Twettiq ta' konsulenza, gwida u mentoraġġ

    (10)

    itejbu l-fażi preparatorja permezz ta' konsulenza, gwida u mentoraġġ iċċentrati fuq il-persuni u pprovduti minn konsulenti mħarrġa, b'rispons għall-ħtiġijiet tal-individwu kkonċernat u b'attenzjoni xierqa għall-preġudizzju bbażat fuq il-ġeneru u għal forom oħra ta' diskriminazzjoni. Iħejju lin-NEETs għan-natura tax-xogħol li qed tinbidel u r-rekwiżiti tat-tagħlim tul il-ħajja, kemm permezz ta' konsulenza dwar il-karriera kif ukoll permezz ta' appoġġ għall-intraprenditorija, filwaqt li jadottaw appoġġ personalizzat, ħidma motivazzjonali, promozzjoni jew appoġġ mill-pari għan-NEETs;

    (11)

    jippermettu approċċ aktar olistiku għall-konsulenza, il-gwida u l-mentoraġġ billi jirreferu liż-żgħażagħ għal sħab (bħal istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, sħab soċjali u organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, kif ukoll servizzi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, servizzi soċjali u tas-saħħa) li jistgħu jgħinu jimmotivaw u jappoġġaw lil dawk iż-żgħażagħ biex jegħlbu ostakli oħra għall-impjieg;

    Tisħiħ tal-ħiliet diġitali b'taħriġ preparatorju

    (12)

    jivvalutaw il-ħiliet diġitali tan-NEETs kollha li jirreġistraw fil-Garanzija għaż-Żgħażagħ, pereżempju billi jużaw il-Qafas Ewropew ta' Kompetenza Diġitali (DigComp) u l-għodod disponibbli ta' valutazzjoni u awtovalutazzjoni, filwaqt li jiżguraw li, abbażi tad-diskrepanzi identifikati, iż-żgħażagħ kollha li jeħtieġu taħriġ preparatorju ddedikat jiġu offrut tali taħriġ biex itejbu l-ħiliet diġitali tagħhom;

    (13)

    jissalvagwardjaw il-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' eżiti tat-tagħlim mhux formali u informali mit-taħriġ preparatorju billi jużaw arranġamenti ta' validazzjoni inkorporati fis-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, bl-użu ta' għodod eżistenti bħall-Europass, li jippermettu approċċ aktar modulari għall-akkumulazzjoni tal-kwalifiki, filwaqt li jitjiebu l-eżiti tat-tagħlim u jittejjeb ir-rikonoxximent;

    Valutazzjoni, titjib u validazzjoni ta' ħiliet importanti oħra

    (14)

    jiżguraw li l-fażi preparatorja tiffaċilita t-taħriġ ta' aġġornament u t-taħriġ mill-ġdid fejn dan ikun xieraq, fil-biċċa l-kbira orjentati lejn ħiliet diġitali, ekoloġiċi, lingwistiċi, intraprenditorjali u dawk fil-ġestjoni tal-karriera, bl-użu ta' oqfsa ta' kompetenza, għodod ta' valutazzjoni u awtovalutazzjoni u għodod ta' validazzjoni eżistenti biex jgħinu liż-żgħażagħ jaħtfu l-opportunitajiet f'setturi li qed jikbru, u jitħejjew għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol li qed jinbidel;

    Offerta

    Kif jistgħu jsiru inċentivi li jirnexxu għall-impjiegi u n-negozji ġodda

    (15)

    jużaw inċentivi għall-impjiegi mmirati u mfassla sew, bħal sussidji tal-pagi, inċentivi għar-reklutaġġ ("bonuses"), tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, krediti tat-taxxa jew benefiċċji tad-diżabilità, u inċentivi għan-negozji ġodda sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' kwalità tajba għall-integrazzjoni sostenibbli taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol; fejn xieraq l-offerti li jippromwovu l-impjieg indipendenti għaż-żgħażagħ jenħtieġ li jkunu marbuta ma' taħriġ fil-fond u konsulenza intraprenditorjali komprensiva;

    Allinjament tal-offerta mal-istandards eżistenti biex jiġu żgurati l-kwalità u l-ekwità

    (16)

    jallinjaw l-offerti ta' impjieg mal-prinċipji rilevanti tal-Pilastru Ewropew tad-Drittijiet Soċjali, filwaqt li jiżguraw ugwaljanza fit-trattament u l-opportunitajiet bejn in-nisa u l-irġiel fl-oqsma kollha u d-dritt għal kundizzjonijiet tax-xogħol ġusti, l-aċċess għall-protezzjoni soċjali u t-taħriġ, tul raġonevoli tal-perijodi ta' prova u l-projbizzjoni ta' abbuż minħabba kuntratti atipiċi;

    (17)

    jiffaċilitaw it-triq lura lejn l-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ, billi jiddiversifikaw l-offerta ta' tkomplija tal-edukazzjoni pereżempju permezz ta' perkorsi ta' tagħlim flessibbli, tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, programmi ta' tranżizzjoni u programmi tat-tieni opportunità), filwaqt li jiżguraw, fejn xieraq, il-validazzjoni ta' tagħlim mhux formali u informali;

    (18)

    jintensifikaw l-appoġġ għall-apprendistati ta' kwalità u jiżguraw li l-offerti jikkonformaw mal-istandards minimi stipulati fil-Qafas Ewropew għal Apprendistati ta' Kwalità u Effettivi;

    (19)

    jiżguraw li l-offerti ta' traineeships jikkonformaw mal-istandards minimi stabbiliti fil-Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships;

    Għoti ta' appoġġ wara l-kollokament u l-implimentazzjoni tal-feedback

    (20)

    jespandu l-appoġġ kontinwu wara l-kollokament għaż-żgħażagħ biex jgħinuhom ilaħħqu ma' sitwazzjonijiet ġodda u jaġġustaw il-pjanijiet ta' azzjoni individwalizzati fejn meħtieġ, bl-użu tal-opportunità ta' feedback ta' wara l-kollokament biex tiġi żgurata offerta ta' kwalità u jiġi evitat li ż-żgħażagħ jerġgħu lura għal status ta' NEET;

    Abilitanti trażversali

    Mobilizzazzjoni tas-sħubijiet

    (21)

    isaħħu s-sħubijiet, fil-livelli kollha tal-gvern, bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-partijiet ikkonċernati rilevanti, bħall-impjegaturi, l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni u t-taħriġ, is-sħab soċjali, is-servizzi ta' ħidma fost iż-żgħażagħ, il-fornituri ta' attivitajiet ta' solidarjetà u dawk ċiviċi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u organizzazzjonijiet oħra tas-soċjetà ċivili; jippromwovu protokolli għall-kooperazzjoni bejn il-fornituri tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u servizzi soċjali oħra, bħall-indukrar tat-tfal, il-kura tas-saħħa, ir-riabilitazzjoni, l-akkomodazzjoni soċjali u s-servizzi ta' aċċessibbiltà;

    (22)

    jippromwovu l-iżvilupp ulterjuri ta' mudelli ta' servizzi integrati, bħal punti uniċi ta' servizz, ġestjoni konġunta ta' każijiet jew timijiet multidixxiplinarji, li jsaħħu s-sħubijiet u jippermettu punt uniku ta' kuntatt għaż-żgħażagħ;

    Titjib tal-ġbir ta' data u tal-monitoraġġ tal-iskemi

    (23)

    iżidu l-isforzi biex jarrikkixxu d-data ta' segwitu billi jsaħħu s-sistemi li jippermettu li ż-żgħażagħ jiġu segwiti wara li jaċċettaw offerta sabiex tiġi mmonitorjata l-integrazzjoni sostenibbli u fit-tul fis-suq tax-xogħol;

    (24)

    filwaqt li jirrispettaw ir-regoli tal-protezzjoni tad-data, iħeġġu l-kondiviżjoni usa' ta' data ta' segwiment, ta' tfassil tal-profil u ta' segwitu fost is-sħab tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ biex jittejjeb l-appoġġ, li huwa ta' importanza partikolari għas-suċċess ta' interventi mmirati lejn in-NEETs vulnerabbli;

    Użu sħiħ u ottimu mill-fondi

    (25)

    jiddedikaw riżorsi nazzjonali adegwati għall-implimentazzjoni tal-miżuri ta' politika mressqa mill-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, filwaqt li jiżguraw li dawn ikunu mmirati sew għall-ħtiġijiet individwali ta' kull persuna żagħżugħa u speċjalment tal-gruppi l-aktar vulnerabbli;

    (26)

    jagħmlu użu sħiħ u ottimali mill-istrumenti attwali tal-Unjoni taħt il-politika ta' koeżjoni, b'mod partikolari l-YEI, il-FSE u l-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali ('FEŻR') (2014-2020), u jimmobilizzaw sehem sinifikanti mill-fondi addizzjonali pprovduti taħt REACT-EU, kif ukoll il- FSE+ u l-FEŻR (2021-2027), biex jappoġġaw l-impjieg, l-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ, jipprevjenu l-qgħad u l-inattività fost iż-żgħażagħ u jimplimentaw riformi ta' politika rilevanti;

    (27)

    jisfruttaw il-potenzjal li l-isforzi ta' finanzjament nazzjonali jiġu kkomplementati b'sorsi oħra ta' finanzjament mill-Unjoni li jistgħu jikkontribwixxu għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ imsaħħa, b'mod partikolari l-Faċilità għall-Irkupru u r-Reżiljenza, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali ('FAEŻR'), il-Programm InvestEU, il-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni ('AMIF'), il-programm Erasmus+ u l-Istrument ta' Appoġġ Tekniku;

    B'DAN JILQA' L-INTENZJONI TAL-KUMMISSJONI LI:

    Titjib tal-ġbir ta' data u tal-monitoraġġ tal-iskemi

    (28)

    tkompli tappoġġa l-monitoraġġ kwantitattiv tal-iskemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ abbażi tal-Qafas ta' Indikaturi miftiehem b'mod ġenerali, billi tipproponi aġġustamenti fejn xieraq fid-dawl ta' din ir-Rakkomandazzjoni;

    (29)

    mill-2022 'il quddiem, ittejjeb il-granularità li biha jiġi vvalutat il-grupp ta' NEETs fil-mira, u tibbenefika mit-titjib għall-Istħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol tal-UE li rriżulta mir-Regolament (UE) 2019/1700;

    Monitoraġġ tal-implimentazzjoni

    (30)

    timmonitorja l-implimentazzjoni ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ skont din ir-Rakkomandazzjoni permezz tas-sorveljanza multilaterali tal-Kumitat tal-Impjiegi ('EMCO') fi ħdan il-qafas tas-Semestru Ewropew;

    (31)

    tinteraġixxi regolarment mal-Istati Membri fil-kuntest tas-Semestru Ewropew biex tiżgura l-monitoraġġ ta' investiment nazzjonali kontinwu f'politiki u programmi għall-impjieg taż-żgħażagħ; tindirizza, fejn xieraq, rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi lill-Istati Membri abbażi tal-linji gwida għall-politiki dwar l-impjiegi tal-Istati Membri;

    (32)

    tirrapporta regolarment lill-EMCO dwar żviluppi li jikkonċernaw l-implimentazzjoni u r-riżultati ta' skemi ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ;

    Sensibilizzazzjoni u mmirar tal-komunikazzjoni

    (33)

    issaħħaħ l-appoġġ għall-isforzi ta' sensibilizzazzjoni u ta' komunikazzjoni tal-Istati Membri, u ssaħħaħ it-tixrid tar-riżultati u eżempji ta' prattika tajba fost l-Istati Membri, inkluż permezz tan-Network Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi.

    Ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-22 ta' April 2013 dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ għandha tiġi sostitwita b'din ir-rakkomandazzjoni.

    Magħmul fi Brussell, it-30 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/1181 tas-8 ta' Lulju 2019 dwar linji gwida għal-linji politiċi dwar l-impjiegi tal-Istati Membri (ĠU L 185, 11.7.2019, p. 44).

    (2)  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.

    (3)  ĠU C 484, 24.12.2016, p. 1.

    (4)  ĠU C 189, 4.6.2018, p. 1.

    (5)  ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.

    (6)  ĠU C 153, 2.5.2018, p. 1.

    (7)  Regolament (UE) 2019/1700 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-10 ta' Ottubru 2019 li jistabbilixxi qafas komuni għall-istatistika Ewropea relatata ma' persuni u unitajiet domestiċi, abbażi ta' data fuq livell individwali miġbura minn kampjuni, li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 808/2004, (KE) Nru 452/2008 u (KE) Nru 1338/2008 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1177/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 577/98 (ĠU L 261I, 14.10.2019, p. 1).

    (8)  ĠU C 120, 26.4.2013, p. 1.


    Top