Choose the experimental features you want to try

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32020D0272

    Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2020/272 tal-20 ta’ Frar 2020 dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u tal-protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (2020–2026)

    ST/5242/2020/INIT

    ĠU L 60, 28.2.2020, p. 3–4 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

    Legal status of the document In force

    ELI: http://data.europa.eu/eli/dec/2020/272/oj

    Related international agreement

    28.2.2020   

    MT

    Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

    L 60/3


    DEĊIŻJONI TAL-KUNSILL (UE) 2020/272

    tal-20 ta’ Frar 2020

    dwar l-iffirmar, f’isem l-Unjoni Ewropea, u l-applikazzjoni provviżorja tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles u tal-protokoll ta’ implimentazzjoni tiegħu (2020–2026)

    IL-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

    Wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 43, flimkien mal-Artikolu 218(5) tiegħu,

    Wara li kkunsidra l-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

    Billi:

    (1)

    Fil-15 ta’ Lulju 2019, il-Kunsill awtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati mar-Repubblika tas-Seychelles (“Seychelles”) bil-għan li tikkonkludi Ftehim ġdid ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u protokoll ġdid ta’ implimentazzjoni tiegħu (il-“Protokoll”).

    (2)

    In-negozjati ntemmu b’suċċess permezz tal-inizjalar tal-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll fit-22 ta’ Ottubru 2019.

    (3)

    Il-Ftehim ta’ Sħubija jħassar il-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u Repubblika tas-Seychelles (1), li daħal fis-seħħ fit-2 ta’ Novembru 2007 għal perijodu ta’ sitt snin u li ġġedded b’mod taċitu, u li għalhekk għadu fis-seħħ.

    (4)

    L-aktar protokoll reċenti li jimplimenta l-Ftehim ta' Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn il- Komunità Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2) ġie ffirmat fit-18 ta’ Diċembru 2013 u ġie applikat provviżorjament mit-18 ta' Jannar 2014. Huwa ntemm fis-17 ta’ Jannar 2020.

    (5)

    L-għan tal-Ftehim ta’ Sħubija u tal-Protokoll huwa li jippermetti lill-Unjoni u lis-Seychelles jaħdmu flimkien aktar mill-qrib biex ikomplu jippromwovu l-iżvilupp ta’ politika tas-sajd sostenibbli u li jippermetti l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u fl-Oċean Indjan, filwaqt li jikkontribwixxu għal kundizzjonijiet deċenti tax-xogħol fis-settur tas-sajd.

    (6)

    Jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jidħlu fis-seħħ malajr kemm jista’ jkun minħabba l-importanza ekonomika tal-attivitajiet tas-sajd tal-Unjoni fiż-żona tas-sajd tas-Seychelles u l-ħtieġa li titnaqqas kemm jista’ jkun l-interruzzjoni ta’ tali attivitajiet.

    (7)

    Sabiex ikunu jistgħu jitkomplew l-attivitajiet tas-sajd tal-bastimenti tal-Unjoni, jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu applikati fuq bażi provviżorja minn meta jiġu ffirmati.

    (8)

    Għalhekk jenħtieġ li l-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll jiġu ffirmati u applikati fuq bażi provviżorja, sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom,

    ADOTTA DIN ID-DEĊIŻJONI:

    Artikolu 1

    L-iffirmar f'isem l-Unjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (il-“Ftehim ta’ Sħubija”) u tal-Protokoll dwar l-Implimentazzjoni tal-Ftehim ta’ Sħubija dwar is-Sajd Sostenibbli bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (2020–2026) (il-“Protokoll”) huwa b’dan awtorizzat, soġġet għall-konklużjoni tal-atti msemmija (3).

    Artikolu 2

    Il-President tal-Kunsill huwa b'dan awtorizzat li jinnomina l-persuna jew persuni li jkollhom is-setgħa li jiffirmaw il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll f'isem l-Unjoni.

    Artikolu 3

    Il-Ftehim ta' Sħubija u l-Protokoll għandhom jiġu applikati fuq bażi provviżorja mid-data tal-iffirmar tagħhom (4), sakemm jitlestew il-proċeduri neċessarji għad-dħul fis-seħħ tagħhom.

    Artikolu 4

    Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fid-data tal-adozzjoni tagħha.

    Magħmul fi Brussell, l-20 ta’ Frar 2020.

    Għall-Kunsill

    Il-President

    B. DIVJAK


    (1)  ĠU L 290, 20.10.2006, p. 2.

    (2)  Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta’ Sħubija fis-Settur tas-Sajd bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika tas-Seychelles (ĠU L 4, 9.1.2014, p. 3).

    (3)  Ara l-paġna 5 ta’ dan il-Ġurnal Uffiċjali.

    (4)  Id-data minn meta il-Ftehim ta’ Sħubija u l-Protokoll ser jiġu applikati b'mod provviżorju ser tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill.


    Top