EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1599

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1599 tat-23 ta’ Ottubru 2020 li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

ĠU L 365, 3.11.2020, p. 3–8 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1599/oj

3.11.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 365/3


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1599

tat-23 ta’ Ottubru 2020

li tistabbilixxi l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt stabbilit mill-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 50(2) tiegħu,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”) ġie konkluż permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 (1) u daħal fis-seħħ fl-1 ta’ Frar 2020.

(2)

Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) inħoloq permezz tal-Artikolu 15(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (il-“Protokoll”) biex iservi ta’ forum għall-iskambju ta’ informazzjoni u għall-konsultazzjoni reċiproka dwar l-implimentazzjoni tal-Protokoll.

(3)

Skont l-Artikolu 15(2) tal-Protokoll, il-grupp ta’ ħidma għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-Unjoni u tar-Renju Unit u jwettaq il-funzjonijiet tiegħu taħt is-superviżjoni tal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, stabbilit mill-punt (c) tal-Artikolu 165(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ, li lilu għandu jirrapporta.

(4)

Skont l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll, il-grupp ta’ ħidma għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’kunsens reċiproku.

(5)

Fid-dawl tal-iskop u l-għamla tal-grupp ta’ ħidma u r-relazzjoni tiegħu mal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, jenħtieġ li r-regoli ta’ proċedura jkunu simili għar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti mill-Artikolu 165(1) tal-Ftehim dwar il-Ħruġ.

(6)

Għaldaqstant, ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li għandha tittieħed f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma.

(7)

Sabiex il-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni jkunu jistgħu jiġu applikati fil-pront, din id-Deċiżjoni jenħtieġ li tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li għandha tiġi adottata f’isem l-Unjoni fil-grupp ta’ ħidma stabbilit mill-Artikolu 15(1) tal-Protokoll fir-rigward tal-adozzjoni tar-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ ħidma skont l-Artikolu 15(6) tiegħu għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-grupp ta’ ħidma mehmuż ma’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Id-deċiżjoni tal-grupp ta’ ħidma għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 3

Id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-23 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

S. SCHULZE


(1)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/135 tat-30 ta’ Jannar 2020 dwar il-konklużjoni tal-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (ĠU L 29, 31.1.2020, p. 1).


ANNESS

DEĊIŻJONI NRU .../2020 TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT STABBILIT MILL-FTEHIM DWAR IL-ĦRUĠ TAR-RENJU UNIT TAL-GRAN BRITTANJA U L-IRLANDA TA’ FUQ MILL-UNJONI EWROPEA U MILL-KOMUNITÀ EWROPEA TAL-ENERĠIJA ATOMIKA

ta’ …

li tadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu

IL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT,

Wara li kkunsidra l-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (1) (il-“Ftehim dwar il-Ħruġ”), u b’mod partikolari l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ (“il-Protokoll”),

Billi:

(1)

Skont l-Artikolu 15(6) tal-Protokoll, il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) għandu jadotta r-regoli ta’ proċedura tiegħu stess b’kunsens reċiproku.

(2)

Fid-dawl tal-iskop u l-għamla tal-grupp ta’ ħidma u r-relazzjoni tiegħu mal-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll, ir-regoli ta’ proċedura tal-grupp ta’ ħidma jenħtieġ li jkunu simili għar-regoli ta’ proċedura previsti fl-Anness VIII tal-Ftehim dwar il-Ħruġ fir-rigward tal-Kumitati Speċjalizzati stabbiliti taħt l-Artikolu 165 tal-Ftehim dwar il-Ħruġ,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-ħidma tal-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt stabbilit mill-Artikolu 15(1) tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq tal-Ftehim dwar il-Ħruġ għandha tkun regolata mir-regoli ta’ proċedura stabbiliti fl-Anness ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fi …,

Għall-Grupp ta’ Ħidma

Konsultattiv Konġunt

Il-Kopresidenti


(1)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.


ANNESS

REGOLI TA’ PROĊEDURA TAL-GRUPP TA’ ĦIDMA KONSULTATTIV KONĠUNT

Regola 1

Il-President

1.

Il-Grupp ta’ Ħidma Konsultattiv Konġunt (il-“grupp ta’ ħidma”) għandu jkun kopresedut minn rappreżentant maħtur mill-Kummissjoni Ewropea u minn rappreżentant nominat mill-Gvern tar-Renju Unit. L-Unjoni Ewropea u r-Renju Unit għandhom jinnotifikaw lil xulxin bil-miktub dwar ir-rappreżentanti li jiġu nominati.

2.

Kopresident li ma jkunx jista’ jattendi laqgħa jista’ jiġi sostitwit għal dik il-laqgħa minn persuna oħra nominata bħala supplenti. Il-persuni supplenti nominati mill-Kummissjoni jew mill-Gvern tar-Renju Unit għandhom jinformaw lill-kopresident l-ieħor u lis-Segretarjat tal-grupp ta’ ħidma bil-miktub dwar in-nomina tagħhom mill-aktar fis possibbli.

3.

Il-persuna nominata bħala supplenti tal-kopresident għandha teżerċita d-drittijiet ta’ dak il-kopresident fil-limiti tan-nomina. Kull referenza f’dawn ir-Regoli ta’ Proċedura għall-kopresidenti għandha tinftiehem li tinkludi supplenti nominati.

Regola 2

Is-Segretarjat

Is-Segretarjat tal-grupp ta’ ħidma (is-“Segretarjat”) għandu jkun magħmul minn uffiċjal tal-Kummissjoni Ewropea u uffiċjal tal-Gvern tar-Renju Unit. Is-Segretarjat għandu, taħt l-awtorità tal-kopresidenti, iwettaq il-kompiti mogħtija lilu permezz ta’ dawn ir-Regoli ta’ Proċedura.

Regola 3

Il-parteċipazzjoni fil-laqgħat

1.

Qabel kull laqgħa, l-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jinfurmaw lil xulxin permezz tas-Segretarjat dwar il-kompożizzjoni maħsuba tad-delegazzjonijiet.

2.

Fejn xieraq u b’deċiżjoni tal-kopresidenti, l-esperti jew persuni oħra li ma jkunux membri tad-delegazzjonijiet jistgħu jiġu mistiedna jattendu l-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma sabiex jipprovdu informazzjoni dwar suġġett partikolari.

Regola 4

Il-laqgħat

1.

Il-grupp ta’ ħidma għandu jagħmel il-laqgħat tiegħu alternattivament fi Brussell u fir-Renju Unit, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor.

2.

B'deroga mill-paragrafu 1, il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li laqgħa tal-grupp ta’ ħidma ssir permezz ta’ vidjokonferenza jew telekonferenza.

3.

Kull laqgħa tal-grupp ta’ ħidma għandha titlaqqa’ mis-Segretarjat f’data u post deċiżi mill-kopresidenti. Fejn l-Unjoni jew ir-Renju Unit ikunu għamlu talba għal laqgħa, il-grupp ta’ ħidma għandu jagħmel ħiltu biex jiltaqa’ fi żmien 15-il jum minn tali talba. F’każijiet ta’ urġenza huwa għandu jagħmel ħiltu biex jiltaqa’ qabel.

Regola 5

Id-dokumenti

Id-dokumenti bil-miktub li jiġu skambjati b’mod formali fil-grupp ta’ ħidma, kemm jekk matul il-laqgħat jew bejn laqgħa u oħra, għandhom jiġu nnumerati u ċċirkolati lill-Unjoni u lir-Renju Unit mis-Segretarjat bħala dokumenti tal-grupp ta’ ħidma.

Regola 6

Il-korrispondenza

1.

L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom jibagħtu l-korrispondenza tagħhom indirizzata lill-grupp ta’ ħidma lis-Segretarjat. Tali korrispondenza tista’ tintbagħat fi kwalunkwe forma ta’ komunikazzjoni bil-miktub, inkluż permezz tal-posta elettronika.

2.

Is-Segretarjat għandu jiżgura li l-korrispondenza indirizzata lill-grupp ta’ ħidma tintbagħat lill-kopresidenti u tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont ir-Regola 5.

3.

Il-korrispondenza kollha mill-kopresidenti jew indirizzata direttament lilhom għandha tintbagħat lis-Segretarjat u għandha tiġi ċċirkolata, fejn xieraq, skont ir-Regola 5.

Regola 7

L-aġenda tal-laqgħat

1.

Għal kull laqgħa għandu jitfassal abbozz ta' aġenda provviżorja mis-Segretarjat. Din għandha tintbagħat, flimkien mad-dokumenti rilevanti, lill-kopresidenti sa mhux aktar tard minn ħamest ijiem qabel id-data tal-laqgħa.

2.

L-aġenda provviżorja għandha tinkludi dawk il-punti li l-inklużjoni tagħhom fl-aġenda tkun intalbet mill-Unjoni jew mir-Renju Unit. Kwalunkwe tali talba, flimkien ma’ kwalunkwe dokument rilevanti, għandha tiġi ppreżentata lis-Segretarjat mhux aktar tard minn sebat ijiem qabel il-bidu tal-laqgħa.

3.

Mhux aktar tard minn tlett ijiem qabel id-data tal-laqgħa, il-kopresidenti għandhom jiddeċiedu dwar l-aġenda provviżorja għal laqgħa. Huma jistgħu jiddeċiedu li jagħmlu din l-aġenda provviżorja, jew xi parti minnha, pubblika qabel il-bidu tal-laqgħa.

4.

L-aġenda għandha tiġi adotta mill-grupp ta’ ħidma fil-bidu ta’ kull laqgħa. Fuq talba tal-Unjoni jew tar-Renju Unit, il-grupp ta’ ħidma jista’ jieħu deċiżjoni li tinkludi punt ieħor fl-aġenda provviżorja minbarra dawk li jkunu diġà ġew inklużi fiha.

5.

Il-kopresidenti jistgħu jiddeċiedu li jidderogaw mil-limiti ta’ żmien speċifikati fil-paragrafi minn 1, 2 u 3.

Regola 8

Il-minuti

1.

Is-Segretarjat għandu jfassal l-abbozz tal-minuti, fi żmien ħamest ijiem minn tmiem il-laqgħa, sakemm il-kopresidenti ma jiddeċidux mod ieħor. Is-Segretarjat għandu jħejji wkoll sommarju tal-minuti.

2.

Il-minuti għandhom, bħala regola, jagħtu sinteżi ta’ kull punt fl-aġenda, u jispeċifikaw fejn applikabbli:

(a)

id-dokumenti ppreżentati lill-grupp ta’ ħidma;

(b)

kwalunkwe dikjarazzjoni li wieħed mill-kopresidenti jkun talab li tiddaħħal fil-minuti; u

(c)

il-konklużjonijiet operazzjonali adottati dwar punti speċifiċi.

3.

Il-minuti għandhom jinkludu lista tal-ismijiet, it-titoli u l-funzjoni tal-individwi kollha li jkunu attendew il-laqgħa.

4.

Il-kopresidenti jistgħu jitolbu l-emendar tal-abbozz tal-minuti jew tas-sommarju fi żmien ħamest ijiem minn meta jiġu ċċirkolati mis-Segretarjat skont il-paragrafu 1. Il-minuti u s-sommarju għandhom jitqiesu bħala approvati mill-kopresidenti malli jiskadi dak il-perjodu jekk ma tkun intalbet ebda emenda. Jekk kopresident jitlob li ssir emenda fi żmien dak il-perjodu, il-minuti u s-sommarju għandhom jitqiesu bħala approvati ladarba l-kopresident l-ieħor ikun qabel mal-emenda mitluba.

5.

Ladarba jiġu approvati, kopji elettroniċi tal-minuti għandhom jiġu ffirmati mill-membri tas-Segretarjat u jintbagħtu lill-Unjoni u lir-Renju Unit, kif ukoll lill-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq. Il-kopresidenti jistgħu konsegwentement jiddeċiedu li jagħmlu pubbliku s-sommarju tal-minuti.

Regola 9

Id-deċiżjonijiet

1.

Id-deċiżjonijiet tal-kopresidenti previsti minn dawn ir-regoli ta’ proċedura għandhom jittieħdu b’kunsens reċiproku.

2.

Fil-perjodu bejn laqgħa u oħra, il-kopresidenti jistgħu jieħdu deċiżjonijiet b'komunikazzjoni bil-miktub permezz ta’ skambju ta’ noti elettroniċi bejn il-kopresidenti. Is-Segretarjat għandu jinforma lill-Partijiet dwar kwalunkwe tali deċiżjoni meħuda mill-kopresidenti.

Regola 10

Il-kunfidenzjalità

1.

Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma għandhom ikunu kunfidenzjali.

2.

Fejn l-Unjoni jew ir-Renju Unit jippreżentaw informazzjoni meqjusa bħala kunfidenzjali jew protetta mid-divulgazzjoni taħt il-liġijiet u r-regolamenti tagħhom lill-grupp ta’ ħidma, il-Parti l-oħra għandha tittratta dik l-informazzjoni li tkun irċeviet bħala kunfidenzjali.

Regola 11

Il-lingwa operazzjonali

Il-lingwa operazzjonali tal-grupp ta’ ħidma għandha tkun l-Ingliż. Sakemm ma jiġix deċiż mod ieħor mill-kopresidenti, il-grupp ta’ ħidma għandu jibbaża d-deliberazzjonijiet tiegħu fuq dokumenti mħejjija bl-Ingliż.

Regola 12

L-ispejjeż

1.

L-Unjoni u r-Renju Unit għandhom kull wieħed minnhom jassumu kull spiża li jġarrbu bħala riżultat tal-parteċipazzjoni fil-laqgħat tal-grupp ta’ ħidma.

2.

L-ispejjeż marbuta mal-organizzazzjoni tal-laqgħat u mar-riproduzzjoni tad-dokumenti għandhom jitħallsu mill-Unjoni għal-laqgħat li jsiru fi Brussell, u mir-Renju Unit għal-laqgħat li jsiru fir-Renju Unit.

3.

L-ispejjeż marbuta mal-interpretazzjoni fil-lingwa operazzjonali, jew minnha, tal-grupp ta’ ħidma waqt il-laqgħat għandhom jitħallsu mill-Parti li titlob tali interpretazzjoni.

Regola 13

Rapport annwali lill-Kumitat Speċjalizzat

1.

Kull sena kalendarja s-Segretarjat għandu jfassal rapport dwar il-ħidma tal-grupp ta’ ħidma. Ir-rapport għandu jitfassal sal-1 ta’ Frar tas-sena ta’ wara.

2.

Kull rapport għandu jiġi adottat u ffirmat mill-kopresidenti u għandu jintbagħat lill-Kumitat Speċjalizzat dwar kwistjonijiet relatati mal-implimentazzjoni tal-Protokoll dwar l-Irlanda/l-Irlanda ta’ Fuq minnufih wara li jiġi ffirmat.

Top