Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D1015

    Deċiżjoni (UE) 2020/1015 tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-24 ta’ Ġunju 2020 dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30)

    ĠU L 224I, 13.7.2020, p. 1–3 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/1015/oj

    13.7.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    LI 224/1


    DEĊIŻJONI (UE) 2020/1015 TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW

    tal-24 ta’ Ġunju 2020

    dwar l-istabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (BĊE/2020/30)

    IL-KUNSILL GOVERNATTIV TAL-BANK ĊENTRALI EWROPEW,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 7 tiegħu,

    Billi:

    (1)

    Fit-18 ta’ Lulju 2018, ir-Repubblika tal-Bulgarija innotifikat lill-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) bit-talba biex tistabbilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u Българска народна банка (Bank Nazzjonali tal-Bulgarija) (minn issa ’il quddiem ‘BNB’) skont l-Artikolu 7 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

    (2)

    Fit-13 ta’ Diċembru 2018 u s-6 ta’ Frar 2020, ir-Repubblika tal-Bulgarija adottat leġiżlazzjoni nazzjonali rilevanti li tiżgura li l-BNB ikun obbligat li jadotta kwalunkwe miżura dwar entità taħt superviżjoni mitluba mill-BĊE, u illi atti legali adottati mill-BĊE skont ir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 huma vinkolanti u infurzabbli fir-Repubblika tal-Bulgarija. Il-BĊE vvaluta din il-leġiżlazzjoni, waqt li qies ukoll l-implimentazzjoni prattika tagħha.

    (3)

    Fil-25 ta’ Lulju 2019, il-BĊE lesta valutazzjoni komprensiva ta’ ċerti istituzzjonijiet ta’ kreditu stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija. Fl-istess data, il-BNB, bħala l-awtorità kompetenti, approva r-riżultati tal-valutazzjoni komprensiva u ħa azzjoni ta’ segwitu mal-istituzzjonijiet ta’ kreditu rilevanti sabiex jindirizza n-nuqqasijiet identifikati.

    (4)

    Fis-16 ta’ Ġunju 2020, il-BĊE informa lir-Repubblika tal-Bulgarija dwar il-valutazzjoni preliminari tiegħu tat-talba biex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib, filwaqt li ta l-opportunità biex ir-Repubblika tal-Bulgarija tagħti l-fehmiet tagħha. Ir-Repubblika tal-Bulgarija tat ir-risposta tagħha fit-18 ta’ Ġunju 2020, billi taqbel mal-valutazzjoni, u ma pprovdiet l-ebda kumment.

    (5)

    Skont l-Artikolu 5(1) tad-Deċiżjoni BĊE/2014/5 (2), fejn il-BĊE jikkonkludi illi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(2)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 ġew issodisfati, il-BĊE għandu jadotta deċiżjoni indirizzata lill-Istat Membru li għamel it-talba u li tistabilixxi kooperazzjoni mill-qrib.

    (6)

    L-Artikolu 5(2) tad-Deċiżjoni BĊE/2014/5 jipprovdi illi deċiżjoni li tistabilixxi kooperazzjoni mill-qrib għandha tindika l-modalitajiet għat-trasferiment tal-kompiti superviżorji lill-BĊE u d-data tal-bidu tal-kooperazzjoni mill-qrib,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Stabbiliment ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-BNB

    1.   Abbażi tal-informazzjoni sottomessa mir-Repubblika tal-Bulgarija, il-BĊE kkonkluda illi l-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 7(2)(a) sa (c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 sabiex tiġi stabbilita kooperazzjoni mill-qrib mal-BNB huma sodisfatti.

    2.   Skont l-Artikolu 7(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013, din id-Deċiżjoni tistabilixxi kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-BNB għall-finijiet tat-twettiq tal-kompiti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1) u 4(2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija.

    Artikolu 2

    Definizzjonijiet

    Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, għandhom japplikaw id-definizzjonijiet li jinsabu fir-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/17) (3).

    Artikolu 3

    Dmir ta’ kooperazzjoni in bona fede u skambju ta’ informazzjoni

    Mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, il-BĊE u l-BNB għandhom ikunu soġġetti għal dmir ta’ kooperazzjoni in bona fede u għal obbligu li jiskambjaw informazzjoni abbażi tal-Artikolu 6(2) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

    Artikolu 4

    Data tal-bidu ta’ kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-BNB

    1.   Id-data tal-bidu tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-BNB għandha tkun l-1 ta’ Ottubru 2020.

    2.   Minkejja l-paragrafu 1, għall-fini tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (ECB/2014/17), id-data tal-bidu tal-kooperazzjoni mill-qrib bejn il-BĊE u l-BNB għandha titqies li hija d-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni.

    Artikolu 5

    Modalitajiet ta’ trasferiment ta’ kompiti superviżorji lill-BĊE

    1.   Mill-1 ta’ Ottubru 2020, il-BĊE għandu jwettaq il-kompiti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1) u 4(2) u l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 fir-rigward ta’ entitajiet taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija.

    2.   Għaldaqstant, minn dik id-data:

    (a)

    rappreżentant tal-BNB għandu jipparteċipa u jeżerċita d-drittijiet tal-vot fil-Bord Superviżorju skont l-Artikolu 26 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

    (b)

    rappreżentant tal-BNB għandu jipparteċipa u, jekk applikabbli, jeżerċita d-drittijiet tal-vot fil-Kumitat ta’ Tmexxija tal-Bord Superviżorju skont l-Artikoli 11 u 12 tar-Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (4);

    (c)

    rappreżentanti tal-BNB għandhom jipparteċipaw, fir-rigward ta’ kwistjonijiet ta’ politika relatati mas-superviżjoni prudenzjali, f’kumitati u sottostrutturi oħra li jassistu fix-xogħol tal-BĊE rigward il-kompiti kkonferiti lill-BĊE bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013 skont ir-regoli interni tagħhom.

    3.   B’deroga mill-paragrafu 2, mid-data tal-applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni, ir-rappreżentant tal-BNB fil-Bord Superviżorju għandu jipparteċipa u jeżerċita d-drittijiet tal-vot fid-deliberazzjonijiet għall-adozzjoni mill-BĊE tal-istruzzjonijiet fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17).

    4.   Wara n-notifika tal-istruzzjonijiet indirizzati mill-BĊE lill-BNB fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BNB għandu jaħtar sottokoordinaturi għat-timijiet superviżorji konġunti rilevanti skont l-Artikolu 115(3) tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) u għandu jinforma lill-BĊE b’dawk il-ħatriet mingħajr dewmien żejjed.

    5.   Wara n-notifika tal-istruzzjonijiet indirizzati mill-BĊE lill-BNB fir-rigward tal-identifikazzjoni ta’ entitajiet sinifikanti taħt superviżjoni stabbiliti fir-Repubblika tal-Bulgarija skont l-Artikolu 110 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17), il-BNB għandu jidentifika bħala proċeduri pendenti skont l-Artikolu 48 tar-Regolament (UE) Nru 468/2014 (BĊE/2014/17) kwalunkwe proċedura superviżorja mibdija formalment li teħtieġ deċiżjoni iżda li ma tistax titlesta qabel l-1 ta’ Ottubru 2020. L-identifikazzjoni ta’ proċeduri pendenti għandhom jinkludu proċeduri li jappartjenu għall-eżerċizzju tal-kompiti fl-oqsma msemmija fl-Artikolu 4(1)(a) u 4(1)(c) tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013.

    Artikolu 6

    Dħul fis-seħħ

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-14-il jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Frankfurt am Main, l-24 ta’ Ġunju 2020.

    Il-President tal-BĊE

    Christine LAGARDE


    (1)   ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

    (2)  Deċiżjoni 2014/434/UE tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-31 ta’ Jannar 2014 dwar il-kooperazzjoni mill-qrib mal-awtoritajiet kompetenti nazzjonali ta’ Stati Membri parteċipanti li l-munita tagħhom mhijiex l-euro (BĊE/2014/5) (ĠU L 198, 5.7.2014, p. 7).

    (3)  Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta’ April 2014 li jistabbilixxi l-qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u mal-awtoritajiet nazzjonali ddenominati (Regolament Qafas dwar l-MSU) (BĊE/2014/17) (ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1).

    (4)  Regoli tal-Proċedura tal-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew (ĠU L 182, 21.6.2014, p. 56).


    Top