Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1728

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1728 tas-17 ta’ Novembru 2020 li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fil-Kroazja (notifikata bid-dokument C(2020) 7880) (It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)

    C/2020/7880

    ĠU L 387, 19.11.2020, p. 3–7 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/1728/oj

    19.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 387/3

    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1728

    tas-17 ta’ Novembru 2020

    li tawtorizza metodi għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali fil-Kroazja

    (notifikata bid-dokument C(2020) 7880)

    (It-test bil-Kroat biss huwa awtentiku)

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007 (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 20(p) tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Il-punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 jistipula li, għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjal, il-kontenut tal-laħam dgħif irid jiġi vvalutat permezz ta’ metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati mill-Kummissjoni u jistgħu jiġu awtorizzati biss metodi ta’ valutazzjoni ppruvati statistikament ibbażati fuq il-kejl fiżiku ta’ parti anatomika waħda jew aktar tal-karkassa tal-majjal. Jenħtieġ li l-awtorizzazzjoni tal-metodi ta’ klassifikazzjoni tkun soġġetta għall-konformità ma’ tolleranza massima għall-iżball tal-istatistika fil-valutazzjoni. Dik it-tolleranza hija ddefinita fil-Parti A tal-Anness V tar-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 (2).

    (2)

    Il-Kroazja talbet lill-Kummissjoni biex tawtorizza ħames metodi (“Hennessy Grading Probe 2 (HGP2)”, “Hennessy Grading Probe 7 (HGP7)”, “ OptiGrade-MCP”, “OptiScan-TP” u “ Manual method-ZP”). Għal dak il-fini, il-Kroazja ppreżentat deskrizzjoni dettaljata tal-prova tad-dissezzjoni li tindika l-prinċipji li huma bbażati fuqhom dawn il-metodi, ir-riżultati tal-prova tad-dissezzjoni tagħha u l-ekwazzjonijiet użati għall-valutazzjoni tal-perċentwal tal-laħam dgħif fil-protokoll previst fl-Artikolu 11(3) tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2017/1182.

    (3)

    Eżami ta’ dik it-talba żvela li l-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni tal-metodi ta’ klassifikazzjoni huma ssodisfati. Għalhekk, jenħtieġ li dawn il-metodi u l-formuli ta’ klassifikazzjoni jiġu awtorizzati fil-Kroazja.

    (4)

    Il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni huma f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat għall-Organizzazzjoni Komuni tas-Swieq Agrikoli,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    1.   L-użu tal-metodi li ġejjin huwa awtorizzat għall-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali skont il-Punt 1 tat-Taqsima B.IV tal-Anness IV tar-Regolament (UE) Nru 1308/2013 fil-Kroazja:

    (a)

    l-apparat “Hennessy Grading Probe 2 (HGP2)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti I tal-Anness;

    (b)

    l-apparat “Hennessy Grading Probe 7 (HGP7)” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti II tal-Anness;

    (c)

    l-apparat “OptiGrade-MCP” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tiegħu jinsabu fil-Parti III tal-Anness.

    (d)

    l-apparat “OptiScan-TP” u l-metodi ta’ valutazzjoni marbuta miegħu, li d-dettalji tiegħu jinsabu fil-Parti IV tal-Anness;

    (e)

    il-“metodu manwali (ZP)” b’riga u l-metodi ta’ valutazzjoni relatati miegħu, li d-dettalji tagħhom jinsabu fil-Parti V tal-Anness.

    2.   Il-metodu manwali ZP b’riga u l-metodi ta’ valutazzjoni relatati miegħu, imsemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, għandhom jiġu awtorizzati biss għall-biċċeriji li fihom in-numru ta’ majjali maqtula kull ġimgħa ma jaqbiżx il-500, ikkalkulat bħala medja annwali.

    Artikolu 2

    Il-modifiki tal-apparat jew tal-metodi ta’ klassifikazzjoni awtorizzati ma għandhomx ikunu permessi sakemm ma jkunux awtorizzati espliċitament permezz ta’ Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika tal-Kroazja.

    Magħmul fi Brussell, is-17 ta’ Novembru 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Janusz WOJCIECHOWSKI

    Membru tal-Kummissjoni

    (1)  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

    (2)  Ir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2017/1182 tal-20 ta’ April 2017 li jissupplimenta r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fir-rigward tal-iskali tal-Unjoni għall-klassifikazzjoni ta’ karkassi taċ-ċanga, tal-majjal u tan-nagħaġ u dwar ir-rapportar tal-prezzijiet tas-suq ta’ ċerti kategoriji ta’ karkassi u annimali ħajjin (ĠU L 171, 4.7.2017, p. 74).

    ANNESS

    METODI GĦALL-KLASSIFIKAZZJONI TAL-KARKASSI TAL-MAJJALI FIL-KROAZJA

    PARTI I

    Hennessy Grading Probe 2 (HPG 2)

    1.

    Ir-regoli stipulati f’din il-parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala l-“Hennessy Grading Probe 2 (HGP 2)”.

    2.

    L-apparat għandu jkun mgħammar bi probe b’dijametru ta’ 5,95 millimetri (u ta’ 6,3 millimetri fix-xafra li tinsab in-naħa ta’ fuq tal-probe), li jkun fiha fotodijodu (Siemens LED tat-tip LYU 260-EO u fotodetettur tat-tip 58 MR) u li jkollha distanza operattiva ta’ bejn 0 u 120 millimetru.

    3.

    Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    LMPHGP 2 = 68,54165 – (0,7727577 × F) + (0,008924575 × M)

    meta:

    LMPHGP 2

    =

    il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

    F

    =

    il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla 7 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq barra u 4 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq ġewwa bejn it-tieni u t-tielet kustilja tal-aħħar;

    M

    =

    il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u post bħal F.

    4.

    Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramma (f’piż tal-karkassa sħuna).

    PARTI II

    Hennessy Grading Probe 7 (HPG 7)

    1.

    Ir-regoli stipulati f’din il-parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala l-“Hennessy Grading Probe 7 (HGP 7)”.

    2.

    L-apparat għandu jkun mgħammar bi probe b’dijametru ta’ 5,95 millimetri (u ta’ 6,3 millimetri fix-xafra li tinsab in-naħa ta’ fuq tal-probe), li jkun fiha fotodijodu (Siemens LED tat-tip LYU 260-EO u fotodetettur tat-tip 58 MR) u li jkollha distanza operattiva ta’ bejn 0 u 120 millimetru.

    3.

    Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    LMPHGP 7 = 66,92177 – (0,7505144 × F) + (0,03170816 × M)

    meta:

    LMPHGP 7

    =

    il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

    F

    =

    il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla 7 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq barra u 4 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq ġewwa bejn it-tieni u t-tielet kustilja tal-aħħar;

    M

    =

    il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u post bħal F.

    4.

    Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramma (f’piż tal-karkassa sħuna).

    PARTI III

    OptiGrade-MCP

    1.

    Ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “OptiGrade-MCP”.

    2.

    L-apparat għandu jkun mgħammar bi probe ottika b’dijametru ta’ 6 mm, fotodijodu infrared (Siemens) wieħed u foto transistor (Siemens). Id-distanza operattiva għandha tkun bejn 0 u 110 millimetri.

    3.

    Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    LMPMCP = 66,863 – (0,6809437 × F) + (0,02633554 × M)

    meta:

    LMPMCP

    =

    il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

    F

    =

    il-ħxuna tax-xaħam tad-dahar (bil-ġilda ta’ barra) f’millimetri, imkejla 7 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq barra u 4 ċentimetri ’l bogħod mil-linja tal-qsim fuq ġewwa bejn it-tieni u t-tielet kustilja tal-aħħar;

    M

    =

    il-ħxuna tal-muskolu f’millimetri, imkejla fl-istess ħin u post bħal F.

    4.

    Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramma (f’piż tal-karkassa sħuna).

    PARTI IV

    OptiScan-TP

    1.

    Ir-regoli stipulati f’din il-parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-apparat magħruf bħala “OptiScan TP”.

    2.

    L-apparat Optiscan-TP għandu jkun mgħammar b’imager diġitali li tieħu ritratt illuminat taż-żewġ punti tal-kejl fuq il-karkassi. L-immaġnijiet għandhom ikunu l-bażi għall-kalkolu tal-ħxuna tax-xaħam u tal-muskolu. Ir-riżultati tal-kejl għandhom ikunu kkonvertiti f’kontenut ta’ laħam dgħif stmat permezz tal-apparat Optiscan-TP nnifsu. Ir-ritratti jinħażnu u mbagħad aktar tard jistgħu jiġu kkontrollati. L-interfaċċa Bluetooth® integrata tippermetti t-trasferiment faċli tad-data.

    3.

    Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    LMPTP =66,52167 – (0,5215984 × F) + (0, 01604653 × M)

    meta:

    LMPTP

    =

    il-perċentwal tal-laħam dgħif stmat f’karkassa;

    F

    =

    il-ħxuna minima tax-xaħam viżibbli (inkluża l-ġilda ta’ barra) f’millimetri, fuq il-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma, li tkopri l-muskolu gluteus medius;

    M

    =

    l-iċken ħxuna tal-muskolu bejn l-estremità anterjuri tal-muskolu gluteus medius u l-parti dorsali tal-kanal tal-mudullun

    4.

    Din il-formula għandha tkun valida għall-karkassi li jiżnu bejn 60 u 120 kilogramma (f’piż tal-karkassa sħuna).

    PARTI V

    Metodu manwali (ZP)

    1.

    Ir-regoli stipulati f’din il-Parti għandhom japplikaw meta l-klassifikazzjoni tal-karkassi tal-majjali ssir permezz tal-“metodu manwali (ZP)” bil-kejl bir-riga.

    2.

    Dan il-metodu jista’ jiġi implimentat permezz ta’ riga, meta l-klassifika tiġi ddeterminata abbażi ta’ ekwazzjoni ta’ tbassir. Huwa bbażat fuq il-kejl manwali tal-linja tan-nofs tal-karkassa maqsuma tal-ħxuna tax-xaħam u tal-ħxuna tal-muskolu.

    3.

    Il-kontenut tal-laħam dgħif ta’ karkassa għandu jiġi kkalkulat skont il-formula li ġejja:

    LMPZP = 66,18242 – (0, 5312573 × F) + (0,02048905 × M)

    meta:

    LMPZP

    Top