Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1531

    Deċiżjoni (Ue) 2020/1531 Tal-Parlament Ewropew U Tal-Kunsill tal-21 ta’ Ottubru 2020 li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link

    ĠU L 352, 22.10.2020, p. 4–6 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1531/oj

    22.10.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 352/4


    DEĊIŻJONI (Ue) 2020/1531 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

    tal-21 ta’ Ottubru 2020

    li tagħti s-setgħa lil Franza biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link

    IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 91 tiegħu,

    Wara li kkunsidraw il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

    Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

    Wara li kkunsidraw l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (1),

    Wara li kkonsultaw l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni,

    Filwaqt li jaġixxu f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja (2),

    Billi:

    (1)

    It-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link, iffirmat f’Canterbury fit-12 ta’ Frar 1986 (“it-Trattat ta’ Canterbury”), stabbilixxa Kummissjoni Intergovernattiva biex tissorvelja l-kwistjonijiet kollha dwar il-bini u t-tħaddim taċ-Channel Fixed Link (“il-Kummissjoni Intergovernattiva”).

    (2)

    Sat-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika (3) (“il-perjodu ta’ tranżizzjoni”), il-Kummissjoni Intergovernattiva hija korp fdat minn diversi Stati Membri bil-kompiti li jirrigwardaw is-sikurezza ferrovjarja b’rabta maċ-Channel Fixed Link. F’dan ir-rigward, il-Kummissjoni Intergovernattiva għalhekk tikkostitwixxi l-awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tad-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). F’dik il-kapaċità, hija tapplika d-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni rilevanti għas-sikurezza ferrovjarja u, taħt id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), għall-interoperabbiltà ferrovjarja.

    (3)

    Fit-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni, il-Kummissjoni Intergovernattiva se ssir korp stabbilit permezz ta’ ftehim internazzjonali bejn Stat Membru, jiġifieri Franza, u pajjiż terz, jiġifieri r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq (“ir-Renju Unit”). Barra minn hekk, u sakemm ma jiġix previst mod ieħor fi ftehim internazzjonali li jorbot lir-Renju Unit, id-dritt tal-Unjoni mhuwiex se jibqa’ japplika għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tar-Renju Unit.

    (4)

    Ftehim internazzjonali ma’ pajjiż terz rigward l-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja u l-interoperabilità ferrovjarja f’sitwazzjonijiet transfruntieri x’aktarx li jaffettwa qasam li fil-biċċa l-kbira tiegħu huwa kopert mid-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari mir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798. Għalhekk, kwalunkwe tali ftehim jaqa’ taħt il-kompetenza esterna esklużiva tal-Unjoni. L-Istati Membri jistgħu jinnegozjaw, jew jikkonkludu, tali ftehim biss jekk jingħataw is-setgħa mill-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 2(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) biex jagħmlu dan. Minħabba l-interazzjoni ma’ leġiżlazzjoni eżistenti tal-Unjoni, huwa wkoll meħtieġ għal tali għoti ta’ setgħa li hija tingħata mill-leġiżlatur tal-Unjoni f’konformità mal-proċedura leġiżlattiva msemmija fl-Artikolu 91 TFUE.

    (5)

    Permezz ta’ ittra tas-16 ta’ Lulju 2020, Franza talbet mill-Unjoni s-setgħa li tinnegozja u tikkonkludi mar-Renju Unit ftehim internazzjonali li jissupplimenta t-Trattat ta’ Canterbury.

    (6)

    Sabiex jiġi żgurat it-tħaddim sikur u effiċjenti taċ-Channel Fixed Link, huwa adatt li l-Kummissjoni Intergovernattiva tinżamm bħala l-unika awtorità tas-sikurezza responsabbli għal dik l-infrastruttura kollha kemm hi. Meta titqies il-pożizzjoni speċjali taċ-Channel Fixed Link bħala konnessjoni ferrovjarja li tinvolvi struttura unika u kumplessa tal-inġinerija li tinsab parzjalment fit-territorju ta’ Franza u parzjalment fit-territorju ta’ pajjiż terz, jixraq li Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali mar-Renju Unit fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli tal-Unjoni dwar is-sikurezza ferrovjarja għaċ-Channel Fixed Link sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza, soġġett għal ċerti kundizzjonijiet.

    (7)

    Il-Kummissjoni Intergovernattiva hija kapaċi tissodisfa r-rwol ta’ awtorità nazzjonali tas-sikurezza responsabbli għall-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, diment li tiġi emendata d-Direttiva (UE) 2016/798 u li jiġu ssodisfati ċerti kundizzjonijiet.

    (8)

    Jenħtieġ li l-Kummissjoni Intergovernattiva tapplika l-istess regoli għaċ-Channel Fixed Link kollu. Dawk ir-regoli jenħtieġ li jkunu d-dispożizzjonijiet rilevanti tad-dritt tal-Unjoni, u b’mod partikolari r-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll l-atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali.

    (9)

    F’konformità mat-Trattat ta’ Canterbury, tilwim li jinqala’ bejn Franza u r-Renju Unit relatat mal-interpretazzjoni jew mal-applikazzjoni ta’ dak it-Trattat għandu jiġi riżolt minn tribunal arbitrali. Fejn tali tilwim iqajjem kwistjonijiet relatati mal-interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni korretta tad-dritt tal-Unjoni, jenħtieġ li t-tribunal arbitrali jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”) dwar tali kwistjonijiet u jenħtieġ li jkun marbut bid-deċiżjoni tagħha.

    (10)

    Jeħtieġ li jiġu stabbiliti regoli speċifiċi rigward l-implimentazzjoni tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni ta’ Franza, sabiex jiġi żgurat li d-dritt tal-Unjoni jiġi implimentat b’mod korrett f’kull ħin u li l-Kummissjoni tkun tista’ tissorvelja l-applikazzjoni tiegħu taħt il-kontroll tal-Qorti tal-Ġustizzja, inkluż f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali. Għal dak l-għan, jenħtieġ li Franza żżomm id-dritt li taġixxi b’mod unilaterali, fejn ikun meħtieġ, sabiex tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fuq il-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha.

    (11)

    Sabiex tiġi żgurata protezzjoni ġuridika effettiva fl-oqsma koperti mid-dritt tal-Unjoni, il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) jenħtieġ li jkunu esklużivament kompetenti għar-rikorsi li jsiru mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra d-deċiżjonijiet tal-Kummissjoni Intergovernattiva.

    (12)

    L-elementi deskritti fil-Premessi (8) sa (11) jenħtieġ li jiġu riflessi fil-ftehimiet internazzjonali bejn Franza u r-Renju Unit rigward iċ-Channel Fixed Link. Dawk il-ftehimiet internazzjonali jenħtieġ li jkunu kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett,

    ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Din id-Deċiżjoni hawnhekk tistabbilixxi l-kundizzjonijiet li taħthom Franza tingħata s-setgħa biex tinnegozja, tiffirma u tikkonkludi ftehim internazzjonali (“il-Ftehim li Jissupplimenta”) mar-Renju Unit li jissupplimenta t-Trattat bejn Franza u r-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq dwar il-Bini u t-Tħaddim minn Konċessjonarji Privati ta’ Channel Fixed Link (“it-Trattat ta’ Canterbury”) fir-rigward tal-applikazzjoni tar-regoli dwar is-sikurezza ferrovjarja fiċ-Channel Fixed Link.

    Tali ftehim internazzjonali għandu jidħol fis-seħħ wara t-tmiem tal-perjodu ta’ tranżizzjoni previst fil-Ftehim dwar il-ħruġ tar-Renju Unit tal-Gran Brittanja u l-Irlanda ta’ Fuq mill-Unjoni Ewropea u mill-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika u għandu jikkonforma mal-kundizzjonijiet li ġejjin:

    (a)

    sabiex jinżamm reġim unifikat tas-sikurezza fuq iċ-Channel Fixed Link kollu, il-Kummissjoni Intergovernattiva għandha tiżgura l-applikazzjoni, fir-rigward taċ-Channel Fixed Link, tad-dispożizzjonijiet tad-dritt tal-Unjoni, kif interpretati mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (“il-Qorti tal-Ġustizzja”), li huma rilevanti għall-kompiti tal-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7), tad-Direttiva (UE) 2016/798, u b’mod partikolari tar-Regolament (UE) 2016/796 u d-Direttivi (UE) 2016/797 u (UE) 2016/798, kif emendati jew sostitwiti, kif ukoll ta’ atti adottati abbażi ta’ dawk l-atti legali;

    (b)

    fejn tilwima mressqa għall-arbitraġġ f’konformità mal-Artikolu 19 tat-Trattat ta’ Canterbury tqajjem kwistjoni ta’ interpretazzjoni tad-dritt tal-Unjoni, it-tribunal arbitrali ma għandux ikollu s-setgħa li jiddeċiedi dwar kwalunkwe tali kwistjoni. F’tali każ, it-tribunal arbitrali għandu jitlob deċiżjoni preliminari mill-Qorti tal-Ġustizzja dwar il-kwistjoni. Id-deċiżjoni preliminari tal-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun vinkolanti fuq it-tribunal arbitrali;

    (c)

    fejn ikun meħtieġ, b’mod partikolari f’ċirkustanzi ta’ urġenza jew f’każ li l-Kummissjoni Intergovernattiva ma tikkonformax ma’ deċiżjoni tat-tribunal arbitrali, Franza għandu jkollha d-dritt li taġixxi b’mod unilaterali bil-ħsieb li tiżgura l-applikazzjoni sħiħa, korretta u rapida tad-dritt tal-Unjoni fil-parti taċ-Channel Fixed Link taħt il-ġuriżdizzjoni tagħha;

    (d)

    il-qrati jew it-tribunali li għalihom japplika l-Artikolu 19(1) TUE għandhom ikunu esklużivament kompetenti biex jiddeċiedu dwar ir-rimedji mitluba mill-konċessjonarji u mill-utenti taċ-Channel Fixed Link kontra deċiżjonijiet meħuda mill-Kummissjoni Intergovernattiva fil-kapaċità tagħha bħala awtorità nazzjonali tas-sikurezza fis-sens tal-Artikolu 3, punt (7) tad-Direttiva (UE) 2016/798;

    (e)

    il-ftehim irid ikun kompatibbli mad-dritt tal-Unjoni f’kull aspett.

    Artikolu 2

    Franza għandha żżomm lill-Kummissjoni infurmata b’mod regolari dwar in-negozjati li jsiru mar-Renju Unit dwar il-Ftehim li Jissupplimenta u, fejn ikun xieraq, tistieden lill-Kummissjoni tipparteċipa fin-negozjati bħala osservatur.

    Meta jitlestew in-negozjati, Franza għandha tissottometti l-abbozz li jirriżulta minnhom tal-Ftehim li Jissupplimenta lill-Kummissjoni. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill b’dan.

    Fi żmien xahar mir-riċezzjoni tal-abbozz tal-Ftehim li Jissupplimenta, il-Kummissjoni għandha tieħu deċiżjoni dwar jekk humiex issodisfati l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 1 ta’ din id-Deċiżjoni. Fejn il-Kummissjoni tiddeċiedi li huma jkunu ssodisfati, Franza tista’ tiffirma u tikkonkludi l-Ftehim li Jissupplimenta.

    Franza għandha tipprovdi lill-Kummissjoni kopja tal-Ftehim li Jissupplimenta fi żmien xahar mid-dħul fis-seħħ tiegħu jew, fejn il-Ftehim li Jissupplimenta jkun irid jiġi applikat proviżorjament, fi żmien xahar mill-bidu tal-applikazzjoni proviżorja tiegħu.

    Artikolu 3

    Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

    Magħmul fi Brussell, il-21 ta’ Ottubru 2020.

    Għall-Parlament Ewropew

    Il-President

    D. M. SASSOLI

    Għall-Kunsill

    Il-President

    M. ROTH


    (1)  Opinjoni tas-16 ta’ Settembru 2020 (għadha mhix ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali).

    (2)  Il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ottubru 2020 (għadha mhijiex ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali) u Deċiżjoni tal-Kunsill tal-14 ta’ Ottubru 2020

    (3)  ĠU L 29, 31.1.2020, p. 7.

    (4)  Id-Direttiva (UE) 2016/798 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar is-sikurezza ferrovjarja (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 102).

    (5)  Id-Direttiva (UE) 2016/797 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-interoperabbiltà tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 44).

    (6)  Ir-Regolament (UE) 2016/796 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Ferroviji u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 881/2004 (ĠU L 138, 26.5.2016, p. 1).


    Top