EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0969

Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/969 tat-3 ta’ Lulju 2020 li tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/597/KE

C/2020/4183

ĠU L 213, 6.7.2020, p. 12–22 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force

ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/969/oj

6.7.2020   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 213/12


DEĊIŻJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/969

tat-3 ta’ Lulju 2020

li tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data, ir-restrizzjonijiet tad-drittijiet tas-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/597/KE

IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 249(1) tiegħu,

Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 45(3) tiegħu,

Billi:

(1)

Sabiex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-uffiċċju tal-uffiċjal tal-protezzjoni tad-data tal-Kummissjoni (“UPD”), huwa meħtieġ li jiġu determinati fid-dettall il-kompiti, id-dmirijiet u s-setgħat tal-UPD.

(2)

Ir-Regolament (UE) 2018/1725 jassenja responsabbiltajiet ċari lill-kontrolluri tad-data, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti tad-data. Bil-ħsieb li jiġi żgurat li l-Kummissjoni, bħala kontrollur, topera b’mod uniformi u trasparenti fir-rigward tar-responsabbiltajiet tagħha, għandhom jiġu stabbiliti regoli dwar kif jiġi identifikat min fis-servizz jew fis-servizzi tal-Kummissjoni huwa responsabbli għal operazzjoni ta’ pproċessar li titwettaq f’isem il-Kummissjoni. F’dan ir-rigward, huwa xieraq li jiġi introdott il-kunċett ta’ kontrollur delegat sabiex jiġu indikati b’mod preċiż ir-responsabbiltajiet tal-entitajiet tal-Kummissjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ deċiżjonijiet individwali li jikkonċernaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data. Barra minn hekk, huwa xieraq li jiġi introdott il-kunċett ta’ kontrollur operazzjonali li, taħt ir-responsabbiltà tal-kontrollur delegat, huwa maħtur biex jiżgura l-konformità fil-prattika, u biex jipproċessa talbiet minn suġġetti tad-data fir-rigward ta’ operazzjoni ta’ pproċessar. Il-ħatra ta’ kontrollur operazzjonali ma twaqqafx l-użu fil-prattika ta’ punt ta’ kuntatt, pereżempju fil-forma ta’ kaxxa postali funzjonali li għandha tkun disponibbli għat-talbiet tas-suġġetti tad-data.

(3)

F’ċerti każijiet, diversi servizzi tal-Kummissjoni jistgħu jwettqu b’mod konġunt operazzjoni ta’ pproċessar sabiex iwettqu l-missjoni tagħhom. F’każijiet bħal dawn, jenħtieġ li jiżguraw li jkun hemm arranġamenti interni fis-seħħ sabiex jiddeterminaw b’mod trasparenti r-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari r-responsabbiltajiet fir-rigward tas-suġġetti tad-data, in-notifika lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (“EDPS”) u ż-żamma ta’ rekords.

(4)

Sabiex jiġi ffaċilitat l-eżerċizzju tar-responsabbiltajiet tal-kontrolluri delegati, kull servizz tal-Kummissjoni jenħtieġ li jaħtar Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Data (Data Protection Coordinator, “DPC”). Id-DPC jenħtieġ li jipparteċipa fin-netwerk tal-koordinaturi tal-protezzjoni tad-data fil-Kummissjoni sabiex jiġu żgurati implimentazzjoni u interpretazzjoni koerenti tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-Kummissjoni, u biex jiġu diskussi suġġetti ta’ interess komuni.

(5)

Bil-ħsieb li l-UPD jiġi assenjat ir-responsabbiltajiet skont l-Artikolu 45(1)(b) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-UPD jenħtieġ li joħroġ gwida addizzjonali dwar il-funzjoni tad-DPC.

(6)

Il-Kummissjoni tipproċessa diversi kategoriji ta’ data personali għall-fini tal-attivitajiet ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar u konsultazzjoni tal-UPD. B’mod partikolari, il-Kummissjoni tipproċessa d-data ta’ identifikazzjoni, id-data ta’ kuntatt, id-data professjonali u d-data tal-involviment tal-każijiet. Dik id-data tinżamm għal ħames snin wara li l-attivitajiet jingħalqu skont il-Lista Komuni ta’ Ritenzjoni fil-Livell ta’ Kummissjoni (2).

(7)

F’ċerti ċirkostanzi, huwa meħtieġ li jiġu rrikonċiljati d-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 mal-ħtieġa li l-Kummissjoni twettaq il-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD, u l-ħtieġa ta’ kunfidenzjalità tal-iskambji ta’ informazzjoni ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, kif ukoll b’rispett sħiħ għad-drittijiet u għal-libertajiet fundamentali ta’ suġġetti tad-data oħra. F’dan is-sens, l-Artikolu 25(1) tar-Regolament (UE) 2018/1725 jagħti l-possibbiltà lill-Kummissjoni li tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza stabbilit fl-Artikolu 4(1)(a), sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 ta’ dak ir-Regolament.

(8)

Sabiex jiġu żgurati l-kunfidenzjalità u l-effikaċja tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD filwaqt li jiġu rrispettati l-istandards tal-protezzjoni tad-data personali skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, jeħtieġ li jiġu adottati regoli interni li skonthom il-UPD jista’ jirrestrinġi d-drittijiet tas-suġġetti tad-data f’konformità mal-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

(9)

Ir-regoli interni jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data kollha mwettqa mill-Kummissjoni fit-twettiaq tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD. Jenħtieġ li japplikaw għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa qabel ma tinfetaħ investigazzjoni jew awditu, matul il-kors ta’ investigazzjoni jew awditu, u matul il-monitoraġġ tas-segwitu tal-eżitu tagħhom. Dawn ir-regoli jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar li jiffurmaw parti mill-kompiti marbuta mal-funzjoni ta’ investigazzjoni jew awditjar tal-UPD, bħall-proċessi ta’ lment imwettqa mill-UPD. Ir-regoli jenħtieġ li japplikaw ukoll għall-monitoraġġ tal-UPD u l-konsultazzjonijiet tal-UPD, meta l-UPD jipprovdi assistenza u kooperazzjoni lis-servizzi tal-Kummissjoni barra mill-investigazzjonijiet u l-awditi amministrattivi tiegħu.

(10)

Sabiex tikkonforma mal-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lill-individwi kollha dwar il-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsulenza tal-UPD li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom u dwar id-drittijiet tagħhom skont ir-Regolament (UE) 2018/1725. Il-Kummissjoni jenħtieġ li tinforma lil dawk l-individwi b’mod trasparenti u koerenti, fil-forma tal-avviżi dwar il-protezzjoni tad-data ppubblikati fuq is-sit web tal-Kummissjoni, kif ukoll tinforma lil kull suġġett tad-data kkonċernat b’attività ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD.

(11)

F’ċerti ċirkostanzi, il-Kummissjoni jista’ jkollha tirrestrinġi l-għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad-data u l-applikazzjoni ta’ drittijiet oħra tas-suġġetti tad-data. Dan tista’ tagħmlu sabiex tipproteġi l-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsulenza tal-UPD, investigazzjonijiet u proċeduri relatati ta’ servizzi oħra tal-Kummissjoni, l-għodod u l-metodi ta’ investigazzjonijiet u awditi tal-UPD, kif ukoll id-drittijiet ta’ persuni oħra relatati mal-kompiti tal-UPD.

(12)

F’xi każijiet, l-għoti ta’ informazzjoni partikolari lis-suġġetti tad-data jew l-iżvelar tal-eżistenza ta’ attività ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsulenza tal-UPD jista’ jqiegħed f’sitwazzjoni impossibbli jew ixekkel serjament l-iskop tal-operazzjoni ta’ pproċessar u l-kapaċità tal-UPD li jwettaq tali attività.

(13)

Barra minn hekk, il-Kummissjoni jenħtieġ li tipproteġi l-identità tal-informaturi, li jenħtieġ li ma jġarrbux riperkussjonijiet negattivi bħala konsegwenza tal-kooperazzjoni tagħhom mal-UPD.

(14)

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tapplika r-raġunijiet għar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-operazzjonijiet ta’ pproċessar tad-data mwettqa fil-qafas tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsulenza tal-UPD stabbiliti fl-Artikolu 45 ta’ dak ir-Regolament.

(15)

Barra minn hekk, sabiex tinżamm kooperazzjoni effettiva, il-Kummissjoni jista’ jkollha bżonn tapplika restrizzjonijiet għad-drittijiet tas-suġġetti tad-data biex tipproteġi l-informazzjoni li jkun fiha data personali li toriġina minn servizzi oħra tal-Kummissjoni, istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni. Għal dak il-għan, il-UPD jenħtieġ li jikkonsulta lil dawn is-servizzi, istituzzjonijiet jew korpi, dwar ir-raġunijiet rilevanti għar-restrizzjonijiet u l-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħhom.

(16)

Fil-qafas tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD, l-UPD jiskambja informazzjoni, inkluża data personali, ma’ servizzi oħra tal-Kummissjoni. Għalhekk, is-servizzi kollha tal-Kummissjoni li jipproċessaw id-data personali, li tiġi pproċessata mill-UPD fit-twettiq tal-kompiti tiegħu, jenħtieġ li japplikaw ir-regoli stabbiliti f’din id-Deċiżjoni bil-ħsieb li jħarsu l-operazzjonijiet ta’ pproċessar imwettqa mill-UPD. F’tali ċirkostanzi, jenħtieġ għalhekk li s-servizzi tal-Kummissjoni kkonċernati jikkonsultaw lill-UPD dwar il-motivi rilevanti għar-restrizzjonijiet u l-ħtieġa u l-proporzjonalità tagħhom sabiex tiġi żgurata l-applikazzjoni koerenti tagħhom.

(17)

Il-UPD — u, fejn rilevanti, servizzi oħra tal-Kummissjoni — jenħtieġ li jittrattaw ir-restrizzjonijiet kollha b’mod trasparenti u jirreġistraw kull applikazzjoni ta’ restrizzjonijiet fis-sistema ta’ reġistrazzjoni korrispondenti.

(18)

Skont l-Artikolu 25(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725, il-kontrolluri jistgħu jiddiferixxu jew iżommu lura milli jipprovdu informazzjoni dwar ir-raġunijiet għall-applikazzjoni ta’ restrizzjoni għas-suġġett tad-data jekk dan bi kwalunkwe mod jikkomprometti l-għan tar-restrizzjoni. B’mod partikolari, fejn tiġi applikata restrizzjoni għad-drittijiet stipulati fl-Artikoli 16 u 35, in-notifika ta’ tali restrizzjoni tikkomprometti l-iskop tar-restrizzjoni. Sabiex jiġi żgurat li d-dritt tas-suġġett tad-data li jkun infurmat skont l-Artikoli 16 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jiġi ristrett biss sakemm idumu jeżistu r-raġunijiet għad-differiment, il-Kummissjoni jenħtieġ li tirrevedi l-pożizzjoni tagħha b’mod regolari.

(19)

Meta tiġi applikata restrizzjoni tad-drittijiet ta’ suġġetti tad-data oħra, il-UPD jenħtieġ li jivvaluta fuq bażi ta’ każ b’każ jekk il-komunikazzjoni tar-restrizzjoni tikkompromettix il-fini tagħha.

(20)

Il-UPD jenħtieġ li jwettaq reviżjoni indipendenti tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet abbażi ta’ din id-Deċiżjoni, minn servizzi oħra tal-Kummissjoni, bil-ħsieb li tiġi żgurata l-konformità ma’ din id-Deċiżjoni.

(21)

Jenħtieġ li kull restrizzjoni applikata abbażi ta’ din id-Deċiżjoni tkun meħtieġa u proporzjonata u tkun tqis ir-riskji li jkun hemm għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

(22)

Il-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data ġie infurmat u kkonsultat f’konformità mal-Artikolu 41(1) u (2) tar-Regolament (UE) 2018/1725 u ta opinjoni fis-16 ta’ Settembru 2019.

(23)

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/597/KE (3) tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data skont ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4). Ir-Regolament (UE) 2018/1725 iħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 b’effett mill-11 ta’ Diċembru 2019. Sabiex jiġi żgurat li japplika sett wieħed biss ta’ regoli ta’ implimentazzjoni għall-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data, id-Deċiżjoni 2008/597/KE jenħtieġ li titħassar ukoll,

ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

KAPITOLU 1

DISPOŻIZZJONIJIET ĠENERALI

Artikolu 1

Suġġett u kamp ta’ applikazzjoni

1.   Din id-Deċiżjoni tipprovdi regoli u proċeduri għall-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 mill-Kummissjoni, u tistabbilixxi regoli ta’ implimentazzjoni dwar l-Uffiċjal għall-Protezzjoni tad-Data (“UPD”) għall-Kummissjoni.

2.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll ir-regoli li għandhom jiġu segwiti mill-Kummissjoni, fir-rigward tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD, biex tinforma lis-suġġetti tad-data dwar l-ipproċessar tad-data personali tagħhom skont l-Artikoli 14, 15 u 16 tar-Regolament (UE) 2018/1725.

3.   Din id-Deċiżjoni tistabbilixxi wkoll il-kundizzjonijiet li taħthom il-Kummissjoni, fir-rigward tal-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar jew konsultazzjoni tal-UPD, tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 4, 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h) tiegħu.

4.   Din id-Deċiżjoni tapplika għall-ipproċessar ta’ data personali mill-Kummissjoni għall-fini ta’ jew fir-rigward tal-kompiti tal-UPD imsemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari l-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar u konsultazzjoni tal-UPD.

Artikolu 2

Kontroll

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni għandha titqies bħala l-kontrollur fis-sens tal-Artikolu 3(8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 3

Definizzjonijiet

Għall-finijiet ta’ din id-Deċiżjoni, japplikaw id-definizzjonijiet li ġejjin:

(1)

“Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Dat a” (UPD) tfisser il-persuna li l-Kummissjoni ħatret skont l-Artikolu 43 tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(2)

“kompiti tal-UPD” tfisser il-kompiti tal-UPD imsemmija fl-Artikolu 45 tar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari l-kompiti ta’ monitoraġġ, investigazzjoni, awditjar u konsultazzjoni tal-UPD;

(3)

“Koordinatur tal-Protezzjoni tad-Dat a” (DPC) tfisser il-membru tal-persunal tal-Kummissjoni li Direttorat Ġenerali jew Servizz tal-Kummissjoni ħatar biex jagħti pariri u jassisti lil dak id-Direttorat Ġenerali jew Servizz fl-aspetti kollha tal-protezzjoni tad-data personali;

(4)

“kontrollur delegat” tfisser il-Kap tad-Direttorat Ġenerali, tas-Servizz jew tal-Kabinett, li jwettaq operazzjoni ta’ pproċessar f’isem il-Kummissjoni fit-twettiq tal-missjoni ta’ dak id-Direttorat Ġenerali, is-Servizz jew il-Kabinett;

(5)

“kontrollur operazzjonali” tfisser membru tal-persunal tal-Kummissjoni fil-livell ta’ maniġment medju jew superjuri, maħtur mill-kontrollur delegat biex jiżgura ż-żamma ta’ rekords għall-operazzjoni ta’ pproċessar u biex iservi bħala punt ta’ kuntatt primarju għas-suġġetti tad-data fir-rigward ta’ dik l-operazzjoni ta’ pproċessar;

(6)

“arranġament intern” tfisser kwalunkwe arranġament bejn żewġ Direttorati Ġenerali jew Servizzi jew aktar biex jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom u jikkoordinaw iż-żamma ta’ rekord tal-ipproċessar rigward operazzjoni ta’ pproċessar li jwettqu b’mod konġunt jew fejn Direttorati Ġenerali jew Servizzi wieħed jew aktar iwettqu parti mill-operazzjoni ta’ pproċessar tal-kontrollur delegat;

(7)

“informatur” tfisser individwu li jressaq kwistjoni li tallega li seħħ ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725 għall-attenzjoni tal-UPD, jew jitlob li l-UPD jinvestiga kwistjonijiet u okkorrenzi relatati direttament mal-kompiti tal-UPD, li dak l-individwu javża dwarhom lill-UPD.

KAPITOLU 2

UFFIĊJAL TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA U KOORDINATUR TAL-PROTEZZJONI TAD-DATA

Artikolu 4

Deżinjazzjoni u pożizzjoni

Il-UPD għandu jintgħażel mill-persunal tal-Kummissjoni abbażi tal-kwalitajiet professjonali tiegħu, inkluż għarfien sod tas-Servizzi tal-Kummissjoni, l-istruttura tagħhom, u r-regoli u l-proċeduri amministrattivi tagħhom.

Artikolu 5

Kompiti u dmirijiet

1.   Il-UPD għandu jikkontribwixxi għall-ħolqien ta’ kultura ta’ protezzjoni tad-data personali fi ħdan il-Kummissjoni abbażi tal-valutazzjoni tar-riskju u r-responsabbiltà.

2.   Il-UPD għandu jimmonitorja l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725 fil-Kummissjoni billi, fost l-oħrajn, jistabbilixxi u jwettaq programm ta’ ħidma dwar l-ispezzjonijiet u l-awditi kull sena.

3.   Il-UPD għandu jorganizza u jippresjedi laqgħat regolari tad-DPCs.

4.   Il-UPD għandu jżomm ir-rekords tal-Kummissjoni tal-attivitajiet ta’ pproċessar f’reġistru ċentrali u għandu jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku.

Il-UPD għandu jżomm ukoll reġistru intern tal-Kummissjoni ta’ ksur ta’ data personali fis-sens tal-Artikolu 3(16) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

5.   Fit-twettiq tal-funzjonijiet tiegħu, il-UPD għandu jikkoopera mal-uffiċjali tal-protezzjoni tad-data maħtura mill-istituzzjonijiet u l-korpi l-oħra tal-Unjoni.

6.   Il-UPD għandu jitqies bħala l-kontrollur delegat għall-fini ta’ deċiżjonijiet individwali dwar id-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725 fir-rigward tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-UPD.

Artikolu 6

Setgħat

Fit-twettiq tal-kompiti tal-UPD, il-UPD:

(a)

għandu, fejn ikun meħtieġ għall-kompiti tiegħu, ikollu aċċess għad-data li tifforma s-suġġett ta’ operazzjonijiet ta’ pproċessar dwar data personali u għall-uffiċċji, l-installazzjonijiet tal-ipproċessar tad-data u l-portaturi kollha tad-data;

(b)

jista’ jitlob opinjonijiet legali mis-Servizz Legali tal-Kummissjoni;

(c)

jista’, fil-każ ta’ kunflitt bejn il-UPD u l-kontrollur delegat, il-kontrollur operazzjonali jew il-proċessur fir-rigward tal-interpretazzjoni jew l-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725, jinforma lill-kontrollur delegat kompetenti u lis-Segretarju Ġenerali;

(d)

jista’ jassenja fajls lid-Direttorati Ġenerali jew lis-Servizzi kkonċernati tal-Kummissjoni għal segwitu xieraq;

(e)

jista’ jwettaq investigazzjonijiet fuq talba, jew fuq l-inizjattiva tal-UPD stess, fi kwistjonijiet u okkorrenzi relatati direttament mal-kompiti tal-UPD skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 11;

(f)

jista’, meta jagħmel rakkomandazzjonijiet u jagħti parir:

(i)

jitlob lill-kontrollur delegat jew lill-proċessur biex jikkonforma mat-talba ta’ suġġett tad-data għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu skont ir-Regolament (UE) 2018/1725;

(ii)

joħroġ twissijiet lill-kontrollur delegat jew lill-proċessur meta operazzjoni ta’ pproċessar tikser id-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725, u jitlobhom iġibu l-operazzjonijiet ta’ pproċessar f’konformità, fejn xieraq, b’mod speċifikat u fi żmien perjodu speċifikat;

(iii)

jitlob lill-kontrollur delegat jew lill-proċessur biex jissospendi l-flussi tad-data lil riċevitur fi Stat Membru, lil pajjiż terz jew lil organizzazzjoni internazzjonali;

(iv)

jitlob lill-kontrollur delegat jew lill-proċessur biex jirrapporta lill-UPD sa data ta’ skadenza stabbilita dwar is-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjoni jew lill-parir tal-UPD;

(g)

jista’ jiġbed l-attenzjoni tas-Segretarju Ġenerali dwar kwalunkwe nuqqas ta’ kontrollur delegat, kontrollur operazzjonali jew proċessur li jikkonforma mal-miżuri meħuda skont l-Artikolu 6(f);

(h)

għandu jkun responsabbli għad-deċiżjonijiet inizjali dwar talbiet għal aċċess għal dokumenti miżmuma mill-uffiċċju tiegħu skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5).

Artikolu 7

Koordinaturi tal-Protezzjoni tad- Data

1.   Il-kontrollur delegat għandu jaħtar DPC u, fejn xieraq assistent DPC wieħed jew aktar fid-Direttorat Ġenerali jew is-Servizz taħt ir-responsabbiltà tiegħu. Żewġ kontrolluri delegati jew aktar jistgħu, għal raġunijiet ta’ koerenza jew effiċjenza, jiddeċiedu li jaħtru DPC jew assistent DPC komuni jew jaqsmu s-servizzi ta’ DPC jew assistent DPC diġà maħtur. Il-kontrolluri delegati kkonċernati għandhom jirreġistraw il-qbil tagħhom li jagħmlu dan bil-miktub.

2.   Id-DPC maħtur minn Direttorat Ġenerali jew Servizz għandu jkun kompetenti wkoll għall-Kabinett responsabbli għal dak id-Direttorat Ġenerali jew Servizz. Id-DPC maħtur għas-Segretarjat Ġenerali għandu jkun kompetenti għall-Kabinett tal-President kif ukoll għall-Kabinetti li għalihom is-Segretarjat Ġenerali ikun l-uniku servizz ta’ appoġġ. Meta Kabinett ikun responsabbli għal diversi Direttorati Ġenerali jew Servizzi, il-kontrolluri delegati għandhom jiddeċiedu liema mid-DPCs rispettivi tagħhom għandhom ikunu kompetenti għal dak il-Kabinett.

3.   Il-UPD, il-persunal tad-Direttorat Ġenerali jew is-Servizz rilevanti u l-Kabinett rilevanti għandhom jiġu infurmati kull meta jinħatar DPC ġdid.

DPCs li għadhom kif inħatru għandhom ilestu t-taħriġ biex jiksbu l-kompetenzi meħtieġa għar-rwol tad-DPC fi żmien sitt xhur mill-ħatra. DPC li qabel kellu kariga ta’ DPC f’Direttorat Ġenerali jew Servizz ieħor jew li kien membru tal-persunal tal-UPD fi żmien sentejn qabel il-ħatra bħala DPC għandu jiġi eżentat minn dak ir-rekwiżit ta’ taħriġ.

4.   Il-kontrolluri delegati għandhom jistabbilixxu arranġamenti xierqa sabiex jiżguraw li d-DPC ikun involut kif suppost u fil-ħin fil-kwistjonijiet kollha li għandhom x’jaqsmu mal-protezzjoni tad-data fid-Direttorat Ġenerali jew is-Servizz tagħhom u li l-opinjonijiet mogħtija mid-DPC jiġu mgħarrfa minnufih lill-kontrollur delegat fuq talba tad-DPC.

5.   Id-DPCs għandhom jintgħażlu abbażi tal-għarfien u l-esperjenza tagħhom tal-funzjonament tad-Direttorat Ġenerali jew is-Servizz rispettiv, il-motivazzjoni għall-funzjoni, il-kompetenzi relatati mal-protezzjoni tad-data, il-fehim tal-prinċipji tas-sistemi tal-informazzjoni, u l-ħiliet ta’ komunikazzjoni.

6.   Il-funzjoni tad-DPC tista’ tiġi kkombinata ma’ funzjonijiet oħra. Il-kontrollur delegat għandu jiżgura li dawk il-funzjonijiet ikunu kompatibbli mal-funzjoni tad-DPC.

7.   Il-funzjoni tad-DPC għandha tkun parti mid-deskrizzjoni tal-impjieg ta’ kull membru tal-persunal maħtur bħala DPC. Għandha ssir referenza għar-responsabbiltajiet u l-kisbiet tagħhom fir-rapport ta’ evalwazzjoni annwali.

8.   Id-DPC għandu jaġixxi bħala punt ta’ kuntatt bejn il-kontrollur delegat, il-kontrollur operazzjonali u l-proċessur, u l-UPD.

9.   Id-DPCs għandu jkollhom id-dritt li jiksbu kwalunkwe informazzjoni fid-Direttorat Ġenerali jew is-Servizz tagħhom sal-punt li dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tad-DPC. Id-DPCs għandhom jaċċessaw id-data personali biss jekk dan ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti tagħhom.

10.   Id-DPC għandu jżomm rekords u jipprovdi statistika anonimizzata tat-talbiet mis-suġġetti tad-data lid-Direttorat Ġenerali, lis-Servizz jew lill-Kabinett, filwaqt li jispeċifika n-numri tat-talbiet u n-numru ta’ talbiet miċħuda b’mod sħiħ jew parzjali. Il-UPD għandu jispeċifika l-kategoriji tat-talbiet li għalihom għandha tinżamm l-istatistika. Il-UPD jista’ jispeċifika liema dettalji ulterjuri għandhom jiġu pprovduti.

Id-DPC għandu jżomm statistika anonimizzata ta’ ksur ta’ data personali ġestita mid-Direttorat Ġenerali, mis-Servizz jew mill-Kabinett, billi jispeċifika n-numru totali ta’ każijiet ta’ ksur ta’ data personali, in-numru ta’ każijiet ta’ ksur ta’ data personali nnotifikati lill-EDPS u n-numru ta’ każijiet ta’ ksur ta’ data personali kkomunikati lis-suġġetti tad-data.

11.   Id-DPC għandu jqajjem kuxjenza dwar kwistjonijiet ta’ protezzjoni tad-data fid-DĠ jew is-Servizz tiegħu u għandu jagħti pariri u jassisti lill-kontrolluri delegati u lill-kontrolluri operazzjonali biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom, speċjalment fir-rigward ta’:

(a)

implimentazzjoni tal-prinċipji ġenerali tar-Regolament (UE) 2018/1725;

(b)

id-dokumentazzjoni tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar;

(c)

is-sottomissjoni tar-rekords tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-kontrolluri delegati lill-UPD skont l-Artikolu 10;

(d)

il-preparazzjoni tad-dikjarazzjonijiet dwar il-privatezza.

12.   Id-DPCs għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat u, fejn meħtieġ, fil-gruppi ta’ ħidma tad-DPCs.

13.   Il-UPD għandu joħroġ gwida addizzjonali dwar ir-responsabbiltajiet u l-funzjonijiet tad-DPC.

KAPITOLU 3

KONTROLLURI

Artikolu 8

Il-kontrolluri delegati u l-kontrolluri operazzjonali

1.   Il-kontrolluri delegati għandhom jaġixxu f’isem il-Kummissjoni bħala kontrollur għall-finijiet tal-applikazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725.

2.   Il-kontrolluri delegati u l-kontrolluri operazzjonali:

(a)

jistgħu jikkonsultaw lill-UPD, permezz tad-DPC, dwar il-konformità tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar, b’mod partikolari fil-każ ta’ dubju dwar il-konformità;

(b)

għandhom jirrapportaw lill-UPD, permezz tad-DPC, dwar it-trattament ta’ kwalunkwe talba rċevuta minn suġġett tad-data għall-eżerċizzju tad-drittijiet tiegħu.

3.   Il-kontrollur delegat għandu:

(a)

jaħtar kontrollur operazzjonali biex jassisti lill-kontrollur delegat fl-iżgurar tal-konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, b’mod partikolari fir-rigward tas-suġġetti tad-data;

(b)

jiżgura li jkun hemm fis-seħħ arranġamenti interni ma’ Direttorati Ġenerali jew Servizzi oħra, fejn il-kontrollur delegat iwettaq operazzjonijiet ta’ pproċessar b’mod konġunt ma’ dawk id-Direttorati Ġenerali jew Servizzi jew fejn dawk id-Direttorati Ġenerali jew Servizzi jwettqu parti mill-operazzjoni ta’ pproċessar tal-kontrollur delegat.

L-arranġamenti msemmija fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu għandhom jiddeterminaw ir-responsabbiltajiet rispettivi tagħhom għall-konformità mal-obbligi tagħhom ta’ protezzjoni tad-data. B’mod partikolari, għandhom jinkludu l-identifikazzjoni tal-kontrollur delegat li jiddetermina l-mezzi u l-finijiet tal-operazzjoni ta’ pproċessar kif ukoll tal-kontrollur operazzjonali għall-operazzjoni ta’ pproċessar, u fejn xieraq, liema persuna u/jew entitajiet għandhom jassistu lill-kontrollur operazzjonali, fost l-oħrajn, b’informazzjoni f’każ ta’ ksur tad-data jew biex jakkomodaw id-drittijiet tas-suġġetti tad-data.

4.   Il-kontrollur operazzjonali għandu:

(a)

jirċievi u jipproċessa t-talbiet kollha mis-suġġetti tad-data;

(b)

jinnotifika lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data (EPDS) f’każ ta’ ksur ta’ data personali;

(c)

jinforma lid-DPC u lill-UPD fil-każ ta’ ksur ta’ data personali, u jinnotifika lis-suġġett tad-data, meta jkun rilevanti;

(d)

jiżgura li d-DPC jinżamm konxju dwar il-kwistjonijiet kollha relatati mal-protezzjoni tad-data, b’mod partikolari t-talbiet mis-suġġetti tad-data;

(e)

iwettaq kwalunkwe kompitu ieħor taħt il-kamp ta’ applikazzjoni ta’ din id-Deċiżjoni fuq talba tal-kontrollur delegat.

KAPITOLU 4

OBBLIGI U PROĊEDURI OĦRA

Artikolu 9

Informazzjoni

Il-kontrollur delegat, f’kooperazzjoni mad-DPC, għandu jinforma lill-UPD meta jikkonsulta jew jinforma lill-EDPS f’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725, u b’mod partikolari skont l-Artikoli 40 u 41 ta’ dak ir-Regolament. Barra minn hekk, il-kontrollur delegat, il-kontrollur operazzjonali jew id-DPC għandhom jinfurmaw lill-UPD dwar kwalunkwe interazzjoni diretta oħra mal-EDPS b’rabta mal-implimentazzjoni tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 10

Reġistru

1.   Il-UPD għandu jiżgura li r-reġistru tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tal-Kummissjoni jkun aċċessibbli permezz tas-sit web tal-UPD fuq l-Intranet tal-Kummissjoni u permezz tas-sit web tal-UPD fuq is-sit web Europa.

2.   Il-kontrolluri delegati għandhom jinnotifikaw lill-UPD ir-rekords tal-operazzjonijiet ta’ pproċessar tagħhom, permezz tad-DPC tagħhom, billi jużaw is-sistema ta’ notifika online tal-Kummissjoni, aċċessibbli mis-sit web tal-UPD fuq l-Intranet tal-Kummissjoni.

Artikolu 11

Il-proċedura investigattiva

1.   It-talbiet għal investigazzjoni msemmija fl-Artikolu 6(e) għandhom jiġu indirizzati bil-miktub lill-UPD. Fi żmien 15-il jum tax-xogħol wara l-irċevuta, l-UPD għandu jibgħat konferma ta’ rċevuta lill-persuna li tkun ikkummissjonat l-investigazzjoni, u jivverifika jekk it-talba għandhiex tiġi ttrattata bħala kunfidenzjali sabiex tiġi żgurata l-kunfidenzjalità li tirregola t-talba, sakemm is-suġġetti tad-data kkonċernati ma jipprovdux il-kunsens mhux ambigwu tagħhom biex it-talba tiġi ttrattata mod ieħor. Fil-każ ta’ abbuż evidenti tad-dritt li tintalab investigazzjoni, l-UPD ma għandux ikun obbligat jirrapporta lil min jagħmel it-talba.

2.   Il-UPD għandu jitlob dikjarazzjoni bil-miktub dwar il-kwistjoni mill-kontrollur delegat li huwa responsabbli għall-operazzjoni ta’ pproċessar tad-data inkwistjoni. Il-kontrollur delegat għandu jipprovdi r-risposta tiegħu lill-UPD fi żmien 15-il jum tax-xogħol. Il-UPD jista’ jitlob informazzjoni komplementari mill-kontrollur delegat, mill-proċessur jew minn partijiet oħra fi żmien 15-il jum tax-xogħol.

3.   Il-UPD għandu jirrapporta lura lill-persuna li kkummissjonat l-investigazzjoni mhux aktar tard minn tliet xhur wara li jkun irċieva t-talba. Dan il-perjodu jista’ jiġi sospiż sakemm il-UPD ikun kiseb l-informazzjoni kollha meħtieġa li jista’ jkun talab.

4.   Ħadd ma għandu jsofri preġudizzju minħabba kwistjoni li tinġieb għall-attenzjoni tal-UPD li tallega ksur tad-dispożizzjonijiet tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 12

Amministrazzjoni u ġestjoni

1.   L-UPD għandu jkunu marbut għal finijiet amministrattivi mas-Segretarjat Ġenerali. F’dan il-kuntest, il-UPD għandu jipparteċipa fit-tħejjija tal-Pjan ta’ Tmexxija Annwali u l-Abbozz tal-Baġit Preliminari tas-Segretarjat Ġenerali.

2.   Il-UPD għandu jkun l-uffiċjal tar-rapportar għall-persunal tal-Uffiċċju tal-Protezzjoni tad-Data. Id-Deputat Segretarju Ġenerali għandu jkun il-validatur. Il-UPD għandu jipparteċipa fil-koordinazzjoni tat-tmexxija tas-Segretarjat Ġenerali kif xieraq.

KAPITOLU 5

RESTRIZZJONI TAD-DRITTIJIET TAS-SUĠĠETTI TAD-DATA

Artikolu 13

Eċċezzjonijiet u restrizzjonijiet applikabbli

1.   Meta l-Kummissjoni teżerċita d-dmirijiet tagħha b’rabta mad-drittijiet tas-suġġetti tad-data skont ir-Regolament (UE) 2018/1725, għandha tqis jekk tapplikax xi waħda mill-eċċezzjonijiet stabbiliti f’dak ir-Regolament.

2.   Skont l-Artikoli 14 sa 18 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi l-applikazzjoni tal-Artikoli 14 sa 17, 19, 20 u 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, kif ukoll il-prinċipju ta’ trasparenza stipulat fl-Artikolu 4(1)(a) ta’ dak ir-Regolament sa fejn id-dispożizzjonijiet tiegħu jikkorrispondu mad-drittijiet u l-obbligi previsti fl-Artikoli 14 sa 17, 19 u 20 tar-Regolament (UE) 2018/1725, meta l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jkun ta’ preġudizzju għall-fini tal-kompiti tad-DPO, fost l-oħrajn, billi jiżvela l-għodod ta’ investigazzjoni jew awditjar tiegħu, jew ikun jaffettwa b’mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra skont l-Artikolu 25(1)(c), (g) u (h).

3.   Soġġett għall-Artikoli 14 sa 18 ta’ din id-Deċiżjoni, il-Kummissjoni tista’ tirrestrinġi d-drittijiet u l-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, fir-rigward tad-data personali miksuba mill-UPD mis-servizzi tal-Kummissjoni, jew istituzzjonijiet u korpi oħra tal-Unjoni. Il-Kummissjoni tista’ tagħmel hekk fejn l-eżerċizzju ta’ dawk id-drittijiet u l-obbligi jista’ jiġi ristrett minn dawk is-servizzi tal-Kummissjoni, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, abbażi ta’ atti oħra previsti fl-Artikolu 25 tar-Regolament (UE) 2018/1725 jew skont il-Kapitolu IX ta’ dak ir-Regolament, jew f’konformità mar-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) jew ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (7).

Qabel ma tapplika r-restrizzjonijiet fiċ-ċirkostanzi msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tikkonsulta lill-istituzzjonijiet u lill-korpi rilevanti tal-Unjoni sakemm ma jkunx ċar għall-Kummissjoni li l-applikazzjoni ta’ restrizzjoni hija stipulata minn xi wieħed mill-atti msemmija f’dak is-subparagrafu.

4.   Kull restrizzjoni tal-applikazzjoni tad-drittijiet u tal-obbligi msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu għandha tkun meħtieġa u proporzjonata u tkun tqis ir-riskji li jkun hemm għad-drittijiet u għal-libertajiet tas-suġġetti tad-data.

Artikolu 14

Għoti ta’ informazzjoni lis-suġġetti tad- data

1.   Il-Kummissjoni għandha tippubblika fuq is-sit web tagħha l-avviżi tal-protezzjoni tad-data li jinformaw lis-suġġetti tad-data kollha bil-kompiti tal-UPD li jinvolvu l-ipproċessar tad-data personali tagħhom.

2.   Il-Kummissjoni għandha tinforma fuq bażi individwali, f’format xieraq, lil kwalunkwe persuna fiżika li hija tqis bħala persuna kkonċernata mill-kompiti tal-UPD jew informatur.

3.   Fejn il-Kummissjoni tirrestrinġi, b’mod sħiħ jew parzjali, l-għoti tal-informazzjoni lis-suġġetti tad-data msemmija fil-paragrafu 2, il-Kummissjoni għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għar-restrizzjoni skont l-Artikolu 17.

Artikolu 15

Dritt ta’ aċċess mis-suġġetti tad- data , dritt ta’ tħassir u dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar

1.   Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi, totalment jew parzjalment, id-dritt ta’ aċċess għad-data personali mis-suġġetti tad-data, id-dritt ta’ tħassir, jew id-dritt ta’ restrizzjoni tal-ipproċessar kif imsemmi fl-Artikoli 17, 19 u 20 rispettivament tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tinforma lis-suġġett tad-data kkonċernat, fit-tweġiba tagħha għat-talba għal aċċess, tħassir jew restrizzjoni tal-ipproċessar, bir-restrizzjoni applikata u bir-raġunijiet prinċipali talli sar hekk, u bil-possibbiltà li jsir ilment mal-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data jew li jintalab rimedju ġudizzjarju quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

2.   L-għoti ta’ informazzjoni dwar ir-raġunijiet għar-restrizzjoni msemmi fil-paragrafu 1 jista’ jiġi differit, jitħalla barra jew jiġi miċħud sakemm ikun għadu jmur kontra l-għan tar-restrizzjoni.

3.   Il-Kummissjoni għandha tniżżel u tirreġistra r-raġunijiet għal tali restrizzjoni skont l-Artikolu 17.

4.   Meta d-dritt ta’ aċċess ikun totalment jew parzjalment ristrett, is-suġġett tad-data għandu d-dritt li jeżerċita d-dritt tiegħu permezz tal-intermedjarju tal-EDPS, skont l-Artikolu 25(6), (7) u (8) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Artikolu 16

Komunikazzjoni ta’ ksur ta’ data personali lis-suġġett tad- data

Meta l-Kummissjoni tirrestrinġi l-komunikazzjoni ta’ ksur tad-data personali lis-suġġett tad-data, kif imsemmi fl-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) 2018/1725, hija għandha tieħu nota tar-raġunijiet għar-restrizzjoni u tirreġistra dawn ir-raġunijiet skont l-Artikolu 17 ta’ din id-Deċiżjoni.

Artikolu 17

Teħid ta’ nota dwar ir-restrizzjonijiet u reġistrazzjoni tagħhom

1.   Il-Kummissjoni għandha tirreġistra r-raġunijiet għal kwalunkwe restrizzjoni applikata skont din id-Deċiżjoni, inkluża valutazzjoni każ b’każ tan-neċessità u tal-proporzjonalità tar-restrizzjoni, filwaqt li tqis l-elementi rilevanti fl-Artikolu 25(2) tar-Regolament (UE) 2018/1725.

Għal dak il-għan, ir-reġistru għandu jindika kif l-eżerċizzju tad-dritt jipperikola l-iskop tal-kompiti tal-UPD skont din id-Deċiżjoni, jew tar-restrizzjonijiet applikati skont l-Artikolu 13(2) jew (3), jew jista’ jaffettwa b’mod ħażin id-drittijiet u l-libertajiet ta’ suġġetti tad-data oħra.

2.   Ir-rekord, u meta applikabbli, id-dokumenti li jinkludu l-elementi fattwali u ġuridiċi sottostanti għandhom jiġu rreġistrati. Dawn għandhom jitqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-EDPS fuq talba tiegħu.

Artikolu 18

Tul ta’ żmien tar-restrizzjonijiet

1.   Ir-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14, 15 u 16 għandhom ikomplu japplikaw sakemm jibqgħu applikabbli r-raġunijiet li jiġġustifikawhom.

2.   Fejn ir-raġunijiet għal restrizzjoni msemmija fl-Artikolu 14 jew 16 ma jkunux għadhom japplikaw, il-Kummissjoni għandha tneħħi r-restrizzjoni u tagħti r-raġuni għar-restrizzjoni lis-suġġett tad-data. Fl-istess ħin, il-Kummisssjoni għandha tinforma lis-suġġett tad-data dwar il-possibbiltà li jressaq ilment quddiem l-EDPS f’kull ħin, jew li jfittex rimedju ġudizzjarju fil-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.

3.   Il-Kummissjoni għandha twettaq rieżami tal-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet imsemmija fl-Artikoli 14 u 16 kull sitt xhur mill-adozzjoni tagħhom u fi kwalunkwe każ fl-għeluq tal-attività rilevanti tal-UPD. Minn hemm ’il quddiem, il-Kummissjoni għandha tagħmel monitoraġġ tal-ħtieġa li jinżamm/tinżamm xi restrizzjoni jew differiment fuq bażi annwali.

Artikolu 19

Rieżami mill-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad- Data

1.   Meta servizzi oħra tal-Kummissjoni jikkonkludu li d-drittijiet ta’ suġġett tad-data jenħtieġ li jiġu ristretti skont din id-Deċiżjoni, huma għandhom jinfurmaw lill-UPD. Huma għandhom jipprovdu wkoll lill-UPD b’aċċess għar-reġistrazzjoni u kwalunkwe dokument li jkun fih elementi fattwali u legali sottostanti.

2.   Il-UPD jista’ jitlob li l-kontrollur delegat tas-servizz tal-Kummissjoni kkonċernat jirrieżamina l-applikazzjoni tar-restrizzjonijiet. Il-kontrollur delegat tal-Kummissjoni kkonċernat għandu jinforma lill-UPD bil-miktub dwar ir-riżultat tar-rieżami mitlub.

KAPITOLU 6

DISPOŻIZZJONIJIET FINALI

Artikolu 20

Tħassir

Id-Deċiżjoni 2008/597/KE hija mħassra.

Artikolu 21

Dħul fis-seħħ

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fl-għoxrin jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi Brussell, it-3 ta’ Lulju 2020.

Għall-Kummissjoni

Il-President

Ursula VON DER LEYEN


(1)  ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39.

(2)  SEC(2019)900/2.

(3)  Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2008/597/KE tat-3 ta’ Ġunju 2008 li taddotta r-regoli ta’ implementazzjoni dwar l-Uffiċjal tal-Protezzjoni tad-Data skont l-Artikolu 24(8) tar-Regolament (KE) Nru 45/2001 dwar il-protezzjoni ta’ individwi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-moviment ħieles ta’ dik id-data (ĠU L 193, 22.7.2008, p. 7).

(4)  Ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2000 dwar il-protezzjoni ta’ individwu fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità u dwar il-movement liberu ta’ dak id-data (ĠU L 8, 12.1.2001, p. 1).

(5)  Ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta’ Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni (ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43).

(6)  Ir-Regolament (UE) 2016/794 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Mejju 2016 dwar l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fl-Infurzar tal-Liġi (Europol) u li jissostitwixxi u jħassar id-Deċiżjonijiet tal-Kunsill 2009/371/ĠAI, 2009/934/ĠAI, 2009/935/ĠAI, 2009/936/ĠAI u 2009/968/ĠAI (ĠU L 135, 24.5.2016, p. 53).

(7)  Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).


Top