Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0727

    Deċiżjoni ta’ Implimentazzjoni tal-Kummissjoni (UE) 2020/727 tad-29 ta’ Mejju 2020 li twaqqaf il-proċediment anti-dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Bahrain u mill-Eġittu

    C/2020/3336

    ĠU L 170, 2.6.2020, p. 17–20 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec_impl/2020/727/oj

    2.6.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 170/17


    DEĊIŻJONI TA’ IMPLIMENTAZZJONI TAL-KUMMISSJONI (UE) 2020/727

    tad-29 ta’ Mejju 2020

    li twaqqaf il-proċediment anti-dumping li jirrigwarda l-importazzjonijiet ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu li joriġinaw mill-Bahrain u mill-Eġittu

    IL-KUMMISSJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidrat it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

    Wara li kkunsidrat ir-Regolament (UE) 2016/1036 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar il-protezzjoni kontra l-importazzjonijiet li huma l-oġġett ta’ dumping minn pajjiżi mhux membri tal-Unjoni Ewropea (“ir-Regolament bażiku”) (1), u b’mod partikolari l-Artikolu 5 tiegħu,

    Billi:

    1.   PROĊEDURA

    1.1.   Bidu

    (1)

    Fit-3 ta’ Mejju 2019, il-Kummissjoni Ewropea bdiet investigazzjoni anti-dumping fir-rigward tal-importazzjonijiet lejn l-Unjoni Ewropea ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu (glass fibre reinforcements, GFR) li joriġinaw mill-Bahrain u l-Eġittu (il-“pajjiżi kkonċernati”) skont l-Artikolu 5 tar-Regolament (UE) 2016/1036. Hija ppubblikat Notifika ta’ Bidu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (2) (in-“Notifika ta’ Bidu”).

    (2)

    Il-Kummissjoni tat bidu għall-investigazzjoni wara lment ippreżentat fil-21 ta’ Marzu 2019 mill-Assoċjazzjoni Ewropea tal-Produtturi tal-Fibra tal-Ħġieġ (“l-ilmentatur” jew “APFE”) f’isem produtturi li jirrappreżentaw aktar minn 25 % tal-produzzjoni totali tal-Unjoni. L-ilment kien appoġġat minn produtturi li jirrappreżentaw 71 % tal-produzzjoni totali ta’ prodotti tal-fibra tal-ħġieġ bil-filament kontinwu fl-Unjoni.

    1.2.   Il-perjodu tal-investigazzjoni u l-perjodu kkunsidrat

    (3)

    L-investigazzjoni ta’ dumping u dannu kopriet il-perjodu mill-1 ta’ April 2018 sal-31 ta’ Marzu 2019 (il-“perjodu ta’ investigazzjoni” jew il-“PI”). L-eżaminar tax-xejriet rilevanti għall-valutazzjoni tad-dannu kien ikopri l-perjodu mill-1 ta’ Jannar 2016 sat-tmiem tal-perjodu ta’ investigazzjoni (il-“perjodu kkunsidrat”).

    1.3.   Il-partijiet interessati

    (4)

    Fin-Notifika ta’ Bidu, il-partijiet interessati ġew mistiedna jikkuntattjaw lill-Kummissjoni sabiex jipparteċipaw fl-investigazzjoni. Barra minn hekk, il-Kummissjoni infurmat speċifikament lill-ilmentatur, lil produtturi magħrufin oħra tal-Unjoni, lill-produtturi esportaturi magħrufa, lill-importaturi, il-fornituri u l-utenti magħrufa, lin-negozjanti, kif ukoll lil assoċjazzjonijiet magħrufa li huma kkonċernati dwar il-bidu tal-investigazzjoni u stednithom jipparteċipaw.

    (5)

    Il-partijiet interessati kellhom l-opportunità jikkummentaw dwar il-bidu tal-investigazzjoni u jitolbu seduta mal-Kummissjoni u/jew mal-Uffiċjal tas-Seduta fil-proċedimenti kummerċjali.

    1.4.   It-teħid ta’ kampjuni

    (6)

    Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni ddikjarat li hija tista’ tieħu kampjun tal-partijiet interessati skont l-Artikolu 17 tar-Regolament bażiku.

    1.4.1.   It-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi tal-Unjoni

    (7)

    Fin-Notifika ta’ Bidu tagħha, il-Kummissjoni sostniet li kienet għażlet b’mod provviżorju kampjun ta’ produtturi tal-Unjoni. Il-Kummissjoni għażlet il-kampjun abbażi tal-ogħla kwantità rappreżentattiva ta’ produzzjoni, li setgħet b’mod raġonevoli tiġi investigata fiż-żmien disponibbli.

    (8)

    Ma waslux kummenti dwar l-għażla tal-kampjun.

    1.4.2.   It-teħid ta’ kampjuni ta’ importaturi mhux relatati

    (9)

    Biex tiddeċiedi jekk kienx meħtieġ teħid ta’ kampjuni u, jekk iva, biex tagħżel kampjun, il-Kummissjoni talbet importaturi mhux relatati sabiex jipprovdu l-informazzjoni speċifikata fin-Notifika ta’ Bidu.

    (10)

    Minħabba li żewġ importaturi mhux relatati biss ipprovdew formoli mimlija tat-teħid ta’ kampjuni, ma ġiex applikat teħid ta’ kampjuni.

    1.4.3.   It-teħid ta’ kampjuni tal-produtturi esportaturi fil-Bahrain u fl-Eġittu

    (11)

    Il-Kummissjoni ma għamlitx użu mit-teħid ta’ kampjuni fir-rigward ta’ produtturi esportaturi fil-Bahrain u fl-Eġittu peress li hemm produttur esportatur wieħed biss f’kull pajjiż.

    1.4.4.   It-tweġibiet għall-kwestjonarju u ż-żjarat ta’ verifika

    (12)

    Il-Kummissjoni bagħtet kwestjonarji liż-żewġ produtturi esportaturi, lit-tliet produtturi tal-Unjoni fil-kampjun, u liż-żewġ importaturi mhux relatati. Ġie pprovdut kwestjonarju għall-utenti biex jimlewh, jekk xtaqu, minflok jagħmlu sottomissjoni.

    (13)

    Il-Kummissjoni rċeviet tweġibiet għall-kwestjonarji mingħand iż-żewġ produtturi esportaturi, il-produtturi tal-Unjoni kollha fil-kampjun u ż-żewġ importaturi mhux relatati. Il-Kummissjoni rċeviet ukoll tweġibiet għall-kwestjonarju mingħand żewġ utenti.

    (14)

    Il-Kummissjoni fittxet u vverifikat l-informazzjoni kollha li hija qieset bħala neċessarja sabiex jiġi stabbilit id-dumping, id-dannu li jirriżulta u l-interess tal-Unjoni.

    (15)

    Il-metodoloġija u l-korrettezza tad-data miġbura mill-ilmentaturi għall-finijiet tal-indikaturi makroekonomiċi kienet soġġetta għal żjara ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku li saret fl-uffiċċji tal-avukati tal-ilmentaturi.

    (16)

    Saru żjarat ta’ verifika skont l-Artikolu 16 tar-Regolament bażiku fil-bini tal-kumpaniji li ġejjin:

     

    Produtturi tal-Unjoni u kumpaniji relatati:

    3B Fibreglass, Battice, il-,Belġju,

    Johns Manville Slovakia a.s., Trnava, ir-Repubblika Slovakka,

    European Owens Corning Fibreglass SPRL, Watermael-Boitsfort, il-Belġju;

     

    Importaturi mhux relatati fl-Unjoni:

    Euroresins UK Limited, Ellesmere Port, ir-Renju Unit,

    Helm AG, Hamburg, il-Ġermanja

     

    Utenti mhux relatati fl-Unjoni Ewropea:

    Polykemi, Ystad, l-Iżvezja,

    Kumpanija A (3)

     

    Produttur esportatur fl-Eġittu u kumpaniji relatati:

    Jushi Group:

    Jushi Egypt for Fiberglass Industry S.A.E., l-Eġittu,

    Jushi France SAS, Franza,

    Jushi Italia srl, l-Italja,

    Jushi Spain SA, Spanja

     

    Produttur esportatur fil-Bahrain u kumpaniji relatati:

    Grupp CPIC

    CPIC Abahsain Fiberglass W.L.L., il-Bahrain,

    CPIC Europe B.V., in-Netherlands.

    2.   PRODOTT IKKONĊERNAT U L-PRODOTT SIMILI

    2.1.   Il-prodott investigat

    (17)

    Il-prodott soġġett għal din l-investigazzjoni huwa t-trofof tal-fibra tal-ħġieġ imqattgħin, b’tul ta’ mhux aktar minn 50 mm (“trofof imqattgħin”); faxex tal-fibra tal-ħġieġ, għajr dawk li huma mimlijin u miksijin u li għandhom telf malli jitqabbdu ta’ iktar minn 3 % (kif stipulat mill-Istandard ISO 1887) (“faxex tal-fibra”); u twapet magħmulin minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ minbarra twapet tas-suf tal-ħġieġ (“twapet”), (“il-prodott investigat”). Il-prodott investigat huwa magħruf bħala “rinforzi tal-fibra tal-ħġieġ” jew “GFR”.

    (18)

    Il-prodott ikkonċernat huwa l-prodott investigat li joriġina mill-Bahrain u l-Eġittu.

    (19)

    Il-prodott ikkonċernat attwalment jaqa’ taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, ex 7019 12 00, 7019 31 00 (kodiċijiet TARIC 7019120022, 7019120025, 7019120026 u 7019120039).

    2.2.   Il-prodott simili

    (20)

    L-investigazzjoni wriet li l-prodotti li ġejjin għandhom l-istess karatteristiċi fiżiċi, kimiċi u tekniċi bażiċi kif ukoll l-istess użi bażiċi:

    (a)

    il-prodott ikkonċernat;

    (b)

    il-prodott immanifatturat u mibjugħ fis-suq domestiku tal-Bahrain u l-Eġittu;

    (c)

    il-prodott maħdum u mibjugħ fl-Unjoni mill-industrija tal-Unjoni.

    (21)

    Il-Kummissjoni ddeċidiet li, għall-finijiet ta’ din l-investigazzjoni, dawn il-prodotti huma għalhekk prodotti simili skont it-tifsira tal-Artikolu 2(c) tar-Regolament bażiku.

    3.   PROĊEDURA

    (22)

    Fl-ittra tagħha lill-Kummissjoni tad-19 ta’ Marzu 2020, l-ilmentatur irtira l-ilment tiegħu.

    (23)

    Skont l-Artikolu 9(1) tar-Regolament bażiku, meta l-ilmentatur jirtira l-ilment tiegħu, il-proċediment jista’ jintemm sakemm tali tmiem ma jkunx kontra l-interess tal-Unjoni.

    (24)

    Il-Kummissjoni qieset li l-proċediment anti-dumping attwali għandu jintemm peress li l-investigazzjoni ma sabet ebda fatt li juri li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (25)

    Il-partijiet interessati ġew mgħarrfa b’dan u ngħataw opportunità li jikkummentaw. Il-Kummissjoni ma rċeviet ebda kummenti li jwasslu għall-konklużjoni li tali tmiem ma jkunx fl-interess tal-Unjoni.

    (26)

    Għaldaqstant, il-Kummissjoni tikkonkludi li l-proċediment antidumping li jikkonċerna l-importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ GFR li joriġinaw mill-Bahrain u l-Eġittu għandu jitwaqqaf.

    (27)

    Din id-Deċiżjoni hija f’konformità mal-opinjoni tal-Kumitat stabbilit permezz tal-Artikolu 15(1) tar-Regolament bażiku,

    ADOTTAT DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    Il-proċediment anti-dumping jikkonċerna importazzjonijiet fl-Unjoni ta’ trofof imqattgħin tal-fibra tal-ħġieġ, b’tul ta’ mhux aktar minn 50 mm (“trofof imqattgħin”); faxex tal-fibra tal-ħġieġ, għajr dawk li huma mimlijin u miksijin u li għandhom telf malli jitqabbdu ta’ iktar minn 3 % (kif stipulat mill-Istandard ISO 1887) (“faxex tal-fibra”); u twapet magħmulin minn filamenti tal-fibra tal-ħġieġ għajr twapet tas-suf tal-ħġieġ (“twapet”), li joriġinaw fil-Bahrain u fl-Eġittu u li attwalment jaqgħu taħt il-kodiċijiet NM 7019 11 00, ex 7019 12 00, 7019 31 00 (kodiċijiet TARIC 7019120022, 7019120025, 7019120026 u 7019120039) huwa b’dan imwaqqaf.

    Artikolu 2

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ l-għada tal-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

    Magħmul fi Brussell, id-29 ta’ Mejju 2020.

    Għall-Kummissjoni

    Il-President

    Ursula VON DER LEYEN


    (1)  ĠU L 176, 30.6.2016, p. 21.

    (2)  ĠU C 151, 3.5.2019, p. 4.

    (3)  Il-kumpanija A talbet li tibqa’ anonima fuq il-bażi li kienet se tesponi lilha nnifisha għal riskju sinifikanti ta’ ritaljazzjoni kummerċjali jekk kemm-il darba titqies minn ċerti produtturi li qed taġixxi b’mod li jmur kontra l-interessi tagħhom.


    Top