This document is an excerpt from the EUR-Lex website
Document 32020D1262
Council Implementing Decision (EU) 2020/1262 of 4 September 2020 amending Implementing Decision 2012/232/EU authorising Romania to apply measures derogating from Article 26(1)(a) and Article 168 of Directive 2006/112/EC on the common system of value added tax
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
Deċiżjoni ta’ implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2020/1262 tal-4 ta’ Settembru 2020 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
ĠU L 296, 10.9.2020, p. 6–7
(BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)
In force
10.9.2020 |
MT |
Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea |
L 296/6 |
DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/1262
tal-4 ta’ Settembru 2020
li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud
IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,
Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
Wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 2006/112/KE tat-28 ta’ Novembru 2006 dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 395 tagħha,
Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,
Billi:
(1) |
L-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE jistabbilixxi, fost l-oħrajn, id-dritt li persuni taxxabbli jnaqqsu t-taxxa fuq il-valur miżjud (“VAT”) dovuta jew imħallsa fl-Istat Membru rilevanti mill-VAT imposta fuq il-provvisti lilhom ta’ merkanzija u ta’ servizzi li jintużaw għall-finijiet tat-tranżazzjonijiet taxxabbli tagħhom. Skont il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) ta’ dik id-Direttiva, l-użu ta’ mekanzija li tifforma parti mill-assi ta’ negozju għall-użu privat ta’ persuni taxxabbli jew tal-persunal tagħhom jew, b’mod iktar ġenerali, għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħhom, fejn il-VAT fuq tali merkanzzija kienet deduċibbli kollha jew parti minnha, irid jiġi ttrattat bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas. |
(2) |
Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2012/232/UE (2), ir-Rumanija kienet awtorizzata, sal-31 ta’ Diċembru 2014, tillimita għal 50 % id-dritt għat-tnaqqis tal-VAT fuq ix-xiri, l-akkwist intra-Komunitarju, l-importazzjoni, il-kiri jew il-lokazzjoni ta’ ċerti vetturi tat-triq bil-mutur kif ukoll tal-VAT imħallsa fuq in-nefqa relatata ma’ dawk il-vetturi, meta l-vetturi ma jintużawx b’mod esklużiv għal finijiet ta’ negozju, u li teħles lill-persuni taxxabbli milli jkollhom jittrattaw l-użu ta’ tali vetturi għal skopijiet oħra barra dawk tan-negozju tagħhom bħala provvista ta’ servizzi bi ħlas skont il-punt (a) tal-Artikolu 26(1) tad-Direttiva 2006/112/KE. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill 2015/156 (3), il-perijodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE ġie estiż sal-31 ta’ Diċembru 2017. Permezz tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2012 (4), ir-Rumanija kienet awtorizzata tapplika l-miżuri ta’ deroga sad-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-mutur li mhijiex eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew sal-31 ta’ Diċembru 2020, skont liema data tiġi l-ewwel. |
(3) |
B’ittra rreġistrata mal-Kummissjoni fit-13 ta’ Marzu 2020, ir-Rumanija talbet awtorizzazzjoni biex tkompli tapplika miżura ta’ deroga mill-punt (a) tal-Artikolu 26(1), u mill-Artikolu 168, tad-Direttiva 2006/112/KE sabiex tkompli tirrestrinġi d-dritt ta’ tnaqqis b’rabta man-nefqa fuq ċerti vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx b’mod esklużiv għal finijiet ta’ negozju. |
(4) |
L-applikazzjoni ta’ rata perċentwali fissa għall-ammont tal-VAT fuq in-nefqa eliġibbli għal tnaqqis li tikkonċerna l-vetturi tat-triq bil-mutur li ma jintużawx b’mod esklużiv għal finijiet ta’ negozju tissimplifika l-proċedura għall-ġbir tal-VAT. |
(5) |
Skont it-tieni subparagrafu tal-Artikolu 395(2) tad-Direttiva 2006/112/KE, il-Kummissjoni, b’ittra datata t-2 ta’ April 2020, bagħtet it-talba tar-Rumanija lill-Istati Membri l-oħra. B’ittra datata t-3 ta’ April 2020, il-Kummissjoni nnotifikat lir-Rumanija li kellha l-informazzjoni kollha meħtieġa biex tqis it-talba. |
(6) |
Skont l--Artikolu 4(2) tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE, ir-Rumanija, flimkien mat-talba għal estensjoni, ippreżentat rapport lill-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni ta’ dik id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni. Abbażi tal-informazzjoni disponibbli attwalment, ir-Rumanija tiddikjara li l-limitu ta’ 50 % għadu ġustifikabbli u għadu xieraq. |
(7) |
Jenħtieġ li l-estensjoni tal-miżuri ta’ deroga tkun limitata għaż-żmien meħtieġ biex tiġi evalwata l-effettività ta’ dawk il-miżuri ta’ deroga u l-adegwatezza tal-limitu tal-perċentwali. Għalhekk, jenħtieġ li r-Rumanija tkun awtorizzata tkompli tapplika l-miżuri ta’ deroga sal-31 ta’ Diċembru 2023. |
(8) |
Fil-każ li r-Rumanija tikkunsidra li estensjoni tal-awtorizzazzjoni lil hinn mill-2023 tkun neċessarja, jenħtieġ li tippreżenta talba ta’ estensjoni lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2023, flimkien ma’ rapport li jinkludi reviżjoni tar-restrizzjoni tal-perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE.. |
(9) |
Il-miżuri ta’ deroga ser ikollhom biss effett negliġibbli fuq l-ammont kumplessiv tad-dħul mit-taxxa miġbur fl-istadju tal-konsum finali u mhu ser ikollhom l-ebda impatt avvers fuq ir-riżorsi proprji tal-Unjoni li ġejjin mill-VAT. |
(10) |
Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE għaldaqstant jenħtieġ li tiġi emendata skont dan, |
ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:
Artikolu 1
L-Artikolu 4 tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE huwa sostitwit b’dan li ġej:
“Artikolu 4
1. Din id-Deċiżjoni għandha tiskadi fid-data tad-dħul fis-seħħ tar-regoli tal-Unjoni li jiddeterminaw in-nefqa marbuta mal-vetturi tat-triq bil-mutur li mhijiex eliġibbli għal tnaqqis sħiħ tal-VAT, jew fil-31 ta’ Diċembru 2023, skont liema data tiġi l-ewwel.
2. Kull talba għall-estensjoni tal-miżuri previsti f’din id-Deċiżjoni għandha tiġi ppreżentata lill-Kummissjoni sal-31 ta’ Marzu 2023. Din it-talba għandha tkun akkumpanjata minn rapport li jkun jinkludi rieviżjoni tar-restrizzjoni tal-perċentwali applikata fuq id-dritt għal tnaqqis tal-VAT fuq il-bażi ta’ din id-Deċiżjoni.”.
Artikolu 2
Din id-Deċiżjoni għandha ssir effettiva fid-data tan-notifika tagħha.
Artikolu 3
Din id-Deċiżjoni hija indirizzata lir-Rumanija.
Magħmul fi Brussell, l-4 ta’ Settembru 2020.
Għall-Kunsill
Il-President
M. ROTH
(1) ĠU L 347, 11.12.2006, p. 1.
(2) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2012/232/UE tas-26 ta’ April 2012 li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u l-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 117, 1.5.2012, p. 7).
(3) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2015/156 tas-27 ta’ Jannar 2015 li testendi l-perjodu ta’ validità tad-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 26, 31.1.2015, p. 27).
(4) Id-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kunsill (UE) 2017/2012 tas-7 ta’ Novembru 2017 li temenda d-Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni 2012/232/UE li tawtorizza lir-Rumanija biex tapplika miżuri ta’ deroga mill-Artikolu 26(1)(a) u mill-Artikolu 168 tad-Direttiva 2006/112/KE dwar is-sistema komuni ta’ taxxa fuq il-valur miżjud (ĠU L 292, 10.11.2017, p. 57).