Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1658

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1658 tas-6 ta’ Novembru 2020 dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

    ĠU L 376, 10.11.2020, p. 1–2 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1658/oj

    10.11.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 376/1


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1658

    tas-6 ta’ Novembru 2020

    dwar il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (IOC) fir-rigward tal-kondizzjonijiet tal-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Il-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (“il-Ftehim”) ġie ffirmat f’isem l-Unjoni f’konformità mad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 (1) fit-18 ta’ Novembru 2016 fis-sede tan-Nazzjonijiet Uniti f’New York, soġġett għall-konklużjoni tiegħu f’data aktar tard. Il-Ftehim daħal fis-seħħ b’mod proviżorju fl-1 ta’ Jannar 2017 f’konformità mal-Artikolu 31(2) tiegħu.

    (2)

    Il-Ftehim ġie konkluż fis-17 ta’ Mejju 2019 bid-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 (2).

    (3)

    Skont l-Artikolu 29 tal-Ftehim, il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ (il-‘Kunsill tal-Membri’) irid jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni ta’ gvern mal-Ftehim.

    (4)

    Il-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan applika formalment biex jaċċedi għall-Ftehim. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-Kunsill tal-Membri jiġi mistieden, waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, li jistabbilixxi l-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan fir-rigward tal-ishma ta’ parteċipazzjoni fl-IOC u l-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrument ta’ adeżjoni.

    (5)

    Billi r-Repubblika tal-Użbekistan qed tiżviluppa s-setturi taż-żebbuġ tagħha fir-rigward tal-konsum u għandha l-ħsieb li tiżviluppa l-produzzjoni tagħha, l-adeżjoni tagħha taħt ċerti kondizzjonijiet tista’ ssaħħaħ l-IOC, b’mod partikolari fir-rigward tal-kisba ta’ uniformità fil-liġi nazzjonali u internazzjonali relatata mal-karatteristiċi tal-prodotti taż-żebbuġ, sabiex jiġi evitat kwalunkwe ostaklu għall-kummerċ.

    (6)

    Huwa xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-Kunsill tal-Membri, peress li d-deċiżjonijiet li ser jiġu adottati ser ikollhom effetti legali fuq l-Unjoni billi jħallu impatt fuq il-bilanċ deċiżjonali f ħdan il-Kunsill tal-Membri meta d-deċiżjonijiet ma jiġux adottati b’kunsens f’konformità mal-Artikolu 10(4) tal-Ftehim,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kunsill tal-Membri tal-Kunsill Internazzjonali taż-Żebbuġ waqt sessjoni futura tiegħu, jew fil-qafas ta’ proċedura għall-adozzjoni ta’ deċiżjonijiet mill-Kunsill tal-Membri permezz ta’ skambju ta’ korrispondenza, fir-rigward tal-kondizzjonijiet għall-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan mal-Ftehim, għandha tkun li tappoġġa l-adeżjoni tal-Gvern tar-Repubblika tal-Użbekistan għall-Ftehim, dment li:

    (a)

    l-ishma ta’ parteċipazzjoni tar-Repubblika tal-Użbekistan jiġu kkalkulati skont il-formula stabbilita fl-Artikolu 11 tal-Ftehim, u

    (b)

    il-limitu ta’ żmien għad-depożitu tal-istrumenti tal-adeżjoni ma jeċċedix sena u nofs wara d-deċiżjoni tal-Kunsill tal-Membri.

    Jekk id-depożitu tal-istrument jiġi pospost, l-Unjoni, f’deċiżjonijiet sussegwenti li jridu jiġu adottati mill-Kunsill tal-Membri, tista’ tappoġġa l-estensjoni tal-perjodu għad-depożitu tal-istrument.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, is-6 ta’ Novembru 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2016/1892 tal-10 ta’ Ottubru 2016 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 293, 28.10.2016, p. 2).

    (2)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2019/848 tas-17 ta’ Mejju 2019 dwar il-konklużjoni f’isem l-Unjoni Ewropea tal-Ftehim Internazzjonali dwar iż-Żejt taż-Żebbuġa u ż-Żebbuġ tal-Mejda, 2015 (ĠU L 139, 27.5.2019, p. 1).


    Top