EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1494

Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1494 tat-12 ta’ Ottubru 2020 dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni

ĠU L 343, 16.10.2020, p. 18–19 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1494/oj

16.10.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 343/18


DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1494

tat-12 ta’ Ottubru 2020

dwar il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni Ewropea fil-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR fir-rigward ta’ ċerti emendi għall-Konvenzjoni

IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 207(4), flimkien mal-Artikolu 218(9) tiegħu,

Wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)

Il-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-“Konvenzjoni TIR”) ġiet approvata f’isem il-Komunità Ekonomika Ewropea permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 (1) u daħlet fis-seħħ fil-Komunità fl-20 ta’ Ġunju 1983 (2).

(2)

Permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE (3), test konsolidat tal-Konvenzjoni TIR ġie ppubblikat. F’konformità mat-tieni paragrafu tal-Artikolu 1 ta’ dik id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni trid tippubblika emendi futuri għall-Konvenzjoni TIR f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u tindika d-data meta dawn għandhom jidħlu fis-seħħ.

(3)

Il-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Il-Konvenzjoni TIR (il-“Kumitat Amministrattiv”) jista’ jemenda l-Konvenzjoni TIR f’konformità mal-Artikoli 59 u 60 tal-Konvenzjoni TIR.

(4)

Matul it-73 sessjoni tiegħu fil-15 ta’ Ottubru 2020 jew sessjoni sussegwenti, il-Kumitat Amministrattiv irid jadotta ċerti emendi għall-Konvenzjoni TIR.

(5)

Ikun xieraq li tiġi stabbilita l-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv fir-rigward tal-emendi għall-Konvenzjoni TIR, peress li dawk l-emendi ser ikunu vinkolanti għall-Unjoni.

(6)

Sabiex tiġi aċċellerata l-modernizzazzjoni tar-reġim TIR, huwa meħtieġ li tiġi introdotta t-trażmissjoni elettronika obbligatorja tad-data mill-awtoritajiet kompetenti lill-Bord Eżekuttiv tat-TIR stabbilit mill-Kumitat Amministrattiv dwar l-awtorizzazzjonijiet tad-detenturi tal-Carnet tat-TIR u l-irtirar ta’ dawn l-awtorizzazzjonijiet u biex tinħoloq bażi tad-data internazzjonali online affidabbli ta’ uffiċċji doganali li jaċċettaw il-movimenti tat-TIR billi jiġi emendat l-Artikolu 38 tal-Konvenzjoni TIR u l-Anness 9 għall-Konvenzjoni TIR u billi tinħoloq Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida tal-Artikolu 45 tal-Konvenzjoni TIR.

(7)

Sabiex tissaħħaħ l-attraenza tal-Konvenzjoni TIR kemm għall-operaturi ekonomiċi kif ukoll għall-awtoritajiet doganali, huwa meħtieġ li l-partijiet kontraenti jitħallew jagħtu aktar faċilitajiet lil persuni debitament awtorizzati fl-applikazzjoni tal-Konvenzjoni TIR billi tinħoloq Nota ta’ Spjegazzjoni ġdida għall-Artikolu 49 tal-Konvenzjoni TIR.

(8)

Sabiex tiġi ċċarata l-Konvenzjoni TIR, huwa meħtieġ li jiġi speċifikat l-użu ta’ rotta preskritta fi ħdan l-unjonijiet doganali billi jiġi emendat l-Artikolu 20 tal-Konvenzjoni TIR u li jiżdied l-ammont massimu rrakkomandat li jista’ jintalab mill-assoċjazzjonijiet garanti għall-carnets tat-TIR għat-tabakk u għall-alkoħol billi tiġi emendata n-Nota ta’ Spjegazzjoni tal-Artikolu 8 tal-Konvenzjoni TIR.

(9)

Għalhekk jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni fi ħdan il-Kumitat Amministrattiv tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi għall-Konvenzjoni TIR.

(10)

Jenħtieġ li l-pożizzjoni tal-Unjoni tiġi espressa mill-Kummissjoni.

(11)

Meta jkun irid jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv, il-pożizzjoni tal-Unjoni jenħtieġ li tiġi espressa mill-Istati Membri tal-Unjoni li jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni,

ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Il-pożizzjoni li trid tittieħed f’isem l-Unjoni matul it-73 sessjoni jew sessjoni sussegwenti tal-Kumitat Amministrattiv stabbilit mill-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 (il-“Konvenzjoni TIR”) għandha tkun ibbażata fuq l-abbozz tal-emendi għall-Konvenzjoni TIR (4).

Artikolu 2

1.   Il-Kummissjoni għandha tesprimi l-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1.

2.   L-Istati Membri tal-Unjoni għandhom jesprimu l-pożizzjoni tal-Unjoni meta jkun irid jittieħed vot formali fil-Kumitat Amministrattiv, u jaġixxu b’mod konġunt fl-interess tal-Unjoni.

Artikolu 3

Ir-rappreżentanti tal-Unjoni jistgħu jaqblu dwar bidliet tekniċi minuri għall-pożizzjoni msemmija fl-Artikolu 1 mingħajr deċiżjoni ulterjuri tal-Kunsill.

Artikolu 4

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-adozzjoni tagħha.

Magħmul fil-Lussemburgu, it-12 ta’ Ottubru 2020.

Għall-Kunsill

Il-President

J. BORRELL FONTELLES


(1)  Ir-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 2112/78 tal-25 ta’ Lulju 1978 dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-Trasport Internazzjonali ta’ Oġġetti koperti b’Carnets tat-TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra (ĠU L 252, 14.9.1978, p. 1).

(2)  ĠU L 31, 2.2.1983, p. 13.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/477/KE tat-28 ta’ Mejju 2009 li tippubblika f’forma konsolidata t-test tal-Konvenzjoni Doganali dwar it-trasport internazzjonali ta’ oġġetti ta’ merkanzija li jaqgħu taħt il-carnets TIR (Konvenzjoni TIR) tal-14 ta’ Novembru 1975 f’Ġinevra kif emendata minn dik id-data ’l hawn (ĠU L 165, 26.6.2009, p. 1).

(4)  Ara d-dokument ST 10759/2020 fuq http://register.consilium.europa.eu


Top