Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1282

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/1282 tal-31 ta’ Awwissu 2020 li tawtorizza lil Franza biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 11, 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (notifikata bid-dokument C(2020) 6027) (It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

C/2020/6027

ĠU L 301, 15.9.2020, p. 9–11 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1282/oj

15.9.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 301/9


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/1282

tal-31 ta’ Awwissu 2020

li tawtorizza lil Franza biex tapplika estensjoni għal ċerti perjodi speċifikati fl-Artikoli 11, 16 u 17 tar-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill

(notifikata bid-dokument C(2020) 6027)

(It-test bil-Franċiż biss huwa awtentiku)

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2020/698 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Mejju 2020 li jistabbilixxi miżuri speċifiċi u temporanji fid-dawl tat-tifqigħa tal-COVID-19 u rigward it-tiġdid jew l-estensjoni ta’ ċerti ċertifikati, liċenzji u awtorizzazzjonijiet u l-posponiment ta’ ċerti kontrolli perjodiċi u taħriġ perjodiku f’ċerti oqsma tal-leġislazzjoni dwar it-trasport (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 11(4), l-Artikolu 16(6) u l-Artikolu 17(5) tiegħu,

Billi:

(1)

L-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-tlestija, mid-detentur ta’ liċenzja tas-sewqan tal-ferroviji, ta’ kontrolli perjodiċi li kieku skadew jew kieku jiskadu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(2)

L-Artikolu 16(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-twettiq tar-rieżami perjodiku tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li kieku skadew jew kieku jiskadu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(3)

L-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698 jestendi l-limiti taż-żmien għat-twettiq tar-rieżami tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u tal-pjanijiet għas-sigurtà fil-portijiet li kieku skadew jew kieku jiskadu bejn l-1 ta’ Marzu 2020 u l-31 ta’ Awwissu 2020.

(4)

Kull wieħed minn dawn l-Artikoli jippermetti li Stat Membru jitlob estensjoni ulterjuri tal-estensjoni prevista fihom, meta jkun jidhirlu li l-attività inkwistjoni aktarx tibqa’ imprattikabbli wara l-31 ta’ Awwissu 2020 minħabba l-miżuri li jkun ħa biex jipprevjeni jew irażżan it-tixrid tal-COVID-19. Dawn l-estensjonijiet jenħtieġ ikunu debitament ġustifikati u limitati għall-perjodu strettament meħtieġ biex jirriflettu l-perjodu li aktarx matulu t-tlestija tal-formalitajiet, tal-proċeduri, tal-kontrolli u tat-taħriġ tibqa’ imprattikabbli u, fi kwalunkwe każ, jenħtieġ ma jkunux itwal minn sitt xhur.

(5)

B’ittra datata l-31 ta’ Lulju 2020, Franza ppreżentat talba motivata biex testendi b’sitt xhur il-perjodu ta’ sitt xhur speċifikat fl-Artikolu 11(2) ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, Franza ppreżentat talba għal awtorizzazzjoni biex tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020, u estensjoni sat-28 ta’ Frar 2021 tal-iskadenza tat-30 ta’ Novembru 2020, kif imsemmi fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698. Franza tat informazzjoni addizzjonali biex tappoġġa t-talba tagħha fil-5 u fl-14 ta’ Awwissu 2020, kif ukoll fit-28 ta’ Awwissu 2020. F’din id-data tal-aħħar, Franza emendat it-talba tagħha rigward il-perjodu ta’ sitt xhur speċifikat fl-Artikolu 11(2), billi naqqset l-estensjoni mitluba għal erba’ xhur biss. Fl-istess data, Franza rtirat it-talba li ppreżentat fil-31 ta’ Lulju 2020 għal estensjoni tal-perjodi speċifikati fl-Artikoli 9 u 10 tar-Regolament (UE) 2020/698.

(6)

Fir-rigward tat-talba li tikkonċerna l-Artikolu 11 tar-Regolament (UE) 2020/698, skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, il-pandemija tal-COVID-19 affettwat b’mod partikolari t-territorju Franċiż, u wasslet biex il-gvern idaħħal fis-seħħ miżuri partikolarment restrittivi u protettivi. Dawk il-miżuri naqqsu l-għadd ta’ kontrolli mediċi perjodiċi għas-sewwieqa tal-ferroviji għal 6 % biss ta’ dawk ippjanati f’April 2020.

(7)

Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, minkejja titjib fis-sitwazzjoni tas-saħħa, u bi qbil mal-għarfien espert mediku, il-miżuri protettivi maħsuba biex jipprevjenu t-tixrid tal-virus għadhom qed jiġu applikati. Dawk il-miżuri naqqsu l-għadd ta’ kontrolli perjodiċi li setgħu jitwettqu għal 60 % f’Mejju 2020.

(8)

Minkejja l-isforzi kbar li saru minn Ġunju 2020, biex jiġu prijoritizzati l-kontrolli ttardjati u jiżdied l-għadd ta’ kontrolli mediċi li jsiru, mhux se jkun possibbli li jiġi eliminat id-dewmien fit-twettiq tal-kontrolli mediċi tul il-perjodu ta’ estensjoni previst mir-Regolament (UE) 2020/698. Fil-fatt, hemm bżonn ukoll ir-riżorsi rilevanti tas-servizzi tas-saħħa biex jappoġġaw lill-pazjenti li ġew infettati bil-COVID-19. Barra minn hekk, l-għadd ta’ professjonisti tas-saħħa akkreditati biex jivvalidaw il-kapaċità tas-sewwieqa tal-ferroviji ma jistax jiżdied b’mod sinifikanti fil-kuntest tal-pandemija u fid-dawl tan-natura speċifika ta’ dawk l-eżamijiet mediċi.

(9)

Il-protokolli attwali tal-COVID-19 li qed jimplimentaw l-awtoritajiet Franċiżi jinkludu:

skrinjar sistematiku mal-wasla fiċ-ċentri mediċi (teħid tat-temperatura, kwestjonarju tas-sewwieq individwali, gwida u kura f’każ ta’ suspett jew identifikazzjoni ta’ sintomu tal-infezzjoni, ħasil tal-idejn);

konformità mat-tbegħid fil-kmamar tal-istennija, u pożizzjonar tal-postijiet bilqiegħda li jirrispetta d-distanza ta’ mill-inqas metru bejn 2 persuni bil-maskri;

ventilazzjoni fil-kmamar tat-testijiet u fil-kmamar tal-istennija wara kull eżami mediku, intervent minn infermier (awdjogramma, teħid ta’ kampjuni) jew test psikoloġiku;

disinfezzjoni wara kull eżami mediku, intervent minn infermier (awdjogramma, teħid ta’ kampjuni) jew test psikoloġiku.

Dawn il-miżuri jnaqqsu l-kapaċità b’20 % meta mqabbla mal-kapaċità ordinarja.

(10)

Minkejja l-kontinwazzjoni ta’ dawn il-miżuri, Franza tistenna li żżid ġmielu l-għadd ta’ eżamijiet mediċi li jsiru fil-ħarifa, biex tlaħħaq max-xogħol b’lura akkumulat. Iżda b’dan, ix-xogħol b’lura se jkun jista’ jitlaħħaq kollu biss sal-aħħar ta’ Diċembru.

(11)

Fir-rigward tal-Artikolu 16(1) u l-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698, skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, aktarx it-tlestija tar-rieżamijiet kollha tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u l-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li kieku kienu jkunu dovuti jew li se jkunu dovuti fl-2020 tkun imprattikabbli fi Franza sat-28 ta’ Frar 2021 minħabba l-miżuri li ħadet biex tipprevjeni jew trażżan it-tixrid tal-COVID-19.

(12)

B’mod partikolari, hemm għadd eċċezzjonalment għoli ta’ valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u ta’ valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li jridu jiġu rieżaminati fi Franza fl-2020: 7 valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u 62 valutazzjoni tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet, u daqstant ieħor pjanijiet għas-sigurtà tal-portijiet u tal-faċilitajiet tal-portijiet. Fit-3 ta’ Awwissu 2020, kien għad hemm 6 valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u 53 valutazzjoni tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li riedu jiġu rieżaminati. Dan hu iżjed mis-6 sat-8 valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet, u mis-27 sat-30 valutazzjoni tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet għas-snin 2021, 2022, 2023 magħdudin f’daqqa.

(13)

Skont l-informazzjoni pprovduta minn Franza, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għal dawk ir-rieżamijiet kienu u għadhom fuq quddiem fil-ġestjoni tar-riperkussjonijiet tal-kriżi tal-COVID-19. Dawk l-awtoritajiet għandhom ukoll responsabbiltajiet fl-oqsma tas-sikurezza ċivili, il-prevenzjoni tar-riskji u l-ġestjoni tal-kriżijiet. Bħalissa, iż-żoni kostali ta’ Franza b’mod partikolari qed iġarrbu żieda fil-każijiet tal-COVID-19, u l-awtoritajiet f’dawk iż-żoni huma meħtieġa jirreaġixxu. Barra minn hekk, l-organizzazzjoni ta’ konferenzi bl-awdjo jew bil-vidjo bejn il-partijiet rilevanti hi kkumplikata minħabba n-nuqqas ta’ tagħmir li jiżgura s-sigurtà u l-kunfidenzjalità tal-informazzjoni skambjata. F’dawn iċ-ċirkostanzi, l-awtoritajiet kompetenti responsabbli qed ikollhom diffikultajiet prattiċi sinifikanti biex iwettqu dmirijiethom għax il-laqgħat fiżiċi u l-ivvjaġġar tal-persunal rilevanti għadhom kumplessi minħabba l-miżuri li hemm fis-seħħ biex jipprevjenu jew irażżnu t-tixrid tal-COVID-19.

(14)

Dan, flimkien max-xogħol b’lura minħabba l-fatt li r-rieżamijiet kellhom jitwaqqfu mis-17 ta’ Marzu 2020 sal-11 ta’ Mejju 2020 (il-perjodu tal-konfinament fi Franza), jagħmilha imprattikabbli li jitlestew ir-rieżamijiet kollha meħtieġa fil-ħin mingħajr estensjoni. Ir-rieżamijiet baqgħu diffiċli waqt il-perjodu ta’ wara l-konfinament, u baqgħu hekk anki wara li ntemmet l-emerġenza tas-saħħa fi Franza fl-10 ta’ Lulju 2020.

(15)

Barra minn hekk, għadd sinifikanti ta’ valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u ta’ valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-faċilitajiet tal-portijiet li jridu jiġu rieżaminati jikkonċernaw dipartimenti Franċiżi extra-Ewropej fejn il-pandemija tal-COVID-19 kienet u għadha partikolarment akuta. Minbarra l-persunal mobilizzat minħabba t-tifqigħa fi Franza kontinentali, il-kapaċitajiet limitati tal-isptarijiet u l-prevalenza għolja tal-COVID-19 ħtieġu restrizzjonijiet stretti fuq l-ivvjaġġar, inkluż miżuri ta’ kwarantina. Dan affettwa direttament il-ħidma li tikkonċerna s-sigurtà fil-portijiet, u b’mod partikolari għamilha diffiċli għall-persunal awtorizzat tal-organizzazzjoni tas-sigurtà li jivvjaġġa minn Franza kontinentali.

(16)

Fid-dawl tal-kumplessitajiet deskritti hawn fuq, aktarx it-tlestija tal-valutazzjonijiet tas-sigurtà fil-portijiet u fil-faċilitajiet tal-portijiet fi Franza se tibqa’ diffiċli. F’dawn iċ-ċirkostanzi, Franza tistma li t-tlestija tar-rieżamijiet li fadal fl-2020 u t-tlestija tax-xogħol b’lura akkumulat waqt il-perjodu tal-konfinament, ma tkunx prattikabbli mingħajr estensjoni tal-perjodu ta’ referenza sal-31 ta’ Diċembru 2020, u mingħajr estensjoni tal-iskadenza sat-28 ta’ Frar 2021.

(17)

Għaldaqstant, Franza jenħtieġ tiġi awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu speċifikat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2020/698. Franza jenħtieġ tiġi awtorizzata tapplika estensjoni tal-perjodi mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020, u tal-iskadenza tat-30 ta’ Novembru 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Franza hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodu ta’ sitt xhur speċifikat fl-Artikolu 11(2) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Franza hija awtorizzata tapplika estensjoni ta’ erba’ xhur għall-perjodi mill-1 ta’ Marzu 2020 sal-31 ta’ Awwissu 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Franza hija awtorizzata tapplika estensjoni sat-28 ta’ Frar 2021 tal-iskadenza tat-30 ta’ Novembru 2020, kif speċifikat fl-Artikolu 16(1) u fl-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) 2020/698.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Repubblika Franċiża.

Magħmul fi Brussell, il-31 ta’ Awwissu 2020.

Għall-Kummissjoni

Adina VĂLEAN

Membru tal-Kummissjoni


(1)   ĠU L 165, 27.5.2020, p. 10.


Top