EUR-Lex Access to European Union law

Back to EUR-Lex homepage

This document is an excerpt from the EUR-Lex website

Document 32019R2175

Regolament (UE) 2019/2175 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Diċembru 2019 li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi (Test b’rilevanza għaż-ŻEE) (Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

PE/75/2019/REV/1

ĠU L 334, 27.12.2019, p. 1–145 (BG, ES, CS, DA, DE, ET, EL, EN, FR, GA, HR, IT, LV, LT, HU, MT, NL, PL, PT, RO, SK, SL, FI, SV)

Legal status of the document In force: This act has been changed. Current consolidated version: 27/12/2019

ELI: http://data.europa.eu/eli/reg/2019/2175/oj

27.12.2019   

MT

Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea

L 334/1


REGOLAMENT (UE) 2019/2175 TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

tat-18 ta’ Diċembru 2019

li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea); ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol); ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq); ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji; ir-Regolament (UE) 2016/1011 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment; u r-Regolament (UE) 2015/847 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi

(Test b’rilevanza għaż-ŻEE)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b’mod partikolari l-Artikolu 114 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Wara li l-abbozz tal-att leġiżlattiv intbagħat lill-parlamenti nazzjonali,

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Bank Ċentrali Ewropew (1),

Wara li kkunsidraw l-opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (2),

Filwaqt li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja (3),

Billi:

(1)

Wara l-kriżi finanzjarja u r-rakkomandazzjonijiet ta’ grupp ta’ esperti ta’ livell għoli mmexxija minn Jacques de Larosière, l-Unjoni għamlet progress importanti fil-ħolqien ta’ regoli mhux biss aktar b’saħħithom, iżda wkoll aktar armonizzati għas-swieq finanzjarji fil-forma tal-Ġabra Unika tar-Regoli. L-Unjoni waqqfet ukoll is-sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja (SESF), mibnija fuq sistema ta’ żewġ pilastri li tikkombina s-superviżjoni mikroprudenzjali, ikkoordinata mill-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), u s-superviżjoni makroprudenzjali permezz tal-istabbiliment tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS). It-tliet ASE, jiġifieri l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) (EBA) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (4), l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) (EIOPA, European Insurance and Occupational Pensions Authority) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (5), u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) (ESMA, European Securities and Markets Authority) stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (6) (b’mod kollettiv ‘ir-regolamenti tat-twaqqif), bdew joperaw f’Jannar 2011. L-objettiv ġenerali tal-ASE huwa li jsaħħu b’mod sostenibbli l-istabbiltà u l-effettività tas-sistema finanzjarja madwar l-Unjoni kollha u li jtejbu l-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri.

(2)

L-ASE għamlu kontribut kruċjali għall-armonizzazzjoni tar-regoli tas-swieq finanzjarji fl-Unjoni billi pprovdew lill-Kummissjoni b’kontribut għall-inizjattivi tagħha għar-regolamenti u d-direttivi adottati mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill. L-ASE pprovdew ukoll lill-Kummissjoni b’abbozzi ta’ regoli tekniċi dettaljati li kienu adottati bħala atti delegati u ta’ implimentazzjoni.

(3)

L-ASE kkontribwew ukoll għall-konverġenza fis-superviżjoni finanzjarja u fil-prattiki superviżorji fl-Unjoni permezz ta’ linji gwida indirizzati lejn l-awtoritajiet kompetenti, l-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u billi kkoordinaw reviżjonijiet tal-prattiki superviżorji.

(4)

Setgħat imsaħħa mogħtija lill-ASE, sabiex ikunu jistgħu jilħqu l-objettiv tagħhom, ikunu jirrikjedu wkoll governanza xierqa, użu effiċjenti tar-riżorsi kif ukoll finanzjament suffiċjenti. Is-setgħat imsaħħa weħidhom ma jkunux biżżejjed sabiex jintlaħqu l-objettivi tal-ASE jekk huma ma jkollhomx finanzjament suffiċjenti jew jekk ma jkunux regolati b’mod effettiv u effiċjenti.

(5)

Fit-twettiq tal-kompiti tagħhom u fl-eżerċizzju tas-setgħat tagħhom, jenħtieġ li l-ASE jaġixxu f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità stabbilit fl-Artikolu 5 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), kif ukoll mal-politika ta’ regolamentazzjoni aħjar. Il-kontenut u l-forma tal-azzjonijiet u tal-miżuri tal-ASE inklużi strumenti bħal linji gwida, rakkomandazzjonijiet, opinjonijiet jew mistoqsijiet u tweġibiet jenħtieġ li dejjem ikunu bbażati fuq, u fil-parametri ta’, l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-regolamenti tat-twaqqif jew fl-ambitu tas-setgħat tagħhom. Jenħtieġ li l-ASE ma jmorrux lil hinn minn dak li hu meħtieġ biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u jenħtieġ li jaġixxu b’mod proporzjonat għan-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti fl-attività finanzjarja jew fin-negozju tal-istituzzjoni jew impriża finanzjarja affettwata.

(6)

Fil-Komunikazzjoni tagħha tat-8 ta’ Ġunju 2017 dwar ir-rieżami ta’ nofs it-terminu tal-Pjan ta’ Azzjoni tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, il-Kummissjoni enfasizzat li superviżjoni aktar effettiva u konsistenti tas-swieq u s-servizzi finanzjarji hija essenzjali sabiex jiġi eliminat l-arbitraġġ regolatorju bejn l-Istati Membri fl-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji tagħhom, sabiex tiġi aċċellerata l-integrazzjoni tas-suq u sabiex jinħolqu opportunitajiet fis-suq intern għall-entitajiet finanzjarji u l-investituri.

(7)

Għalhekk, il-progress ulterjuri fil-konverġenza superviżorja huwa partikolarment urġenti sabiex tiġi kkompletata l-unjoni tas-swieq kapitali. Għaxar snin wara l-bidu tal-kriżi finanzjarja u l-istabbiliment tas-sistema superviżorja ġdida, is-servizzi finanzjarji u l-unjoni tas-swieq kapitali se jkunu dejjem aktar xprunati minn żewġ żviluppi ewlenin: il-finanzi sostenibbli u l-innovazzjoni teknoloġika. It-tnejn għandhom il-potenzjal li jittrasformaw is-servizzi finanzjarji u s-sistema ta’ superviżjoni finanzjarja tagħna jenħtieġ li tkun mgħammra għalihom. Għalhekk, huwa kruċjali li s-sistema finanzjarja tagħmel il-parti sħiħa tagħha sabiex tilħaq l-isfidi kritiċi tas-sostenibbiltà. Din se tirrikjedi kontribuzzjoni attiva mill-ASE sabiex joħolqu l-qafas regolatorju u superviżorju xieraq.

(8)

L-ASE jenħtieġ li jkollhom rwol importanti fl-identifikazzjoni u r-rapportar tar-riskji li l-fatturi b’relazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza jirrappreżentaw għall-istabbiltà finanzjarja, u biex l-attività tas-swieq finanzjarji ssir aktar konsistenti ma’ objettivi tas-sostenibbiltà. Jenħtieġ li l-ASE jipprovdu gwida dwar kif jistgħu jiġu inkorporati b’mod effettiv kunsiderazzjonijiet ta’ sostenibbiltà fil-leġiżlazzjoni finanzjarja rilevanti tal-Unjoni u jippromwovu l-implimentazzjoni koerenti ta’ dawk id-dispożizzjonijiet mal-adozzjoni tagħhom. Meta l-ASE jibdew u jikkoordinaw il-valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha dwar ir-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji għall-iżviluppi avversi tas-suq, jenħtieġ li jikkunsidraw kif dovut ir-riskji li l-fatturi b’relazzjoni ambjentali, soċjali u ta’ governanza jistgħu jippreżentaw għall-istabbiltà finanzjarja ta’ dawk l-istituzzjonijiet.

(9)

L-innovazzjoni teknoloġika kellha impatt dejjem akbar fuq is-settur finanzjarju u, għalhekk, l-awtoritajiet kompetenti ħadu diversi inizjattivi sabiex jittrattaw dawk l-iżviluppi teknoloġiċi. Sabiex tkompli ssir promozzjoni tal-konverġenza superviżorja u sabiex jiġu skambjati l-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet rilevanti, fuq naħa waħda, u bejn l-awtoritajiet rilevanti u l-istituzzjonijiet finanzjarji jew il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, fuq in-naħa l-oħra, jenħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-ASE fir-rigward tal-funzjoni ta’ sorveljanza tagħhom u fir-rigward tal-koordinazzjoni superviżorja tagħhom.

(10)

L-avvanzi teknoloġiċi fis-swieq finanzjarji jistgħu jtejbu l-inklużjoni finanzjarja, jipprovdu aċċess għall-finanzi, isaħħu l-integrità tas-suq u l-effiċjenza operattiva, kif ukoll inaqqsu l-ostakoli għad-dħul f’dawk is-swieq. Sa fejn ikun rilevanti għar-regoli sostantivi applikabbli, it-taħriġ tal-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li jiġi estiż ukoll għall-innovazzjoni teknoloġika. Dan jenħtieġ jgħin jimpedixxi li l-Istati Membri jiżviluppaw approċċi diverġenti f’dawk il-kwistjonijiet.

(11)

Jenħtieġ li l-EBA, fil-qasam ta’ għarfien espert tagħha, twettaq monitoraġġ tal-ostakoli għal, jew tal-impatt fuq, il-konsolidament prudenzjali u jenħtieġ li jkun possibbli għall-EBA li tipprovdi opinjonijiet jew rakkomandazzjonijiet bl-għan li tidentifika modi xierqa biex jiġu indirizzati tali ostakoli jew impatt.

(12)

Il-mistoqsijiet u t-tweġibiet huma għodda ta’ konverġenza importanti li tippromwovi approċċi u prattiki superviżorji komuni billi tipprovdi gwida dwar l-applikazzjoni tal-atti legali tal-Unjoni fl-ambitu tal-ASE.

(13)

Kulma jmur qed isir dejjem iktar importanti li jiġu promossi l-monitoraġġ konsistenti, sistematiku u effettiv u l-valutazzjoni tar-riskji relattivament għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu hija responsabbiltà kondiviża tal-Istati Membri u l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni, fil-mandati rispettivi tagħhom. Jenħtieġ li dawn jistabbilixxu mekkaniżmi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni, tal-koordinazzjoni u tal-assistenza reċiproka, bl-użu sħiħ tal-għodod u l-miżuri disponibbli taħt il-qafas regolatorju u istituzzjonali eżistenti.

(14)

Fid-dawl tal-konsegwenzi għall-istabbiltà finanzjarja li jistgħu jirriżultaw mill-abbużi tas-settur finanzjarju għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew ta’ finanzjament tat-terroriżmu, meta jitqies li huwa fis-settur bankarju li huwa l-aktar probabbli li r-riskji tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu jkollhom impatt sistemiku, b’sisien fuq l-esperjenza miksuba diġà mill-EBA, li hija awtorità fejn huma rrappreżentati l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti tal-Istati Membri kollha, fir-rigward tal-protezzjoni tas-settur bankarju minn tali abbużi, jenħtieġ li l-EBA tassumi rwol mexxej, ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ fil-livell tal-Unjoni biex tipprevjeni l-użu tas-sistema finanzjarja għal tali finijiet. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EBA tingħata s-setgħa, addizzjonalment għall-kompetenzi attwali tagħha, li taġixxi fil-kamp ta’ applikazzjoni tar-Regolamenti (UE) Nru 1094/2010 u (UE) Nru 1095/2010 sa fejn tali setgħa tirrelata mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fir-rigward tal-operaturi fis-settur finanzjarju u l-awtoritajiet kompetenti responsabbli għas-superviżjoni tagħhom, li huma koperti b’dawk ir-Regolamenti. Barra minn hekk, il-konċentrazzjoni ta’ dak il-mandat għas-settur finanzjarju kollu fl-EBA jottimizza l-użu tal-għarfien espert u tar-riżorsi tagħha, u jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi materjali stabbiliti fid-Direttiva (EU) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (7).

(15)

Sabiex l-EBA teżerċita l-mandat tagħha b’mod effettiv, jenħtieġ li tagħmel użu sħiħ mis-setgħat u mill-għodod tagħha taħt ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 filwaqt li tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità. Għal dak l-iskop, jenħtieġ li hija tiżviluppa standards regolatorji u superviżorji, b’mod partikolari billi tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji, abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, linji gwida u rakkomandazzjonijiet, u tipprovdi opinjonijiet għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-settur finanzjarju u tippromwovi l-implimentazzjoni konsistenti tagħhom f’konformità mal-mandat previst fl-atti leġiżlattivi rilevanti msemmija fl-Artikolu 1(2) u fl-Artikolu 16 tar-regolamenti tat-twaqqif. Jenħtieġ li l-miżuri li tadotta l-EBA biex tippromwovi l-integrità, it-trasparenza u s-sigurtà fis-sistema finanzjarja u biex tippromwovi u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu ma jmorrux lil hinn minn dak li huwa neċessarju biex jinkisbu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament jew tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-regolamenti tat-twaqqif u jenħtieġ li jqisu kif dovut in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki ta’ negozju, il-mudelli ta’ negozju u d-daqs tal-operaturi u s-swieq tas-settur finanzjarju.

(16)

F’konformità mar-rwol il-ġdid tagħha, huwa importanti li l-EBA tiġbor l-informazzjoni rilevanti kollha dwar id-dgħufijiet marbuta mal-attivitajiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu identifikati mill-awtoritajiet rilevanti nazzjonali u tal-Unjoni, mingħajr preġudizzju għall-kompiti assenjati lill-awtoritajiet taħt id-Direttiva (UE) 2015/849 u mingħajr ebda duplikazzjoni bla bżonn. F’konformità mar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (8), jenħtieġ li l-EBA taħżen tali informazzjoni f’bażi tad-data ċentralizzata u trawwem il-kooperazzjoni fost l-awtoritajiet billi tiżgura t-tixrid xieraq tal-informazzjoni rilevanti. Jenħtieġ għalhekk li l-EBA tingħata mandat biex tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji rigward il-ġbir ta’ informazzjoni. L-EBA tista’ wkoll, fejn xieraq, tittrażmetti evidenza fil-pussess tagħha li tista’ twassal għal proċeduri kriminali lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali tal-Istat Membru kkonċernat u, sa fejn dan ikun jikkonċerna lill-Istati Membri li jipparteċipaw fil-kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew taħt ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (9), lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew, għal dawk il-kompiti mogħtija espliċitament.

(17)

Jenħtieġ li l-EBA ma tiġborx informazzjoni dwar tranżazzjonijiet suspettużi konkreti li l-operaturi tas-settur finanzjarju għandhom l-obbligu li jirrapportaw lill-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE fl-Istati Membri tagħhom skont id-Direttiva (UE) 2015/849. Jenħtieġ li d-dgħufijiet jitqiesu materjali meta dawn jikkostitwixxu ksur jew ksur potenzjali minn operatur tas-settur finanzjarju, jew jikkostitwixxu applikazzjoni mhux xierqa jew mhux effettiva minn operatur tas-settur finanzjarju, jew applikazzjoni mhux xierqa jew mhux effettiva minn operatur tas-settur finanzjarju tal-politiki u l-proċeduri interni tiegħu għall-konformità mad-dispożizzjonijiet legali relatati mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Ksur huwa kkunsidrat li seħħ fejn operatur tas-suq finanzjarju jonqos milli jikkonforma mar-rekwiżiti ta’ kwalunkwe att tal-Unjoni u tal-liġi nazzjonali li tittrasponi tali rekwiżiti msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-regolamenti tat-twaqqif sa fejn dawk l-atti jikkontribwixxu għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-fini tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Ksur potenzjali jseħħ meta l-awtorità kompetenti jkollha bażi raġonevoli li tissuspetta li jkun seħħ ksur, iżda f’dak l-istadju ma tkunx f’pożizzjoni li finalment tikkonkludi li jkun seħħ. Madankollu, minħabba l-informazzjoni miksuba f’dak l-istadju, bħall-informazzjoni mill-verifiki fuq il-post jew proċedimenti mhux fuq il-post, ikun ferm probabbli li jkun seħħ ksur. Applikazzjoni mhux xierqa jew mhux effettiva tad-dispożizzjonijiet legali hija kkostitwita min-nuqqas ta’ operatur tas-settur finanzjarju li jimplimenta r-rekwiżiti ta’ dawk l-atti b’mod sodisfaċenti. Jenħtieġ li applikazzjoni mhux xierqa jew mhux effettiva tal-proċeduri u l-politiki interni ta’ operatur tas-suq finanzjarju li jkollhom l-għan li jaċċertaw il-konformità ma’ dawk l-atti titqies bħala li tikkostitwixxi dgħufija li, b’mod sostanzjali, iżżid ir-riskju li jkun seħħ ksur jew li jista’ jseħħ.

(18)

Jenħtieġ li l-EBA, meta tivvaluta l-vulnerabbiltajiet u r-riskji tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-settur finanzjarju, tqis ukoll l-implikazzjonijiet għall-ħasil tal-flus u għall-finanzjament tat-terroriżmu mir-reati predikati kollha, inklużi dawk li huma reati relatati mat-tassazzjoni, fejn applikabbli.

(19)

Fuq talba, l-EBA jenħtieġ li tipprovdi assistenza lill-awtoritajiet kompetenti fl-eżerċizzju tal-funzjonijiet superviżorji prudenzjali tagħhom. Jenħtieġ ukoll li l-EBA tikkoordina mill-qrib, u fejn xieraq tiskambja informazzjoni, mal-awtoritajiet kompetenti inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew, fil-kapaċità superviżorja tiegħu, u ma’ awtoritajiet fdati li jissorveljaw lill-entitajiet marbutin b’obbligu elenkati fl-Artikolu 2(1)(1) u (2) tad-Direttiva (UE) 2015/849, biex tiżgura l-effiċjenza u tevita kwalunkwe forma ta’ azzjonijiet duplikati jew inkonsistenti fil-prevenzjoni u fil-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.

(20)

Jenħtieġ li l-EBA twettaq reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti, kif ukoll valutazzjonijiet tar-riskji dwar l-adegwatezza tal-istrateġiji u tar-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti fid-dawl tal-aktar riskji emerġenti importanti marbuta mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu kif identifikati fil-Valutazzjoni tar-Riskji Supranazzjonali. Jenħtieġ li l-EBA, meta twettaq tali reviżjonijiet bejn il-pari f’konformità mal-Artikolu 30 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010, tqis l-evalwazzjonijiet, il-valutazzjonijiet jew ir-rapporti rilevanti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u minn korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ir-Rapport biennali tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-Valutazzjoni tar-Riskju Nazzjonali tal-Istat Membru rilevanti mħejjija taħt l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.

(21)

Barra minn hekk, jenħtieġ li l-EBA jkollha rwol ewlieni bħala kontributur għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti fil-pajjiżi terzi f’dawk il-kwistjonijiet bil-għan li tikkoordina aħjar l-azzjoni fil-livell tal-Unjoni f’każijiet materjali ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu b’dimensjoni transfruntiera u ta’ pajjiż terz. Tali rwol jenħtieġ li jkun mingħajr preġudizzju għall-interazzjonijiet regolari mill-awtoritajiet kompetenti mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi.

(22)

Sabiex tissaħħaħ l-effettività tal-kontroll superviżorju tal-konformità fil-qasam tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, u biex tiġi żgurata aktar koordinazzjoni fl-infurzar mill-awtoritajiet kompetenti nazzjonali fil-każ tal-ksur tal-liġi tal-Unjoni applikabbli direttament jew tal-miżuri ta’ traspożizzjoni nazzjonali tagħha, jenħtieġ li l-EBA jkollha s-setgħa li twettaq analiżi tal-informazzjoni miġbura u, jekk ikun meħtieġ, twettaq investigazzjonijiet dwar l-allegazzjonijiet miġjuba għall-attenzjoni tagħha dwar ksur materjali jew in-nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, u, fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ ksur materjali, li titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jinvestigaw kwalunkwe ksur possibbli tar-regoli rilevanti, li tikkunsidra li tieħu deċiżjonijiet u li timponi sanzjonijiet indirizzati lill-operaturi tas-settur finanzjarju li jirrikjeduhom li jikkonformaw mal-obbligi legali tagħhom. Jenħtieġ li dik is-setgħa tintuża biss fejn l-EBA jkollha indikazzjonijiet ta’ ksur materjali.

(23)

Għall-finijiet tal-proċedura għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni prevista fl-Artikolu 17 tar-regolamenti tat-twaqqif u fl-interess tal-applikazzjoni xierqa tal-liġi tal-Unjoni, huwa xieraq li jiġi ffaċilitat u mħaffef l-aċċess tal-ASE għall-informazzjoni. Jenħtieġ għalhekk li dawn ikollhom l-abilitazzjoni li jitolbu l-informazzjoni direttament, permezz ta’ talba debitament ġustifikata u motivata, minn awtoritajiet kompetenti oħrajn kull meta jiġi ppruvat jew jitqies li tali talba għal informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti kkonċernata mhijiex suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ ksur allegat jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.

(24)

Is-superviżjoni armonizzata tas-settur finanzjarju tirrikjedi approċċ konsistenti fost l-awtoritajiet kompetenti. Għal dak l-għan, l-attivitajiet tal-awtoritajiet kompetenti huma soġġetti għal reviżjonijiet bejn il-pari. Jenħtieġ ukoll li l-ASE jiżguraw li l-metodoloġija tiġi applikata bl-istess mod. Tali reviżjonijiet bejn il-pari jenħtieġ li jiffokaw mhux biss fuq il-konverġenza tal-prattiki superviżorji, iżda wkoll fuq il-kapaċità tal-awtoritajiet kompetenti li jiksbu riżultati superviżorji ta’ kwalità għolja, kif ukoll fuq l-indipendenza ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti. Il-konstatazzjonijiet ewlenin ta’ dawk ir-reviżjonijiet bejn il-pari jenħtieġ li jiġu ppubblikati bil-għan li jinkoraġġixxu l-konformità u jżidu t-trasparenza, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà finanzjarja.

(25)

Fid-dawl tal-importanza li jiġi żgurat li l-qafas superviżorju tal-Unjoni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu jiġi applikat b’mod effettiv, ir-reviżjonijiet bejn il-pari huma ta’ importanza ewlenija biex jingħataw perspettivi oġġettivi u trasparenti dwar il-prattiki superviżorji. Jenħtieġ li l-EBA tivvaluta wkoll l-istrateġiji, il-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw riskji emerġenti relatati mal-ħasil tal-flus u mal-finanzjament tat-terroriżmu.

(26)

Sabiex twettaq il-kompiti tagħha u teżerċita s-setgħat tagħha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li jkun possibbli għall-EBA, wara li tkun ħadet deċiżjoni indirizzata lill-awtorità kompetenti, li tieħu deċiżjonijiet individwali indirizzati lejn operaturi fis-settur finanzjarju fil-kuntest tal-proċedura għall-ksur tal-liġi tal-Unjoni u tal-proċedura ta’ medjazzjoni vinkolanti anki meta r-regoli sostantivi ma jkunux applikabbli direttament għall-operaturi fis-settur finanzjarju. Fejn ir-regoli materjali jkunu stabbiliti fid-Direttivi, jenħtieġ li l-EBA tapplika l-liġi nazzjonali sa fejn din tkun qed tittrasponi dawk id-Direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn regolamenti u fejn, fid-data tad-dħul fis-seħħ ta’ dan ir-Regolament, dawk ir-regolamenti espressament jagħtu opzjonijiet lill-Istati Membri, jenħtieġ li l-EBA tapplika l-liġi nazzjonali sa fejn tali opzjonijiet ġew eżerċitati.

(27)

Fil-każijiet li fihom dan ir-Regolament jawtorizza lill-EBA biex tapplika l-liġi nazzjonali li tittrasponi d-Direttivi, tali liġi nazzjonali tista’ tiġi applikata mill-EBA sa fejn biss ikun meħtieġ għat-twettiq tal-kompiti mogħtija lilha mil-liġi tal-Unjoni. Għaldaqstant, jenħtieġ li l-EBA tapplika r-regoli tal-Unjoni rilevanti kollha, u fejn tali regoli huma stabbiliti f’Direttivi, jenħtieġ li hija tapplika l-liġi nazzjonali li tittrasponi dawk id-Direttivi sal-punt meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, bil-għan li tinkiseb applikazzjoni uniformi tal-liġi fl-Unjoni kollha filwaqt li tiġi rrispettata l-liġi nazzjonali rilevanti.

(28)

Fejn deċiżjoni tal-EBA tkun ibbażata fuq, jew konnessa ma’, setgħat tagħha għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u tikkonċerna lill-operaturi tas-settur finanzjarju jew awtoritajiet kompetenti fi ħdan il-kompetenzi tal-EIOPA jew l-ESMA, jenħtieġ li l-EBA tkun tista’ tieħu d-deċiżjoni biss bi ftehim mal-EIOPA jew mal-ESMA, rispettivament. Jenħtieġ li l-EIOPA u l-ESMA, f’kull każ b’kont meħud tal-urġenza tad-deċiżjoni rilevanti, meta jesprimu l-fehmiet tagħhom, jikkunsidraw li jagħmlu użu mill-proċeduri ta’ deċiżjoni mħaffa f’konformità mar-regoli dwar il-governanza interna rispettiva tagħhom.

(29)

Jenħtieġ li l-ASE jkollhom stabbiliti mezzi ta’ rappurtar iddedikati biex jirċievu u jittrattaw informazzjoni pprovduta minn persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta dwar ksur effettiv jew potenzjali, abbuż tal-liġi, jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-ASE jiżguraw li tkun possibbli l-preżentazzjoni ta’ dik l-informazzjoni b’mod anonimu, jew b’mod kunfidenzjali u sikur. Il-persuna li tirrapporta jenħtieġ li tkun protetta mir-ritaljazzjoni. Jenħtieġ li l-ASE jipprovdu feedback lill-persuna li tirrapporta.

(30)

Superviżjoni armonizzata tas-settur finanzjarju tirrikjedi wkoll li n-nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri differenti f’sitwazzjonijiet transfruntieri jissolvew b’mod effiċjenti. Ir-regoli eżistenti sabiex jissolvew tali nuqqasijiet ta’ qbil mhumiex sodisfaċenti għalkollox. Għalhekk, jenħtieġ li jiġu adattati sabiex ikunu aktar faċilment applikabbli.

(31)

Il-promozzjoni ta’ kultura superviżorja tal-Unjoni hija integrali għall-ħidma tal-ASE fuq il-konverġenza tal-prattiki superviżorji. Għalhekk, l-Awtorità tista’ regolarment tidentifika sa żewġ prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha. Dawk il-prijoritajiet jenħtieġ li jitqiesu mill-awtoritajiet kompetenti meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma tagħhom. Jenħtieġ li l-Bord tas-Superviżuri ta’ kull ASE jiddiskuti l-attivitajiet rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti għas-sena segwenti u jislet konklużjonijiet.

(32)

Jenħtieġ li l-valutazzjonijiet mill-kumitati ta’ rieżami bejn il-pari jagħtu lok għal studji fil-fond ibbażati fuq awtovalutazzjoni mill-awtoritajiet rieżaminati, segwita minn evalwazzjoni mill-kumitat tar-rieżami bejn il-pari. Jenħtieġ li l-membru ta’ awtorità kompetenti taħt rieżami ma jipparteċipax fil-valutazzjoni meta din tkun tirrigwarda dik l-awtorità kompetenti.

(33)

L-esperjenza tal-ASE wriet il-benefiċċji tal-koordinazzjoni msaħħa f’ċerti oqsma permezz ta’ pjattaformi jew gruppi ad hoc. Jenħtieġ li dan ir-Regolament jipprovdi bażi ġuridika u jsaħħaħ tali arranġamenti permezz tal-ħolqien ta’ għodda ġdida, jiġifieri, it-twaqqif ta’ gruppi ta’ koordinazzjoni. Jenħtieġ li tali gruppi ta’ koordinazzjoni jippromwovu l-konverġenza b’rabta mal-prattiki superviżorji adottati mill-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari permezz ta’ skambju ta’ informazzjoni u esperjenzi. Jenħtieġ li s-sehem tal-awtoritajiet kompetenti kollha f’dawk il-gruppi ta’ koordinazzjoni jkun mandatorju u jenħtieġ li l-awtoritajiet kompetenti jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa lill-gruppi ta’ koordinazzjoni. Jenħtieġ li jitqies it-twaqqif ta’ gruppi ta’ koordinazzjoni kull fejn l-awtoritajiet kompetenti jidentifikaw bżonn ta’ koordinazzjoni fid-dawl ta’ żviluppi speċifiċi tas-suq. Tali gruppi ta’ koordinazzjoni jistgħu jitwaqqfu fir-rigward tal-oqsma kollha koperti mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) tar-regolamenti tat-twaqqif.

(34)

Swieq finanzjarji internazzjonali ordnati u li jiffunzjonaw tajjeb jeżiġu l-monitoraġġ ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza ta’ pajjiżi terzi li jkunu ġew adottati mill-Kummissjoni. Kull ASE jenħtieġ li timmonitorja l-iżviluppi regolatorji u superviżorji kif ukoll il-prattiki ta’ infurzar f’dawk il-pajjiżi terzi. Jenħtieġ li tagħmel dan sabiex tivverifika jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ikunu ttieħdu dawk id-deċiżjonijiet, u kwalunkwe kundizzjoni stabbilita fihom għadhomx issodisfati. Jenħtieġ li kull ASE tippreżenta rapport kunfidenzjali dwar l-attivitajiet ta’ monitoraġġ tagħha lill-Kummissjoni fuq bażi annwali. F’dak il-kuntest, jenħtieġ li kull ASE, fejn possibbli, tiżviluppa wkoll arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet kompetenti ta’ pajjiżi terzi sabiex tikseb informazzjoni għall-finijiet ta’ monitoraġġ u għall-koordinazzjoni tal-attivitajiet superviżorji. Dak ir-reġim superviżorju msaħħaħ jenħtieġ li jiżgura li l-ekwivalenza ma’ pajjiżi terzi tkun aktar trasparenti, aktar prevedibbli għall-pajjiżi terzi kkonċernati u aktar konsistenti fis-setturi kollha.

(35)

Jenħtieġ li r-rappreżentant tal-BERS fil-Bord tas-Superviżuri jippreżenta l-fehma komuni tal-Bord Ġenerali tal-BERS b’attenzjoni partikolari għall-istabbiltà finanzjarja.

(36)

Sabiex jiġi żgurat li l-livell adegwat ta’ ħila esperta jsostni d-deċiżjonijiet relatati ma’ miżuri tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, huwa meħtieġ li jitwaqqaf kumitat intern permanenti fl-EBA. Dak il-kumitat jenħtieġ li jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli ta’ awtoritajiet u korpi responsabbli mill-konformità mal-leġiżlazzjoni dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu li jkollhom ħila esperta u setgħat ta’ teħid tad-deċiżjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus jew finanzjament tat-terroriżmu. Jenħtieġ li dak il-kumitat jinkludi wkoll rappreżentanti ta’ livell għoli mill-ASE li jkollhom għarfien espert fir-rigward ta’ mudelli differenti ta’ negozju u tal-ispeċifiċitajiet settorjali rispettivi tagħhom. Dak il-kumitat jenħtieġ li jeżamina u jipprepara d-deċiżjonijiet li jridu jittieħdu mill-EBA. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni, il-kumitat il-ġdid jissostitwixxi lis-sottokumitat eżistenti għall-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus li kien twaqqaf fil-Kumitat Konġunt tal-ASE. Jenħtieġ li jkun possibbli għall-ASE li jissottomettu osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni tal-kumitat intern, li jenħtieġ li l-Bord tas-Superviżuri tal-EBA jikkunsidra b’mod debitu qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu.

(37)

F’konformità mal-objettiv li tinkiseb sistema superviżorja aktar koerenti u vijabbli fl-Unjoni sabiex tipprevjeni u tiġġieled il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li l-Kummissjoni, wara li tikkonsulta mal-awtoritajiet u l-partijiet interessati rilevanti kollha, twettaq valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-kompiti speċifiċi mogħtija lill-EBA taħt dan ir-Regolament relatati mal-prevenzjoni ta’, u l-ġlieda kontra, il-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu. B’mod partikolari, jenħtieġ li l-valutazzjoni – sa fejn possibbli – tirrifletti l-esperjenzi miksuba minn sitwazzjonijiet fejn l-EBA titlob lil awtorità kompetenti biex: tinvestiga ksur possibbli tal-liġijiet nazzjonali, sa fejn dawn jittrasponu Direttivi jew jeżerċitaw opzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi tal-Unjoni, minn operaturi tas-settur finanzjarju; tikkunsidra li timponi sanzjonijiet fuq dak l-operatur fir-rigward ta’ tali ksur; jew tikkunsidra l-adozzjoni ta’ deċiżjoni individwali indirizzata lil dak l-operatur tas-settur finanzjarju billi titolbu jwettaq l-azzjoni neċessarja kollha sabiex ikun konformi mal-obbligi tiegħu taħt il-liġijiet nazzjonali sa fejn dawn jittrasponu Direttivi jew jeżerċitaw opzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li bl-istess mod tirrifletti tali esperjenzi miksuba minn sitwazzjonijiet fejn l-EBA tapplika l-liġi nazzjonali sa fejn tittrasponi Direttivi jew teżerċita opzjonijiet mogħtija lill-Istati Membri mil-liġi tal-Unjoni. Jenħtieġ li l-Kummissjoni tippreżenta dik il-valutazzjoni bħala parti mir-rapport tagħha skont l-Artikolu 65 tad-Direttiva (UE) 2015/849, flimkien ma’ proposti leġiżlattivi, jekk xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sal-11 ta’ Jannar 2022. Sa meta dik il-valutazzjoni tiġi ppreżentata, jenħtieġ li s-setgħat mogħtija lill-EBA relatati mal-użu tas-sistema finanzjarja għal skopijiet ta’ ħasil ta’ flus jew finanzjament tat-terroriżmu fl-Artikoli 9b, 17(6) u 19 (4) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 jiġu kkunsidrati bħala soluzzjoni provviżorja sa fejn dawn jippermettu lill-EBA tibbaża talbiet lill-awtoritajiet kompetenti fuq ksur possibbli tal-liġi nazzjonali jew jippermettu l-applikazzjoni tal-liġi nazzjonali mill-EBA.

(38)

Sabiex tiġi ppreservata l-kunfidenzjalità tal-ħidma tal-ASE, ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali jenħtieġ li japplikaw ukoll għal kwalunkwe persuna li tipprovdi kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, b’rabta mal-kompiti tal-ASE kkonċernata.

(39)

Ir-regolamenti tat-twaqqif kif ukoll l-atti leġislattivi settorjali jirrikjedu li l-ASE jfittxu arranġamenti amministrattivi effettivi, li jinvolvu l-iskambju ta’ informazzjoni ma’ superviżuri ta’ pajjiżi terzi. Il-ħtieġa għal kooperazzjoni effettiva u skambju ta’ informazzjoni mistennija ssir aktar importanti meta, skont dan ir-Regolament emendatorju, uħud mill-ASE jassumu responsabbiltajiet usa’ addizzjonali fir-rigward tas-superviżjoni tal-entitajiet u l-attivitajiet mhux tal-UE. Fejn, f’dak il-kuntest, l-ASE jipproċessaw data personali, inkluż billi jittrasferixxu tali data barra mill-Unjoni, huma jkunu marbutin bir-rekwiżiti tar-Regolament (UE) 2018/1725. Fin-nuqqas ta’ deċiżjoni dwar l-adegwatezza jew ta’ salvagwardji xierqa, pereżempju previsti fl-arranġamenti amministrattivi fis-sens tal-punt (b) tal-Artikolu 48(3) tar-Regolament (UE) 2018/1725, l-ASE jistgħu jiskambjaw data personali mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi f’konformità ma’, u taħt il-kondizzjonijiet ta’, id-deroga ta’ interess pubbliku stabbilita fil-punt (d) tal-Artikolu 50(1) tiegħu, li b’mod partikolari tapplika għall-każijiet ta’ skambju ta’ data internazzjonali bejn awtoritajiet superviżorji finanzjarji.

(40)

Ir-regolamenti tat-twaqqif jipprevedu li, f’kooperazzjoni mal-BERS, l-ASE jenħtieġ li jibdew u jikkoordinaw testijiet tal-istress madwar l-Unjoni kollha sabiex tiġi vvalutata r-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji jew tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għall-iżviluppi avversi tas-suq. Jenħtieġ li jiġi żgurat ukoll li, kemm jista’ jkun, tiġi applikata metodoloġija konsistenti, fil-livell nazzjonali għal tali testijiet. Jenħtieġ li jiġi ċċarat ukoll, fir-rigward tal-ASE kollha, li l-obbligi ta’ segretezza professjonali tal-awtoritajiet kompetenti jenħtieġ li ma jżommux lill-awtoritajiet kompetenti milli jibagħtu r-riżultati tat-testijiet tal-istress lill-ASE għall-fini ta’ pubblikazzjoni.

(41)

Sabiex jiġi żgurat livell għoli ta’ konverġenza fil-qasam tas-superviżjoni u l-approvazzjoni tal-mudelli interni, f’konformità mad-Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (10), jenħtieġ li l-EIOPA, meta ssirilha talba, tkun tista’ tassisti lill-awtoritajiet kompetenti fid-deċiżjoni relatata mal-approvazzjoni tal-mudelli interni.

(42)

Sabiex l-ASE jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti tagħhom relatati mal-protezzjoni tal-konsumatur, jenħtieġ li huma jkunu intitolati li jikkoordinaw dawk li huma msejjħa ‘attivitajiet ta’ xiri bil-moħbi’ tal-awtoritajiet kompetenti, jekk applikabbli.

(43)

Jenħtieġ li l-ASE jkollhom riżorsi u membri tal-persunal adegwati u xierqa biex jikkontribwixxu b’mod effettiv għas-superviżjoni finanzjarja konsistenti, effiċjenti u effettiva fil-qafas tal-kompetenzi rispettivi tagħhom taħt dan ir-Regolament. Jenħtieġ li l-kompetenzi addizzjonali u l-volum tax-xogħol mogħtija lill-ASE jkunu kkomplementati b’riżorsi umani u finanzjarji suffiċjenti.

(44)

L-evoluzzjoni tal-ambitu tas-superviżjoni diretta jaf tkun tirrikjedi li l-istituzzjonijiet finanzjarji, u l-parteċipanti tas-suq finanzjarji b’superviżjoni diretta mill-ASE, jagħmlu kontribuzzjonijiet addizzjonali abbażi tan-nefqa proġettata tal-ASE rilevanti.

(45)

L-inkonsistenzi fil-kwalità, fl-ifformattjar, fl-affidabilità u fil-kost tad-data dwar it-tranżazzjonijiet għandhom effett detrimentali fuq it-trasparenza tad-data, il-protezzjoni tal-investituri u l-effiċjenza tas-suq. Sabiex jissaħħu l-monitoraġġ u r-rikostruzzjoni tad-data dwar it-tranżazzjonijiet, u jittejbu l-konsistenza u l-kwalità ta’ dik id-data u d-disponibbiltà u l-aċċessibbiltà tagħha bi spiża raġonevoli madwar l-Unjoni għaċ-ċentri rilevanti ta’ negozjar, id-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (11) introduċiet qafas legali ġdid għas-servizzi ta’ rapportar tad-data, inklużi l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

(46)

Il-kwalità tad-data dwar it-tranżazzjonijiet u tal-ipproċessar u l-forniment ta’ dik id-data, inklużi l-ipproċessar u l-forniment transfruntier ta’ data, hija ta’ importanza kbira ħafna sabiex jintlaħaq l-objettiv ewlieni tar-Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (12), jiġifieri t-tisħiħ tat-trasparenza tas-swieq finanzjarji. Għalhekk, il-forniment ta’ servizzi ta’ data ewlenija huwa ta’ importanza kbira għall-utenti sabiex ikunu jistgħu jiksbu l-ħarsa ġenerali mixtieqa lejn l-attività ta’ negozjar madwar is-swieq finanzjarji tal-Unjoni u għall-awtoritajiet kompetenti sabiex jirċievu informazzjoni preċiża u komprensiva dwar it-tranżazzjonijiet rilevanti.

(47)

Barra minn hekk, id-data dwar it-tranżazzjonijiet hija għodda dejjem aktar essenzjali għall-infurzar effettiv tar-rekwiżiti li joriġinaw mir-Regolament (UE) Nru 600/2014. Minħabba d-dimensjoni transfruntiera tal-ġestjoni tad-data, tal-kwalità tad-data u tal-ħtieġa li jinkisbu ekonomiji ta’ skala, kif ukoll bil-ħsieb li jiġi evitat l-impatt avvers ta’ diverġenzi potenzjali kemm fuq il-kwalità tad-data kif ukoll fuq il-kompiti tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data, huwa ta’ benefiċċju u ġustifikat li s-setgħat ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni fir-rigward tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data jiġu ttrasferiti mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA, għajr għal dawk li jibbenefikaw minn deroga, u li dawk is-setgħat jiġu speċifikati fir-Regolament (UE) Nru 600/2014 li jippermetti, fl-istess ħin, il-konsolidazzjoni tal-benefiċċji li jirriżultaw mill-użu komuni ta’ kompetenzi relatati mad-data fi ħdan l-ESMA.

(48)

L-investituri fil-livell tal-konsumaturi jenħtieġ li jiġu informati b’mod adegwat dwar ir-riskji potenzjali li jeżistu meta jiddeċiedu li jinvestu fi strument finanzjarju. Il-qafas legali tal-Unjoni għandu l-għan li jnaqqas ir-riskju ta’ bejgħ inadatt meta l-investituri fil-livell tal-konsumaturi jiġu mibjugħa prodotti finanzjarji li ma jkunux adatti għall-ħtiġijiet jew l-aspettattivi tagħhom. Għal dak l-għan, id-Direttiva 2014/65/UE u r-Regolament (UE) Nru 600/2014 isaħħu r-rekwiżiti organizzazzjonali u tal-kondotta kummerċjali sabiex jiġi żgurat li d-ditti ta’ investiment jaġixxu fl-aħjar interessi tal-klijenti tagħhom. Dawk ir-rekwiżiti jinkludu divulgazzjoni mtejba tar-riskji lill-klijenti, valutazzjoni aħjar tal-adattabilità tal-prodotti rrakkomandati, kif ukoll obbligu li l-istrumenti finanzjarji jitqassmu lis-suq fil-mira identifikat, filwaqt li jitqiesu fatturi bħas-solvenza tal-emittenti. L-ESMA jenħtieġ li tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha sabiex tiżgura l-konverġenza superviżorja u tappoġġja lill-awtoritajiet nazzjonali fil-kisba ta’ livell għoli ta’ protezzjoni tal-investituri u sorveljanza effettiva tar-riskji assoċjati ma’ prodotti finanzjarji.

(49)

Huwa importanti li jiġu żgurati sottomissjoni, kompilazzjoni, analiżi u pubblikazzjoni effettivi u effiċjenti tad-data għall-finijiet tal-kalkoli sabiex jiġu ddeterminati r-rekwiżiti għas-sistemi tal-obbligi ta’ negozjar u trasparenza qabel u wara n-negozjar, kif ukoll għall-finijiet tad-data ta’ referenza f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 600/2014 u mar-Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (13). Għalhekk, l-ESMA, apparti l-awtoritajiet kompetenti, jenħtieġ li tingħata kompetenzi sabiex twettaq il-ġbir dirett ta’ data mill-parteċipanti fis-swieq fir-rigward tar-rekwiżiti tat-trasparenza qabel u wara n-negozjar, kif ukoll l-awtorizzazzjoni u s-sorveljanza tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data.

(50)

L-għoti ta’ dawk il-kompetenzi lill-ESMA jippermetti awtorizzazzjoni u sorveljanza ġestiti ċentralment, li jgħinu sabiex tiġi evitata s-sitwazzjoni attwali fejn bosta ċentri ta’ negozjar, internalizzaturi sistematiċi, arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati (APAs, approved publication arrangements) u fornituri ta’ tapes konsolidati (CTPs, consolidated tape providers) huma meħtieġa jipprovdu lil bosta awtoritajiet kompetenti b’data li mbagħad tiġi pprovduta biss lill-ESMA. Tali sistema ġestita ċentralment jenħtieġ li tkun ta’ benefiċċju kbir għall-parteċipanti fis-swieq f’termini ta’ trasparenza akbar tad-data, protezzjoni tal-investituri u effiċjenza tas-suq.

(51)

L-għoti ta’ setgħat ta’ ġbir tad-data, awtorizzazzjoni u sorveljanza mill-awtoritajiet kompetenti lill-ESMA huwa wkoll strumentali għal kompiti oħrajn li qed twettaq l-ESMA taħt ir-Regolament (UE) Nru 600/2014, bħall-monitoraġġ tas-suq u s-setgħat ta’ interventi temporanji tal-ESMA.

(52)

Sabiex l-ESMA teżerċita s-setgħat superviżorji tagħha b’mod effettiv, fil-qasam tal-ipproċessar u l-forniment tad-data, jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ twettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post. Jenħtieġ li l-ESMA tkun tista’ timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel lill-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-data jwaqqfu ksur tal-liġi, jipprovdu informazzjoni kompluta u korretta rikjesta mill-ESMA jew biex tpoġġihom taħt investigazzjoni jew spezzjoni fuq il-post, kif ukoll li timponi sanzjonijiet amministrattivi jew miżuri amministrattivi oħrajn meta hija ssib li persuna tkun wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, ksur tar-Regolament (UE) Nru 600/2014.

(53)

Il-prodotti finanzjarji li jużaw parametri referenzjarji kritiċi huma disponibbli fl-Istati Membri kollha. Għalhekk, dawk il-parametri referenzjarji huma ta’ importanza kruċjali għall-funzjonament tas-swieq finanzjarji u għall-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni. Għalhekk, is-superviżjoni ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika jenħtieġ li tagħti ħarsa olistika lejn l-impatti potenzjali, mhux biss fl-Istat Membru fejn ikun jinsab l-amministratur u fl-Istati Membri fejn ikunu jinsabu l-kontributuri tiegħu, iżda wkoll madwar l-Unjoni kollha. Għalhekk, huwa xieraq li ċerti parametri referenzjarji kritiċi jiġu ssorveljati fil-livell tal-Unjoni mill-ESMA. Sabiex tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-kompiti, l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji kritiċi jenħtieġ li jiġu ssorveljati biss mill-ESMA, inklużi kwalunkwe parametri referenzjarji mhux kritiċi li jistgħu jamministraw.

(54)

Peress li l-amministraturi tal-parametri referenzjarji kritiċi u l-kontributuri għalihom jinsabu taħt rekwiżiti aktar stretti mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji oħrajn u l-kontributuri għalihom, id-deżinjazzjoni tal-parametri referenzjarji bħala parametri referenzjarji kritiċi jenħtieġ li ssir mill-Kummissjoni jew tintalab mill-ESMA u jenħtieġ li tiġi kkodifikata mill-Kummissjoni. Billi l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti għandhom l-aħjar aċċess għad-data u l-informazzjoni dwar il-parametri referenzjarji li jissorveljaw, jenħtieġ li jinnotifikaw lill-Kummissjoni jew lill-ESMA dwar kwalunkwe parametru referenzjarju li, fl-opinjoni tagħhom, jissodisfa l-kriterji li jidentifikaw il-parametri referenzjarji ta’ importanza kritika.

(55)

Il-proċedura sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza għal amministraturi ta’ parametri referenzjarji li jinsabu f’pajjiżi terzi li japplikaw għal rikonoxximent fl-Unjoni hija kumplikata u tieħu ħafna ħin kemm għall-applikanti kif ukoll għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti. L-applikanti jistgħu jippruvaw jinfluwenzaw dik id-determinazzjoni bit-tama li jkollhom arbitraġġ superviżorju. Dawk l-amministraturi ta’ parametri referenzjarji jistgħu jagħżlu r-rappreżentant legali tagħhom strateġikament fi Stat Membru fejn huma jqisu li s-superviżjoni hija inqas stretta. Approċċ armonizzat mal-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għar-rikonoxximent ta’ amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jevita dawk ir-riskji u l-kostijiet sabiex jiġi ddeterminat l-Istat Membru ta’ referenza, kif ukoll tas-superviżjoni sussegwenti. Barra minn hekk, ir-rwol tal-ESMA bħala l-awtorità kompetenti għall-amministraturi rikonoxxuti ta’ parametri referenzjarji ta’ pajjiżi terzi jistabbilixxi lilha bħala l-kontroparti fl-Unjoni għas-superviżuri f’pajjiżi terzi, sabiex b’hekk il-kooperazzjoni transfruntiera ssir aktar effiċjenti u effettiva.

(56)

Ħafna mill-amministraturi ta’ parametri referenzjarji, jekk mhux ukoll il-maġġoranza tagħhom, huma banek jew ditti ta’ servizzi finanzjarji li jittrattaw il-flus tal-klijenti. Sabiex ma tiġix imminata l-ġlieda tal-Unjoni kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, jenħtieġ li tkun prekondizzjoni għall-konklużjoni ta’ arranġament ta’ kooperazzjoni ma’ awtorità kompetenti taħt reġim ta’ ekwivalenza li l-pajjiż tal-awtorità kompetenti ma jkunx fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddidiet sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

(57)

Kważi l-parametri referenzjarji kollha huma referenzjati fil-prodotti finanzjarji li huma disponibbli f’diversi Stati Membri, jekk mhux fl-Unjoni kollha. Sabiex jidentifikaw ir-riskji relatati mal-provvediment ta’ parametri referenzjarji li jista’ jkun li ma jibqgħux aktar affidabbli jew rappreżentattivi tas-suq jew tar-realtà ekonomika li huma jkollhom il-ħsieb li jkejlu, l-awtoritajiet kompetenti, inkluża l-ESMA, jenħtieġ li jikkooperaw u jgħinu lil xulxin, fejn xieraq.

(58)

Huwa xieraq li jiġi previst perjodu raġonevoli sabiex isiru l-arranġamenti meħtieġa għall-atti delegati u ta’ implimentazzjoni sabiex l-ASE u l-partijiet ikkonċernati l-oħrajn jkunu jistgħu japplikaw ir-regoli stabbiliti f’dan ir-Regolament.

(59)

Ir-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010, (UE) Nru 1094/2010, (UE) Nru 1095/2010, (UE) Nru 600/2014, ir-Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (14) u r-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (15) jenħtieġ għalhekk li jiġu emendati kif meħtieġ,

ADOTTAW DAN IR-REGOLAMENT:

Artikolu 1

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1093/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1093/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva 2008/48/KE (*1), tad-Direttiva 2009/110/KE, tar-Regolament (UE) Nru 575/2013 (*2), tad-Direttiva 2013/36/UE (*3), tad-Direttiva 2014/49/UE (*4), tad-Direttiva 2014/92/UE (*5), tad-Direttiva (UE) 2015/2366 (*6) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u, sa fejn dawk l-atti japplikaw għall-istituzzjonijiet finanzjarji u ta’ kreditu u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fil-limiti tal-partijiet rilevanti tad-Direttiva 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att legalment vinkolanti ieħor tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti lill-Awtorità. L-Awtorità għandha taġixxi wkoll f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 (*7).

L-Awtorità għandha taġixxi wkoll fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*8) u tar-Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*9) sa fejn dik id-Direttiva u dak ir-Regolament japplikaw għall-operaturi fis-settur finanzjarju u għall-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom. Għal dak l-iskop biss, l-Awtorità għandha twettaq il-kompiti mogħtija permezz ta’ kwalunkwe att legalment vinkolanti tal-Unjoni lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*10) jew lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), stabbilita bir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*11). Meta tkun qed twettaq tali kompiti, l-Awtorità għandha tikkonsulta lil dawk l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej u żżommhom informati dwar l-attivitajiet tagħha fir-rigward ta’ kwalunkwe entità li hija ‘istituzzjoni finanzjarja’ kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew ‘parteċipant fis-swieq finanzjarji’ kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

3.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-qasam tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu, il-konglomerati finanzjarji, id-ditti tal-investiment, l-istituzzjonijiet ta’ pagament u l-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi relattivament għal kwistjonijiet li mhumiex koperti direttament mill-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, filwaqt li tqis il-mudelli ta’ negozju sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ fatturi relatati ambjentali, soċjali u ta’ governanza, sakemm tali azzjonijiet ikunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti.

(*1)  Direttiva 2008/48/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ April 2008 dwar ftehim ta’ kreditu għall-konsumatur u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 87/102/KEE (ĠU L 133, 22.5.2008, p. 66)."

(*2)  Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta’ kreditu u d-ditti tal-investiment u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 1)."

(*3)  Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u tad-ditti tal-investiment, li temenda d-Direttiva 2002/87/KE u li tħassar id-Direttivi 2006/48/KE u 2006/49/KE (ĠU L 176, 27.6.2013, p. 338)."

(*4)  Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar skemi ta’ garanzija tad-depożiti (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149)."

(*5)  Direttiva 2014/92/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Lulju 2014 dwar il-komparabbiltà tat-tariffi relatati mal-kontijiet tal-ħlas, il-bdil tal-kontijiet tal-ħlas u l-aċċess għal kontijiet tal-ħlas b’karatteristiċi bażiċi (ĠU L 257, 28.8.2014, p. 214)."

(*6)  Direttiva (UE) 2015/2366 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2015 dwar is-servizzi ta’ pagament fis-suq intern, li temenda d-Direttivi 2002/65/KE, 2009/110/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010, u li tħassar id-Direttiva 2007/64/KE (ĠU L 337, 23.12.2015, p. 35)."

(*7)  Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta’ Ottubru 2013 li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63)."

(*8)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73)."

(*9)  Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1)."

(*10)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48)."

(*11)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).”;"

(b)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.   L-għan tal-Awtorità għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-awtorità għandha, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħha, tikkontribwixxi sabiex:”;

il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ kreditu u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati kif xieraq;

(f)

tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijent u tal-konsumatur;”;

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

tittejjeb il-konverġenza superviżorja fis-suq intern kollu;

(h)

jiġi evitat l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet ta’ ħasil tal-flus u ta’ finanzjament tat-terroriżmu.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità għandha tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tkattar il-konverġenza superviżorja, u tipprovdi opinjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16a lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha taġixxi indipendentement, oġġettivament u b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti, fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u għandha tirrispetta, kull fejn ikun rilevanti, il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Awtorità għandha tagħti rendikont u taġixxi b’integrità u għandha tiżgura li l-partijiet interessati kollha jiġu trattati b’mod ġust.”;

(iv)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kontenut u l-forma tal-azzjonijiet u tal-miżuri tal-Awtorità, b’mod partikolari l-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, l-opinjonijiet, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet, l-abbozzi ta’ standards regolatorji u l-abbozzi ta’ standards ta’ implimentazzjoni, għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament u tal-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2. Sa fejn huwa permess u rilevanti taħt dawk id-dispożizzjonijiet, fl-azzjonijiet u l-miżuri tal-Awtorità għandhom, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, jitqiesu kif dovut in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti għan-negozju ta’ istituzzjoni finanzjarja, impriża, suġġett ieħor jew attività finanzjarja oħra, li jkunu milquta mill-azzjonijiet u mill-miżuri tal-Awtorità.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali tagħha, kumitat li jkun ta’ konsulenza għaliha dwar kif, f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, ikun jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-miżuri tagħha jqisu d-differenzi speċifiċi prevalenti fis-settur, li jirrigwardaw in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-mudelli u l-prattika ta’ negozju kif ukoll id-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq sa fejn tali fatturi jkunu rilevanti fl-ambitu tar-regoli kkunsidrati.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tkun parti minn Sistema Ewropea ta’ Superviżjoni Finanzjarja (SESF). L-għan ewlieni tas-SESF għandu jkun li tiżgura li r-regoli applikabbli għas-settur finanzjarju jiġu implimentati adegwatament sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jkunu żgurati kemm il-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi, kif ukoll protezzjoni effettiva u suffiċjenti għall-klijenti u għall-konsumaturi tas-servizzi finanzjarji.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-partijiet għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-fluss ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom u mingħand l-Awtorità lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali, ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal superviżjoni għandhom jinkludu l-attivitajiet rilevanti kollha tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Responsabbiltà tal-Awtoritajiet

1.   L-Awtoritajiet imsemmija fil-punti minn (a) sa (d) tal-Artikolu 2(2) għandhom ikunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill. Il-Bank Ċentrali Ewropew għandu jkun responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u lejn il-Kunsill fir-rigward tal-eżerċizzju tal-kompiti superviżorji kkonferiti lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, f’konformità ma’ dak ir-Regolament.

2.   F’konformità mal-Artikolu 226 TFUE, l-Awtorità għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament Ewropew matul kwalunkwe investigazzjoni mwettqa taħt dak l-Artikolu.

3.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, u għandu, sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, jibgħat dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

4.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President għandu jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni tal-Awtorità. Għandha ssir seduta ta’ smigħ tal-inqas annwalment. Il-President għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu, kull meta jiġi mitlub jagħmel dan.

5.   Il-President għandu jippreżenta rapport bil-miktub dwar l-attivitajiet tal-Awtorità lill-Parlament Ewropew meta jintalab jagħmel dan u mill-inqas 15-il jum qabel jagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

6.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 11 sa 18 u l-Artikoli 20 u 33, ir-rapport għandu jinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-Parlament Ewropew fuq bażi ad hoc.

7.   L-Awtorità għandha twieġeb bil-fomm jew bil-miktub għal kwalunkwe mistoqsija indirizzata lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ħames ġimgħat mir-riċezzjoni tagħha.

8.   Fuq talba, il-President għandu jkollu diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President, mal-Viċi Presidenti u mal-Koordinaturi tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-parteċipanti kollha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali, l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, meta tintalab tagħmel dan, dwar il-kontribut tagħha għal rappreżentanza magħquda, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’tali fora internazzjonali.”;

(4)

l-Artikolu 4 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-punt (1) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

‘istituzzjoni finanzjarja’ tfisser kwalunkwe impriża li hija soġġetta għal regolamentazzjoni u superviżjoni skont kwalunkwe wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2);”;

(b)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(a)

‘operatur fis-settur finanzjarju’ tfisser ‘entità’ kif imsemmija fl-Artikolu 2 tad-Direttiva (UE) 2015/849, li hija jew istituzzjoni finanzjarja kif definita fil-punt (1) ta’ dan l-Artikolu jew fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew ‘parteċipant fis-swieq finanzjarji’ kif definit fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010;”;

(c)

il-punt (2) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

‘awtoritajiet kompetenti’ tfisser:

(i)

awtoritajiet kompetenti kif definiti fil-punt (40) tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament (UE) Nru 575/2013, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward tal-kwistjonijiet relatati mal-kompiti mogħtija lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013;

(ii)

fir-rigward tad-Direttiva 2002/65/KE, l-awtoritajiet u l-korpi kompetenti biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva mill-istituzzjonijiet finanzjarji;

(iii)

fir-rigward tad-Direttiva (UE) 2015/849, l-awtoritajiet u l-korpi li jissorveljaw l-operaturi fis-settur finanzjarju u li huma kompetenti biex jiżguraw il-konformità tagħhom mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva;

(iv)

fir-rigward tal-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti, il-korpi li jamministraw l-iskemi ta’ garanzija tad-depożiti skont id-Direttiva 2014/49/UE jew, fejn l-operat tal-iskema ta’ garanzija tad-depożiti jkun amministrat minn kumpanija privata, l-awtorità pubblika li tagħmel superviżjoni ta’ dawk l-iskemi skont dik id-Direttiva u l-awtoritajiet amministrattivi rilevanti kif imsemmija f’dik id-Direttiva;

(v)

fir-rigward tad-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*12) u tar-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*13), l-awtoritajiet ta’ riżoluzzjoni nominati skont l-Artikolu 3 tad-Direttiva 2014/59/UE, il-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, stabbilit bir-Regolament (UE) Nru 806/2014, u l-Kunsill u l-Kummissjoni meta jieħdu azzjonijiet taħt l-Artikolu 18 tar-Regolament (UE) Nru 806/2014, għajr meta huma jeżerċitaw setgħat diskrezzjonali jew jagħmlu għażliet ta’ politika;

(vi)

‘awtoritajiet kompetenti’ kif imsemmija fid-Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*14), fir-Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*15), fid-Direttiva (UE) 2015/2366, fid-Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*16) u fir-Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*17);

(vii)

‘korpi u awtoritajiet’ kif imsemmija fl-Artikolu 20 tad-Direttiva 2008/48/KE.

(*12)  Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 li tistabbilixxi qafas għall-irkupru u r-riżoluzzjoni ta’ istituzzjonijiet ta’ kreditu u ditti ta’ investiment u li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 82/891/KE u d-Direttivi 2001/24/KE, 2002/47/KE, 2004/25/KE, 2005/56/KE, 2007/36/KE, 2011/35/KE, 2012/30/UE u 2013/36/UE, u r-Regolamenti (UE) Nru 1093/2010 u (UE) Nru 648/2012, tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 190)."

(*13)  Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta’ kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta’ Mekkaniżmu Uniku ta’ Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1)."

(*14)  Direttiva 2014/17/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-4 ta’ Frar 2014 dwar kuntratti ta’ kreditu għall-konsumaturi marbutin ma’ proprjetà immobbli residenzjali u li temenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2013/36/UE u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 (ĠU L 60, 28.2.2014, p. 34)."

(*15)  Regolament (UE) 2015/751 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-29 ta’ April 2015 dwar it-tariffi tal-interkambju għat-transazzjonijiet ta’ pagament permezz ta’ kard (ĠU L 123, 19.5.2015, p. 1)."

(*16)  Direttiva 2009/110/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ Settembru 2009 dwar il-bidu, l-eżerċizzju u s-superviżjoni prudenzjali tan-negozju tal-istituzzjonijiet tal-flus elettroniċi li temenda d-Direttivi 2005/60/KE u 2006/48/KE u li tħassar id-Direttiva 2000/46/KE (ĠU L 267, 10.10.2009, p. 7)."

(*17)  Regolament (UE) Nru 260/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Marzu 2012 li jistabbilixxi rekwiżiti tekniċi u tan-negozju għat-trasferimenti ta’ kreditu u debiti diretti bl-euro u li jemenda r-Regolament (KE) Nru 924/2009 (ĠU L 94, 30.3.2012, p. 22).”;"

(5)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

abbażi tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari billi tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u miżuri oħra, inklużi opinjonijiet;”;

(ii)

il-punt (aa) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(aa)

li tiżviluppa u żżomm manwal ta’ superviżjoni aġġornat tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni li għandu jistipula l-aħjar prattiki superviżorji u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja u li jqis, fost l-oħrajn, il-prattiki kummerċjali u l-mudelli kummerċjali li qegħdin jinbidlu u d-daqs tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ab)

li tiżviluppa u żżomm manwal ta’ riżoluzzjoni aġġornat tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni li għandu jistipula l-aħjar prattiki u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja għar-riżoluzzjoni, filwaqt li jqis il-ħidma tal-Bord Uniku ta’ Riżoluzzjoni, u l-prattiki ta’ negozju u l-mudelli ta’ negozju li qegħdin jinbidlu u d-daqs tal-istituzzjonijiet u tas-swieq finanzjarji;”;

(iv)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn kultura superviżorja komuni, tiżgura applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), timpedixxi l-arbitraġġ regolatorju, trawwem l-indipendenza superviżorja u twettaq monitoraġġ tagħha, timmedja u ssolvi nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, tiżgura s-superviżjoni effikaċi u konsistenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tiżgura funzjonament koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri u tieħu azzjonijiet, inter alia, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;”;

(v)

il-punti (e) sa (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

li torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti, u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f)

li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fil-kreditu, b’mod partikolari, għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs u fis-servizzi finanzjarji innovattivi filwaqt li tikkunsidra kif dovut l-iżviluppi relatati ma’ fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza;

(g)

li tagħmel analiżijiet tas-suq biex tinforma l-proċedura ta’ kwittanza għall-funzjonijiet tal-Awtorità;

(h)

li trawwem, fejn ikun rilevanti, il-protezzjoni tad-depożituri, tal-konsumaturi u tal-investituri, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqasijiet f’kuntest transfruntier u b’kunsiderazzjoni tar-riskji relatati;”;

(vi)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ia)

li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ strateġija komuni tal-Unjoni dwar data finanzjarja;”;

(vii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ka)

li tippubblika fil-website tagħha, u li taġġorna b’mod regolari, l-istandards tekniċi regolatorji, l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-mistoqsijiet u tweġibiet kollha għal kull att leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), inklużi ħarsiet ġenerali li jikkonċernaw is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma li tkun għaddejja u l-iskeda ta’ żmien ippjanata għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni.”;

(viii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(l)

li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, inkluż billi tippromwovi l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, fl-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u tal-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 rispettivament fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu.”;

(b)

fil-paragrafu 1a, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

filwaqt li jitqies kif dovut l-objettiv li jiġu żgurati s-sigurtà u solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tikkunsidra b’mod sħiħ it-tipi, il-mudelli ta’ negozju u d-daqsijiet differenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji; u”;

(c)

fil-paragrafu 1a, jiżdied il-punt li ġej:

“(c)

tikkunsidra l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli ta’ negozju innovattivi u sostenibbli u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza.”;

(d)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ca)

toħroġ rakkomandazzjonijiet, kif stipulat fl-Artikolu 29a;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(da)

toħroġ twissijiet f’konformità mal-Artikolu 9(3);”;

(iii)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, jew għall-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 16a;”;

(iv)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ga)

toħroġ tweġibiet għal mistoqsijiet, kif stipulat fl-Artikolu 16b;

(gb)

tieħu azzjoni f’konformità mal-Artikolu 9c;”;

(e)

il-paragrafu 2a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha taġixxi abbażi, u fil-limiti, tal-qafas leġislattiv u għandha tikkunsidra debitament il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fejn ikun rilevanti, u r-regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati ta’ analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji ġġenerati f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa msemmija fl-Artikoli 10, 15, 16 u 16a għandhom isiru bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiġi żgurat approċċ inklużiv lejn il-partijiet interessati kollha u għandhom jippermettu żmien raġonevoli sabiex il-partijiet interessati jwieġbu. L-Awtorità għandha tippubblika sommarju tar-rispons li jaslilha mingħand il-partijiet interessati u ħarsa ġenerali lejn kif l-informazzjoni u l-opinjonijiet miġbura mill-konsultazzjoni ntużaw f’abbozz ta’ standard tekniku regolatorju u f’abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni.”;

(6)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar dwar tendenzi tal-konsumaturi, bħall-iżvilupp tal-ispejjeż u l-imposti tas-servizzi u l-prodotti finanzjarji għall-konsumatur fl-Istati Membri;”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

it-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq u l-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-swieq sabiex jiġu identifikati l-problemi potenzjali u jiġi analizzat l-impatt tagħhom;

(ab)

l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

il-kontribut għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern fejn il-konsumaturi u utenti oħra ta’ servizzi finanzjarji jkollhom aċċess ġust għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji;

(f)

it-trawwim ta’ żviluppi ulterjuri f’termini ta’ regolamentazzjoni u superviżjoni li jistgħu jiffaċilitaw armonizzazzjoni u integrazzjoni aktar profondi fil-livell tal-Unjoni;

(g)

il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ xiri bil-moħbi ta’ awtoritajiet kompetenti, jekk dan ikun applikabbli.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bil-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq, u l-konverġenza u l-effettività tal-prattiki regolatorji u superviżorji.”;

(c)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali tagħha, Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattiva, u jingħataw pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*18) biex tevita d-duplikazzjoni, l-inkonsistenzi u l-inċertezza legali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-Awtorità tista’ tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data bħala osservaturi fil-Kumitat.

5.   L-Awtorità tista’, b’mod temporanju, tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti prodotti, strumenti jew attivitajiet finanzjarji li jkollhom il-potenzjal li jikkawżaw dannu finanzjarju sinifikanti lill-klijenti jew lill-konsumaturi, jew ikunu ta’ theddida għall-operat ordnat u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni f’każijiet speċifikati, u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti, fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew, jekk ikun meħtieġ, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza konformement mal-Artikolu 18 u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

L-Awtorità għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’intervalli adatti u mill-inqas kull sitt xhur. Wara mill-inqas żewġ tiġdidiet konsekuttivi, u abbażi ta’ analiżi xierqa sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq il-klijent jew il-konsumatur, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi dwar it-tiġdid annwali tal-projbizzjoni.

Stat Membru jista’ jitlob lill-Awtorità biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. F’dak il-każ, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1), jekk iżżommx dik id-deċiżjoni.

L-Awtorità tista’ wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta’ attività jew prattika finanzjarja u, fejn ikun hemm tali bżonn, tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ kwalunkwe tali projbizzjoni jew restrizzjoni.

(*18)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(7)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 9a

Kompiti speċjali marbuta mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

1.   L-Awtorità, fil-kompetenzi rispettivi tagħha, għandha tieħu rwol ta’ tmexxija, ta’ koordinazzjoni u ta’ monitoraġġ fil-promozzjoni tal-integrità, tat-trasparenza u tas-sigurtà fis-sistema finanzjarja billi tadotta miżuri għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu f’dik is-sistema. F’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, dawk il-miżuri ma għandhomx jeċċedu dak li huwa meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta’ dan ir-Regolament u tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u għandhom iqisu b’mod xieraq in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki kummerċjali, il-mudelli ta’ negozju u d-daqs tal-operaturi u tas-swieq fis-settur finanzjarju. Dawk il-miżuri għandhom jinkludu:

(a)

il-ġbir ta’ informazzjoni minn awtoritajiet kompetenti b’rabta mad-dgħufijiet identifikati matul il-proċeduri li jkunu għaddejjin ta’ superviżjoni u ta’ awtorizzazzjoni fil-proċessi u fil-proċeduri, fl-arranġamenti ta’ governanza, fl-idoneità u fl-adegwatezza, fl-akkwist tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti, fil-mudelli ta’ negozju u fl-attivitajiet ta’ operaturi fis-settur finanzjarju fir-rigward tal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu, kif ukoll il-miżuri meħuda mill-awtoritajiet kompetenti, bi tweġiba għad-dgħufijiet materjali li ġejjin li jaffettwaw wieħed jew iktar rekwiżiti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 u l-Artikolu 1(2) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u u ta’ kwalunkwe mil-liġijiet nazzjonali li jittrasponuhom, rispettivament, fir-rigward tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tagħhom:

(i)

ksur jew ksur potenzjali minn operatur fis-settur finanzjarju ta’ tali rekwiżiti,

(ii)

l-applikazzjoni mhux xierqa jew ineffettiva minn operatur fis-settur finanzjarju ta’ tali rekwiżiti, jew

(iii)

l-applikazzjoni mhux xierqa jew ineffettiva minn operatur fis-settur finanzjarju tal-politiki u l-proċeduri interni tiegħu biex jikkonforma ma’ tali rekwiżiti.

L-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu din l-informazzjoni kollha lill-Awtorità, flimkien ma’ kwalunkwe obbligu taħt l-Artikolu 35 ta’ dan ir-Regolament u għandhom iżommu lill-Awtorità infurmata fi żmien debitu dwar kwalunkwe żvilupp sussegwenti relatat mal-informazzjoni pprovduta. L-Awtorità għandha tikkoordina mill-qrib mal-Unitajiet tal-Intelligence Finanzjarja tal-UE (FIUs) kif imsemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849, filwaqt li tirrispetta l-istatus u l-obbligi tagħhom u mingħajr ebda duplikazzjoni mhux meħtieġa.

L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jaqsmu, f’konformità mal-liġi nazzjonali, kwalunkwe informazzjoni addizzjonali li jqisu rilevanti għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu mal-bażi ta’ data ċentrali msemmija fil-paragrafu 2;

(b)

il-koordinazzjoni mill-qrib, u, fejn xieraq, l-iskambju ta’ informazzjoni, mal-awtoritajiet kompetenti, inkluż il-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta’ kwistjonijiet marbuta mal-kompiti kkonferiti lilu bir-Regolament (UE) Nru 1024/2013, u mal-awtoritajiet fdati bid-dmir pubbliku li jissorveljaw l-entitajiet marbutin b’obbligu elenkati fil-punti (1) u (2) tal-Artikolu 2(1) tad-Direttiva (UE) 2015/849, kif ukoll mal-FIUs, filwaqt li jiġi rrispettat l-istatus u l-obbligi tal-FIUs taħt id-Direttiva (UE) 2015/849;

(c)

l-iżvilupp ta’ gwida u standards komuni għall-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-settur finanzjarju u l-promozzjoni tal-implimentazzjoni konsistenti tagħhom b’mod partikolari billi jiġu żviluppati abbozzi ta’ standards regolatorji u ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, f’konformità mal-mandati stabbiliti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u miżuri oħra, inklużi opinjonijiet li għandhom ikunu bbażati fuq l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2);

(d)

l-għoti ta’ assistenza lill-awtoritajiet kompetenti, b’segwitu għar-rikjesti speċifiċi tagħhom;

(e)

il-monitoraġġ tal-iżviluppi fis-suq u l-valutazzjoni tal-vulnerabbilitajiet u r-riskji relattivament għall-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fis-settur finanzjarju.

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw id-definizzjoni ta’ dgħufijiet kif imsemmija fil-punt (a) tal-ewwel subparagrafu, inklużi s-sitwazzjonijiet korrispondenti fejn jistgħu jseħħu d-dgħufijiet, il-materjalità tad-dgħufijiet tagħhom u l-implimentazzjoni prattika tal-ġbir tal-informazzjoni mill-Awtorità kif ukoll it-tip ta’ informazzjoni li jenħtieġ li tiġi pprovduta skont il-punt (a) tal-ewwel subparagrafu. Fl-iżvilupp ta’ dawk l-istandards tekniċi, l-Awtorità għandha tikkunsidra l-volum tal-informazzjoni li għandha tiġi pprovduta u l-ħtieġa li tiġi evitata d-duplikazzjoni. Hija għandha wkoll tistabbilixxi arranġamenti biex tiżgura l-effettività u l-kunfidenzjalità.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14.

2.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm aġġornata bażi tad-data ċentrali b’informazzjoni miġbura skont il-punt (a) tal-paragrafu 1. L-Awtorità għandha tiżgura li dik l-informazzjoni tiġi analizzata u li ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u kunfidenzjali. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tittrażmetti evidenza li tkun fil-pussess tagħha u li tista’ twassal għal proċedimenti kriminali lill-awtoritajiet ġudizzjarji nazzjonali u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat skont ir-regoli proċedurali nazzjonali. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ wkoll tittrażmetti evidenza lill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew fejn tali evidenza tikkonċerna reati li fir-rigward tagħhom l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew jeżerċita jew jista’ jeżerċita kompetenza skont ir-Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 (*19).

3.   L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jindirizzaw talbiet motivati lill-Awtorità għal informazzjoni dwar operaturi fis-settur finanzjarju rilevanti għall-attivitajiet superviżorji tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu. L-Awtorità għandha tivvaluta dawk it-talbiet u tagħti l-informazzjoni mitluba mill-awtoritajiet kompetenti fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u fi żmien xieraq. Fejn l-Awtorità ma tipprovdix l-informazzjoni mitluba, hija għandha tgħarraf lill-awtorità kompetenti li tkun għamlet it-talba u tagħti spjegazzjoni għaliex ma pprovdietx l-informazzjoni. L-Awtorità għandha tinforma lill-awtorità kompetenti, jew lil kwalunkwe awtorità jew istituzzjoni oħra li tkun inizjalment ipprovdiet l-informazzjoni mitluba, bl-identità tal-awtorità kompetenti li tagħmel it-talba, l-identità tal-operatur ikkonċernat fis-settur finanzjarju, ir-raġuni għat-talba għall-informazzjoni kif ukoll jekk l-informazzjoni ġietx kondiviża. Barra minn hekk, l-Awtorità għandha tanalizza l-informazzjoni sabiex tikkondividi informazzjoni rilevanti fuq inizjattiva tagħha stess ma’ awtoritajiet kompetenti għall-attivitajiet superviżorji tagħhom fir-rigward tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu. Fejn fil-fatt tikkondividi, hija għandha tinnotifika lill-awtorità kompetenti li inizjalment tkun ipprovdiet l-informazzjoni. Hija għandha twettaq ukoll analiżi fuq bażi aggregata għall-opinjoni li hi mitluba tagħti skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849.

Sal-31 ta’ Diċembru 2020, l-Awtorità għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw kif l-informazzjoni għandha tiġi analizzata u ssir disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti fuq bażi ta’ ħtieġa ta’ tagħrif u kunfidenzjali.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fit-tieni subparagrafu ta’ dan il-paragrafu skont l-Artikoli 10 sa 14.

4.   L-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza tal-proċessi superviżorji msemmija fid-Direttiva (UE) 2015/849, inkluż billi twettaq rieżamijiet bejn il-pari, u magħhom toħroġ rapporti relatati u miżuri ta’ segwitu skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament. L-Awtorità, meta twettaq dawn ir-rieżamijiet skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament, għandha tqis l-evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet jew rapporti rilevanti mħejjija minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll ir-rapport biennali magħmul mill-Kummissjoni taħt l-Artikolu 6 tad-Direttiva (UE) 2015/849 u l-valutazzjonijiet tar-riskju mwettqa mill-Istati Membri skont l-Artikolu 7 ta’ dik id-Direttiva.

5.   L-Awtorità, bil-parteċipazzjoni tal-awtoritajiet kompetenti, għandha twettaq valutazzjonijiet tar-riskji tal-istrateġiji, il-kapaċitajiet u r-riżorsi tal-awtoritajiet kompetenti biex jindirizzaw ir-riskji emerġenti l-aktar importanti marbuta mal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu fil-livell tal-Unjoni kif identifikati fil-valutazzjoni tar-riskji supranazzjonali. Hija għandha twettaq dawk il-valutazzjonijiet tar-riskju b’mod partikolari għall-fini tal-għoti tal-opinjoni li hija tkun mitluba tagħti skont l-Artikolu 6(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849. L-Awtorità għandha twettaq valutazzjonijiet tar-riskju fuq il-bażi tal-informazzjoni disponibbli għaliha, inklużi r-rieżamijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 30 ta’ dan ir-Regolament, l-analiżi li tkun saret minnha fuq bażi aggregata tal-informazzjoni miġbura għall-finijiet tal-bażi ta’ data ċentrali skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, kif ukoll tal-evalwazzjonijiet, valutazzjonijiet jew rapporti rilevanti mfassla minn organizzazzjonijiet internazzjonali u korpi intergovernattivi b’kompetenza fil-qasam tal-prevenzjoni tal-ħasil tal-flus u tal-finanzjament tat-terroriżmu u tal-valutazzjonijiet tar-riskju mill-Istati Membri mħejjija skont l-Artikolu 7 tad-Direttiva (UE) 2015/849. L-Awtorità għandha tagħmel il-valutazzjonijiet tar-riskju disponibbli għall-awtoritajiet kompetenti kollha.

Għall-finijiet tal-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-Awtorità, permezz tal-kumitat intern stabbilit taħt il-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu, għandha tiżviluppa u tapplika metodi li jippermettu valutazzjoni oġġettiva, kif ukoll rieżami ta’ kwalità għolja u konsistenti tal-valutazzjonijiet u l-applikazzjoni tal-metodoloġija u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Dak il-kumitat intern għandu jwettaq ir-rieżami tal-kwalità u l-konsistenza tal-valutazzjonijiet tar-riskji. Huwa għandu jħejji l-abbozzi ta’ valutazzjonijiet tar-riskju għall-adozzjoni mill-Bord tas-Superviżuri skont l-Artikolu 44.

6.   F’każijiet fejn ikun hemm indikazzjonijiet ta’ ksur, min-naħa tal-operaturi fis-settur finanzjarju, tar-rekwiżiti stabbiliti fid-Direttiva (UE) 2015/849 u fejn ikun hemm dimensjoni transfruntiera ma’ pajjiżi terzi, l-Awtorità għandu jkollha rwol ewlieni fil-kontribuzzjoni għall-faċilitazzjoni tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-Unjoni u l-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi fejn ikun meħtieġ. Dan ir-rwol tal-Awtorità għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-interazzjonijiet regolari mill-awtoritajiet kompetenti mal-awtoritajiet ta’ pajjiżi terzi.

7.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitat intern permanenti dwar il-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu biex jikkoordina miżuri biex jipprevjenu u jiġġieldu l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu u biex jipprepara, skont ir-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849, l-abbozzi kollha tad-deċiżjonijiet li tkun trid tieħu l-Awtorità skont l-Artikolu 44 ta’ dan ir-Regolament.

8.   Il-kumitat imsemmi fil-paragrafu 7 għandu jkun magħmul minn rappreżentanti ta’ livell għoli tal-awtoritajiet u l-korpi tal-Istati Membri kollha kompetenti biex jiżguraw konformità minn operaturi fis-settur finanzjarju mar-Regolament (UE) 2015/847 u d-Direttiva (UE) 2015/849 li jkollhom għarfien espert u setgħat ta’ teħid ta’ deċiżjonijiet fil-qasam tal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew tal-finanzjament tat-terroriżmu kif ukoll minn rappreżentanti ta’ livell għoli li jkollhom għarfien espert fil-mudelli differenti ta’ negozju u fl-ispeċifiċitajiet settorjali tal-Awtorità, tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) rispettivament. Ir-rappreżentanti ta’ livell għoli tal-Awtorità u ta’ dawk l-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej oħra għandhom jieħdu sehem fil-laqgħat ta’ dak il-kumitat mingħajr id-dritt tal-vot. Barra minn hekk, il-Kummissjoni, il-BERS, u l-Bord Superviżorju tal-Bank Ċentrali Ewropew, għandhom kollha jinnominaw rappreżentant ta’ livell għoli biex jieħu sehem fil-laqgħat ta’ dak il-kumitat, bħala osservatur. Il-president ta’ dak il-kumitat għandu jiġi elett mill-membri votanti ta’ dak il-kumitat u minn fosthom stess.

Kull istituzzjoni, awtorità u korp imsemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jinnominaw rappreżentant supplenti mill-persunal tagħhom, li jista’ jissostitwixxi lill-membru meta dik il-persuna ma tkunx tista’ tattendi. L-Istati Membri fejn aktar minn awtorità waħda tkun kompetenti biex tiżgura l-konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 għall-operaturi fis-settur finanzjarju jistgħu jinnominaw rappreżentant wieħed għal kull awtorità kompetenti. Irrispettivament mill-għadd ta’ awtoritajiet kompetenti rappreżentati fil-laqgħa, kull Stat Membru għandu jkollu vot wieħed. Dak il-kumitat jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma interni dwar aspetti speċifiċi tal-ħidma tiegħu bil-ħsieb li jħejju abbozzi ta’ deċiżjonijiet ta’ dak il-kumitat. Dawk il-gruppi għandhom ikunu miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-persunal mill-awtoritajiet kompetenti kollha rappreżentati f’dak il-kumitat u mill-Awtorità, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

9.   L-Awtorità, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) jistgħu fi kwalunkwe mument jippreżentaw osservazzjonijiet bil-miktub dwar kwalunkwe abbozz ta’ deċiżjoni tal-kumitat imsemmi fil-paragrafu 7 ta’ dan l-Artikolu. Il-Bord tas-Superviżuri għandu debitament jikkunsidra tali osservazzjonijiet qabel ma jieħu d-deċiżjoni finali tiegħu. Fejn abbozz ta’ deċiżjoni jkun ibbażat fuq is-setgħat mogħtija lill-Awtorità jew marbut magħhom taħt l-Artikolu 9b, 17 jew 19 u jikkonċerna:

(a)

istituzzjonijiet finanzjarji kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1094/2010 jew kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu superviżjoni tagħhom, jew

(b)

parteċipanti fis-swieq finanzjarji kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 4 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 jew kwalunkwe waħda mill-awtoritajiet kompetenti li jagħmlu superviżjoni tagħhom,

l-Awtorità tista’ biss tieħu d-deċiżjoni bi qbil mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) fil-każ tal-punt (a), jew mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) fil-każ tal-punt (b). L-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) jew l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandhom jinnotifikaw il-fehmiet tagħhom lill-Awtorità fi żmien 20 jum mid-data tal-abbozz tad-deċiżjoni mill-kumitat imsemmi fil-paragrafu 7. Fejn huma ma jinnotifikawx il-fehmiet tagħhom lill-Awtorità fi żmien 20 jum u lanqas ma jitolbu estensjoni debitament ġustifikata għan-notifika ta’ tali fehmiet, għandu jkun preżunt li hemm qbil.

Artikolu 9b

Talba għal investigazzjoni marbuta mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu

1.   Fi kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu skont id-Direttiva (UE) 2015/849, l-Awtorità tista’, fejn ikollha indikazzjonijiet ta’ ksur materjali, titlob lil awtorità kompetenti kif imsemmija fil-punt (2)(iii) tal-Artikolu 4 biex: (a) tinvestiga l-ksur possibbli tal-liġi tal-Unjoni, u fejn tali liġi tal-Unjoni tkun magħmula minn direttivi jew espliċitament tagħti opzjonijiet lill-Istati Membri, tinvestiga l-ksur tal-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi Direttivi jew teżerċita opzjonijiet mogħtija lil Stati Membri mil-liġi tal-Unjoni, minn operatur fis-settur finanzjarju; u (b) tikkunsidra li timponi sanzjonijiet lil dak l-operatur fir-rigward ta’ tali ksur. Fejn meħtieġ, tista’ titlob ukoll lil awtorità kompetenti kif imsemmija fil-punt (2)(iii) tal-Artikolu 4 biex tikkunsidra li tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dak l-operatur fis-settur finanzjarju li titolbu jieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-liġi tal-Unjoni applikabbli direttament, jew taħt il-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi Direttivi jew teżerċita opzjonijiet mogħtija lil Stati Membri mil-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika. It-talbiet imsemmija f’dan il-paragrafu ma għandhomx jimpedixxu l-miżuri superviżorji li jkunu għaddejjin meħudin mill-awtorità kompetenti li lilha tkun indirizzata t-talba.

2.   L-awtorità kompetenti għandha tikkonforma ma’ kwalunkwe talba indirizzata lilha skont il-paragrafu 1 u għandha tinforma lill-Awtorità, mill-aktar fis possibbli u sa mhux aktar tard minn 10 ijiem ta’ xogħol, dwar il-passi li ħadet jew li beħsiebha tieħu biex tikkonforma ma’ dik it-talba.

3.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tinformax lill-Awtorità fi żmien 10 ijiem ta’ xogħol bil-passi li tkun ħadet jew li tkun beħsiebha tieħu biex tikkonforma mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, għandu japplika l-Artikolu 17 ta’ dan ir-Regolament.

Artikolu 9c

Ittri meta ma titteħidx azzjoni

1.   L-Awtorità għandha tieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu biss f’ċirkustanzi eċċezzjonali meta tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew ta’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi, tista’ probabbilment tqajjem kwistjonijiet sinifikanti, għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

(a)

l-Awtorità tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’dak l-att jistgħu jkunu f’kunflitt dirett ma’ att ieħor rilevanti;

(b)

fejn l-att ikun wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), in-nuqqas ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li jikkomplementaw jew jispeċifikaw l-att inkwistjoni jqajjem dubji leġittimi rigward il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-att leġislattiv jew l-applikazzjoni proprja tiegħu;

(c)

in-nuqqas ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 16 iqajjem diffikultajiet prattiċi rigward l-applikazzjoni tal-att leġislattiv rilevanti.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni.

Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza li, skont l-Awtorità, hija marbuta mal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.

Fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tevalwa mill-aktar fis possibbli l-ħtieġa li tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet rilevanti kif provdut fl-Artikolu 16.

L-Awtorità għandha taġixxi bil-ħeffa, partikolarment bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull meta jkun possibbli.

3.   Fejn meħtieġ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u sa meta jiġu adottati u applikati miżuri ġodda wara l-passi msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha toħroġ opinjonijiet rigward dispożizzjonijiet speċifiċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li jkomplu jiġu segwiti prattiki superviżorji u ta’ infurzar konsistenti, effiċjenti u effettivi, u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni.

4.   Fejn, abbażi tal-informazzjoni riċevuta, partikolarment mill-awtoritajiet kompetenti, l-Awtorità tikkunsidra li kwalunkwe mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi, jqajmu kwistjonijiet eċċezzjonali sinifikanti li jappartjenu għall-fiduċja tas-suq, il-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-klijenti jew tal-investituri, il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew is-swieq tal-komoditajiet, jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni, hija għandha, mingħajr dewmien bla bżonn, tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu. L-Awtorità tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.

(*19)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (‘l-UPPE’) (ĠU L 283, 31.10.2017, p.1).”;"

(8)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma stipulati speċifikament fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu jitħassar;

(iv)

il-ħames u s-sitt subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tistax isseħħ fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lura lill-Awtorità, fejn tispjega għaliex hija ma tadottahx jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi fih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.”;

(c)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha wkoll titlob il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku regolatorju’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.”;

(9)

fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(10)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonferixxu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma stipulati speċifikament fl-atti leġislattivi msemmijin fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jinvolvu deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tippreżenta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Qabel ma tippreżenta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu fejn l-adozzjoni ma tistax isseħħ fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibagħtu lura lill-Awtorità fejn tispjega għaliex hija ma għandhiex l-intenzjoni li tadottah jew, fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi fih. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li hija tikkunsidra rilevanti jew tirrifjutah.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku ta’ implimentazzjoni’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.”;

(11)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma ssostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità, sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti kollha jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal awtorità kompetenti waħda jew aktar jew għal istituzzjoni finanzjarja waħda jew aktar.

Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu f’konformità mal-għotjiet ta’ setgħa mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew f’dan l-Artikolu.

2.   L-Awtorità, fejn xieraq, għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati tal-ħruġ ta’ dawn il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità, meta jkun xieraq, għandha titlob ukoll parir mill-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmija fl-Artikolu 37. Fejn l-Awtorità ma tagħmilx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew ma titlobx parir mill-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, l-Awtorità għandha tagħti raġunijiet għal dan.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx sempliċiment jirreferu għal, jew jirriproduċu, elementi ta’ atti leġislattivi. Qabel ma toħroġ linja gwida jew rakkomandazzjoni ġdida, l-Awtorità għandha l-ewwel tirrevedi l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti, sabiex tevita kwalunkwe duplikazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu nħarġu.”;

(12)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 16a

Opinjonijiet

1.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-qasam ta’ kompetenza tagħha.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi konsultazzjoni pubblika jew analiżi teknika.

3.   Fir-rigward tal-valutazzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 22 tad-Direttiva 2013/36/UE, u li skont dak l-Artikolu jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista’, fuq talba ta’ waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar tali valutazzjonijiet. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-pront u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-perjodu ta’ valutazzjoni msemmi f’dak l-Artikolu.

4.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, tagħti parir tekniku lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-oqsma stipulati fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 16b

Mistoqsijiet u tweġibiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, jistgħu jiġu ppreżentati mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni prattika jew mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), atti assoċjati delegati u ta’ implimentazzjoni, u linji gwida u rakkomandazzjonijiet adottati skont dawk l-atti leġislattivi, minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, lill-Awtorità bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

Qabel ma jippreżentaw mistoqsija lill-Awtorità, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkunsidraw jekk għandhomx jindirizzaw il-mistoqsija fl-ewwel lok lill-awtorità kompetenti tagħhom.

Qabel ma tippubblika tweġibiet għal mistoqsijiet ammissibbli, l-Awtorità tista’ tfittex kjarifika ulterjuri dwar mistoqsijiet mingħand il-persuna fiżika jew ġuridika msemmija f’dan il-paragrafu.

2.   It-tweġibiet mill-Awtorità għal mistoqsijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu vinkolanti. It-tweġibiet għandhom isiru disponibbli mill-inqas bil-lingwa li fiha tkun saret il-mistoqsija.

3.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm għodda bbażata fuq il-web disponibbli fis-sit web tagħha għas-sottomissjoni ta’ mistoqsijiet u l-pubblikazzjoni f’waqtha tal-mistoqsijiet kollha riċevuti kif ukoll it-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet kollha ammissibbli skont il-paragrafu 1, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk il-persuni jew ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-Awtorità tista’ tirrifjuta mistoqsijiet li mhijiex beħsiebha twieġeb. Il-mistoqsijiet rifjutati għandhom jiġu ppubblikati mill-Awtorità fis-sit web tagħha għal perjodu ta’ xahrejn.

4.   Tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri jistgħu jitolbu lill-Bord tas-Superviżuri biex jiddeċiedi skont l-Artikolu 44 jekk għandhiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mistoqsija ammissibbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’linji gwida skont l-Artikolu 16, jiġix mitlub parir mill-Grupp ta’ Partijiet Interessati msemmi fl-Artikolu 37, jiġux rieżaminati mistoqsijiet u tweġibiet f’intervalli adegwati, isirux konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew jiġux analizzati spejjeż u benefiċċji relatati potenzjali. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-abbozz ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ikkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Meta jiġi involut il-Grupp tal-Partijiet Interessati msemmi fl-Artikolu 37, għandu japplika dmir tal-kunfidenzjalità.

5.   L-Awtorità għandha tgħaddi l-mistoqsijiet li jirrikjedu l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tippubblika kwalunkwe tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni.”;

(13)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, jew fuq inizjattiva tagħha stess, inkluż meta din tkun ibbażata fuq informazzjoni ssostanzjata tajjeb minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-Awtorità għandha tiddeskrivi kif beħsiebha tipproċedi bil-każ u, fejn xieraq, tinvestiga l-ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.”;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti kkonċernata, tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn, kull meta t-talba għal informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun irriżultat, jew titqies bħala, mhux suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni li titqies bħala neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ ksur allegat jew nuqqas allegat ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ tali talba għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat taħt dan ir-Regolament u qabel ma tinħareġ rakkomandazzjoni kif stipulat fil-paragrafu 3, l-Awtorità għandha tidħol f’kuntatt mal-awtorità kompetenti kkonċernata, meta hija tqis tali kuntatt xieraq sabiex jiġi riżolt ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’tentattiv biex jintlaħaq ftehim dwar azzjonijiet meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.”;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fiż-żmien speċifikat fiha, u fejn ikun meħtieġ li tali nuqqas ta’ konformità jiġi rimedjat f’waqtu sabiex jinżammu jew jerġa’ jkun hemm il-kondizzjonijiet newtrali tal-kompetizzjoni fis-suq jew biex jiġi żgurat il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament ikunu applikabbli direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew, fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għall-operaturi fis-settur finanzjarju, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja jew lil operatur ieħor fis-settur finanzjarju li tesiġi minnhom li jieħdu l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.

Fi kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ma jkunux applikabbli direttament għall-operaturi fis-settur finanzjarju, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni li tesiġi li l-awtorità kompetenti tikkonforma mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fiż-żmien speċifikat fiha. Jekk l-awtorità ma tikkonformax ma’ dik id-deċiżjoni, l-Awtorità tista’ tadotta wkoll deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tapplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn dik il-liġi tal-Unjoni tkun magħmula minn direttivi, għandha tapplika l-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi dawk id-direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn regolamenti u fejn dawk ir-regolamenti jkunu jagħtu espliċitament opzjonijiet lill-Istati Membri, l-Awtorità għandha tapplika wkoll il-liġi nazzjonali sa fejn tali opzjonijiet ġew eżerċitati.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun konformi mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 6 għandhom jipprevalixxu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istess kwistjoni.

Meta jieħdu azzjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew għal deċiżjoni skont il-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont kif ikun il-każ.”;

(14)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw

1.   L-Awtorità għandu jkollha fis-seħħ kanali ta’ rappurtar apposta biex tirċievi u tittratta informazzjoni pprovduta minn persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta dwar ksur reali jew potenzjali, abbuż tal-liġi, jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrappurtaw permezz ta’ dawk il-kanali għandhom ikunu protetti kontra r-ritaljazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*20), fejn applikabbli.

3.   L-Awtorità għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha tista’ tiġi ppreżentata b’mod anonimu jew kunfidenzjali, u b’mod sigur. Fejn l-Awtorità tqis li l-informazzjoni ppreżentata fiha evidenza jew indikazzjonijiet sinifikanti ta’ ksur materjali, hija għandha tagħti feedback lill-persuna li tirrapporta.

(*20)  Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrappurtaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).”;"

(15)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u, f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn tkun meħtieġa azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet kompetenti bħala reazzjoni għal żviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew il-protezzjoni tal-klijenti u tal-konsumaturi, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjonijiet individwali li jesiġu li l-awtoritajiet kompetenti jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jindirizzaw kwalunkwe tali żvilupp billi jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-atti leġislattivi.”;

(16)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każijiet speċifikati fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu fi kwalunkwe waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fejn awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)

f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jipprevedu li l-Awtorità tkun tista’ tgħin, fuq inizjattiva tagħha stess, fejn abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti u fejn, skont dawk l-atti, l-Awtorità tkun tista’ tgħin, lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, fuq inizjattiva tagħha stess, biex jintlaħaq qbil f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ ftehim fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom, fil-każijiet li ġejjin, jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien bla bżonn, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)

fejn ikun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

il-limitu ta’ żmien ikun skada; jew

(ii)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi;

(b)

fejn ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ kwalunkwe minn dawn li ġejjin:

(i)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi; jew

(ii)

ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bil-għan li tikkonforma ma’ dawk l-atti u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

1b.   Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Fejn l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sa meta tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stipulata fl-Artikolu 44(3a), f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Fejn l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sa meta tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika, jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni, sabiex isolvu l-kwistjoni, u bil-għan li tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li jkollhom taħt il-liġi rilevanti tal-Unjoni.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri taħt il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda taħt il-paragrafu 3.”;

(e)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 tat-TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b’hekk tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja jew, fil-kuntest tal-kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni u mal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, operatur fis-settur finanzjarju jikkonformaw mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għalihom bis-saħħa tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-istituzzjoni finanzjarja jew lil dak l-operatur fis-settur finanzjarju li tesiġi l-azzjonijiet kollha meħtieġa biex jikkonformaw mal-obbligi tagħhom taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.

Fi kwistjonijiet marbuta mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni skont l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ma jkunux applikabbli direttament għall-operaturi fis-settur finanzjarju. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tapplika l-liġi rilevanti kollha tal-Unjoni, u fejn tali liġi tal-Unjoni tkun magħmula minn direttivi, għandha tapplika l-liġi nazzjonali sa fejn din tittrasponi dawk id-direttivi. Fejn il-liġi rilevanti tal-Unjoni tkun magħmula minn regolamenti u fejn dawk ir-regolamenti jagħtu espliċitament opzjonijiet lill-Istati Membri, l-Awtorità għandha tapplika wkoll il-liġi nazzjonali sa fejn tali opzjonijiet ġew eżerċitati.”;

(17)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tippromwovi u tissorvelja, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, il-funzjonament effiċjenti, effettiv u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri fejn stabbiliti bl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u trawwem il-konsistenza u l-koerenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fost il-kulleġġi tas-superviżuri. Bl-għan ta’ konverġenza tal-aħjar prattiki superviżorji, l-Awtorità għandha tippromwovi pjanijiet superviżorji konġunti u eżamijiet konġunti, u l-persunal mill-Awtorità għandu jkollu drittijiet ta’ parteċipazzjoni sħiħa fil-kulleġġi tas-superviżuri u, bħala tali, għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inklużi eżamijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.”;

(b)

fit-tielet subparagrafu tal-paragrafu 2, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tagħti bidu għal, u tikkoordina, testijiet tal-istress fl-Unjoni kollha f’konformità mal-Artikolu 32 biex tivvaluta r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari r-riskju sistemiku ppreżentat minn istituzzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 23, għal żviluppi negattivi fis-swieq, u tevalwa l-potenzjal li jikber ir-riskju sistemiku f’sitwazzjonijiet ta’ stress, waqt li jiġi żgurat li tiġi applikata metodoloġija konsistenti fil-livell nazzjonali għal tali testijiet u, fejn adatt, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti biex jiġu korretti kwistjonijiet identifikati fit-test tal-istress, inkluża rakkomandazzjoni biex isiru valutazzonijiet speċifiċi; hija tista’ tirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, u tista’ tipparteċipa f’tali spezzjonijiet fuq il-post, sabiex tiżgura l-komparabbiltà u l-affidabbiltà tal-metodi, tal-prattiki u tar-riżultati tal-valutazzjonijiet fl-Unjoni kollha;”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni skont is-setgħat stabbiliti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u skont l-Artikoli 10 sa 15, biex tiżgura kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta’ superviżuri. L-Awtorità tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16 biex tippromwovi konverġenza fil-funzjonament superviżorju u l-aħjar prattiki li jkunu ġew adottati mill-kulleġġi tas-superviżuri.”;

(18)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-riskju sistemiku”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha, f’kollaborazzjoni mal-BERS, u f’konformità mal-Artikolu 23, tiżviluppa sett komuni ta’ indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi (tabella operattiva dwar riskji) biex tidentifika u tkejjel ir-riskju sistemiku.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, jew il-Kummissjoni, jew bl-inizjattiva tagħha stess, l-Awtorità tista’ tagħmel inkjesta dwar tip partikolari ta’ istituzzjoni finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-istabbilità tas-sistema finanzjarja jew għall-protezzjoni tal-klijenti jew tal-konsumaturi.

Wara inkjesta mwettqa skont l-ewwel subparagrafu, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha taħt dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35. ”;

(19)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha, f’konsultazzjoni mal-BERS, tiżviluppa kriterji għall-identifikazzjoni u l-kejl ta’ riskju sistemiku u sistema adegwata għat-testijiet tal-istress li tinkludi evalwazzjoni tal-potenzjal li jiżdied riskju sistemiku ppreżentat minn, jew lil, istituzzjonijiet finanzjarji f’sitwazzjonijiet ta’ stress, inkluż riskju sistemiku potenzjali marbut mal-ambjent. L-istituzzjonijiet finanzjarji li jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni msaħħa, u fejn meħtieġ, għall-proċeduri ta’ rkupru u riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 25.”;

(20)

fl-Artikolu 27(2), jitħassar it-tielet subparagrafu;

(21)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

li tistabbilixxi prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29a;

(ab)

li tistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b biex tippromwovi l-konverġenza superviżorja u jiġu identifikati l-aħjar prattiki;”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, li jirrigwarda l-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u transsettorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

li daħħal fis-seħħ sistema ta’ monitoraġġ biex tivvaluta riskji ambjentali, soċjali u ta’governanza li jkunu materjali, filwaqt li tqis il-Ftehim ta’ Pariġi għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tal-Ġnus Magħquda dwar it-Tibdil fil-Klima;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità tista’, kif ikun xieraq, tiżviluppa strumenti prattiċi ġodda u għodod ta’ konverġenza biex tippromwovi approċċi u prattiki superviżorji komuni.

Għall-fini tal-istabbiliment ta’ kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm manwal superviżorju aġġornat tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni, li jqis kif dovut in-natura, il-grad u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki kummerċjali, il-mudelli kummerċjali u d-daqs tal-istituzzjonijiet u tas-swieq finanzjarji. L-Awtorità għandha wkoll tiżviluppa u żżomm manwal aġġornat tal-Unjoni dwar ir-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni, li jqis kif dovut in-natura, il-grad u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki kummerċjali, il-mudelli kummerċjali u d-daqs tal-istituzzjonijiet u tas-swieq finanzjarji. Kemm il-manwal superviżorju tal-Unjoni kif ukoll il-manwal ta’ riżoluzzjoni tal-Unjoni għandhom jistabbilixxu l-aħjar prattiki u għandhom jispeċifikaw metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja.

L-Awtorità, fejn xieraq, għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-opinjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, u l-għodod u l-istrumenti msemmija f’dan il-paragrafu. Hija għandha wkoll, fejn xieraq, tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-għodod u tal-istrumenti. L-Awtorità, fejn xieraq, għandha titlob ukoll parir mill-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati msemmi fl-Artikolu 37.”;

(22)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni

Wara diskussjoni fil-Bord tas-Superviżuri u filwaqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet li jaslu mingħand l-awtoritajiet kompetenti, il-ħidma eżistenti tal-Istituzzjonijiet tal-Unjoni, u l-analiżi, it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-BERS, l-Awtorità għandha, mill-inqas kull tliet snin, sal-31 ta’ Marzu, tidentifika massimu ta’ żewġ prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha li għandhom jirriflettu żviluppi u xejriet futuri. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawk il-prijoritajiet meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma tagħhom u għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità kif adatt. L-Awtorità għandha tiddiskuti l-attivitajiet rilevanti fis-sena ta’ wara mill-awtoritajiet kompetenti, u tislet konklużjonijiet. L-Awtorità għandha tiddiskuti segwitu possibbli li jista’ jinkludi, fost oħrajn, linji gwida, rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet kompetenti, u reviżjonijiet bejn il-pari, fil-qasam rispettiv.

Il-prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha identifikati mill-Awtorità ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet kompetenti milli japplikaw l-aħjar prattiki tagħhom, filwaqt li jaġixxu fuq il-bażi ta’ prijoritajiet u żviluppi addizzjonali tagħhom, u għandhom jitqiesu l-ispeċifiċitajiet nazzjonali.”;

(23)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq reviżjonijiet bejn il-pari ta’ wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex issaħħaħ iżjed il-konsistenza u l-effettività fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjoni u paragun oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-reviżjonijiet bejn il-pari, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn partijiet interessati.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitati ta’ reviżjoni ad hoc bejn il-pari, li għandhom ikunu magħmula mill-persunal tal-Awtorità u minn membri tal-awtoritajiet kompetenti. Il-kumitati tar-reviżjoni bejn il-pari għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-persunal tal-Awtorità. Il-President, wara li jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni, għandu jipproponi l-president u l-membri ta’ kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, li għandhom jiġu approvati mill-Bord tas-Superviżuri. Il-proposta għandha titqies approvata sakemm, fi żmien 10 ijiem minn meta jipproponiha l-President, il-Bord tas-Superviżuri ma jadottax deċiżjoni li tiċħadha.

3.   Ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)

l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;

(b)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikoli 10 sa 16, u kemm il-prattika superviżorja tilħaq l-għanijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni;

(c)

l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki żviluppati minn awtoritajiet kompetenti li l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ benefiċċju għal awtoritajiet kompetenti oħra;

(d)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn imposti kontra persuni responsabbli fejn ma kienx hemm konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

4.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-reviżjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jkun imħejji mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(3a). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ reviżjoni bejn il-pari u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Il-Bord Maniġerjali għandu jivvaluta b’mod partikolari jekk il-metodoloġija ġietx applikata bl-istess mod. Ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma meqjusa xierqa, proporzjonati u meħtieġa bħala riżultat tar-reviżjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 29(1).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa.

Meta tkun qed tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prattiki superviżorji tal-ogħla kwalità.

5.   L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni fejn, wara li tkun qieset l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti mill-perspettiva tal-Unjoni.

6.   L-Awtorità għandha tagħmel rapport ta’ segwitu wara sentejn mill-pubblikazzjoni tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(3a). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm il-konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ segwitu. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma jkunx limitat għal, l-adegwatezza u l-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti li huma soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ reviżjoni bejn il-pari.

7.   Il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari, għandu jidentifika l-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblika l-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari u tar-rapport ta’ segwitu msemmi fil-paragrafu 6. Fejn il-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jkunu differenti minn dawk identifikati mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, l-Awtorità għandha tittrażmetti, fuq bażi kunfidenzjali, il-konstatazzjonijiet tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fejn awtorità kompetenti li tkun soġġetta għar-reviżjoni bejn il-pari tkun imħassba li l-pubblikazzjoni tal-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jistgħu jwasslu għal riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tirreferi l-kwistjoni lill-Bord tas-Superviżuri. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax dawk l-estratti.

8.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Maniġerjali għandu jagħmel proposta għal pjan ta’ ħidma għar-reviżjonijiet bejn il-pari għas-sentejn li ġejjin, li għandu jirrifletti, fost oħrajn, it-tagħlimiet meħuda mill-proċessi passati ta’ reviżjoni bejn il-pari u d-diskussjonijiet tal-gruppi ta’ koordinazzjoni msemmija fl-Artikolu 45b. Il-pjan ta’ ħidma għar-reviżjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata tal-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali. Għandu jsir pubbliku. F’każ ta’ urġenza jew avvenimenti mhux previsti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li twettaq reviżjonijiet addizzjonali bejn il-pari.”;

(24)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha taqdi rwol ġenerali ta’ koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn żviluppi avversi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni.”;

(b)

it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tippromwovi rispons koordinat tal-Unjoni, fost l-oħrajn billi:”;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

tieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ żviluppi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-swieq finanzjarji bl-għan tal-koordinament tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ea)

tieħu l-miżuri xierqa biex tikkoordina azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika;”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ approċċ Ewropew komuni lejn l-innovazzjoni teknoloġika, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, bl-appoġġ, fejn rilevanti, tal-Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, biex b’hekk tiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika, b’mod partikulari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(25)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-idoneità u l-adegwatezza

L-Awtorità għandha, flimkien mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza tad-detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, diretturi u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin fl-istituzzjonijiet finanzjarji min-naħa tal-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(26)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Valutazzjoni tal-iżviluppi fis-suq, inklużi testijiet tal-istress”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn ikun meħtieġ, tinforma lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjonijiet u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), lill-BERS, u lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ix-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet. L-Awtorità għandha tinkludi fil-valutazzjonijiet tagħha analiżi tas-swieq li fihom joperaw l-istituzzjonijiet finanzjarji, u valutazzjoni tal-impatt ta’ żviluppi potenzjali tas-suq fuq tali istituzzjonijiet.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tagħti bidu għal, u tikkoordina, valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal żviluppi negattivi tas-suq. Għal dak l-għan, hija għandha tiżviluppa:”;

(ii)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

metodoloġiji komuni biex jiġi vvalutat l-effett ta’ xenarji ekonomiċi fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni finanzjarja filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, riskji li jirriżultaw minn żviluppi ambjentali avversi;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

metodoloġiji komuni għall-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha;”;

(iv)

il-punti (c) u (d) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(c)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett ta’ prodotti partikolari jew ta’ proċessi tad-distribuzzjoni fuq istituzzjoni finanzjarja;

(d)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-assi, skont kif meħtieġ, għall-fini tat-testijiet tal-istress; u”;

(v)

jiżdied il-punt li ġej:

“(e)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett ta’ riskji ambjentali fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(vi)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-BERS.”;

(d)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-BERS stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-Awtorità għandha, darba fis-sena, u aktar ta’ spiss fejn ikun meħtieġ, tipprovdi valutazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS dwar ix-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet fil-qasam tal-kompetenza tagħha, flimkien mat-tabella operattiva dwar riskji msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(e)

il-paragrafu 3b huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3b.   L-Awtorità tista’ titlob li l-awtoritajiet kompetenti jesiġu li l-istituzzjonijiet finanzjarji jagħmlu l-informazzjoni li għandhom jipprovdu taħt il-paragrafu 3a soġġetta għal verifika indipendenti.”;

(27)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Relazzjonijiet internazzjonali inkluża l-ekwivalenza

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet regolatorji, superviżorji u, fejn applikabbli, ta’ riżoluzzjoni, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-arranġamenti m’għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u lanqas m’għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

Fejn pajjiż terz, skont att delegat, li jkun fis-seħħ, adottat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849, ikun fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-Awtorità ma għandhiex tikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet regolatorji, superviżorji u, meta applikabbli, ta’ riżoluzzjoni ta’ dak il-pajjiż terz. Dan m’għandux jipprekludi forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet rispettivi tal-pajjiż terz bil-ħsieb li jitnaqqas it-theddid għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

2.   L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li jirrigwardaw reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal parir mill-Kummissjoni jew meta tkun meħtieġa tagħmel dan mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   L-Awtorità għandha timmonitorja, b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-funzjonament tas-suq intern, żviluppi rilevanti regolatorji, superviżorji u, fejn applikabbli, ta’ riżoluzzjoni u prattiki ta’ infurzar u żviluppi tas-suq f’pajjiżi terzi, sa fejn ikunu rilevanti għal valutazzjonijiet tal-ekwivalenza abbażi tar-riskju, li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza mill-Kummissjoni f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Barra minn hekk, hija għandha tivverifika jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza, u kwalunkwe kondizzjoni stabbilita fihom, għadhomx issodisfati.

L-Awtorità tista’ tikkomunika mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) li jiġbor fil-qosor il-konstatazzjonijiet tagħha mill-monitoraġġ minnha tal-pajjiżi terzi ekwivalenti kollha. Ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern.

Fejn l-Awtorità tidentifika żviluppi rilevanti fir-rigward tar-regolamentazzjoni, tas-superviżjoni jew, fejn applikabbli, tar-riżoluzzjoni, jew tal-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija f’dan il-paragrafu li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tagħha jew aktar, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien bla bżonn.

4   Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tikkoopera, fejn possibbli, mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti u, fejn applikabbli, anki mal-awtoritajiet tar-riżoluzzjoni, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi regolatorji u superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Fil-prinċipju, dik il-kooperazzjoni għandha sseħħ abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar ir-reġim regolatorju, l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidliet li jistgħu jaffettwaw id-deċiżjoni ta’ ekwivalenza;

(b)

sa fejn ikun neċessarju għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi, fejn meħtieġa, spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni fejn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv.

5   L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali mudelli ta’ arranġamenti.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u l-monitoraġġ mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-Awtorità, fil-limiti tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), għandha tikkontribwixxi għar-rappreżentanza unita, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni fil-fora internazzjonali.”;

(28)

l-Artikolu 34 jitħassar;

(29)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lill-Awtorità, l-Awtorità għandha tiddiskuti dik it-twissija jew rakkomandazzjoni fil-laqgħa segwenti tal-Bord tas-Superviżuri jew, fejn xieraq, qabel, sabiex tivvaluta l-implikazzjonijiet ta’, u segwitu possibbli għal, tali twissija jew rakkomandazzjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Hija għandha tiddeċiedi, permezz tal-proċedura rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, dwar kwalunkwe azzjoni li jkollha tittieħed skont is-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Jekk l-Awtorità ma taġixxix fuq twissija jew rakkomandazzjoni, hija għandha tispjega lill-BERS ir-raġunijiet tagħha għaliex ma għamlitx dan. Il-BERS għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’dan f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Il-BERS għandu wkoll jinforma lill-Kunsill b’dan.

5.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat ikkonferiti lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura segwitu f’waqtu.

Fejn id-destinatarju ma jkunx biħsiebu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-BERS, hu għandu jinforma u jiddiskuti mal-Bord tas-Superviżuri r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni.

Fejn l-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS bl-azzjonijiet li tkun ħadet bi tweġiba għal rakkommandazzjoni tal-BERS, hija għandha tqis kif dovut il-fehmiet tal-Bord tas-Superviżuri u għandha wkoll tgħarraf lill-Kummissjoni.”;

(c)

il-paragrafu 6 jitħassar;

(30)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandu jkun magħmul minn 30 membru. Dawk il-membri għandhom ikunu magħmulin minn:

(a)

13-il membru li jirrappreżentaw, b’mod proporzjonat, istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fl-Unjoni, li minnhom tlieta għandhom jirrappreżentaw banek kooperattivi u tat-tfaddil;

(b)

13-il membru li jirrappreżentaw ir-rappreżentanti tal-impjegati ta’ istituzzjonijiet finanzjarji li joperaw fl-Unjoni, il-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi bankarji u r-rappreżentanti tal-SMEs; u

(c)

erbgħa’ membri li huma akkademiċi indipendenti tal-ogħla klassifika.

3.   Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom jinħatru mill-Bord tas-Superviżuri, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tas-Superviżuri għandu, sa fejn ikun possibbli, jiżgura li jirrifletti adegwatament id-diversità tas-settur bankarju, bilanċ u rappreżentanza ġeografika u tas-sessi tal-partijiet interessati madwar l-Unjoni kollha. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom jintgħażlu skont il-kwalifiki, il-ħiliet, l-għarfien rilevanti u l-għarfien espert ipprovat tagħhom.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom jeleġġu President minn fost il-membri tiegħu. Il-kariga ta’ President għandha tinżamm għal perjodu ta’ sentejn.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati biex jagħmel dikjarazzjoni quddiemu u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu kull meta jintalab jagħmel dan.”;

(c)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa soġġett għas-segretezza professjonali, kif stipulat fl-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament, u tiżgura appoġġ segretarjali adegwat għall-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati. Għandu jiġi pprovdut kumpens adegwat lill-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, bl-esklużjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Dan il-kumpens għandu jqis il-ħidma preparatorja u ta’ segwitu tal-membri u għandu mill-inqas ikun ekwivalenti għar-rati ta’ rimborż ta’ uffiċjali skont it-Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (*21) (ir-Regolamenti tal-Persunal). Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet tekniċi. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati għandhom iservu għal perjodu ta’ erba’ snin, u wara dan issir proċedura ġdida tal-għażla.

(*21)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.”;"

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati jista’ jippreżenta pariri lill-Awtorità dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti tal-Awtorità b’attenzjoni partikolari għall-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 16, 29, 30 u 32.

Fejn il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-pariri, terz tal-membri tiegħu jew il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet interessati għandhom jitħallew joħorġu parir separat.

Il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq, il-Grupp ta’ Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u l-Grupp ta’ Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol jistgħu joħorġu pariri konġunti dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-ASE taħt l-Artikolu 56 dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(e)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   L-Awtorità għandha tippubblika l-pariri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, il-pariri separati tal-membri tiegħu, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tiegħu kif ukoll informazzjoni dwar kif il-pariri u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tqiesu.”;

(31)

l-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu meta tadotta d-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19.

2.   L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, fil-lingwa uffiċjali tad-destinatarju, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-destinatarju jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu fil-lingwa uffiċjali tiegħu. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4.   Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu informati bir-rimedji legali disponibbli taħt dan ir-Regolament.

5.   Fejn l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew (4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6.   Id-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 għandhom isiru pubbliċi. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji, jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom, jew ma tkunx tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, kollha jew parti minnha.”;

(32)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-President;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“8.   Fejn l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità tal-Istat Membru għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(33)

l-Artikoli 41 u 42 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

1.   Il-Bord tas-Superviżuri, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba mill-President, jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Fuq talba mill-Bord Maniġerjali jew mill-President, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lill-Bord Maniġerjali. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jipprovdi għad-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lil kumitati interni, lill-Bord Maniġerjali jew lill-President.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 17, u mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9a(7), il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jkun jikkonsisti mill-President tal-Bord tas-Superviżuri u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra ma għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtorità kompetenti li allegatament tkun kisret il-liġi tal-Unjoni u m’għandux ikollhom la xi interess fil-kwistjoni u lanqas rabtiet diretti mal-awtorità kompetenti kkonċernata.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 19, u mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-kumitat imsemmi fl-Artikolu 9a(7), il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra m’għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu l-partijiet fin-nuqqas ta’ qbil u m’għandux ikollhom la xi interess fil-kwistjoni u lanqas rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

4.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-inkjesta prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4), il-President jista’ jipproponi deċiżjoni li tinbeda l-inkjesta u deċiżjoni li jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandhom jiġu adottati mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

5.   Il-panels imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jew il-President għandhom jipproponu deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 17, jew l-Artikolu 19, ħlief dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu, għall-adozzjoni finali mill-Bord tas-Superviżuri. Panel imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jippreżenta l-eżitu tal-inkjesta mwettqa f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) lill-Bord tas-Superviżuri.

6.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta regoli ta’ proċedura għall-panels imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Indipendenza tal-Bord tas-Superviżuri

1.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, u kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor, ma għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   Il-Membri tal-Bord tas-Superviżuri, il-President kif ukoll ir-rappreżentanti mingħajr vot u l-osservaturi li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri għandhom, qabel tali laqgħat, jiddikjaraw b’mod preċiż u komplet in-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe punt fuq l-aġenda, u għandhom jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni, u fil-votazzjoni, ta’ tali punti.

4.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jistabbilixxi, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, l-arranġamenti prattiċi għar-regola dwar id-dikjarazzjoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 3 u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess.”;

(34)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità u għandu jkun inkarigat mit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitlu II. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità, u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II, abbażi ta’ proposta mill-kumitat intern jew panel rilevanti, mill-President, jew mill-Bord Maniġerjali, kif applikabbli.”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 jitħassru;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Maniġerjali, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, u għandu jgħaddi dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq il-President u d-Direttur Eżekuttiv. Jista’ jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga skont l-Artikolu 51(5).”;

(35)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 43a

Trasparenza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tas-Superviżuri

Minkejja l-Artikolu 70, fi żmien sitt ġimgħat minn kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri, l-Awtorità għandha tal-anqas tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’rekord komprensiv u sinifikanti tal-proċedimenti ta’ dik il-laqgħa li jippermetti fehim sħiħ tad-diskussjonijiet, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. Tali rekord ma għandux jirrifletti diskussjonijiet fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri relatati ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(36)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-Regolament, u l-Kapitolu VI ta’ dan ir-Regolament, u permezz ta’ deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-TUE u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, li għandha tinkludi mill-inqas maġġoranza sempliċi tal-membri, li jkunu preżenti waqt il-votazzjoni, minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li huma Stati Membri parteċipanti kif definiti fil-punt (1) tal-Artikolu 2 tar-Regolament (UE) Nru 1024/2013 (‘Stati Membri parteċipanti’) u maġġoranza sempliċi tal-membri, li jkunu preżenti waqt il-votazzjoni, minn awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri li mhumiex Stati Membri parteċipanti (‘Stati Membri mhux parteċipanti’).

Il-President ma għandux jivvota dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-panels skont l-Artikolu 41(2), (3) u (4), u l-membri tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 30(2), il-Bord tas-Superviżuri, meta jkunu qed jikkunsidraw il-proposti mill-President tiegħu, għandhom jirsistu għal konsensus. Fin-nuqqas ta’ konsensus, id-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri votanti tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 18(3) u (4), u b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tiegħu, li għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“3a.   Fir-rigward tad-deċiżjonijiet f’konformità mal-Artikolu 30, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvota dwar id-deċiżjonijiet proposti bl-użu ta’ proċedura bil-miktub. Il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandu jkollhom tmien jiem ta’ xogħol biex jivvotaw. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjoni proposta għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri li joġġezzjonaw. L-astensjonijiet ma għandhomx jingħaddu bħala approvazzjonijiet jew bħala oġġezzjonijiet, u ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-għadd ta’ voti mitfugħa. Jekk tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri joġġezzjonaw għall-proċedura bil-miktub, l-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi diskuss u deċiż mill-Bord tas-Superviżuri skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

3b.   Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17 u 19, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvota dwar id-deċiżjoni proposta bl-użu ta’ proċedura bil-miktub. Il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandu jkollhom tmint ijiem ta’ xogħol biex jivvotaw. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjoni proposta għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti, jew maġġoranza sempliċi tal-membri tagħha minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti, li joġġezzjonaw għaliha. L-astensjonijiet ma għandhomx jingħaddu bħala approvazzjonijiet jew bħala oġġezzjonijiet, u ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-għadd ta’ voti mitfugħa. Jekk tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri joġġezzjonaw għall-proċedura bil-miktub, l-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi diskuss mill-Bord tas-Superviżuri u jista’ jiġi adottat b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri parteċipanti u maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, mid-data li fiha erba’ membri votanti jew anqas ikunu minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti, id-deċiżjoni proposta għandha tiġi adottata b’maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri, li għandha tinkludi tal-anqas vot wieħed minn membri minn awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti.”;

(c)

il-paragrafi 4 u 4a huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi ma għandhom jattendu għal ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika għad-Direttur Eżekuttiv u għar-rappreżentant tal-Bank Ċentrali Ewropew nominat mill-Bord Superviżorju tiegħu.

4a.   Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jsejjaħ votazzjoni fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzju għal dik is-setgħa u għall-effettività tal-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità għandu jirsisti għal konsensus fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.”;

(37)

l-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-President u sitt membri tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess.

Minbarra l-President, kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu membru supplenti, li jista’ jissostitwixxih jekk ma jkunx jista’ jattendi.

2.   Il-mandat tal-membri eletti mill-Bord tas-Superviżuri għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Dak il-mandat jista’ jiġi estiż darba. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata bejn is-sessi u proporzjonata u għandha tirrifletti l-Unjoni kollha. Il-Bord Maniġerjali għandu jinkludi tal-anqas żewġ rappreżentanti ta’ Stati Membri mhux parteċipanti. Il-mandati għandhom ikunu jikkoinċidu u għandu japplika arranġament xieraq ta’ rotazzjoni.

3.   Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu, u għandhom jitmexxew mill-President. Il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Maniġerjali jqis li hu meħtieġ. Għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet fis-sena.

4.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali jistgħu, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali, ikunu assistiti minn konsulenti jew minn esperti. Il-membri mingħajr vot, bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Maniġerjali relattivament għal istituzzjonijiet finanzjarji individwali.”;

(38)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 45a

Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Maniġerjali għandhom jiġu adottati minn maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu filwaqt li jirsistu biex jintlaħaq konsensus. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkun membru bi dritt tal-vot.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt li jivvotaw. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jivvota dwar materji msemmija fl-Artikolu 63.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

Artikolu 45b

Gruppi ta’ Koordinazzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti dwar suġġetti definiti li għalihom jista’ jkun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ żviluppi speċifiċi tas-suq. Il-Bord Maniġerjali għandu jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni dwar suġġetti definiti fuq talba ta’ ħames membri tal-Bord tas-Superviżuri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jipparteċipaw fil-gruppi ta’ koordinazzjoni u għandhom jipprovdu, skont l-Artikolu 35, lill-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-gruppi ta’ koordinazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħhom skont il-mandat tagħhom. Il-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti u fuq kwalunkwe konstatazzjoni identifikata mill-Awtorità.

3.   Il-gruppi għandhom ikunu preseduti minn membru tal-Bord Maniġerjali. Kull sena, il-membru rispettiv tal-Bord Maniġerjali inkarigat mill-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jirrapporta lill-Bord tas-Superviżuri fuq l-elementi ewlenin tad-diskussjonijiet u l-konstatazzjonijiet u, fejn rilevanti, jagħmel suġġeriment għal segwitu regolatorju jew reviżjoni bejn il-pari fil-qasam rispettiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità dwar kif qiesu l-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni fl-attivitajiet tagħhom.

4.   Meta timmonitorja l-iżviluppi tas-suq li jistgħu jkunu l-fokus tal-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 35 biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha ta’ monitoraġġ.”;

(39)

l-Artikolu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza tal-Bord Maniġerjali

Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Maniġerjali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(40)

l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jeżamina, jagħti opinjoni u jagħmel proposti dwar il-kwistjonijiet kollha, ħlief għal kompiti stabbiliti fl-Artikoli 9a, 9b, 30 kif ukoll fl-Artikoli 17 u 19 dwar kwistjonijiet li jikkonċernaw il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-iskop tal-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Bord Maniġerjali għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, lill-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5), b’kont debitament meħud ta’ proposta mill-Bord tas-Superviżuri.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha li jsiru u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu reġistrati pubblikament skont ir-Regolamenti tal-Persunal.”;

(41)

l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli biex iħejji l-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri, inkluż it-tfassil tal-aġenda li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri, jorganizza l-laqgħat u jressaq punti għal deċiżjoni u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri.

Il-President għandu jkun responsabbli biex jistabbilixxi l-aġenda tal-Bord Maniġerjali, li għandha tiġi adottata mill-Bord Maniġerjali u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali.

Il-President jista’ jistieden lill-Bord Maniġerjali biex jikkunsidra li jistabbilixxi grupp ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura tal-għażla miftuħa li għandha tirrispetta l-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi u li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jfassal lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni ta’ President, bl-assistenza tal-Kummissjoni. Abbażi tal-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar lill-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew.

Fejn il-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeleġġi wkoll, minn fost il-membri tiegħu, Viċi-President li għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fl-assenza tal-President. Dak il-Viċi-President m’għandux jiġi elett minn fost il-membri tal-Bord Maniġerjali.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini tal-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kompiti tal-President għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord tas-Superviżuri u bl-assistenza tal-Kummissjoni, u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-President jista’ jitneħħa mill-kariga biss għal raġunijiet serji. Jista’ jitneħħa biss mill-Parlament Ewropew wara deċiżjoni tal-Kunsill adottata wara konsultazzjoni mal-Bord tas-Superviżuri.”;

(42)

l-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Indipendenza tal-President”;

(b)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew mingħand xi entità pubblika jew privata oħra.”;

(43)

l-Artikolu 49a huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 49a

spejjeż

Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha li jsiru mal-partijiet interessati esterni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(44)

l-Artikolu 50 jitħassar;

(45)

l-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jservi bħala forum li fih l-Awtorità għandha tikkoopera regolarment u mill-qrib biex tiżgura konsistenza transsettorjali, filwaqt li tqis speċifiċitajiet settorjali, mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), b’mod partikolari fir-rigward ta’:”;

(ii)

l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

konglomerati finanzjarji u, fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, konsolidazzjoni prudenzjali,”;

(iii)

il-ħames u s-sitt inċiż huma sostitwiti b’dan li ġej:

“—

ċibersigurtà;

skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki mal-BERS u mal-ASE l-oħrajn;”;

(iv)

jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tad-depożitanti, tal-konsumaturi u tal-investituri;

parir mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 1(6).”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi biex tkun żgurata l-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati skont ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 32a(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif ukoll fl-interkonnessjoni effettiva tar-reġistri nazzjonali taħt dik id-Direttiva.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu persunal apposta pprovdut mill-ASE li għandu jaqdi d-dmirijiet ta’ segretarjat permanenti. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi riżorsi adegwati għal spejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.”;

(46)

l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jinħatar fuq bażi ta’ rotazzjoni annwali minn fost il-Presidenti tal-ASE. Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jkun it-tieni Viċi President tal-BERS.”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba kull tliet xhur.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-President tal-Awtorità għandu jinforma regolarment lill-Bord tas-Superviżuri dwar pożizzjonijiet meħuda fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.”;

(47)

l-Artikoli 56 u 57 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 56

Pożizzjonijiet konġunti u atti komuni

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti tagħha stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, fejn rilevanti, l-Awtorità għandha tasal għal pożizzjonijiet konġunti b’konsensus ma’, kif adatt, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

Fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, il-miżuri taħt l-Artikoli 10 sa 16, u d-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 17, 18 u 19, ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE u ta’ kwalunkwe att leġislattiv ieħor imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament li jaqa’ wkoll fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) jew tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandhom jiġu adottati, b’mod parallel minn, kif adatt, l-Awtorità, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

Artikolu 57

Sottokumitati

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi sottokumitati għall-finijiet tat-tħejjija ta’ abbozzi ta’ pożizzjonijiet konġunti u ta’ atti komuni għall-Kumitat Konġunt.

2.   Kull sottokumitat għandu jkun magħmul mill-individwi msemmija fl-Artikolu 55(1), u minn rappreżentant wieħed ta’ livell għoli mill-persunal attwali tal-awtorità kompetenti rilevanti minn kull Stat Membru.

3.   Kull sottokumitat għandu jeleġġi President minn fost ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, li għandu jkun ukoll osservatur fil-Kumitat Konġunt.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 56, għandu jiġi stabbilit sottokumitat dwar il-konglomerati finanzjarji għall-Kumitat Konġunt.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jippubblika fis-sit web tiegħu s-sottokumitati stabbiliti kollha, inklużi l-mandati tagħhom u lista tal-membri tagħhom bil-funzjonijiet rispettivi tagħhom fis-sottokumitat.”;

(48)

l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huwa b’dan stabbilit.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt membri supplenti, li għandhom ikunu individwi ta’ reputazzjoni għolja b’rekord ippruvat ta’ għarfien rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u li jkollhom esperjenza professjonali internazzjonali, fuq livell għoli biżżejjed fl-oqsma bankarju, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tas-swieq tat-titoli jew ta’ servizzi finanzjarji oħrajn, għajr il-persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet jew korpi nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn jew korpi involuti fl-attivitajiet tal-Awtorità u membri tal-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati. Il-membri u s-supplenti għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru u għandu jkollhom għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-Bord tal-Appell għandu jkollu biżżejjed għarfien espert legali biex jagħti konsulenza legali esperta legali dwar il-legalità, inkluża l-proporzjonalità, tal-eżerċizzju mill-Awtorità tas-setgħat tagħha.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal turija ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Wara li jirċievi l-lista mqassra, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-kandidati għall-membri u l-membri supplenti jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-membri tal-Bord tal-Appell biex jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu kull meta mitluba, bl-esklużjoni ta’ dikjarazzjonijiet, mistoqsijiet jew tweġibiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ każijiet individwali deċiżi minn, jew pendenti quddiem, il-Bord tal-Appell.”;

(49)

fl-Artikolu 59, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell, u l-persunal tal-Awtorità li jipprovdu appoġġ operazzjonali u segretarjali, m’għandhom jieħdu sehem f’ebda proċedimenti ta’ appell li fihom ikollhom xi interess personali, jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.”;

(50)

fl-Artikolu 60, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-appell, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Awtorità fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, mill-jum li fih l-Awtorità tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien tliet xhur minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat.”;

(51)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

Kompetenza maqbuża mill-Awtorità

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tibgħat parir motivat lill-Kummissjoni jekk dik il-persuna tkun tal-opinjoni li l-Awtorità tkun qabżet il-kompetenza tagħha, inkluż li tkun naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 1(5), meta taġixxi taħt l-Artikoli 16 u 16b, u dak ikun jikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna.”;

(52)

fl-Artikolu 62, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Id-dħul tal-Awtorità, korp Ewropew skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*22) (ir-‘Regolament Finanzjarju’), għandu jikkonsisti, b’mod partikolari, fi kwalunkwe taħlita ta’ dawn li ġejjin:

(*22)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e)

tariffi miftiehma għal pubblikazzjonijiet, taħriġ jew kwalunkwe servizz ieħor provdut mill-Awtorità fejn dawn ġew mitluba speċifikament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar.”;

(c)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ebda kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ma għandha tiġi aċċettata jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li jikkostitwixxu kumpens għall-ispiża tal-kompiti delegati minn awtorità kompetenti lill-Awtorità ma għandhomx jitqiesu bħala li jqajmu dubju dwar l-indipendenza ta’ din tal-aħħar.”;

(53)

l-Artikoli 63, 64 u 65 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u multiannwali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Maniġerjali u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

2.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu, abbażi tal-abbozz li jkun ġie approvat mill-Bord Maniġerjali, jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti.

3.   Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Maniġerjali lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea sal-31 ta’ Jannar.

4.   B’kont meħud tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ bilanċ li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta’ bilanċ lill-Awtorità.

6.   Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jkun aġġustat skont il-każ.

7.   Il-Bord Maniġerjali għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam ma’ proprjetà, bħall-kiri jew xiri ta’ bini.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 266 u 267 tar-Regolament Finanzjarju, għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għal kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji jew implikazzjonijiet fit-tul sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tal-Awtorità, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini, inklużi klawżoli ta’ waqfien.

Artikolu 64

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit annwali tal-Awtorità.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. L-Artikolu 70 m’għandux jipprekludi lill-Awtorità milli tipprovdi lill-Qorti tal-Awdituri kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Awdituri li tkun fil-kompetenza tagħha.

3.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

5.   Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawk il-kontijiet.

6.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-15 ta’ Ġunju kull sena, pakkett ta’ rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru u għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali u lill-Kummissjoni.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u hekk kif previst fl-Artikolu 261(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

10.   Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

11.   L-Awtorità għandha tipprovdi opinjoni motivata dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u dwar kwalunkwe osservazzjoni oħra magħmula mill-Parlament Ewropew mogħtija fil-proċedura ta’ kwittanza.

Artikolu 65

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (*23) sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

(*23)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).”;"

(54)

fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*24) għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

(*24)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;"

(55)

l-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri, u l-membri kollha tal-persunal tal-Awtorità, inklużi uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġislazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-obbligu taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Bord Maniġerjali u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Maniġerjali u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi 1 u 2.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali u tal-Bord tas-Superviżuri u li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(d)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli proċedurali interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (KEFA, Euratom) 2015/444 (*25).

(*25)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).”;"

(56)

l-Artikolu 71 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 71

Protezzjoni tad-data

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar minnhom ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jew għall-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar minnha ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*26) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.

(*26)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(57)

fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”;

(58)

fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom isiru disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru li huma jkunu kkonkludu wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali.”;

(59)

l-Artikolu 76 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Ir-relazzjoni mal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-Kumitat tas-Superviżuri Bankarji Ewropej (KSBE). Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tal-KRET għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Il-KSBE għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu sa mid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mill-KSBE u mill-Kummissjoni.”;

(60)

l-Artikolu 81 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:”;

(ii)

fil-punt (a), is-sentenza introduttorja u l-punt (i) huma sostitwiti b’dan li ġej

“(a)

l-effettività u l-konverġenza fil-prattiki superviżorji miksuba mill-awtoritajiet kompetenti:

(i)

l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti u l-konverġenza fl-istandards ekwivalenti għall-governanza korporattiva;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(g)

il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt;

(h)

l-ostakoli għal, jew l-impatt fuq, il-konsolidazzjoni prudenzjali skont l-Artikolu 8.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tagħmel valutazzjoni komprensiva tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9c.

2b.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tagħmel valutazzjoni komprensiva tal-implimentazzjoni, il-funzjonament u l-effettività tal-kompiti speċifiċi relatati mal-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu u mogħtija lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 1(2), mal-punt (l) tal-Artikolu 8(1) u mal-Artikoli 9a, 9b, 17 u 19, ta’ dan ir-Regolament. Bħala parti mill-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tanalizza l-interazzjoni bejn dawk il-kompiti u l-kompiti mogħtija lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), kif ukoll il-prattiċità legali tas-setgħat tal-Awtorità sa fejn dawn jippermettu lill-Awtorità tibbaża l-azzjoni fuq il-liġi nazzjonali li tittrasponi Direttivi jew teżerċita opzjonijiet. Barra minn hekk, il-Kummissjoni għandha, abbażi ta’ analiżi komprensiva tal-ispejjeż u l-benefiċċji kif ukoll lejn l-objettiv li tiżgura l-konsistenza, l-effiċjenza u l-effettività, tinvestiga bir-reqqa l-possibbiltà li tagħti kompiti speċifiċi fir-rigward tal-prevenzjoni u tal-ġlieda kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu lil aġenzija dedikata eżistenti jew ġdida għall-UE kollha.”.

Artikolu 2

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1094/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1094/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE bl-eċċezzjoni tat-Titolu IV tagħha, tad-Direttiva 2002/87/KE, tad-Direttiva (UE) 2016/97 (*27) u tad-Direttiva (UE) 2016/2341 (*28) tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u, sa fejn dawk l-atti japplikaw għal impriżi tal-assigurazzjoni, impriżi tar-riassigurazzjoni, istituzzjonijiet għall-provvediment tal-irtirar mix-xogħol u intermedjarji tal-assigurazzjoni, fil-partijiet rilevanti tad-Direttiva(UE) 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, regolamenti u deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att ieħor, legalment vinkolanti, tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti lill-Awtorità.

L-Awtorità għandha tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*29) f’rabta mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*30) u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-Awtorità għandha tiddeċiedi dwar il-qbil tagħha f’konformità mal-Artikolu 9a(9) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

3.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-qasam tal-attivitajiet tal-impriżi tal-assigurazzjoni, tal-impriżi ta’ riassigurazzjoni, tal-konglomerati finanzjarji, tal-istituzzjonijiet għall-provvista tal-irtirar mix-xogħol u tal-intermedjarji tal-assigurazzjoni, fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex koperti direttament mill-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, filwaqt li tqis il-mudelli ta’ negozju sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ fatturi relatati ambjentali, soċjali u ta’ governanza, sakemm tali azzjonijiet mill-Awtorità jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti.

(*27)  Direttiva (UE) 2016/97 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Jannar 2016 dwar id-distribuzzjoni tal-assigurazzjoni (ĠU L 26, 2.2.2016, p. 19)."

(*28)  Direttiva (UE) 2016/2341 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Diċembru 2016 dwar l-attivitajiet u s-superviżjoni ta’ istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar okkupazzjonali (IORPs) (ĠU L 354, 23.12.2016, p. 37)."

(*29)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)."

(*30)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(b)

il-paragrafu 6 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“6.   L-għan tal-Awtorità għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-awtorità għandha, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħha, tikkontribwixxi sabiex:”;

il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“(e)

jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji relatati mal-attivitajiet tal-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol ikun regolat u ssorveljat b’mod adegwat;

(f)

tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijenti u tal-konsumatur; u”;

jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

tittejjeb il-konverġenza superviżorja fis-suq intern kollu.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità għandha tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tkattar il-konverġenza superviżorja, u tipprovdi opinjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16a lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha taġixxi indipendentement, oġġettivament u b’mod mhux diskriminatorju u trasparenti, fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u għandha tirrispetta, kull fejn ikun rilevanti, il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Awtorità għandha tagħti rendikont u taġixxi b’integrità u għandha tiżgura li l-partijiet interessati kollha jiġu trattati b’mod ġust.”;

(iv)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kontenut u l-forma tal-azzjonijiet u tal-miżuri tal-Awtorità, b’mod partikolari l-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, l-opinjonijiet, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet, l-abbozzi ta’ standards regolatorji u l-abbozzi ta’ standards ta’ implimentazzjoni, għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament u tal-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2. Sa fejn huwa permess u rilevanti taħt dawk id-dispożizzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri tal-Awtorità għandhom, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iqisu kif dovut in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti għan-negozju ta’ istituzzjoni finanzjarja, impriża, suġġett ieħor jew attività finanzjarja oħra, li jkunu milquta mill-azzjonijiet u l-miżuri tal-Awtorità.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali minnha, Kumitat li jkun ta’ konsulenza għaliha dwar kif, f’konformità sħiħa mar-regoli applikabbli, ikun jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-miżuri tagħha jqisu d-differenzi speċifiċi prevalenti fis-settur, li jirrigwardaw in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-mudelli u l-prattika ta’ negozju kif ukoll id-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq sa fejn tali fatturi jkunu rilevanti fl-ambitu tar-regoli kkunsidrati.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tkun parti minn sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja (SESF). L-għan ewlieni tas-SESF għandu jkun li tiżgura li r-regoli applikabbli għas-settur finanzjarju jiġu implimentati adegwatament sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jkunu żgurati l-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha u l-protezzjoni effettiva u suffiċjenti għall-klijenti u għall-konsumaturi ta’ servizzi finanzjarji.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Skont il-prinċipju ta’ kooperazzjoni sinċiera skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-partijiet għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-fluss ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom u mingħand l-Awtorità lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali, ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal superviżjoni għandhom jinkludu l-attivitajiet rilevanti kollha tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Responsabbiltà tal-Awtoritajiet

1.   L-Awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 2(2) għandhom ikunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

2.   F’konformità mal-Artikolu 226 TFUE, l-Awtorità għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament Ewropew matul kwalunkwe investigazzjoni mwettqa taħt dak l-Artikolu.

3.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, u għandu jibgħat, sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

4.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President għandu jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni tal-Awtorità. Għandha ssir seduta tal-inqas annwalment. Il-President għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu, kull meta dan ikun meħtieġ.

5.   Il-President għandu jippreżenta rapport bil-miktub dwar l-attivitajiet tal-Awtorità lill-Parlament Ewropew meta jintalab jagħmel dan u mill-inqas 15-il jum qabel jagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

6.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 11 sa 18 u l-Artikoli 20 u 33, ir-rapport għandu jinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-Parlament Ewropew fuq bażi ad hoc.

7.   L-Awtorità għandha twieġeb bil-fomm jew bil-miktub għal kwalunkwe mistoqsija indirizzata lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ħames ġimgħat mir-riċezzjoni tagħha.

8.   Fuq talba, il-President għandu jagħmel diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President, mal-Viċi Presidenti u mal-Koordinaturi tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-parteċipanti kollha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi tiegħu ta’ kunfidenzjalità li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali, l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, meta tintalab tagħmel dan, dwar il-kontribut tagħha għal rappreżentanza magħquda, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’tali fora internazzjonali.”;

(4)

fil-punt (2) tal-Artikolu 4, il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

fir-rigward tad-Direttiva 2002/65/KE, l-awtoritajiet u korpi kompetenti biex jiżguraw il-konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva mill-istituzzjonijiet finanzjarji;”;

(5)

fl-Artikolu 7 jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni tal-kompiti u tas-setgħat tal-Awtorità, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li għandu jippermetti, fejn ikun applikabbli, il-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u servizzi ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità.”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

abbażi tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari billi tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida, rakkomandazzjonijiet u miżuri oħra, inklużi opinjonijiet;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal ta’ superviżjoni tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni li għandu jistipula l-aħjar prattiki u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja, u li jqis, fost l-oħrajn, il-prattiki kummerċjali u l-mudelli kummerċjali li qegħdin jinbidlu u d-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq;”;

(iii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn kultura superviżorja komuni, tiżgura applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), timpedixxi l-arbitraġġ regolatorju, trawwem l-indipendenza superviżorja u twettaq monitoraġġ tagħha, timmedja u ssolvi nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, tiżgura s-superviżjoni effikaċi u konsistenti tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tiżgura funzjonament koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri, u tieħu azzjonijiet, inter alia, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;”;

(iv)

il-punti (e) sa (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

li torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti, u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f)

li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fl-assigurazzjoni, ir-riassigurazzjoni u l-pensjonijiet tax-xogħol, b’mod partikolari, għall-unitajiet domestiċi u l-SMEs u fis-servizzi finanzjarji innovattivi filwaqt li tikkunsidra kif dovut l-iżviluppi relatati mal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza;

(g)

li tagħmel analiżijiet tas-suq biex tinforma l-proċedura ta’ kwittanza għall-funzjonijiet tal-Awtorità;

(h)

li trawwem, fejn ikun rilevanti, il-protezzjoni tat-titolari tal-poloz, tal-membri u l-benefiċjarji ta’ skemi tal-pensjoni, tal-konsumaturi u tal-investituri, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqasijiet f’kuntest transfruntier u b’kunsiderazzjoni tar-riskji relatati;”;

(v)

wara l-punt (i) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ia)

li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ strateġija komuni tal-Unjoni dwar data finanzjarja;”;

(vi)

wara l-punt (k) jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ka)

li tippubblika fil-website tagħha, u li taġġorna b’mod regolari, l-istandards tekniċi regolatorji, l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-mistoqsijiet u tweġibiet kollha għal kull att leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), inklużi ħarsiet ġenerali li jikkonċernaw is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma li tkun għaddejja u l-iskeda ta’ żmien ippjanata għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. ”;

(vii)

il-punt (l) jitħassar;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Meta tkun qed twettaq il-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha:

(a)

tuża s-setgħat sħaħ disponibbli għaliha;

(b)

filwaqt li jitqies b’mod dovut l-objettiv li jiġu żgurati s-sigurtà u solidità tal-istituzzjonijiet finanzjarji, tikkunsidra b’mod sħiħ it-tipi differenti, il-mudelli ta’ negozju u d-daqsijiet tal-istituzzjonijiet finanzjarji; u

(c)

tikkunsidra l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli ta’ negozju innovattivi u sostenibbli bħal kooperattivi u mutwali u l-integrazzjoni tal-fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

toħroġ rakkomandazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 29a;”;

“(da)

toħroġ twissijiet f’konformità mal-Artikolu 9(3);”;

(ii)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, jew għall-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 16a;”;

(iii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ga)

toħroġ tweġibiet għal mistoqsijiet, kif stipulat fl-Artikolu 16b;

(gb)

tieħu azzjoni f’konformità mal-Artikolu 9a;”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha taġixxi abbażi, u fil-limiti, tal-qafas leġislattiv u għandha tikkunsidra debitament il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fejn rilevanti, u r-regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati tal-analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa msemmija fl-Artikoli 10, 15, 16 u 16a għandhom isiru bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiġi żgurat approċċ inklużiv lejn il-partijiet interessati kollha u għandhom jippermettu żmien raġonevoli sabiex il-partijiet interessati jwieġbu. L-Awtorità għandha tippubblika sommarju tar-rispons li jaslilha mingħand il-partijiet interessati u ħarsa ġenerali lejn kif l-informazzjoni u l-opinjonijiet miġbura mill-konsultazzjoni ntużaw f’abbozz ta’ standard tekniku regolatorju u f’abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni.”;

(7)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar dwar tendenzi tal-konsumaturi, bħall-iżvilupp tal-ispejjeż u l-imposti tas-servizzi u l-prodotti finanzjarji għall-konsumatur fl-Istati Membri;”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

it-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq, u l-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-swieq sabiex jiġu identifikati problemi potenzjali u jiġi analizzat l-impatt tagħhom;

(ab)

l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi u għall-investituri;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

il-kontribut għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern fejn il-konsumaturi u utenti oħra ta’ servizzi finanzjarji jkollhom aċċess ġust għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji;

(f)

il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ xiri bil-moħbi ta’ awtoritajiet kompetenti, jekk dan ikun applikabbli.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bil-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq, u l-konverġenza u l-effettività tal-prattiki regolatorji u superviżorji.”;

(c)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali minnha, Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi, u jingħataw pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*31) biex ikunu evitati d-duplikazzjoni, l-inkonsistenzi u l-inċertezza legali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-Awtorità tista’ tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data bħala osservaturi fil-Kumitat.

5.   L-Awtorità tista’, b’mod temporanju, tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti prodotti, strumenti jew attivitajiet li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw dannu finanzjarju sinifikanti lill-klijenti jew lill-konsumaturi, jew ikunu ta’ theddida għall-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja, kollha jew ta’ parti minnha, fl-Unjoni fil-każijiet speċifikati u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew, jekk ikun meħtieġ, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza konformement mal-Artikolu 18 u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

L-Awtorità għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’intervalli adatti u mill-inqas kull sitt xhur. Wara mill-inqas żewġ tiġdidiet konsekuttivi u abbażi ta’ analiżi xierqa li għandha l-għan li tivvaluta l-impatt fuq il-klijent jew il-konsumatur, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi dwar it-tiġdid annwali tal-projbizzjoni.

Stat Membru jista’ jitlob lill-Awtorità biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. F’dak il-każ, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1), jekk iżżommx dik id-deċiżjoni.

L-Awtorità tista’ wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta’ attività jew prattika finanzjarja u, fejn ikun hemm tali bżonn, tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ kwalunkwe tali projbizzjoni jew restrizzjoni.

(*31)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Ittri biex ma titteħidx azzjoni

1.   L-Awtorità għandha tieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss meta tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew ta’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi, probabbilment tqajjem kwistjonijiet sinifikanti, għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

(a)

l-Awtorità tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’tali att jistgħu jkunu f’kunflitt dirett ma’ att ieħor rilevanti;

(b)

fejn l-att ikun wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), in-nuqqas ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li jikkomplementaw jew jispeċifikaw l-att inkwistjoni jqajjem dubji leġittimi rigward il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-att leġislattiv jew mill-applikazzjoni proprja tiegħu,

(c)

in-nuqqas ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif imsemmijin fl-Artikolu 16 iqajjem diffikultajiet prattiċi rigward l-applikazzjoni tal-att leġislattiv rilevanti.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni.

Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza li, skont l-Awtorità, hija marbuta mal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.

Fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tevalwa mill-aktar fis possibbli l-ħtieġa li tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 16.

L-Awtorità għandha taġixxi bil-ħeffa, partikolarment bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kwistjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, kull meta jkun possibbli.

3.   Fejn ikun meħtieġ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u sa meta jiġu adottati u applikati miżuri ġodda wara l-passi msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha toħroġ opinjonijiet rigward dispożizzjonijiet speċifiċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li jkomplu jiġu segwiti prattiki superviżorji u ta’ infurzar li jkunu konsistenti, effiċjenti u effettivi, u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni.

4.   Fejn, abbażi tal-informazzjoni riċevuta, partikolarment mill-awtoritajiet kompetenti, l-Awtorità tikkunsidra li kwalunkwe mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi, iqajmu kwistjonijiet eċċezzjonali sinifikanti li jappartjenu għall-fiduċja tas-suq, il-protezzjoni tal-konsumaturi, tal-klijenti jew tal-investituri, il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew is-suq tal-komoditajiet jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kollha jew ta’ parti minnha, fl-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu. L-Awtorità tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.”;

(9)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma speċifikament stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. L-Awtorità għandha tippreżenta l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu jitħassar;

(iv)

il-ħames u s-sitt subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu fejn l-adozzjoni ma tistax isseħħ fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lura lill-Awtorità, fejn tispjega għalfejn hija ma tadottahx, jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.”;

(c)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u tal-impatt tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku regolatorju’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.”;

(10)

fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(11)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonferixxu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni, permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma speċifikament stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmijin fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jinvolvu deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tippreżenta l-abbozz tagħha ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Qabel ma tippreżenta abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu fejn l-adozzjoni ma tkunx tista’ sseħħ fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibagħtu lura lill-Awtorità fejn tispjega għalfejn hija ma għandhiex l-intenzjoni li tadottah, jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti tal-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard tekniku ta’ implimentazzjoni bl-emendi li tikkunsidra li jkunu rilevanti jew tirrifjutah.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.”;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku ta’ implimentazzjoni’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.”;

(12)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità, sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti kollha jew lill-istituzzjonijiet finanzjarji kollha u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal awtorità kompetenti waħda jew aktar jew għal istituzzjoni finanzjarja waħda jew aktar.

Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu skont l-għotjiet ta’ setgħa mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew f’dan l-Artikolu.

2.   L-Awtorità, fejn xieraq, għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-ħruġ ta’ tali linji gwida u rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità għandha, fejn xieraq, titlob ukoll parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol imsemmija fl-Artikolu 37. Fejn l-Awtorità ma twettaqx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew ma titlobx pariri mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, hija għandha tagħti r-raġunijiet.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx sempliċiment jirreferu għal, jew jirriproduċu, elementi ta’ atti leġiżlattivi. Qabel ma toħroġ linja gwida jew rakkomandazzjoni ġdida, l-Awtorità għandha l-ewwel tanalizza l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti, sabiex tevita kwalunkwe duplikazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu nħarġu.”;

(13)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 16a

Opinjonijiet

1.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-qasam ta’ kompetenza tagħha.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi konsultazzjoni pubblika jew analiżi teknika.

3.   Fir-rigward tal-valutazzjoni prudenzjali ta’ mergers u akkwiżizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2009/138/KE u li, skont dik id-Direttiva, jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista’, fuq it-talba ta’ xi waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar valutazzjoni prudenzjali, ħlief fir-rigward tal-kriterji stipulati fil-punt (e) tal-Artikolu 59(1) tad-Direttiva 2009/138/KE. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ valutazzjoni skont id-Direttiva 2009/138/KE.

4.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, tagħti parir tekniku lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-oqsma stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 16b

Mistoqsijiet u tweġibiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni prattika jew mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), atti assoċjati delegati u ta’ implimentazzjoni, u linji gwida u rakkomandazzjonijiet adottati skont dawk l-atti leġiżlattivi, jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, lill-Awtorità bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

Qabel ma jippreżentaw mistoqsija lill-Awtorità, l-istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jikkunsidraw jekk għandhomx jindirizzaw il-mistoqsija fl-ewwel lok lill-awtorità kompetenti tagħhom.

Qabel ma tippubblika tweġibiet għal mistoqsijiet ammissibbli, l-Awtorità tista’ tfittex kjarifika ulterjuri dwar mistoqsijiet mingħand il-persuna fiżika jew ġuridika msemmija f’dan il-paragrafu.

2.   It-tweġibiet mill-Awtorità għall-mistoqsijiet kif imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu vinkolanti. It-tweġibiet għandhom isiru disponibbli mill-inqas bil-lingwa li fiha tkun saret il-mistoqsija.

3.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm għodda bbażata fuq il-web disponibbli fis-sit web tagħha għas-sottomissjoni ta’ mistoqsijiet u l-pubblikazzjoni f’waqtha tal-mistoqsijiet kollha riċevuti kif ukoll it-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet kollha ammissibbli skont il-paragrafu 1, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk il-persuni jew ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-Awtorità tista’ tirrifjuta mistoqsijiet li mhijiex beħsiebha twieġeb. Il-mistoqsijiet rifjutati għandhom jiġu ppubblikati mill-Awtorità fis-sit web tagħha għal perjodu ta’ xahrejn.

4.   Tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri jistgħu jitolbu lill-Bord tas-Superviżuri biex jiddeċiedi skont l-Artikolu 44 jekk għandhiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mistoqsija ammissibbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’linji gwida skont l-Artikolu 16, jiġix mitlub parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati msemmi fl-Artikolu 37, jiġux rieżaminati mistoqsijiet u tweġibiet f’intervalli adegwati, isirux konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew li jiġux analizzati spejjeż u benefiċċji relatati potenzjali. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-abbozz ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ikkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Meta jiġi involut il-Grupp tal-Partijiet Interessati msemmi fl-Artikolu 37, għandu japplika dmir ta’ kunfidenzjalità.

5.   L-Awtorità għandha tgħaddi l-mistoqsijiet li jirrikjedu l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tippubblika kwalunkwe tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni.”;

(14)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill, mill-Kummissjoni jew mill-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti, jew fuq inizjattiva tagħha stess, inkluż meta din tkun ibbażata fuq informazzjoni ssostanzjata tajjeb minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-Awtorità għandha tiddeskrivi kif beħsiebha tipproċedi bil-każ u, fejn xieraq, tinvestiga l-ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.”;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

“Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stipulati fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti kkonċernata, tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn, kull meta t-talba għal informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun irriżultat, jew titqies bħala, mhux suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni li titqies bħala neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ ksur allegat jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ tali talba għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat taħt dan ir-Regolament, u qabel ma tinħareġ rakkomandazzjoni kif stipulat fil-paragrafu 3, l-Awtorità għandha tidħol f’kuntatt mal-awtorità kompetenti kkonċernata, fejn hija tqis tali kuntatt xieraq sabiex tirriżolvi ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’tentattiv biex jintlaħaq ftehim dwar azzjonijiet meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.”;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fil-perijodu speċifikat fih, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja f’ħin opportun tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament japplikaw direttament għall-istituzzjonijiet finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil istituzzjoni finanzjarja li tesiġi minnha l-azzjoni kollha meħtieġa sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun f’konformità mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 6 għandhom jipprevalixxu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istess materja.

Meta jieħdu azzjoni dwar kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew għal deċiżjoni skont il-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew id-deċiżjoni, skont il-każ.”;

(15)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw

1.   L-Awtorità għandu jkollha fis-seħħ kanali ta’ rappurtar apposta biex tirċievi u tittratta informazzjoni pprovduta minn persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta dwar ksur reali jew potenzjali, abbuż tal-liġi, jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrappurtaw permezz ta’ dawk il-kanali għandhom ikunu protetti kontra r-ritaljazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*32), fejn applikabbli.

3.   L-Awtorità għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha tista’ tiġi ppreżentata b’mod anonimu jew kunfidenzjali, u b’mod sigur. Fejn l-Awtorità tqis li l-informazzjoni ppreżentata fiha evidenza jew indikazzjonijiet sinifikanti ta’ ksur materjali, hija għandha tagħti feedback lill-persuna li tirrapporta.

(*32)  Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).”;"

(16)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u, f’ċirkostanzi eċċezzjonali, fejn tkun meħtieġa azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet kompetenti bħala reazzjoni għall-iżviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, kollha jew parti minnha, fl-Unjoni jew il-protezzjoni tal-klijenti u tal-konsumaturi, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjonijiet individwali sabiex titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jindirizzaw kwalunkwe tali żvilupp billi jiżguraw li l-istituzzjonijiet finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-atti leġislattivi.”;

(17)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każijiet speċifikati fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fejn awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)

f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jipprevedu li l-Awtorità tkun tista’ tgħin fuq inizjattiva tagħha stess fejn, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti u fejn, skont dawk l-atti, l-Awtorità tkun tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, fuq inizjattiva tagħha stess biex jintlaħaq qbil f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ ftehim fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom, fil-każijiet li ġejjin, jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)

fejn ikun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u jseħħ kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:

(i)

il-limitu ta’ żmien ikun skada; jew

(ii)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim, fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi;

(b)

fejn ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u jseħħ kwalunkweminn fost dawn li ġejjin:

(i)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi; jew

(ii)

ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bil-għan li tikkonforma ma’ dawk l-atti u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

1b.   Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Fejn l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sa meta tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44(4), f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Fejn l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sa meta tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika, jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni, sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li jkollhom taħt il-liġi rilevanti tal-Unjoni.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri taħt il-paragrafi 2 u 3, flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda taħt il-paragrafu 3.”;

(e)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b’hekk tonqos milli tiżgura li istituzzjoni finanzjarja tikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għaliha bis-saħħa tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dik l-istituzzjoni finanzjarja li tesiġi minnha l-azzjoni kollha meħtieġa biex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.”;

(18)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tippromwovi u tissorvelja, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, il-funzjonament effiċjenti, effikaċi u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri fejn stabbiliti bl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u trawwem il-konsistenza u l-koerenza tal-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fost il-kulleġġi tas-superviżuri. Bl-għan ta’ konverġenza tal-aħjar prattiki superviżorji, l-Awtorità għandha tippromwovi pjanijiet superviżorji konġunti u eżamijiet konġunti, u l-persunal mill-Awtorità għandu jkollu drittijiet ta’ parteċipazzjoni sħiħa fil-kulleġġi tas-superviżuri u, bħala tali, għandu jkun jista’ jipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha jkollha t-tmexxija biex ikun żgurat il-funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi ta’ superviżuri għall-istituzzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni, b’kont meħud tar-riskju sistemiku ppreżentat minn istituzzjonijiet finanzjarji msemmija fl-Artikolu 23, u għandha, fejn xieraq, torganizza laqgħa ta’ kulleġġ ta’ superviżuri.”;

(ii)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tagħti bidu għal, u tikkoordina, testijiet tal-istress fl-Unjoni kollha f’konformità mal-Artikolu 32 biex tivvaluta r-reżiljenza ta’ istituzzjonijiet finanzjarji, b’mod partikolari r-riskju sistemiku ppreżentat minn istituzzjonijiet finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 23, għal żviluppi negattivi fis-swieq, u tevalwa l-potenzjal li jikber ir-riskju sistemiku f’sitwazzjonijiet ta’ stress, waqt li jiġi żgurat li tiġi applikata metodoloġija konsistenti fil-livell nazzjonali għal tali testijiet u, fejn adatt, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti biex jiġu korretti kwistjonijiet identifikati fit-test tal-istress, inkluża rakkomandazzjoni biex isiru valutazzjonijiet speċifiċi; hija tista’ tirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti biex jagħmlu spezzjonijiet fuq il-post, u tista’ tipparteċipa f’tali spezzjonijiet fuq il-post, sabiex tiżgura l-komparabbiltà u l-affidabbiltà ta’ metodi, prattiki u riżultati ta’ valutazzjonijiet fl-Unjoni kollha;”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-għotjiet ta’ setgħa stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u skont l-Artikoli 10 sa 15, biex tiżgura kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta’ superviżuri. L-Awtorità tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 biex tippromwovi konverġenza fil-funzjonament superviżorju u l-aħjar prattiki li ġew adottati mill-kulleġġi tas-superviżuri.”;

(19)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-riskju sistemiku”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha, f’kollaborazzjoni mal-BERS, u f’konformità mal-Artikolu 23, tiżviluppa approċċ komuni għall-identifikazzjoni u l-kejl ta’ importanza sistemika, inklużi indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi kif adatt.”;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, jew il-Kummissjoni, jew bl-inizjattiva tagħha stess, l-Awtorità tista’ tagħmel inkjesta dwar tip partikolari ta’ istituzzjoni finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew għall-protezzjoni tal-klijenti jew tal-konsumaturi.

Wara inkjesta mwettqa skont l-ewwel subparagrafu, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha taħt dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35.”;

(20)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha, f’konsultazzjoni mal-BERS, tiżviluppa kriterji għall-identifikazzjoni u l-kejl ta’ riskju sistemiku u sistema adegwata għat-testijiet tal-istress li tinkludi evalwazzjoni tal-potenzjal li riskju sistemiku ppreżentat minn jew lil parteċipanti fis-swieq finanzjarji jiżdied f’sitwazzjonijiet ta’ stress, inkluż riskju sistemiku potenzjali marbut mal-ambjent. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni aktar qawwija, u fejn meħtieġ, għall-proċeduri ta’ rkupru u riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 25.”;

(21)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

li tistabbilixxi prijoritajiet Superviżorji Strateġiċi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29a;

(ab)

li tistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b biex tiġi promossa l-konverġenza superviżorja u jiġu identifikati l-aħjar prattiki;”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, relattivament għall-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u transsettorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, forom differenti ta’ kooperattivi u soċjetajiet mutwi, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

li tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ biex tivvaluta r-riskji ambjentali, soċjali u dawk marbuta mal-governanza, filwaqt li tqis il-Ftehim ta’ Pariġi għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità tista’, kif ikun xieraq, tiżviluppa strumenti prattiċi ġodda u għodod ta’ konverġenza biex tippromwovi approċċi u prattiki superviżorji komuni.

Għall-fini tal-istabbiliment ta’ kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm manwal superviżorju aġġornat tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji fl-Unjoni, li jqis kif dovut in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki ta’ negozju, il-mudelli ta’ negozju u d-daqs tal-istituzzjonijiet u tas-swieq finanzjarji. Il-manwal superviżorju tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-aħjar prattiki u għandu jispeċifika metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja.

L-Awtorità, fejn xieraq, għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-opinjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, l-għodod u l-istrumenti msemmija f’dan il-paragrafu. Hija għandha wkoll, fejn xieraq tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati għall-iskala, in-natura u l-impatt tal-opinjonijiet jew tal-għodod u l-istrumenti. L-Awtorità, fejn xieraq, għandha titlob ukoll pariri mill-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37.”;

(22)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni

Wara diskussjoni fil-Bord tas-Superviżuri u filwaqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet riċevuti mingħand l-awtoritajiet kompetenti, il-ħidma eżistenti mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u analiżi, twissijiet u rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-BERS, l-Awtorità għandha, mill-inqas kull tliet snin sal-31 ta’ Marzu, tidentifika massimu ta’ żewġ prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha li għandhom jirriflettu żviluppi u xejriet futuri. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawk il-prijoritajiet meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma tagħhom u għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità dwar dan. L-Awtorità għandha tiddiskuti l-attivitajiet rilevanti mill-awtoritajiet kompetenti fis-sena ta’ wara u tislet konklużjonijiet. L-Awtorità għandha tiddiskuti segwitu possibbli li jista’ jinkludi linji gwida, rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet kompetenti u reviżjonijiet bejn il-pari fil-qasam rispettiv.

Il-prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha identifikati mill-Awtorità ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet kompetenti milli japplikaw l-aħjar prattiki tagħhom, filwaqt li jaġixxu fuq prijoritajiet u żviluppi nazzjonali addizzjonali, u għandhom jitqiesu speċifiċitajiet nazzjonali.”;

(23)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq reviżjonijiet bejn il-pari ta’ wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex issaħħaħ iżjed il-konsistenza u l-effettività fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjoni u paragun oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-reviżjonijiet bejn il-pari, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35, u kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn partijiet interessati.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitati ta’ reviżjoni ad hoc bejn il-pari, li għandhom ikunu magħmula mill-persunal tal-Awtorità u minn membri tal-awtoritajiet kompetenti. Il-kumitati tar-reviżjoni bejn il-pari għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-persunal tal-Awtorità. Il-President, wara li jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni, għandu jipproponi l-president u l-membri ta’ kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, li għandhom jiġu approvati mill-Bord tas-Superviżuri. Il-proposta għandha titqies approvata sakemm, fi żmien 10 ijiem minn meta pproponiha l-President, il-Bord tas-Superviżuri ma jadottax deċiżjoni li tiċħadha.

3.   Ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)

l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;

(b)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikoli 10 sa 16, u kemm il-prattika superviżorja tilħaq l-għanijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni;

(c)

l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki żviluppati minn awtoritajiet kompetenti li l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ benefiċċju għal awtoritajiet kompetenti oħra;

(d)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn imposti kontra persuni responsabbli fejn ma kienx hemm konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

4.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-reviżjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jkun imħejji mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(4). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ reviżjoni bejn il-pari u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Il-Bord Maniġerjali għandu jivvaluta b’mod partikolari jekk il-metodoloġija ġietx applikata bl-istess mod. Ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma meqjusa xierqa, proporzjonati u meħtieġa bħala riżultat tar-reviżjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 29(1).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa.

Meta tkun qed tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prattiki superviżorji tal-ogħla kwalità.

5.   L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni fejn, wara li tkun qieset l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli tal-Unjoni għall-istituzzjonijiet finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti mill-perspettiva tal-Unjoni.

6.   L-Awtorità għandha tagħmel rapport ta’ segwitu wara sentejn mill-pubblikazzjoni tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(4). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm il-konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ segwitu. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma jkunx limitat għal, l-adegwatezza u l-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti li huma soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ reviżjoni bejn il-pari.

7.   Il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari, għandu jidentifika l-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblikhom, flimkien mal-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari u tar-rapport ta’ segwitu msemmi fil-paragrafu 6. Fejn il-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jkunu differenti minn dawk identifikati mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, l-Awtorità għandha tittrażmetti, fuq bażi kunfidenzjali, il-konstatazzjonijiet tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fejn awtorità kompetenti li tkun soġġetta għar-reviżjoni bejn il-pari tkun imħassba li l-pubblikazzjoni tal-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jistgħu jwasslu għal riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tirreferi l-kwistjoni lill-Bord tas-Superviżuri. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax dawk l-estratti.

8.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Maniġerjali għandu jagħmel proposta għal pjan ta’ ħidma għar-reviżjonijiet bejn il-pari għas-sentejn li ġejjin, li għandu jirrifletti, fost oħrajn, it-tagħlimiet meħuda mill-proċessi passati ta’ reviżjoni bejn il-pari u d-diskussjonijiet tal-gruppi ta’ koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 45b. Il-pjan ta’ ħidma għar-reviżjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata tal-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali. Għandu jsir pubbliku. F’każ ta’ urġenza jew avvenimenti mhux previsti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li twettaq reviżjonijiet addizzjonali bejn il-pari.”;

(24)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha taqdi rwol ġenerali ta’ koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn żviluppi avversi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew f’sitwazzjonijiet ta’ negozju transfruntier li potenzjalment jaffettwaw il-protezzjoni ta’ detenturi ta’ poloz, ta’ membri u benefiċjarji ta’ skemi pensjonistiċi fl-Unjoni.”;

(b)

it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tippromwovi rispons koordinat tal-Unjoni, fost l-oħrajn billi:”;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

tieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ żviluppi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-swieq finanzjarji bl-għan tal-koordinament ta’ azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ea)

tieħu l-miżuri xierqa biex tikkoordina azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika;”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ approċċ Ewropew komuni lejn l-innovazzjoni teknoloġika, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, bl-appoġġ, fejn rilevanti, tal-Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, biex b’hekk tiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika, b’mod partikulari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(25)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 31a

Skambju ta’ informazzjoni dwar idoneità u adegwatezza

L-Awtorità għandha, flimkien mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza ta’ detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, diretturi u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin fl-istituzzjonijiet finanzjarji minn awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(26)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Valutazzjoni ta’ żviluppi fis-suq, inklużi testijiet tal-istress”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn ikun meħtieġ, tinforma lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), lill-BERS u lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ix-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet. L-Awtorità għandha tinkludi, fil-valutazzjonijiet tagħha, analiżi tas-swieq li fihom joperaw l-istituzzjonijiet finanzjarji u valutazzjoni tal-impatt ta’ żviluppi potenzjali fis-suq fuq tali istituzzjonijiet.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tagħti bidu għal, u tikkoordina, valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-istituzzjonijiet finanzjarji għal żviluppi negattivi tas-suq. Għal dak l-għan, hija għandha tiżviluppa:”;

(ii)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

metodoloġiji komuni biex jiġi vvalutat l-effett ta’ xenarji ekonomiċi fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ istituzzjoni finanzjarja filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, riskji li jirriżultaw minn żviluppi ambjentali avversi;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

metodoloġiji komuni għall-identifikazzjoni tal-istituzzjonijiet finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett ta’ riskji ambjentali fuq l-istabbiltà finanzjarja ta’ istituzzjonijiet finanzjarji.”;

(v)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-BERS.”;

(d)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-BERS stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-Awtorità għandha, darba fis-sena, u aktar ta’ spiss fejn ikun meħtieġ, tipprovdi valutazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS ta’ xejriet, riskji potenzjali u vulnerabbiltajiet fil-qasam tal-kompetenza tagħha, flimkien mal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(27)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Relazzjonijiet internazzjonali inkluża l-ekwivalenza

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet regolatorji u superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-arranġamenti m’għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u lanqas m’għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

Fejn pajjiż terz, skont att delegat, li jkun fis-seħħ, adottat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849, ikun fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi nazzjonali tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-Awtorità ma għandhiex tikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji ta’ dak il-pajjiż terz. Dan m’għandux jipprekludi forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet rispettivi tal-pajjiż terz bil-ħsieb li jitnaqqas it-theddid għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

2.   L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li jirrigwardaw reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal pariri mill-Kummissjoni jew meta tkun meħtieġa tagħmel dan mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   L-Awtorità għandha timmonitorja, b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u l-funzjonament tas-suq intern, żviluppi rilevanti regolatorji u superviżorji u prattiki ta’ infurzar u żviluppi tas-suq f’pajjiżi terzi, sa fejn ikunu rilevanti għal valutazzjonijiet tal-ekwivalenza abbażi tar-riskju, li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza mill-Kummissjoni f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Barra minn hekk, hija għandha tivverifika jekk il-kriterji li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza, u kwalunkwe kondizzjoni stabbilita fihom, għadhomx issodisfati.

L-Awtorità tista’ tikkomunika mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) li jiġbor fil-qosor il-konstatazzjonijiet mill-monitoraġġ minnha tal-pajjiżi terzi ekwivalenti kollha. Ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tad-detenturi ta’ poloz u l-funzjonament tas-suq intern.

Fejn l-Awtorità tidentifika żviluppi rilevanti fir-rigward tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni jew tal-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija f’dan il-paragrafu li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tagħha jew aktar, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni ta’ detenturi ta’ poloz jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tikkoopera, fejn possibbli, mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi regolatorji u superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Fil-prinċipju, dik il-kooperazzjoni għandha sseħħ abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar ir-reġim regolatorju, l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidla li tista’ taffettwa d-deċiżjoni ta’ ekwivalenza;

(b)

sa fejn ikun neċessarju għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi, fejn meħtieġa, spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni, meta awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv.

5.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali mudelli ta’ arranġamenti.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u l-monitoraġġ mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-Awtorità, fil-limiti tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), għandha tikkontribwixxi għar-rappreżentanza unita, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni fil-fora internazzjonali.”;

(28)

l-Artikolu 34 jitħassar;

(29)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lill-Awtorità, l-Awtorità għandha tiddiskuti dik it-twissija jew rakkomandazzjoni fil-laqgħa segwenti tal-Bord tas-Superviżuri jew, fejn xieraq, qabel, sabiex tivvaluta l-implikazzjonijiet ta’, u segwitu possibbli għal, tali twissija jew rakkomandazzjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Hija għandha tiddeċiedi, permezz tal-proċedura rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, dwar kwalunkwe azzjoni li jkollha tittieħed skont is-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Jekk l-Awtorità ma taġixxix fuq twissija jew rakkomandazzjoni, hija għandha tispjega lill-BERS ir-raġunijiet tagħha għaliex ma għamlitx dan. Il-BERS għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’dan f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Il-BERS għandu wkoll jinforma lill-Kunsill b’dan.

5.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat ikkonferiti lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura segwitu f’waqtu.

Fejn id-destinatarju ma jkunx biħsiebu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-BERS, hu għandu jinforma u jiddiskuti mal-Bord tas-Superviżuri r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni.

Fejn l-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS bl-azzjonijiet li tkun ħadet bi tweġiba għal rakkommandazzjoni tal-BERS, hija għandha tqis kif dovut il-fehmiet tal-Bord tas-Superviżuri.”;

(c)

il-paragrafu 6 jitħassar;

(30)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2, 3 u 4 huma sostitwiti b’dawn li ġejjin:

“2.   Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni għandu jkun kompost minn 30 membru. Dawk il-membri għandhom ikunu magħmulin minn:

(a)

13-il membru li jirrappreżentaw, b’mod proporzjonat, l-impriżi fl-oqsma tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Unjoni, li minnhom tlieta għandhom jirrappreżentaw l-assiguraturi jew ir-riassiguraturi kooperattivi u mutwali;

(b)

13-il membru li jirrappreżentaw lir-rappreżentanti tal-impjegati tal-impriżi fil-qasam tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni u l-intermedjarji tal-assigurazzjoni li joperaw fl-Unjoni, lill-konsumaturi, l-utenti tas-servizzi tal-assigurazzjoni u r-riassigurazzjoni, ir-rappreżentanti tal-SMEs u r-rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti; u

(c)

erba’ membri li huma akkademiċi indipendenti fl-ogħla karigi.

3.   Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol għandu jkun kompost minn 30 membru. Dawk il-membri għandhom ikunu magħmulin minn:

(a)

13-il membru li jirrappreżentaw b’mod proporzjonat istituzzjonijiet għall-provvista ta’ rtirar mix-xogħol li joperaw fl-Unjoni;

(b)

13-il membru li jirrappreżentaw lil rappreżentanti tal-impjegati, rappreżentanti tal-benefiċjarji, rappreżentanti tal-SMEs u rappreżentanti ta’ assoċjazzjonijiet professjonali rilevanti; u

(c)

erba’ membri li humaakkademiċi indipendenti fl-ogħla karigi.

4.   Il-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati għandhom jinħatru mill-Bord tas-Superviżuri, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tas-Superviżuri għandu, sa fejn ikun possibbli, jiżgura li jirrifletti adegwatament id-diversità tas-setturi tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni kif ukoll tas-settur tal-pensjoni okkupazzjonali, bilanċ u rappreżentanza ġeografika u tas-sessi tal-partijiet interessati madwar l-Unjoni kollha. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati għandhom jintgħażlu skont il-kwalifiki, il-ħiliet, l-għarfien rilevanti u l-għarfien espert ipprovat tagħhom. ”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“4a.   Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti għandhom jeleġġu President minn fost il-membri tiegħu. Il-kariga tal-President għandha tinżamm għal perjodu ta’ sentejn.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President ta’ kwalunkwe Grupp tal-Partijiet Interessati biex jagħmel dikjarazzjoni quddiemu u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu kull meta jintalab jagħmel dan.”;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa soġġetta għas-segretezza professjonali, kif stipulat fl-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament, u tiżgura appoġġ segretarjali adegwat għall-Gruppi tal-Partijiet Interessati. Għandu jiġi pprovdut kumpens adegwat lill-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, bl-esklużjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Dan il-kumpens għandu jqis il-ħidma preparatorja u ta’ segwitu tal-membri u għandu mill-inqas ikun ekwivalenti għar-rati ta’ rimborż ta’ uffiċjali skont it-Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (*33) (ir-Regolamenti tal-Persunal). Il-Gruppi tal-Partijiet Interessati jistgħu jistabbilixxu gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet tekniċi. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol għandhom iservu għal perjodu ta’ erba’ snin, u wara dan issir proċedura ġdida tal-għażla.

(*33)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.”;"

(d)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Gruppi tal-Partijiet Interessati jistgħu jippreżentaw opinjonijiet u pariri lill-Awtorità dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti tal-Awtorità b’attenzjoni partikolari għall-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 16, u 29, 30 u 32.

Fejn il-membri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati ma jkunux jistgħu jaqblu dwar parir, terz tal-membri tagħhom jew il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet interessati għandhom jitħallew joħorġu parir separat.

Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni, il-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol, il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati u l-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq jistgħu joħorġu parir konġunt dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-ASE taħt l-Artikolu 56 dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(e)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   L-Awtorità għandha tippubblika l-pariri tal-Gruppi tal-Partijiet Interessati, il-pariri separati tal-membri tagħha, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tagħha kif ukoll informazzjoni dwar kif tqiesu l-pariri u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet.”;

(31)

l-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu meta tadotta d-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19.

2.   L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, fil-lingwa uffiċjali tad-destinatarju, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-destinatarju jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu fil-lingwa uffiċjali tiegħu. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4.   Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu informati bir-rimedji legali disponibbli taħt dan ir-Regolament.

5.   Fejn l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew (4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6.   Id-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 għandhom isiru pubbliċi. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-istituzzjoni finanzjarja kkonċernata u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk l-istituzzjonijiet finanzjarji jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew tkun tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha.”;

(32)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-President;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   Fejn l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità tal-Istat Membru għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(33)

l-Artikoli 41 u 42 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

1.   Il-Bord tas-Superviżuri, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba mill-President, jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Fuq talba mill-Bord Maniġerjali jew mill-President, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lill-Bord Maniġerjali. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jipprovdi għad-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lil kumitati interni, lill-Bord Maniġerjali jew lill-President.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 17, il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra ma għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtorità kompetenti li allegatament tkun kisret il-liġi tal-Unjoni u m’għandux ikollhom xi interess fil-kwistjoni u lanqas rabtiet diretti mal-awtorità kompetenti kkonċernata.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 19, il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra m’għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu l-partijiet fin-nuqqas ta’ qbil u m’għandux ikollhom la xi interess fil-kunflitt u lanqas rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

4.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-inkjesta prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4), il-President jista’ jipproponi deċiżjoni li tinbeda l-inkjesta u deċiżjoni li jlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

5.   Il-panels imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jew il-President għandhom jipproponu deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 17, jew l-Artikolu 19, għall-adozzjoni finali mill-Bord tas-Superviżuri. Panel imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jippreżenta l-eżitu tal-inkjesta mwettqa f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) lill-Bord tas-Superviżuri.

6.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta regoli ta’ proċedura għall-panels imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Indipendenza tal-Bord tas-Superviżuri

1.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   Il-Membri tal-Bord tas-Superviżuri, il-President kif ukoll ir-rappreżentanti mingħajr vot u l-osservaturi li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri għandhom, qabel tali laqgħat, jiddikjaraw b’mod preċiż u komplet in-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe punt fuq l-aġenda, u għandhom jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni u fil-votazzjoni ta’ tali punti.

4.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jistabbilixxi, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, l-arranġamenti prattiċi għar-regola dwar id-dikjarazzjoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 3 u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess.”;

(34)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità u għandu jkun inkarigat mit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitlu II. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità, u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II abbażi ta’ proposta mill-kumitat intern jew panel rilevanti, il-President, jew mill-Bord Maniġerjali, kif applikabbli.”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 jitħassru;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Maniġerjali, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, u għandu jgħaddi dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq il-President u d-Direttur Eżekuttiv. Jista’ jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga skont l-Artikolu 51(5).”;

(35)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 43a

Trasparenza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tas-Superviżuri

Minkejja l-Artikolu 70, fi żmien sitt ġimgħat minn kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri, l-Awtorità għandha, tal-anqas, tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’rekord komprensiv u sinifikanti tal-proċedimenti ta’ dik il-laqgħa li jippermetti fehim sħiħ tad-diskussjonijiet, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. Tali rekord ma għandux jirrifletti diskussjonijiet fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri relatati ma’ istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(36)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-Regolament u l-Kapitolu VI ta’ dan ir-Regolament u b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kkwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji.

Il-President ma għandux jivvota dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-panels skont l-Artikolu 41(2), (3) u (4), u l-membri tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 30(2), il-Bord tas-Superviżuri, meta jkunu qed jikkunsidraw il-proposti mill-President, għandhom jirsistu għal konsensus. Fin-nuqqas ta’ konsensus, id-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri votanti tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 18(3) u (4), u b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tiegħu.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fir-rigward tad-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 17, 19 u 30, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvota dwar id-deċiżjonijiet proposti bl-użu ta’ proċedura bil-miktub. Il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandu jkollhom tmint ijiem ta’ xogħol biex jivvotaw. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjoni proposta għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri li joġġezzjonaw. L-astensjonijiet ma għandhomx jingħaddu bħala approvazzjonijiet jew bħala oġġezzjonijiet, u ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-għadd ta’ voti mitfugħa. Jekk tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri joġġezzjonaw għall-proċedura bil-miktub, l-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi diskuss u deċiż mill-Bord tas-Superviżuri skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu għal ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar istituzzjonijiet finanzjarji individwali, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jsejjaħ votazzjoni fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzju għal dik is-setgħa u għall-effettività tal-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità għandu jirsisti għal konsensus fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.”;

(37)

l-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-President u sitt membri tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess.

Minbarra l-President, kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu membru supplenti, li jista’ jissostitwixxih jekk ma jkunx jista’ jattendi.

2.   Il-mandat tal-membri eletti mill-Bord tas-Superviżuri għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Dak il-mandat jista’ jiġi estiż darba. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata bejn is-sessi u proporzjonata u għandha tirrifletti l-Unjoni kollha. Il-mandati għandhom ikunu jikkoinċidu u għandu japplika arranġament xieraq ta’ rotazzjoni.

3.   Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu, u għandhom jitmexxew mill-President. Il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Maniġerjali jqis li hu meħtieġ. Għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet fis-sena.

4.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali jistgħu, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali, ikunu assistiti minn konsulenti jew minn esperti. Il-membri mingħajr vot, bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Maniġerjali relattivament għal istituzzjonijiet finanzjarji individwali.”;

(38)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 45a

Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Maniġerjali għandhom jiġu adottati b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu filwaqt li jirsistu biex jintlaħaq konsensus. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkun membru bi dritt tal-vot.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt li jivvotaw. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jivvota dwar materji msemmija fl-Artikolu 63.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

Artikolu 45b

Gruppi ta’ Koordinazzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti dwar suġġetti definiti li għalihom jista’ jkun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ żviluppi speċifiċi tas-suq. Il-Bord Maniġerjali għandu jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni dwar suġġetti definiti fuq talba ta’ ħames membri tal-Bord tas-Superviżuri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jipparteċipaw fil-gruppi ta’ koordinazzjoni u għandhom jipprovdu, skont l-Artikolu 35, lill-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-gruppi ta’ koordinazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħhom skont il-mandat tagħhom. Il-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti u fuq kwalunkwe konstatazzjoni identifikata mill-Awtorità.

3.   Il-gruppi għandhom ikunu preseduti minn membru tal-Bord Maniġerjali. Kull sena l-membru rispettiv tal-Bord Maniġerjali inkarigat mill-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jirrapporta lill-Bord tas-Superviżuri dwar l-elementi ewlenin tad-diskussjonijiet u l-konstatazzjonijiet u — jekk jitqies rilevanti — jagħmel suġġeriment għal segwitu regolatorju jew reviżjoni bejn il-pari fil-qasam rispettiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità dwar kif qiesu l-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni fl-attivitajiet tagħhom.

4.   Meta timmonitorja l-iżviluppi tas-suq li jistgħu jkunu l-fokus tal-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 35 biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha ta’ monitoraġġ.”;

(39)

l-Artikolu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza tal-Bord Maniġerjali

Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, u kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Maniġerjali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(40)

l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jeżamina, jagħti opinjoni u jagħmel proposti dwar il-materji kollha ħlief għall-kompiti stabbiliti fl-Artikolu 30.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Bord Maniġerjali għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, lill-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5), b’kont debitament meħud ta’ proposta mill-Bord tas-Superviżuri.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha li jsiru u l-ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(41)

l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri, inkluż l-istabbiliment tal-aġenda li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri, jorganizza l-laqgħat u jressaq punti għal deċiżjoni u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri.

Il-President għandu jkun responsabbli biex jistabbilixxi l-aġenda tal-Bord Maniġerjali, li għandha tiġi adottata mill-Bord Maniġerjali u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali.

Il-President jista’ jistieden lill-Bord Maniġerjali biex jikkunsidra li jistabbilixxi grupp ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-istituzzjonijiet u s-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura tal-għażla miftuħa li għandha tirrispetta l-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi u li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jfassal lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni ta’ President, bl-assistenza tal-Kummissjoni. Abbażi tal-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar lill-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew.

Fejn il-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeleġġi wkoll, minn fost il-membri tiegħu, Viċi-President li għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fl-assenza tal-President. Dak il-Viċi-President m’għandux jiġi elett minn fost il-membri tal-Bord Maniġerjali.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini tal-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kompiti tal-President għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord tas-Superviżuri u bl-assistenza tal-Kummissjoni u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-President jista’ jitneħħa mill-kariga biss għal raġunijiet serji. Jista’ jitneħħa biss mill-Parlament Ewropew wara deċiżjoni tal-Kunsill, adottata wara li jiġi kkonsultat il-Bord tas-Superviżuri.”;

(42)

l-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Indipendenza tal-President”;

(b)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew mingħand xi entità pubblika jew privata oħra.”;

(43)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 49a

Spejjeż

Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha li jsiru mal-partijiet interessati esterni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(44)

l-Artikolu 50 jitħassar;

(45)

l-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jservi bħala forum li fih l-Awtorità għandha tikkoopera regolarment u mill-qrib biex tiżgura konsistenza transsettorjali, filwaqt li tqis speċifiċitajiet settorjali, mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq), b’mod partikolari fir-rigward ta’:”;

(ii)

l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

konglomerati finanzjarji u, fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, konsolidazzjoni prudenzjali; ”;

(iii)

il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

ċibersigurtà;”;

(iv)

is-sitt inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki mal-BERS u mal-ASE l-oħrajn;”;

(v)

jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;

parir mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 1(7).”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej

“2a.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi biex tkun żgurata interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati skont ir-rapport imsemmi fl-Artikolu 32a(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif ukoll fl-interkonnessjoni effettiva tar-reġistri nazzjonali taħt dik id-Direttiva.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu persunal apposta pprovdut mill-ASE li għandu jaqdi d-dmirijiet ta’ segretarjat permanenti. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi riżorsi adegwati għal spejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.”;

(46)

l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jinħatar fuq bażi ta’ rotazzjoni annwali minn fost il-Presidenti tal-ASE. Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jkun it-tieni Viċi President tal-BERS.”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba kull tliet xhur.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-President tal-Awtorità għandu jinforma regolarment lill-Bord tas-Superviżuri dwar il-pożizzjonijiet meħuda fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.”;

(47)

l-Artikoli 56 u 57 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 56

Pożizzjonijiet konġunti u atti komuni

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti tagħha stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, fejn rilevanti, l-Awtorità għandha tasal għal pożizzjonijiet konġunti b’konsensus ma’, kif adatt, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

Fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, il-miżuri taħt l-Artikoli 10 sa 16 u d-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 17, 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE u ta’ kwalunkwe att leġislattiv ieħor imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament li jaqa’ wkoll fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) jew tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) għandhom jiġu adottati, b’mod parallel, minn, kif adatt, l-Awtorità, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq).

Artikolu 57

Sottokumitati

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi sottokumitati għall-finijiet tat-tħejjija tal-abbozzi ta’ pożizzjonijiet konġunti u ta’ atti komuni għall-Kumitat Konġunt.

2.   Kull sottokumitat għandu jkun magħmul mill-individwi msemmija fl-Artikolu 55(1), u minn rappreżentant wieħed ta’ livell għoli mill-persunal attwali tal-awtorità kompetenti rilevanti minn kull Stat Membru.

3.   Kull sottokumitat għandu jeleġġi President minn fost ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, li għandu jkun ukoll osservatur fil-Kumitat Konġunt.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 56, għandu jiġi stabbilit sottokumitat dwar il-konglomerati finanzjarji għall-Kumitat Konġunt.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jippubblika fis-sit web tiegħu s-Sottokumitati stabbiliti kollha, inklużi l-mandati tagħhom u lista tal-membri tagħhom bil-funzjonijiet rispettivi tagħhom fis-sottokumitat.”;

(48)

l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huwa b’dan stabbilit.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt membri supplenti, li għandhom ikunu individwi ta’ reputazzjoni tajba b’rekord ippruvat ta’ għarfien rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u li jkollhom esperjenza professjonali internazzjonali, fuq livell għoli biżżejjed fl-oqsma bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tas-swieq tat-titoli jew servizzi finanzjarji oħrajn, għajr il-persunal attwali tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet jew korpi nazzjonali jew tal-Unjoni oħrajn involuti fl-attivitajiet tal-Awtorità u membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol. Il-membri u s-supplenti għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru u għandu jkollhom għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-Bord tal-Appell għandu jkollu biżżejjed għarfien espert legali fil-qasam ġuridiku biex jagħti konsulenza esperta legali dwar il-legalità, inkluża l-proporzjonalità, tal-eżerċizzju mill-Awtorità tas-setgħat tagħha”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal turija ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Wara li jirċievi l-lista mqassra, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-kandidati għall-membri u l-membri supplenti jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-membri tal-Bord tal-Appell biex jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu kull meta mitluba, bl-esklużjoni ta’ dikjarazzjonijiet, mistoqsijiet jew tweġibiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ każijiet individwali deċiżi minn, jew pendenti quddiem, il-Bord tal-Appell.”;

(49)

fl-Artikolu 59, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell, u l-persunal tal-Awtorità li jipprovdi appoġġ operazzjonali u segretarjali, m’għandhom jieħdu sehem f’ebda proċedimenti ta’ appell li fihom ikollhom xi interess personali, jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ waħda mill-partijiet fil-proċedura, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.”;

(50)

fl-Artikolu 60, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-appell, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Awtorità fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, mill-jum li fih l-Awtorità tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien tliet xhur minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat.”;

(51)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

Kompetenza maqbuża mill-Awtorità

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tibgħat parir motivat lill-Kummissjoni jekk dik il-persuna tkun tal-opinjoni li l-Awtorità tkun qabżet il-kompetenza tagħha, inkluż billi tkun naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 1(5), meta taġixxi taħt l-Artikoli 16 u 16b, u dak ikun jikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna.”;

(52)

fl-Artikolu 62, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Id-dħul tal-Awtorità, korp Ewropew skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*34) (ir-‘Regolament Finanzjarju’), għandu jikkonsisti, b’mod partikolari, fi kwalunkwe taħlita minn dawn li ġejjin:

(*34)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e)

tariffi miftiehma għal pubblikazzjonijiet, taħriġ jew kwalunkwe servizz ieħor provdut mill-Awtorità fejn dawn ġew mitluba speċifikament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar.”;

(c)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ebda kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ma għandha tiġi aċċettata jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li jikkostitwixxu kumpens għall-ispiża tal-kompiti delegati minn awtorità kompetenti lill-Awtorità ma għandhomx jitqiesu bħala li jqajmu dubju dwar l-indipendenza ta’ din tal-aħħar.”;

(53)

l-Artikoli 63, 64 u 65 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju ta’ dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u multiannwali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Maniġerjali u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

2.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu, abbażi tal-abbozz li jkun ġie approvat mill-Bord Maniġerjali, jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti.

3.   Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Maniġerjali lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea sal-31 ta’ Jannar.

4.   B’kont meħud tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ bilanċ li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta’ bilanċ lill-Awtorità.

6.   Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Għandu jsir finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jkun aġġustat skont il-każ.

7.   Il-Bord Maniġerjali għandu, mingħajr telf ta’ żmien, jinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam ma’ proprjetà, bħall-kiri jew xiri ta’ bini.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 266 u 267 tar-Regolament Finanzjarju għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għal kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji jew implikazzjonijiet fit-tul sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tal-Awtorità, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini, inklużi klawżoli ta’ waqfien.

Artikolu 64

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit annwali tal-Awtorità.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. L-Artikolu 70 m’għandux jipprekludi lill-Awtorità milli tipprovdi lill-Qorti tal-Awdituri kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Awdituri li tkun fil-kompetenza tagħha.

3.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

5.   Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawk il-kontijiet.

6.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, ill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-15 ta’ Ġunju kull sena, pakkett ta’ rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru u għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali u lill-Kummissjoni.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u hekk kif previst fl-Artikolu 261(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

10.   Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

11.   L-Awtorità għandha tipprovdi opinjoni motivata dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u dwar kwalunkwe osservazzjoni oħra magħmula mill-Parlament Ewropew mogħtija fil-proċedura ta’ kwittanza.

Artikolu 65

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (*35) sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

(*35)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).”;"

(54)

fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*36) għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

(*36)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;"

(55)

l-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri, u l-membri kollha tal-persunal tal-Awtorità, inklużi uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-obbligu taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Bord Maniġerjali, u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Maniġerjali u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi 1 u 2.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali, u tal-Bord tas-Superviżuri u li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(d)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għall-istituzzjonijiet finanzjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli proċedurali interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (*37).

(*37)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).”;"

(56)

l-Artikolu 71 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 71

Protezzjoni tad-data

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar minnhom ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jew għall-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar minnha ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*38) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.

(*38)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(57)

fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”;

(58)

fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li għandha tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom isiru disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru li huma jkunu kkonkludu wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali.”;

(59)

l-Artikolu 76 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Relazzjoni mal-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-Kumitat tas-Sorveljanti tal-Assigurazzjonijiet u tal-Pensjonijiet tax-Xogħol Ewropej (CEIOPS). Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tas-CEIOPS għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Is-CEIOPS għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu fid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mis-CEIOPS u mill-Kummissjoni.”;

(60)

l-Artikolu 81 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:”;

(ii)

fil-punt (a), is-sentenza introduttorja u l-punt (i) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-effettività u l-konverġenza fil-prattiki superviżorji miksuba mill-awtoritajiet kompetenti:

(i)

l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti u l-konverġenza fl-istandards ekwivalenti għall-governanza korporattiva;”;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tagħmel valutazzjoni komprensiva tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9a.”.

Artikolu 3

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 1095/2010

Ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 huwa emendat kif ġej:

(1)

l-Artikolu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-limiti tas-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament u fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttivi 97/9/KE, 98/26/KE, 2001/34/KE, 2002/47/KE, 2004/109/KE, 2009/65/KE, id-Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*39), ir-Regolament (KE) Nru 1060/2009 u d-Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*40), Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*41), u sa fejn dawk l-atti japplikaw għal ditti li jipprovdu servizzi ta’ investiment jew għal impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet jew l-ishma tagħhom u l-awtoritajiet kompetenti li jissorveljawhom, fil-limiti tal-partijiet rilevanti tad-Direttivi 2002/87/KE u 2002/65/KE, inklużi d-direttivi, ir-regolamenti u d-deċiżjonijiet kollha bbażati fuq dawk l-atti, u ta’ kwalunkwe att, legalment vinkolanti, ieħor tal-Unjoni li jikkonferixxi kompiti lill-Awtorità.

L-Awtorità għandha tikkontribwixxi għall-ħidma tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) stabbilita permezz tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*42) relatata mal-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu f’konformità mad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*43) u r-Regolament (UE) Nru 1093/2010. L-Awtorità għandha tiddeċiedi fuq il-qbil tagħha f’konformità mal-Artikolu 9a(9) tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010.

3.   L-Awtorità għandha taġixxi fil-qasam tal-attivitajiet tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fir-rigward ta’ kwistjonijiet li mhumiex koperti direttament mill-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2, inklużi kwistjonijiet ta’ governanza korporattiva, verifika u rappurtar finanzjarju, filwaqt li tqis il-mudelli ta’ negozju sostenibbli u l-integrazzjoni ta’ fatturi relatati ambjentali, soċjali u ta’ governanza, sakemm tali azzjonijiet jkunu meħtieġa biex tiġi żgurata l-applikazzjoni effettiva u konsistenti ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha wkoll tieħu azzjoni adatta fil-kuntest ta’ tentattivi ta’ akkwiżizzjoni, kwistjonijiet ta’ kklerjar u ħlas u derivattivi.

(*39)  Direttiva 2011/61/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2011 dwar Maniġers ta’ Fondi ta’ Investiment Alternattivi u li temenda d-Direttivi 2003/41/KE u 2009/65/KE u r-Regolamenti (KE) Nru 1060/2009 u (UE) Nru 1095/2010 (ĠU L 174, 1.7.2011, p. 1)."

(*40)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349)."

(*41)  Regolament (UE) 2017/1129 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta’ Ġunju 2017 dwar il-prospett li għandu jiġi ppubblikat meta titoli jiġu offruti lill-pubbliku jew jiġu ammessi għall- kummerċ f’suq regolat, u li jħassar id-Direttiva 2003/71/KE (ĠU L 168, 30.6.2017, p. 12)."

(*42)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal- 24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12)."

(*43)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Dan ir-Regolament għandu japplika mingħajr preġudizzju għal atti tal-Unjoni oħrajn li jagħtu l-funzjonijiet ta’ awtorizzazzjoni jew superviżjoni u s-setgħat korrispondenti lill-Awtorità.”;

(c)

il-paragrafu 5 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa emendat kif ġej:

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“5.   L-għan tal-Awtorità għandu jkun li tipproteġi l-interess pubbliku billi tikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-effettività fuq żmien qasir, medju u twil tas-sistema finanzjarja, għall-ekonomija tal-Unjoni, iċ-ċittadini u n-negozji tagħha. L-Awtorità għandha, fi ħdan il-kompetenzi rispettivi tagħha, tikkontribwixxi sabiex:”;

il-punti (e) u (f) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

jiġi żgurat li t-teħid ta’ riskji ta’ investiment u riskji oħrajn ikunu regolati u sorveljati adegwatament;

(f)

tissaħħaħ il-protezzjoni tal-klijenti u tal-investituri;”;

– jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

tittejjeb il-konverġenza superviżorja fis-suq intern kollu.”;

(ii)

it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità għandha tikkontribwixxi sabiex tiżgura l-applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, tkattar il-konverġenza superviżorja, u tipprovdi opinjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16a lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, u lill-Kummissjoni.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Fit-twettiq tal-kompiti tagħha, l-Awtorità għandha taġixxi indipendentement, oġġettivament u b’mod trasparenti u mhux diskriminatorju, fl-interessi tal-Unjoni kollha kemm hi u għandha tirrispetta, kull fejn ikun rilevanti, il-prinċipju tal-proporzjonalità. L-Awtorità għandha tagħti rendikont u taġixxi b’integrità u għandha tiżgura li l-partijiet interessati kollha jiġu trattati b’mod ġust.”;

(iv)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Il-kontenut u l-forma tal-azzjonijiet u tal-miżuri tal-Awtorità, b’mod partikolari l-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet, l-opinjonijiet, il-mistoqsijiet u t-tweġibiet, l-abbozzi ta’ standards regolatorji u l-abbozzi ta’ standards ta’ implimentazzjoni, għandhom jirrispettaw b’mod sħiħ id-dispożizzjonijiet applikabbli ta’ dan ir-Regolament u tal-atti leġislattivi msemmija fil-paragrafu 2. Sa fejn huwa permess u rilevanti taħt dawk id-dispożizzjonijiet, l-azzjonijiet u l-miżuri tal-Awtorità għandhom, f’konformità mal-prinċipju ta’ proporzjonalità, iqisu kif dovut in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji inerenti għan-negozju ta’ parteċipant fis-swieq finanzjarji, impriża, suġġett ieħor jew attività finanzjarja oħra, li jkunu milquta mill-azzjonijiet u mill-miżuri tal-Awtorità.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali minnha, kumitat li jkun ta’ konsulenza għaliha dwar kif, f’konformitàsħiħa mar-regoli applikabbli, ikun jenħtieġ li l-azzjonijiet u l-miżuri tagħha jqisu d-differenzi speċifiċi prevalenti fis-settur, li jirrigwardaw in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-mudelli u l-prattika ta’ negozju kif ukoll id-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq sa fejn tali fatturi jkunu rilevanti taħt ir-regoli kkunsidrati.”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tkun parti minn sistema Ewropea ta’ superviżjoni finanzjarja (SESF). L-għan ewlieni tas-SESF għandu jkun li tiżgura li r-regoli applikabbli għas-settur finanzjarju jiġu implimentati adegwatament sabiex tiġi ppreservata l-istabbiltà finanzjarja u jkunu żgurati l-fiduċja fis-sistema finanzjarja kollha kemm hi u l-protezzjoni effettiva u suffiċjenti għall-klijenti ta’ servizzi finanzjarji.”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   F’konformità mal-prinċipju ta’ kooperazzjoni leali skont l-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), il-partijiet għas-SESF għandhom jikkooperaw b’fiduċja u rispett reċiproku sħiħ, b’mod partikolari sabiex jiżguraw il-fluss ta’ informazzjoni adegwata u affidabbli bejniethom u mingħand l-Awtorità lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.”;

(c)

fil-paragrafu 5, jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi nazzjonali, ir-referenzi f’dan ir-Regolament għal superviżjoni għandhom jinkludu l-attivitajiet rilevanti kollha tal-awtoritajiet kompetenti kollha li jridu jitwettqu skont l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(3)

l-Artikolu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 3

Responsabbiltà tal-Awtoritajiet

1.   L-Awtoritajiet imsemmija fil-punti (a) sa (d) tal-Artikolu 2(2) għandhom ikunu responsabbli lejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill.

2.   F’konformità mal-Artikolu 226 TFUE, l-Awtorità għandha tikkoopera bis-sħiħ mal-Parlament Ewropew matul kwalunkwe investigazzjoni mwettqa taħt dak l-Artikolu.

3.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tad-dmirijiet tal-President, u għandu jibgħat, sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena, dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.

4.   Fuq talba tal-Parlament Ewropew, il-President għandu jipparteċipa f’seduta ta’ smigħ quddiem il-Parlament Ewropew dwar il-prestazzjoni tal-Awtorità. Għandha ssir seduta tal-inqas annwalment. Il-President għandu jagħmel dikjarazzjoni quddiem il-Parlament Ewropew u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu, kull meta jintalab jagħmel dan.

5.   Il-President għandu jippreżenta rapport bil-miktub dwar l-attivitajiet tal-Awtorità lill-Parlament Ewropew meta jintalab jagħmel dan u mill-inqas 15-il jum qabel jagħmel id-dikjarazzjoni msemmija fil-paragrafu 4.

6.   Minbarra l-informazzjoni msemmija fl-Artikoli 11 sa 18 u l-Artikoli 20 u 33, ir-rapport għandu jinkludi wkoll kwalunkwe informazzjoni rilevanti mitluba mill-Parlament Ewropew fuq bażi ad hoc.

7.   L-Awtorità għandha twieġeb bil-fomm jew bil-miktub għal kwalunkwe mistoqsija indirizzata lilha mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien ħames ġimgħat minn meta tasal il-mistoqsija.

8.   Fuq talba, il-President għandu jagħmel diskussjonijiet kunfidenzjali bil-fomm fil-magħluq mal-President, mal-Viċi Presidenti u mal-Koordinaturi tal-kumitat kompetenti tal-Parlament Ewropew. Il-parteċipanti kollha għandhom jirrispettaw ir-rekwiżiti tas-segretezza professjonali.

9.   Mingħajr preġudizzju għall-obbligi ta’ kunfidenzjalità tiegħu li jirriżultaw mill-parteċipazzjoni f’fora internazzjonali, l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, meta tintalab tagħmel dan, dwar il-kontribut tagħha għal rappreżentanza magħquda, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni f’tali fora internazzjonali.”;

(4)

fil-punt (3) tal-Artikolu 4, il-punt (ii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(ii)

fir-rigward tad-Direttiva 2002/65/KE, l-awtoritajiet u korpi kompetenti biex tiġi żgurata l-konformità mar-rekwiżiti ta’ dik id-Direttiva minn ditti li jipprovdu servizzi ta’ investiment u impriżi ta’ investiment kollettiv li jikkummerċjalizzaw l-unitajiet jew l-ishma tagħhom;”;

(5)

fl-Artikolu 7, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“Il-post tas-sede tal-Awtorità ma għandux jaffettwa l-eżekuzzjoni mill-Awtorità tal-kompiti u s-setgħat tagħha, l-organizzazzjoni tal-istruttura ta’ governanza tagħha, l-operat tal-organizzazzjoni prinċipali tagħha, jew il-finanzjament prinċipali tal-attivitajiet tagħha, filwaqt li jippermetti, fejn ikun applikabbli, il-kondiviżjoni ma’ aġenziji tal-Unjoni ta’ servizzi ta’ appoġġ amministrattiv u ta’ ġestjoni tal-faċilitajiet li ma jkunux relatati mal-attivitajiet ewlenin tal-Awtorità.”;

(6)

l-Artikolu 8 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

abbażi tal-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ standards u prattiki regolatorji u superviżorji komuni ta’ kwalità għolja, b’mod partikolari billi tiżviluppa abbozzi ta’ standards regolatorji u ta’ implimentazzjoni, linji gwida, rakkomandazzjonijiet, u miżuri oħra, inklużi opinjonijiet;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

li tiżviluppa u żżomm aġġornat manwal ta’ superviżjoni tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fl-Unjoni li għandu jistipula l-aħjar prattiki superviżorji u metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja u li jqis, fost l-oħrajn, il-prattiki kummerċjali u l-mudelli kummerċjali li qegħdin jinbidlu u d-daqs tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq;”;

(iii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tikkontribwixxi għall-applikazzjoni konsistenti tal-atti tal-Unjoni legalment vinkolanti, b’mod partikolari billi tikkontribwixxi lejn kultura superviżorja komuni, tiżgura applikazzjoni konsistenti, effiċjenti u effikaċi tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), timpedixxi l-arbitraġġ regolatorju, trawwem l-indipendenza superviżorja u twettaq monitoraġġ tagħha, timmedja u ssolvi nuqqasijiet ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti, tiżgura s-superviżjoni effikaċi u konsistenti tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, tiżgura funzjonament koerenti tal-kulleġġi tas-superviżuri u tieħu azzjonijiet, inter alia, f’sitwazzjonijiet ta’ emerġenza;”;

(iv)

il-punti (e) sa (h) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(e)

li torganizza u twettaq reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti u, f’dak il-kuntest, li toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet u li tidentifika l-aħjar prattiki, bl-għan li tissaħħaħ il-konsistenza fl-eżiti superviżorji;

(f)

li timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi tas-suq fil-qasam tal-kompetenzi tagħha, inklużi, fejn rilevanti, l-iżviluppi relatati max-xejriet fis-servizzi finanzjarji innovattivi filwaqt li tikkunsidra kif dovut l-iżviluppi relatati ma’ fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza;

(g)

li tagħmel analiżijiet tas-suq biex tinforma l-proċedura ta’ kwittanza għall-funzjonijiet tal-Awtorità;

(h)

li trawwem, fejn ikun rilevanti, il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri, b’mod partikolari fir-rigward tan-nuqqasijiet f’kuntest transfruntier u b’kunsiderazzjoni tar-riskji relatati;”;

(v)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ia)

li tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ strateġija komuni tal-Unjoni dwar data finanzjarja;”;

(vi)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ka)

li tippubblika fil-website tagħha, u li taġġorna b’mod regolari, l-istandards tekniċi regolatorji, l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida, ir-rakkomandazzjonijiet u l-mistoqsijiet u tweġibiet kollha għal kull att leġiżlattiv imsemmi fl-Artikolu 1(2), inklużi ħarsiet ġenerali li jikkonċernaw is-sitwazzjoni attwali tal-ħidma li tkun għaddejja u l-iskeda ta’ żmien ippjanata għall-adozzjoni ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni.”;

(vii)

il-punt (l) jitħassar;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Meta tkun qed twettaq il-kompiti tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament, l-Awtorità għandha:

(a)

tuża s-setgħat sħaħ disponibbli għaliha;

(b)

filwaqt li jitqies kif dovut l-objettiv li jiġu żgurati s-sigurtà u solidità tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, tikkunsidra b’mod sħiħ it-tipi differenti, il-mudelli differenti ta’ negozju u d-daqsijiet differenti tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji; u

(c)

tikkunsidra l-innovazzjoni teknoloġika, il-mudelli ta’ negozju innovattivi u sostenibbli, u l-integrazzjoni ta’ fatturi ambjentali, soċjali u dawk relatati mal-governanza.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ca)

toħroġ rakkomandazzjonijiet kif stipulat fl-Artikolu 29a;”;

“(da)

toħroġ avviżi f’konformità mal-Artikolu 9(3);”;

(ii)

il-punt (g) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(g)

toħroġ opinjonijiet għall-Parlament Ewropew, għall-Kunsill, jew għall-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 16a;”;

(iii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(ga)

toħroġ tweġibiet għal mistoqsijiet, kif stipulat fl-Artikolu 16b;

(gb)

tieħu azzjoni f’konformità mal-Artikolu 9a;”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Fit-twettiq tal-kompiti msemmija fil-paragrafu 1 u fl-eżerċizzju tas-setgħat imsemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha taġixxi abbażi, u fil-limiti, tal-qafas leġislattiv u għandha tikkunsidra debitament il-prinċipju ta’ proporzjonalità, fejn ikun rilevanti, u regolamentazzjoni aħjar, inklużi r-riżultati ta’ analiżijiet tal-ispejjeż u l-benefiċċji f’konformità ma’ dan ir-Regolament.

Il-konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa msemmija fl-Artikoli 10, 15, 16 u 16a għandhom isiru bl-aktar mod wiesa’ possibbli sabiex jiġi żgurat approċċ inklużiv lejn il-partijiet interessati kollha u għandhom jippermettu żmien raġonevoli sabiex il-partijiet interessati jwieġbu. L-Awtorità għandha tippubblika sommarju tar-rispons li jaslilha mingħand il-partijiet interessati u ħarsa ġenerali lejn kif l-informazzjoni u l-opinjonijiet miġbura mill-konsultazzjonijiet intużaw f’abbozz ta’ standard tekniku regolatorju u f’abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni.”;

(7)

l-Artikolu 9 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-ġbir, l-analiżi u r-rappurtar dwar tendenzi tal-konsumaturi, bħall-iżvilupp tal-ispejjeż u l-imposti ta’ servizzi u prodotti finanzjarji fil-livell tal-konsumaturi fl-Istati Membri;”;

(ii)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

it-twettiq ta’ rieżamijiet tematiċi fil-fond tal-imġiba tas-suq, u l-bini ta’ fehim komuni tal-prattiki tas-swieq sabiex jiġu identifikati l-problemi potenzjali u jiġi analizzat l-impatt tagħhom;

(ab)

l-iżvilupp ta’ indikaturi tar-riskju fil-livell tal-konsumaturi għall-identifikazzjoni f’waqtha tal-kawżi potenzjali ta’ detriment għall-konsumaturi u għall-investituri;”;

(iii)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(e)

il-kontribuzzjoni għal kondizzjonijiet ekwivalenti ta’ kompetizzjoni fis-suq intern fejn il-konsumaturi u utenti oħra ta’ servizzi finanzjarji jkollhom aċċess ġust għas-servizzi u l-prodotti finanzjarji;

(f)

il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet ta’ xiri bil-moħbi ta’ awtoritajiet kompetenti, jekk dan ikun applikabbli.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tissorvelja l-attivitajiet finanzjarji ġodda u eżistenti u tista’ tadotta linji gwida u rakkomandazzjonijiet bil-għan li tippromwovi s-sikurezza u s-saħħa tas-swieq, u l-konverġenza u l-effettività tal-prattiki regolatorji u superviżorji.”;

(c)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi, bħala parti integrali minnha, Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, li jiġbor flimkien l-awtoritajiet kompetenti rilevanti kollha u l-awtoritajiet responsabbli għall-protezzjoni tal-konsumatur bil-għan li tittejjeb il-protezzjoni tal-konsumatur, jinkiseb approċċ ikkoordinat għat-trattament regolatorju u superviżorju ta’ attivitajiet finanzjarji ġodda jew innovattivi, u jingħataw pariri biex l-Awtorità tippreżentahom lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tikkoopera mill-qrib mal-Bord Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data stabbilit permezz tar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*44) biex tevita d-duplikazzjoni, l-inkonsistenzi u l-inċertezza legali fil-qasam tal-protezzjoni tad-data. L-Awtorità tista’ tistieden ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tal-protezzjoni tad-data bħala osservaturi fil-Kumitat.

5.   L-Awtorità tista’, b’mod temporanju, tipprojbixxi jew tirrestrinġi l-kummerċjalizzazzjoni, id-distribuzzjoni jew il-bejgħ ta’ ċerti tipi ta’ prodotti, strumenti jew attivitajiet finanzjarji li għandhom il-potenzjal li jikkawżaw dannu finanzjarju sinifikanti għall-klijenti jew konsumaturi, jew li jkunu ta’ theddida għall-funzjonament tajjeb u għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabilità tas-sistema finanzjarja kollha jew ta’ parti minnha fl-Unjoni fil-każijiet speċifikati u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), jew, jekk ikun meħtieġ, f’każ ta’ sitwazzjoni ta’ emerġenza konformement mal-Artikolu 18 u taħt il-kondizzjonijiet stabbiliti fih.

L-Awtorità għandha tirrevedi d-deċiżjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’intervalli adatti u mill-inqas kull sitt xhur. Wara mill-inqas żewġ tiġdidiet konsekuttivi u abbażi ta’ analiżi xierqa li għandha l-għan li tivvaluta l-impatt fuq il-klijent jew il-konsumatur, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi fuq it-tiġdid annwali tal-projbizzjoni.

Stat Membru jista’ jitlob lill-Awtorità biex terġa’ tikkunsidra d-deċiżjoni tagħha. F’dak il-każ, l-Awtorità għandha tiddeċiedi, f’konformità mal-proċedura stabbilita fit-tieni subparagrafu tal-Artikolu 44(1), jekk iżżommx tali deċiżjoni.

L-Awtorità tista’ wkoll tivvaluta l-ħtieġa li tipprojbixxi jew tirrestrinġi ċerti tipi ta’ attività jew prattika finanzjarja u, fejn ikun hemm tali bżonn, tinforma lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti sabiex tiffaċilita l-adozzjoni ta’ kwalunkwe tali projbizzjoni jew restrizzjoni.

(*44)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1).”;"

(8)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 9a

Ittri biex ma titteħidx azzjoni

1.   L-Awtorità għandha tieħu l-miżuri msemmija fil-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu f’ċirkustanzi eċċezzjonali biss meta tikkunsidra li l-applikazzjoni ta’ wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew ta’ kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi, probabbilment tqajjem kwistjonijiet sinifikanti, għal waħda minn dawn ir-raġunijiet:

(a)

l-Awtorità tikkunsidra li d-dispożizzjonijiet li jinsabu f’tali att jistgħu jkunu f’kunflitt dirett ma’ att ieħor rilevanti;

(b)

fejn l-att ikun wieħed mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), in-nuqqas ta’ atti delegati jew ta’ implimentazzjoni li jikkomplementaw jew jispeċifikaw l-att inkwistjoni jqajjem dubji leġittimi rigward il-konsegwenzi legali li jirriżultaw mill-att leġislattiv jew mill-applikazzjoni proprja tiegħu;

(c)

in-nuqqas ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet kif imsemmi fl-Artikolu 16 iqajjem diffikultajiet prattiċi rigward l-applikazzjoni tal-att leġislattiv rilevanti.

2.   Fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni.

Fil-każijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-paragrafu 1, l-Awtorità għandha tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza li, skont l-Awtorità, tkun marbuta mal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.

Fil-każ imsemmi fil-punt (c) tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tevalwa mill-aktar fis possibbli l-ħtieġa li tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet rilevanti f’konformità mal-Artikolu 16.

L-Awtorità għandha taġixxi bil-ħeffa, partikolarment bil-ħsieb li tikkontribwixxi għall-prevenzjoni tal-kwistjonijiet kif imsemmi fil-paragrafu 1, kull meta jkun possibbli.

3.   Fejn meħtieġ fil-każijiet imsemmija fil-paragrafu 1, u sa meta jiġu adottati u applikati miżuri ġodda wara l-passi msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità għandha toħroġ opinjonijiet rigward dispożizzjonijiet speċifiċi tal-atti msemmija fil-paragrafu 1 bil-ħsieb li jkomplu jiġu segwiti prattiki superviżorji u ta’ infurzar li jkunu konsistenti, effiċjenti u effettivi, u l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni.

4.   Fejn, abbażi tal-informazzjoni riċevuta, partikolarment mill-awtoritajiet kompetenti, l-Awtorità tikkunsidra li kwalunkwe mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew kwalunkwe att delegat jew ta’ implimentazzjoni bbażat fuq dawk l-atti leġislattivi jqajmu kwistjonijiet eċċezzjonali sinifikanti li jappartjenu għall-fiduċja tas-suq, il-protezzjoni tal-klijenti jew tal-investituri, il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew tas-swieq tal-komoditajiet, jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha, jew ta’ parti minnha, fl-Unjoni, hija għandha mingħajr dewmien bla bżonn tibgħat rendikont dettaljat bil-miktub lill-awtoritajiet kompetenti u lill-Kummissjoni tal-kwistjonijiet li hija tqis li jeżistu. L-Awtorità tista’ tipprovdi lill-Kummissjoni b’opinjoni dwar kwalunkwe azzjoni li hija tqis xierqa, fil-forma ta’ proposta leġislattiva ġdida jew ta’ proposta għal att ġdid, delegat jew ta’ implimentazzjoni, u dwar l-urġenza tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha tagħmel l-opinjoni tagħha pubblika.”;

(9)

l-Artikolu 10 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jiddelegaw is-setgħa lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi regolatorji permezz ta’ atti delegati skont l-Artikolu 290 TFUE sabiex tiżgura l-armonizzazzjoni konsistenti fl-oqsma speċifikament stipulati fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji. L-Awtorità għandha tissottometti l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(ii)

it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Qabel ma tippreżentahom lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37.”;

(iii)

ir-raba’ subparagrafu jitħassar;

(iv)

il-ħames u s-sitt subparagrafi huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku regolatorju, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu meta l-adozzjoni ma tistax isseħħ fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta abbozz ta’ standard tekniku regolatorju parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku regolatorju jew li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibgħat l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju lura lill-Awtorità, fejn tispjega għalfejn hija ma tadottahx, jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Fi żmien perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku regolatorju fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.”;

(c)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi regolatorji kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37.”;

(d)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   ‘L-istandards tekniċi regolatorji għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku regolatorju’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.’;

(10)

fl-Artikolu 13(1), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(11)

l-Artikolu 15 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘1.   Fejn il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jikkonferixxu setgħat ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni biex tadotta standards tekniċi ta’ implimentazzjoni permezz ta’ atti ta’ implimentazzjoni skont l-Artikolu 291 TFUE, fl-oqsma speċifikament stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmijin fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni. L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom ikunu tekniċi, ma għandhomx jinvolvu deċiżjonijiet strateġiċi jew għażliet ta’ politika u l-kontenut tagħhom għandu jkun li jiddetermina l-kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni ta’ dawk l-atti. L-Awtorità għandha tippreżenta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni tagħha lill-Kummissjoni għall-adozzjoni. Fl-istess ħin, l-Awtorità għandha tgħaddi dawk l-istandards tekniċi għall-informazzjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Qabel ma tippreżenta l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni lill-Kummissjoni, l-Awtorità għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji relatati potenzjali, sakemm dawk il-konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux ferm sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. L-Awtorità għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37.

Fi żmien tliet xhur minn meta tirċievi abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni, il-Kummissjoni għandha tiddeċiedi jekk tadottahx. Il-Kummissjoni tista’ testendi dak il-perjodu b’xahar. Il-Kummissjoni għandha tinforma lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill fi żmien debitu fejn ma tkunx tista’ ssir l-adozzjoni fi żmien il-perjodu ta’ tliet xhur. Il-Kummissjoni tista’ tadotta l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni parzjalment biss, jew b’emendi, fejn l-interessi tal-Unjoni jirrikjedu dan.

Fejn il-Kummissjoni jkollha l-intenzjoni li ma tadottax abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni jew ikollha l-intenzjoni li tadottah parzjalment jew b’emendi, hi għandha tibagħtu lura lill-Awtorità fejn tispjega għalfejn hija ma għandhiex l-intenzjoni li tadottah jew fejn tispjega r-raġunijiet għall-emendi tagħha. Il-Kummissjoni għandha tibgħat kopja tal-ittra tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. F’perjodu ta’ sitt ġimgħat, l-Awtorità tista’ temenda l-abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fuq il-bażi tal-emendi proposti mill-Kummissjoni u terġa’ tressqu lill-Kummissjoni fil-forma ta’ opinjoni formali. L-Awtorità għandha tibgħat kopja tal-opinjoni formali tagħha lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill.

Jekk, mal-iskadenza tal-perjodu ta’ sitt ġimgħat imsemmi fir-raba’ subparagrafu, l-Awtorità ma tkunx ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni emendat, jew tkun ippreżentat abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni li ma jkunx emendat b’mod konsistenti mal-emendi proposti mill-Kummissjoni, il-Kummissjoni tista’ tadotta l-istandard bl-emendi li tikkunsidra li jkunu rilevanti jew tirrifjutah.

Il-Kummissjoni ma għandhiex tbiddel il-kontenut ta’ abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni mħejji mill-Awtorità mingħajr ma tikkoordina minn qabel mal-Awtorità, kif stipulat f’dan l-Artikolu.

2.   Fejn l-Awtorità ma tkunx ressqet abbozz ta’ standard tekniku ta’ implimentazzjoni fil-limitu ta’ żmien stipulat fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), il-Kummissjoni tista’ titlob tali abbozz f’limitu ta’ żmien ġdid. L-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, fi żmien debitu, li hija mhijiex se tikkonforma mal-limitu ġdid ta’ żmien.’;

(b)

fil-paragrafu 3, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘Il-Kummissjoni għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni u tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati, sakemm tali konsultazzjonijiet u analiżijiet ma jkunux sproporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni u l-impatt tal-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni kkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Il-Kummissjoni għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37.’;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   L-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni għandhom jiġu adottati permezz ta’ regolamenti jew deċiżjonijiet. Il-kliem ‘standard tekniku ta’ implimentazzjoni’ għandu jidher fit-titolu ta’ tali regolamenti jew deċiżjonijiet. Dawk l-istandards għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u għandhom jidħlu fis-seħħ fid-data msemmija fihom.’;

(12)

l-Artikolu 16 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘1.   L-Awtorità, sabiex tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effikaċi fi ħdan is-SESF, u biex tiżgura l-applikazzjoni komuni, uniformi u konsistenti tal-liġi tal-Unjoni, għandha toħroġ linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti kollha jew il-parteċipanti kollha fis-swieq finanzjarji u toħroġ rakkomandazzjonijiet għal awtorità kompetenti waħda jew aktar jew għal parteċipanti wieħed jew aktar fis-suq finanzjarju.

Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet għandhom ikunu skont l-għotjiet ta’ setgħa mill-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jew f’dan l-Artikolu.

2.   L-Awtorità, fejn xieraq, għandha jkollha konsultazzjonijiet pubbliċi rigward il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet li hija toħroġ u għandha tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati mal-ħruġ ta’ dawn il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet. Dawk il-konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-kamp ta’ applikazzjoni, in-natura u l-impatt tal-linji gwida jew tar-rakkomandazzjonijiet. L-Awtorità, meta jkun xieraq, għandha titlob ukoll il-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq imsemmi fl-Artikolu 37. Fejn l-Awtorità ma twettaqx konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew ma titlobx parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq, l-Awtorità għandha tagħti raġunijiet għal dan.’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet ma għandhomx sempliċiment jirreferu għal, jew jirriproduċu, elementi tal-atti leġiżlattivi. Qabel ma toħroġ linja gwida jew rakkomandazzjoni ġdida, l-Awtorità għandha l-ewwel tirrevedi l-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet eżistenti, sabiex tevita kwalunkwe duplikazzjoni.’;

(c)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘4.   Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet kollha li jkunu nħarġu.’;

(13)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

‘Artikolu 16a

Opinjonijiet

1.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, jew fuq inizjattiva tagħha stess, tipprovdi opinjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar kull kwistjoni marbuta mal-qasam ta’ kompetenza tagħha.

2.   It-talba msemmija fil-paragrafu 1 tista’ tinkludi konsultazzjoni pubblika jew analiżi teknika.

3.   Fir-rigward tal-valutazzjoni prudenzjali ta’ mergers u akkwiżizzjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni tad-Direttiva 2014/65/UE u li skont dik id-Direttiva jirrikjedu konsultazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti minn żewġ Stati Membri jew aktar, l-Awtorità tista’, fuq talba ta’ waħda mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati, toħroġ u tippubblika opinjoni dwar valutazzjoni prudenzjali, ħlief fir-rigward tal-kriterji stipulati fil-punt (e) tal-Artikolu 13(1) tad-Direttiva 2014/65/UE. L-opinjoni għandha tinħareġ fil-ħin u, fi kwalunkwe każ, qabel it-tmiem tal-perijodu ta’ valutazzjoni skont id-Direttiva 2014/65/UE.

4.   L-Awtorità tista’, fuq talba mill-Parlament Ewropew, mill-Kunsill jew mill-Kummissjoni, tagħti parir tekniku lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fl-oqsma stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 16b

Mistoqsijiet u tweġibiet

1.   Mingħajr preġudizzju għall-paragrafu 5 ta’ dan l-Artikolu, il-mistoqsijiet relatati mal-applikazzjoni prattika jew mal-implimentazzjoni tad-dispożizzjonijiet ta’ atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), atti assoċjati delegati u ta’ implimentazzjoni, u linji gwida u rakkomandazzjonijiet adottati skont dawk l-atti leġiżlattivi, jistgħu jiġu ppreżentati minn kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika, inklużi awtoritajiet kompetenti u istituzzjonijiet u korpi tal-Unjoni, lill-Awtorità bi kwalunkwe lingwa uffiċjali tal-Unjoni.

Qabel ma jippreżentaw mistoqsija lill-Awtorità, il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għandhom jikkunsidraw jekk għandhomx jindirizzaw il-mistoqsija fl-ewwel lok lill-awtorità kompetenti tagħhom.

Qabel ma tippubblika tweġibiet għal mistoqsijiet ammissibbli, l-Awtorità tista’ tfittex kjarifika ulterjuri dwar mistoqsijiet mingħand il-persuna fiżika jew ġuridika msemmija f’dan il-paragrafu.

2.   It-tweġibiet mill-Awtorità għall-mistoqsijiet imsemmija fil-paragrafu 1 m’għandhomx ikunu vinkolanti. It-tweġibiet għandhom isiru disponibbli mill-inqas bil-lingwa li fiha l-mistoqsija tkun saret.

3.   L-Awtorità għandha tistabbilixxi u żżomm għodda bbażata fuq il-web disponibbli fis-sit web tagħha għas-sottomissjoni ta’ mistoqsijiet u l-pubblikazzjoni f’waqtha tal-mistoqsijiet kollha riċevuti kif ukoll it-tweġibiet kollha għall-mistoqsijiet kollha ammissibbli skont il-paragrafu 1, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu ta’ dawk il-persuni jew ma tkunx tinvolvi riskji għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja. L-Awtorità tista’ tirrifjuta mistoqsijiet li mhijiex beħsiebha twieġeb. Il-mistoqsijiet rifjutati għandhom jiġu ppubblikati mill-Awtorità fis-sit web tagħha għal perjodu ta’ xahrejn.

4.   Tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri jistgħu jitolbu lill-Bord tas-Superviżuri biex jiddeċiedi skont l-Artikolu 44 jekk għandhiex tiġi indirizzata l-kwistjoni tal-mistoqsija ammissibbli msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu f’linji gwida skont l-Artikolu 16, jiġix mitlub parir mill-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37, jiġux rieżaminati mistoqsijiet u tweġibiet f’intervalli adegwati, isirux konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa jew jiġux analizzati spejjeż u benefiċċji relatati potenzjali. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-abbozz ta’ mistoqsijiet u tweġibiet ikkonċernati jew fir-rigward tal-urġenza partikolari tal-kwistjoni. Meta jiġi involut il-Grupp tal-Partijiet Interessati rilevanti msemmi fl-Artikolu 37, għandu japplika dmir ta’ kunfidenzjalità.

5.   L-Awtorità għandha tressaq mistoqsijiet li jirrikjedu l-interpretazzjoni tal-liġi tal-Unjoni lill-Kummissjoni. L-Awtorità għandha tippubblika kwalunkwe tweġiba mogħtija mill-Kummissjoni.’;

(14)

l-Artikolu 17 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

‘2.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, il-Kummissjoni, il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq, jew fuq inizjattiva tagħha stess, inkluż meta din ikun ibbażata fuq informazzjoni ssostanzjata tajjeb minn persuni fiżiċi jew ġuridiċi, u wara li tinforma lill-awtorità kompetenti kkonċernata, l-Awtorità għandha tiddeskrivi kif beħsiebha tipproċedi bil-każ u, fejn xieraq, tinvestiga l-ksur jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.’;

(ii)

jiżdiedu s-subparagrafi li ġejjin:

‘Mingħajr preġudizzju għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 35, l-Awtorità tista’, wara li tkun infurmat lill-awtorità kompetenti kkonċernata, tindirizza talba debitament ġustifikata u motivata għall-informazzjoni direttament lil awtoritajiet kompetenti oħrajn, kull meta t-talba għal informazzjoni mingħand l-awtorità kompetenti kkonċernata tkun irriżultat, jew titqies bħala, mhux suffiċjenti biex tinkiseb l-informazzjoni meqjusa neċessarja għall-fini tal-investigazzjoni ta’ ksur allegat jew nuqqas ta’ applikazzjoni allegat tal-liġi tal-Unjoni.

Id-destinatarju ta’ tali talba għandu jipprovdi lill-Awtorità b’informazzjoni ċara, preċiża u kompleta mingħajr dewmien bla bżonn.’;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

‘2a.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat taħt dan ir-Regolament u qabel ma tinħareġ rakkomandazzjoni kif stipulat fil-paragrafu 3, l-Awtorità għandha tidħol f’kuntatt mal-awtorità kompetenti kkonċernata, meta tqis tali kuntatt xieraq biex jiġi riżolt ksur tal-liġi tal-Unjoni, f’tentattiv biex jintlaħaq ftehim dwar azzjonijiet meħtieġa biex l-awtorità kompetenti tikkonforma mal-liġi tal-Unjoni.’;

(c)

il-paragrafi 6 u 7 huma sostitwiti b’dan li ġej:

‘6.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mal-opinjoni formali msemmija fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu fil-perijodu speċifikat fih, u fejn ikun meħtieġ sabiex tirrimedja f’ħin opportun tali nuqqas ta’ konformità sabiex iżżomm jew treġġa’ lura l-kondizzjonijiet newtrali ta’ kompetizzjoni fis-suq jew tiżgura l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-sistema finanzjarja, l-Awtorità tista’, fejn ir-rekwiżiti rilevanti tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament japplikaw direttament għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil parteċipant fis-swieq finanzjarji li tesiġi minnu l-azzjoni meħtieġa kollha sabiex tikkonforma mal-obbligi tagħha taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien ta’ kwalunkwe prattika.’;

Id-deċiżjoni tal-Awtorità għandha tkun konformi mal-opinjoni formali maħruġa mill-Kummissjoni skont il-paragrafu 4.

7.   Id-deċiżjonijiet adottati skont il-paragrafu 6 għandhom jipprevalixxu fuq kwalunkwe deċiżjoni preċedenti adottata mill-awtoritajiet kompetenti dwar l-istess materja.

Meta jieħdu azzjoni b’rabta ma’ kwistjonijiet li jkunu soġġetti għal opinjoni formali skont il-paragrafu 4 jew għal deċiżjoni skont il-paragrafu 6, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jikkonformaw mal-opinjoni formali jew mad-deċiżjoni, skont kif ikun il-każ.”;

(15)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 17a

Protezzjoni tal-persuni li jirrappurtaw

1.   L-Awtorità għandu jkollha fis-seħħ kanali ta’ rappurtar apposta biex tirċievi u tittratta informazzjoni pprovduta minn persuna fiżika jew ġuridika li tirrapporta dwar ksur reali jew potenzjali, abbuż tal-liġi, jew nuqqas ta’ applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni.

2.   Il-persuni fiżiċi jew ġuridiċi li jirrappurtaw permezz ta’ dawk il-kanali għandhom ikunu protetti kontra r-ritaljazzjoni skont id-Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*45), fejn applikabbli.

3.   L-Awtorità għandha tiżgura li l-informazzjoni kollha tista’ tiġi ppreżentata b’mod anonimu jew kunfidenzjali, u b’mod sigur. Fejn l-Awtorità tqis li l-informazzjoni ppreżentata fiha evidenza jew indikazzjonijiet sinifikanti ta’ ksur materjali, hija għandha tagħti feedback lill-persuna li tirrapporta.

(*45)  Direttiva (UE) 2019/1937 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2019 dwar il-protezzjoni ta’ persuni li jirrapportaw dwar ksur tal-liġi tal-Unjoni (ĠU L 305, 26.11.2019, p. 17).”;"

(16)

fl-Artikolu 18, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn il-Kunsill ikun adotta deċiżjoni skont il-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu, u f’ċirkostanzi eċċezzjonali fejn tkun meħtieġa azzjoni kkoordinata mill-awtoritajiet kompetenti bħala reazzjoni għall-iżviluppi negattivi li jistgħu jipperikolaw b’mod serju l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha jew parti minnha fl-Unjoni jew il-protezzjoni tal-klijenti u tal-investituri, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjonijiet individwali sabiex titlob lill-awtoritajiet kompetenti biex jieħdu l-azzjoni meħtieġa skont l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) sabiex jindirizzaw kwalunkwe tali żvilupp billi jiżguraw li l-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u l-awtoritajiet kompetenti jissodisfaw ir-rekwiżiti stabbiliti f’dawk l-atti leġislattivi.”;

(17)

l-Artikolu 19 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Fil-każijiet speċifikati fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u mingħajr preġudizzju għas-setgħat stabbiliti fl-Artikolu 17, l-Awtorità tista’ tgħin lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jilħqu ftehim f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu f’waħda miċ-ċirkostanzi li ġejjin:

(a)

fuq talba ta’ waħda jew aktar mill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati fejn awtorità kompetenti ma taqbilx mal-proċedura jew mal-kontenut ta’ azzjoni, azzjoni proposta jew inattività ta’ awtorità kompetenti oħra;

(b)

f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jipprevedu li l-Awtorità tkun tista’ tgħin fuq inizjattiva tagħha stess fejn, abbażi ta’ raġunijiet oġġettivi, ikun jista’ jiġi stabbilit nuqqas ta’ qbil bejn l-awtoritajiet kompetenti.

F’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta mill-awtoritajiet kompetenti u fejn, skont dawk l-atti, l-Awtorità tkun tista’ tgħin, fuq inizjattiva tagħha stess, lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati biex jintlaħaq qbil f’konformità mal-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 sa 4 ta’ dan l-Artikolu, għandu jkun preżunt nuqqas ta’ ftehim fin-nuqqas ta’ teħid ta’ deċiżjoni konġunta minn dawk l-awtoritajiet fil-limiti ta’ żmien stabbiliti f’dawk l-atti.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“1a.   L-awtoritajiet kompetenti kkonċernati għandhom, fil-każijiet li ġejjin, jinnotifikaw lill-Awtorità, mingħajr dewmien bla bżonn, li ma ntlaħaq ebda ftehim:

(a)

fejn ikun ġie previst limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u jseħħ kwalunkwe minn fost dawn li ġejjin:

(i)

il-limitu ta’ żmien ikun skada; jew

(ii)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi;

(b)

fejn ma jkun ġie previst ebda limitu ta’ żmien sabiex jintlaħaq ftehim bejn l-awtoritajiet kompetenti fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u meta jseħħ kwalunkweminn fost dawn li ġejjin:

(i)

mhux inqas minn żewġ awtoritajiet kompetenti kkonċernati jikkonkludu li jeżisti nuqqas ta’ ftehim fuq il-bażi ta’ raġunijiet oġġettivi; jew

(ii)

ikunu għaddew xahrejn mid-data li fiha awtorità kompetenti rċeviet talba minn awtorità kompetenti oħra sabiex tieħu ċerta azzjoni bil-għan li tikkonforma ma’ dawk l-atti u l-awtorità rikjesta tkun għadha ma adottat ebda deċiżjoni li tissodisfa t-talba.

1b.   Il-President għandu jivvaluta jekk l-Awtorità għandhiex taġixxi f’konformità mal-paragrafu 1. Fejn l-intervent ikun fuq l-inizjattiva proprja tal-Awtorità, din tal-aħħar għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati bid-deċiżjoni tagħha rigward l-intervent.

Sa meta tittieħed id-deċiżjoni tal-Awtorità f’konformità mal-proċedura stabbilita fl-Artikolu 44(4), f’każijiet fejn l-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) jesiġu li tittieħed deċiżjoni konġunta, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet individwali tagħhom. Fejn l-Awtorità tiddeċiedi li taġixxi, l-awtoritajiet kompetenti kollha involuti fid-deċiżjoni konġunta għandhom jiddiferixxu d-deċiżjonijiet tagħhom sa meta tiġi konkluża l-proċedura stabbilita fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Fejn l-awtoritajiet kompetenti kkonċernati jonqsu milli jilħqu ftehim matul il-fażi ta’ konċiljazzjoni msemmija fil-paragrafu 2, l-Awtorità tista’ tieħu deċiżjoni li tesiġi li dawk l-awtoritajiet jieħdu azzjoni speċifika jew joqogħdu lura minn ċerta azzjoni sabiex tiġi riżolta l-kwistjoni, u biex tiġi żgurata l-konformità mal-liġi tal-Unjoni. Id-deċiżjoni tal-Awtorità torbot lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati. Id-deċiżjoni tal-Awtorità tista’ tesiġi li l-awtoritajiet kompetenti jirrevokaw jew jemendaw deċiżjoni li jkunu adottaw jew jagħmlu użu mis-setgħat li jkollhom skont il-liġi rilevanti tal-Unjoni.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   L-Awtorità għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati dwar il-konklużjoni tal-proċeduri taħt il-paragrafi 2 u 3 flimkien ma’, fejn applikabbli, id-deċiżjoni tagħha meħuda taħt il-paragrafu 3.”;

(e)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Mingħajr preġudizzju għas-setgħat tal-Kummissjoni taħt l-Artikolu 258 TFUE, fejn awtorità kompetenti ma tikkonformax mad-deċiżjoni tal-Awtorità, u b’hekk tonqos milli tiżgura li parteċipant fis-swieq finanzjarji jikkonforma mar-rekwiżiti li japplikaw direttament għalih bis-saħħa tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament, l-Awtorità tista’ tadotta deċiżjoni individwali indirizzata lil dak il-parteċipant fis-swieq finanzjarji li tesiġi minnu l-azzjoni meħtieġa kollha biex jikkonforma mal-obbligi tiegħu taħt il-liġi tal-Unjoni, inkluż il-waqfien minn kwalunkwe prattika.”;

(18)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha tippromwovi u tissorvelja, fl-ambitu tas-setgħat tagħha, il-funzjonament effiċjenti, effettiv u konsistenti tal-kulleġġi tas-superviżuri fejn stabbilit bl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u trawwem l-konsistenza u l-koerenza fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni fost il-kulleġġi tas-superviżuri. Bl-għan li ssir konverġenza tal-aħjar prattiki superviżorji, l-Awtorità għandha tippromwovi pjanijiet superviżorji konġunti u eżamijiet konġunti, u l-persunal mill-Awtorità għandu jkollu drittijiet ta’ parteċipazzjoni sħiħa fil-kulleġġi tas-superviżuri u, bħala tali, għandu jkun jista’jipparteċipa fl-attivitajiet tal-kulleġġi tas-superviżuri, inklużi spezzjonijiet fuq il-post, imwettqa b’mod konġunt minn żewġ awtoritajiet kompetenti jew aktar.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tmexxi b’mod li jkun żgurat funzjonament konsistenti u koerenti tal-kulleġġi ta’ superviżuri għal istituzzjonijiet transkonfinali fl-Unjoni kollha, b’kont meħud tar-riskju sistemiku ppreżentat mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji msemmija fl-Artikolu 23, u għandha, fejn xieraq, torganizza laqgħa ta’ kulleġġ.”;

(ii)

fit-tielet subparagrafu, il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

tagħti bidu għal, u tikkoordina, testijiet tal-istress fl-Unjoni kollha f’konformità mal-Artikolu 32 biex tivvaluta r-reżiljenza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, b’mod partikolari r-riskju sistemiku ppreżentat mill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji kif imsemmi fl-Artikolu 23, għal żviluppi negattivi fis-swieq, u tivvaluta l-potenzjal li jikber ir-riskju sistemiku li jistgħu jippreżentaw il-parteċipanti ewlenin fis-swieq finanzjarji f’sitwazzjonijiet ta’ stress, waqt li jiġi żgurat li tiġi applikata metodoloġija konsistenti fil-livell nazzjonali għal tali testijiet u, fejn adatt, tindirizza rakkomandazzjoni lill-awtorità kompetenti biex jiġu korretti kwistjonijiet identifikati fit-test tal-istress, inkluża rakkomandazzjoni biex jitwettqu valutazzjonijiet speċifiċi; tista’ tirrakkomanda lill-awtoritajiet kompetenti biex iwettqu spezzjonijiet fuq il-post, u tista’ tipparteċipa f’tali spezzjonijiet fuq il-post, sabiex tiżgura l-komparabbiltà u l-affidabbiltà tal-metodi, prattiki u riżultati tal-valutazzjonijiet fl-Unjoni kollha;”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji u ta’ implimentazzjoni skont is-setgħat stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), u skont l-Artikoli 10 sa 15, biex tiżgura kondizzjonijiet ta’ applikazzjoni uniformi fir-rigward tad-dispożizzjonijiet dwar il-funzjonament operattiv tal-kulleġġi ta’ superviżuri. L-Awtorità tista’ toħroġ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 biex tippromwovi konverġenza fil-funzjonament superviżorju u fl-aħjar prattiki li ġew adottati mill-kulleġġi tas-superviżuri.”;

(19)

l-Artikolu 22 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Dispożizzjonijiet ġenerali dwar ir-riskji sistemiċi”;

(b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fuq talba minn awtorità kompetenti waħda jew aktar, il-Parlament Ewropew, il-Kunsill, jew il-Kummissjoni, jew bl-inizjattiva tagħha stess, l-Awtorità tista’ twettaq inkjesta dwar tip partikolari ta’ attività finanzjarja jew tip ta’ prodott jew tip ta’ kondotta sabiex tevalwa theddid potenzjali għall-integrità tas-swieq finanzjarji jew għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja jew għall-protezzjoni tal-klijenti jew tal-investituri.

Wara inkjesta mwettqa skont l-ewwel subparagrafu, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jagħmel rakkomandazzjonijiet xierqa għal azzjoni lill-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Għal dawk il-finijiet, l-Awtorità tista’ tuża s-setgħat mogħtija lilha skont dan ir-Regolament, inkluż l-Artikolu 35.”;

(20)

fl-Artikolu 23, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha, f’konsultazzjoni mal-BERS, tiżviluppa kriterji għall-identifikazzjoni u l-kejl ta’ riskju sistemiku u sistema adegwata għat-testijiet tal-istress li tinkludi evalwazzjoni tal-potenzjal li riskju sistemiku ppreżentat minn, jew lil, parteċipanti fis-swieq finanzjarji jiżdied f’sitwazzjonijiet ta’ stress, inkluż riskju sistemiku potenzjali marbut mal-ambjent. Il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li jistgħu jippreżentaw riskju sistemiku għandhom ikunu soġġetti għal superviżjoni aktar qawwija, u fejn meħtieġ, għall-proċeduri ta’ rkupru u riżoluzzjoni msemmija fl-Artikolu 25.”;

(21)

fl-Artikolu 27(2), it-tieni subparagrafu jitħassar;

(22)

l-Artikolu 29 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

jiddaħħlu l-punti li ġejjin:

“(aa)

li tistabbilixxi prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni f’konformità mal-Artikolu 29a;

(ab)

li tistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b biex tiġi promossa l-konverġenza superviżorja u jiġu identifikati l-aħjar prattiki;”;

(ii)

il-punt (b) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(b)

li tippromwovi skambju bilaterali u multilaterali effettiv ta’ informazzjoni bejn l-awtoritajiet kompetenti, relattivament għall-kwistjonijiet rilevanti kollha, inklużi ċ-ċibersigurtà u l-attakki ċibernetiċi, b’rispett sħiħ għad-dispożizzjonijiet applikabbli dwar il-kunfidenzjalità u l-protezzjoni tad-data previsti fl-atti leġislattivi rilevanti tal-Unjoni;”;

(iii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

li tistabbilixxi programmi ta’ taħriġ settorjali u transsettorjali, inkluż fir-rigward tal-innovazzjoni teknoloġika, tiffaċilita skambji tal-persunal u tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet kompetenti sabiex jintensifikaw l-użu ta’ skemi tal-issekondar u għodod oħrajn;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(f)

li tistabbilixxi sistema ta’ monitoraġġ biex tivvaluta r-riskji materjali ambjentali, soċjali u dawk marbuta mal-governanza, filwaqt li tqis il-Ftehim ta’ Pariġi għall-Konvenzjoni ta’ Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima;”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità tista’, kif ikun xieraq, tiżviluppa strumenti prattiċi ġodda u għodod ta’ konverġenza biex tippromwovi approċċi u prattiki superviżorji komuni.

Għall-fini tal-istabbiliment ta’ kultura superviżorja komuni, l-Awtorità għandha tiżviluppa u żżomm manwal superviżorju aġġornat tal-Unjoni dwar is-superviżjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji fl-Unjoni, li jqis kif xieraq in-natura, l-iskala u l-kumplessità tar-riskji, il-prattiki ta’ negozju, il-mudelli ta’ negozju u d-daqs tal-istituzzjonijiet finanzjarji u tas-swieq finanzjarji, inklużi bidliet minħabba l-innovazzjoni teknoloġika, tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq finanzjarji. Il-manwal superviżorju tal-Unjoni għandu jistabbilixxi l-aħjar prattiki u għandu jispeċifika metodoloġiji u proċessi ta’ kwalità għolja.

L-Awtorità, fejn xieraq, għandha tagħmel konsultazzjonijiet pubbliċi miftuħa dwar l-opinjonijiet imsemmija fil-punt (a) tal-paragrafu 1, u l-għodod u l-istrumenti msemmija f’dan il-paragrafu. Hija għandha wkoll, fejn xieraq, tanalizza l-ispejjeż u l-benefiċċji potenzjali relatati. Tali konsultazzjonijiet u analiżijiet għandhom ikunu proporzjonati fir-rigward tal-ambitu, in-natura u l-impatt tal-għodod u tal-istrumenti. L-Awtorità, fejn xieraq, għandha titlob ukoll pariri mill-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq.”;

(23)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 29a

Prijoritajiet superviżorji strateġiċi tal-Unjoni

Wara diskussjoni fil-Bord tas-Superviżuri u filwaqt li jitqiesu l-kontribuzzjonijiet riċevuti mingħand l-awtoritajiet kompetenti, il-ħidma eżistenti tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, u l-analiżi, it-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet ippubblikati mill-BERS, l-Awtorità għandha, mill-inqas kull tliet snin u sal-31 ta’ Marzu, tidentifika massimu ta’ żewġ prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha li għandhom jirriflettu żviluppi u xejriet futuri. L-awtoritajiet kompetenti għandhom iqisu dawk il-prijoritajiet meta jfasslu l-programmi ta’ ħidma tagħhom u għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità dwar dan. L-Awtorità għandha tiddiskuti l-attivitajiet rilevanti fis-sena ta’ wara mill-awtoritajiet kompetenti, u tislet konklużjonijiet. L-Awtorità għandha tiddiskuti segwitu possibbli li jista’ jinkludi linji gwida, rakkomandazzjonijiet lil awtoritajiet kompetenti u reviżjonijiet bejn il-pari fil-qasam rispettiv.

Il-prijoritajiet ta’ rilevanza għall-Unjoni kollha identifikati mill-Awtorità ma għandhomx jipprevjenu lill-awtoritajiet kompetenti milli japplikaw l-aħjar prattiki tagħhom, filwaqt li jaġixxu fuq prijoritajiet u żviluppi nazzjonali addizzjonali, u għandhom jitqiesu speċifiċitajiet nazzjonali.”;

(24)

l-Artikolu 30 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 30

Reviżjonijiet bejn il-pari tal-awtoritajiet kompetenti

1.   L-Awtorità għandha, perjodikament, twettaq reviżjonijiet bejn il-pari ta’ wħud mill-attivitajiet jew tal-attivitajiet kollha tal-awtoritajiet kompetenti, sabiex tkompli ssaħħaħ il-konsistenza u l-effettività fl-eżiti superviżorji. Għal dak l-għan, l-Awtorità għandha tiżviluppa metodi biex ikunu jistgħu jsiru valutazzjoni u paragun oġġettivi bejn l-awtoritajiet kompetenti riveduti. Waqt l-ippjanar u t-twettiq tar-reviżjonijiet bejn il-pari, għandhom jiġu kkunsidrati l-informazzjoni eżistenti u l-evalwazzjonijiet diġà magħmula fir-rigward tal-awtorità kompetenti kkonċernata, inkluża kwalunkwe informazzjoni rilevanti pprovduta lill-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 35 u kwalunkwe informazzjoni rilevanti minn partijiet interessati.

2.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tistabbilixxi kumitati ta’ reviżjoni ad hoc bejn il-pari, li għandhom ikunu magħmula minn membri tal-persunal tal-Awtorità u minn membri tal-awtoritajiet kompetenti. Il-kumitati tar-reviżjoni bejn il-pari għandhom ikunu ppreseduti minn membru tal-persunal mill-Awtorità. Il-President, wara li jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni, għandu jipproponi l-president u l-membri ta’ kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, li għandhom jiġu approvati mill-Bord tas-Superviżuri. Il-proposta għandha titqies li ġiet approvata sakemm, fi żmien 10 jiem minn meta l-President ipproponiha, il-Bord tas-Superviżuri ma jadottax deċiżjoni li tiċħadha.

3.   Ir-reviżjoni bejn il-pari għandha tinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma għandhiex tkun limitata għal:

(a)

l-adegwatezza tar-riżorsi, il-grad ta’ indipendenza u l-arranġamenti ta’ governanza tal-awtorità kompetenti, b’attenzjoni partikolari għall-applikazzjoni effettiva tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u għall-kapaċità li tirrispondi għall-iżviluppi tas-suq;

(b)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fl-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni u fil-prattika superviżorja, inklużi l-istandards tekniċi regolatorji u l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet adottati skont l-Artikoli 10 sa 16, u kemm il-prattika superviżorja tilħaq l-għanijiet stipulati fil-liġi tal-Unjoni;

(c)

l-applikazzjoni tal-aħjar prattiki żviluppati minn awtoritajiet kompetenti li l-adozzjoni tagħhom tista’ tkun ta’ benefiċċju għal awtoritajiet kompetenti oħra;

(d)

l-effettività u l-grad ta’ konverġenza milħuq fir-rigward tal-infurzar tad-dispożizzjonijiet adottati fl-implimentazzjoni tal-liġi tal-Unjoni, inklużi s-sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn imposti kontra persuni responsabbli fejn ma kienx hemm konformità ma’ dawk id-dispożizzjonijiet.

4.   L-Awtorità għandha tipproduċi rapport li jistabbilixxi r-riżultati tar-reviżjoni bejn il-pari. Dak ir-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari għandu jkun imħejji mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(4). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ reviżjoni bejn il-pari u biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi. Il-Bord Maniġerjali għandu jivvaluta b’mod partikolari jekk il-metodoloġija ġietx applikata bl-istess mod. Ir-rapport għandu jispjega u jindika l-miżuri ta’ segwitu li huma meqjusa xierqa, proporzjonati u meħtieġa bħala riżultat tar-reviżjoni bejn il-pari. Dawk il-miżuri ta’ segwitu jistgħu jiġu adottati fil-forma ta’ linji gwida u rakkomandazzjonijiet skont l-Artikolu 16 u opinjonijiet skont il-punt (a) tal-Artikolu 29(1).

F’konformità mal-Artikolu 16(3), l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz sabiex jikkonformaw ma’ kwalunkwe linja gwida u rakkomandazzjoni maħruġa.

Meta tkun qed tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji jew abbozz ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-Artikoli 10 sa 15, jew linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16, l-Awtorità għandha tqis l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari, flimkien ma’ kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, sabiex tiġi żgurata l-konverġenza tal-prattiki superviżorji tal-ogħla kwalità.

5.   L-Awtorità għandha tissottometti opinjoni lill-Kummissjoni fejn, wara li tkun qieset l-eżitu tar-reviżjoni bejn il-pari jew kwalunkwe informazzjoni oħra miksuba mill-Awtorità fit-twettiq tal-kompiti tagħha, hija tqis li tkun meħtieġa l-armonizzazzjoni ulterjuri tar-regoli applikabbli tal-Unjoni għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji jew għall-awtoritajiet kompetenti mill-perspettiva tal-Unjoni.

6.   L-Awtorità għandha tagħmel rapport ta’ segwitu wara sentejn mill-pubblikazzjoni tar-rapport tar-reviżjoni bejn il-pari. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jitħejja mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari u jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri f’konformità mal-Artikolu 44(4). Meta jabbozza dak ir-rapport, il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari għandu jikkonsulta lill-Bord Maniġerjali sabiex iżomm il-konsistenza ma’ rapporti oħra ta’ segwitu. Ir-rapport ta’ segwitu għandu jinkludi valutazzjoni ta’, iżda ma jkunx limitat għal, l-adegwatezza u l-effettività tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti li huma soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari b’risposta għall-miżuri ta’ segwitu tar-rapport ta’ reviżjoni bejn il-pari.

7.   Il-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, wara li jikkonsulta lill-awtoritajiet kompetenti soġġetti għar-reviżjoni bejn il-pari, għandu jidentifika l-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari. L-Awtorità għandha tippubblika l-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tar-reviżjoni bejn il-pari u tar-rapport ta’ segwitu msemmi fil-paragrafu 6. Fejn il-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jkunu differenti minn dawk identifikati mill-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari, l-Awtorità għandha tittrażmetti, fuq bażi kunfidenzjali, il-konstatazzjonijiet tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni. Fejn awtorità kompetenti li tkun soġġetta għar-reviżjoni tkun imħassba li l-pubblikazzjoni tal-konstatazzjonijiet ewlenin motivati tal-Awtorità jistgħu jwasslu għal riskju għall-istabbiltà tas-sistema finanzjarja, hija għandu jkollha l-possibbiltà li tirreferi l-kwistjoni lill-Bord tas-Superviżuri. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jiddeċiedi li ma jippubblikax dawk l-estratti.

8.   Għall-finijiet ta’ dan l-Artikolu, il-Bord Maniġerjali għandu jagħmel proposta għal pjan ta’ ħidma għar-reviżjonijiet bejn il-pari għas-sentejn li ġejjin, li għandu jirrifletti, fost oħrajn, it-tagħlimiet meħuda mill-proċessi passati ta’ reviżjoni bejn il-pari u d-diskussjonijiet tal-grupp ta’ koordinazzjoni msemmi fl-Artikolu 45b. Il-pjan ta’ ħidma għar-reviżjoni bejn il-pari għandu jikkostitwixxi parti separata tal-programm ta’ ħidma annwali u multiannwali. Għandu jsir pubbliku. F’każ ta’ urġenza jew avvenimenti mhux previsti, l-Awtorità tista’ tiddeċiedi li twettaq reviżjonijiet addizzjonali bejn il-pari.”;

(25)

l-Artikolu 31 huwa emendat kif ġej:

(a)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha taqdi rwol ġenerali ta’ koordinament bejn l-awtoritajiet kompetenti, b’mod partikolari f’sitwazzjonijiet fejn żviluppi avversi jistgħu potenzjalment jipperikolaw il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja fl-Unjoni.”;

(b)

it-tieni paragrafu huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tippromwovi rispons koordinat tal-Unjoni, fost l-oħrajn billi:”;

(ii)

il-punt (e) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(e)

tieħu l-miżuri xierqa f’każ ta’ żviluppi li jistgħu jipperikolaw il-funzjonament tas-swieq finanzjarji bl-għan tal-koordinament tal-azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(ea)

tieħu l-miżuri xierqa biex tikkoordina azzjonijiet imwettqa mill-awtoritajiet kompetenti rilevanti bil-ħsieb li jiġi ffaċilitat id-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika;”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Biex tikkontribwixxi għall-istabbiliment ta’ approċċ Ewropew komuni lejn l-innovazzjoni teknoloġika, l-Awtorità għandha tippromwovi l-konverġenza superviżorja, bl-appoġġ, fejn rilevanti, tal-Kumitat dwar il-protezzjoni tal-konsumatur u l-innovazzjoni finanzjarja, biex b’hekk tiffaċilita d-dħul fis-suq ta’ atturi jew prodotti li jiddependu fuq l-innovazzjoni teknoloġika, b’mod partikolari permezz tal-iskambju tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki. Fejn xieraq, l-Awtorità tista’ tadotta linji gwida jew rakkomandazzjonijiet f’konformità mal-Artikolu 16.”;

(26)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 31a

Skambju ta’ informazzjoni dwar l-idoneità u l-adegwatezza

L-Awtorità għandha, flimkien mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), tistabbilixxi sistema għall-iskambju ta’ informazzjoni rilevanti għall-valutazzjoni tal-idoneità u l-adegwatezza ta’ detenturi ta’ parteċipazzjonijiet kwalifikanti, diretturi u detenturi ta’ funzjonijiet ewlenin ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji minn awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Artikolu 31b

Il-funzjoni ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ ordnijiet, tranżazzjonijiet u attivitajiet b’effetti transfruntieri sinifikanti

Fejn awtorità kompetenti jkollha evidenza jew indikazzjonijiet ċari minn diversi sorsi differenti sabiex tissuspetta li ordnijiet, tranżazzjonijiet jew kwalunkwe attività oħra b’effetti transfruntieri sinifikanti jheddu l-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà finanzjarja fl-Unjoni, hija għandha tinnotifika minnufih lill-Awtorità u tipprovdi l-informazzjoni rilevanti. L-Awtorità tista’ toħroġ opinjoni dwar is-segwitu xieraq lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri fejn seħħet l-attività suspettata.”;

(27)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Valutazzjoni ta’ żviluppi tas-suq, inklużi t-testijiet tal-istress”;

(b)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-Awtorità għandha timmonitorja u tivvaluta l-iżviluppi fis-suq fil-qasam tal-kompetenza tagħha u, fejn ikun meħtieġ, tinforma lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), lill-BERS u lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni dwar ix-xejriet mikroprudenzjali rilevanti, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet. L-Awtorità għandha tinkludi fil-valutazzjonijiet tagħha analiżi tas-swieq li fihom joperaw il-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u valutazzjoni tal-impatt ta’ żviluppi potenzjali tas-suq fuq tali parteċipanti fis-swieq finanzjarji.”;

(c)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-Awtorità għandha tagħti bidu għal, u tikkoordina, valutazzjonijiet madwar l-Unjoni kollha tar-reżiljenza tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji għal żviluppi negattivi tas-suq. Għal dak l-għan, hija għandha tiżviluppa:”;

(ii)

il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

metodoloġiji komuni biex jiġi vvalutat l-effett ta’ xenarji ekonomiċi fuq il-pożizzjoni finanzjarja ta’ parteċipant fis-swieq finanzjarji, filwaqt li jitqiesu, fost oħrajn, riskji li jirriżultaw minn żviluppi ambjentali avversi;”;

(iii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(aa)

metodoloġiji komuni għall-identifikazzjoni tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li għandhom jiġu inklużi fil-valutazzjonijiet mal-Unjoni kollha;”;

(iv)

jiżdied il-punt li ġej:

“(d)

metodoloġiji komuni għall-valutazzjoni tal-effett tar-riskji ambjentali fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji.”;

(v)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Għall-finijiet ta’ dan il-paragrafu, l-Awtorità għandha tikkoopera mal-BERS.”;

(d)

fil-paragrafu 3, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Mingħajr preġudizzju għall-kompiti tal-BERS stipulati fir-Regolament (UE) Nru 1092/2010, l-Awtorità għandha, darba fis-sena, u aktar ta’ spiss fejn ikun meħtieġ, tipprovdi valutazzjonijiet lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS dwar ix-xejriet, ir-riskji potenzjali u l-vulnerabbiltajiet fil-qasam tal-kompetenza tagħha, flimkien mal-indikaturi msemmija fl-Artikolu 22(2) ta’ dan ir-Regolament.”;

(28)

l-Artikolu 33 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 33

Relazzjonijiet internazzjonali inkluża l-ekwivalenza

1.   Mingħajr preġudizzju għall-kompetenzi rispettivi tal-Istati Membri u tal-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Awtorità tista’ tiżviluppa kuntatti u tidħol f’arranġamenti amministrattivi ma’ awtoritajiet regolatorji u superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali u l-amministrazzjonijiet ta’ pajjiżi terzi. Dawk l-arranġamenti m’għandhomx joħolqu obbligi legali fir-rigward tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha u lanqas m’għandhom jipprevjenu lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet kompetenti tagħhom milli jikkonkludu arranġamenti bilaterali jew multilaterali ma’ dawk il-pajjiżi terzi.

Fejn pajjiż terz, skont att delegat, li jkun fis-seħħ, adottat mill-Kummissjoni f’konformità mal-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849, ikun fuq il-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni, l-Awtorità ma għandhiex tikkonkludi arranġamenti amministrattivi mal-awtoritajiet regolatorji u superviżorji ta’ dak il-pajjiż terz. Dan m’għandux jipprekludi forom oħra ta’ kooperazzjoni bejn l-Awtorità u l-awtoritajiet rispettivi tal-pajjiż terz bil-ħsieb li jitnaqqas it-theddid għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni.

2.   L-Awtorità għandha tgħin lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza li jirrigwardaw reġimi superviżorji u regolatorji f’pajjiżi terzi wara talba speċifika għal pariri mill-Kummissjoni jew meta tkun meħtieġa tagħmel dan mill-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

3.   L-Awtorità għandha timmonitorja, b’enfasi partikolari fuq l-implikazzjonijiet tagħhom għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri u l-funzjonament tas-suq intern, żviluppi rilevanti regolatorji u superviżorji u prattiki ta’ infurzar u żviluppi tas-suq f’pajjiżi terzi, sa fejn ikunu rilevanti għal valutazzjonijiet tal-ekwivalenza abbażi tar-riskju, li għalihom ġew adottati deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza mill-Kummissjoni f’konformità mal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).

Barra minn hekk, hija għandha tivverifika jekk il-kriterji, li abbażi tagħhom ittieħdu dawk id-deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u kwalunkwe kondizzjoni stabbilita fihom, għadhomx issodisfati.

L-Awtorità tista’ tikkomunika mal-awtoritajiet rilevanti f’pajjiżi terzi. L-Awtorità għandha tissottometti rapport kunfidenzjali lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u lill-Awtorità Superviżorja Ewropea (l-Awtorità tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) li jiġbor fil-qosor il-konstatazzjonijiet mill- monitoraġġ tal-pajjiżi terzi ekwivalenti kollha. Ir-rapport għandu jiffoka b’mod partikolari fuq l-implikazzjonijiet għall-istabbiltà finanzjarja, l-integrità tas-suq, il-protezzjoni tal-investituri jew il-funzjonament tas-suq intern.

Fejn l-Awtorità tidentifika żviluppi rilevanti fir-rigward tar-regolamentazzjoni u tas-superviżjoni jew tal-prattiki ta’ infurzar fil-pajjiżi terzi msemmija f’dan il-paragrafu li jistgħu jaffettwaw l-istabbiltà finanzjarja tal-Unjoni jew ta’ Stat Membru tagħha jew aktar, l-integrità tas-suq jew il-protezzjoni ta’ investituri jew il-funzjonament tas-suq intern, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni fuq bażi kunfidenzjali u mingħajr dewmien bla bżonn.

4.   Mingħajr preġudizzju għal rekwiżiti speċifiċi stabbiliti fl-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u soġġett għall-kondizzjonijiet stabbiliti fit-tieni sentenza tal-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, l-Awtorità għandha tikkoopera, fejn possibbli, mal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, ta’ pajjiżi terzi li r-reġimi regolatorji u superviżorji tagħhom kienu rikonoxxuti bħala ekwivalenti. Fil-prinċipju, dik il-kooperazzjoni għandha sseħħ abbażi ta’ arranġamenti amministrattivi konklużi mal-awtoritajiet rilevanti ta’ dawk il-pajjiżi terzi. Meta tinnegozja tali arranġamenti amministrattivi, l-Awtorità għandha tinkludi dispożizzjonijiet dwar dawn li ġejjin:

(a)

il-mekkaniżmi li jippermettu lill-Awtorità tikseb informazzjoni rilevanti, inkluża informazzjoni dwar ir-reġim regolatorju, l-approċċ superviżorju, l-iżviluppi tas-suq rilevanti u kwalunkwe bidla li tista’ taffettwa d-deċiżjoni ta’ ekwivalenza;

(b)

sa fejn ikun neċessarju għas-segwitu ta’ tali deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza, il-proċeduri li jikkonċernaw il-koordinazzjoni ta’ attivitajiet superviżorji, inklużi, fejn meħtieġa, spezzjonijiet fuq il-post.

L-Awtorità għandha tinforma lill-Kummissjoni fejn awtorità kompetenti ta’ pajjiż terz tirrifjuta li tikkonkludi tali arranġamenti amministrattivi jew meta tirrifjuta li tikkoopera b’mod effettiv.

5.   L-Awtorità tista’ tiżviluppa arranġamenti amministrattivi li jservu bħala mudell, bil-għan li tistabbilixxi prattiki superviżorji konsistenti, effiċjenti u effettivi fl-Unjoni u li ssaħħaħ il-koordinazzjoni superviżorja internazzjonali. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħmlu kull sforz biex isegwu tali mudelli ta’ arranġamenti.

Fir-rapport imsemmi fl-Artikolu 43(5), l-Awtorità għandha tinkludi informazzjoni dwar l-arranġamenti amministrattivi maqbula ma’ awtoritajiet superviżorji, organizzazzjonijiet internazzjonali jew amministrazzjonijiet f’pajjiżi terzi, l-assistenza pprovduta mill-Awtorità lill-Kummissjoni fit-tħejjija ta’ deċiżjonijiet ta’ ekwivalenza u fil-monitoraġġ mill-Awtorità f’konformità mal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.

6.   L-Awtorità, fil-limiti tas-setgħat tagħha f’konformità ma’ dan ir-Regolament u l-atti leġiżlattivi msemmija fl-Artikolu 1(2), għandha tikkontribwixxi għar-rappreżentanza unita, komuni, konsistenti u effettiva tal-interessi tal-Unjoni fil-fora internazzjonali.”;

(29)

l-Artikolu 34 jitħassar;

(30)

l-Artikolu 36 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 jitħassar;

(b)

il-paragrafi 4 u 5 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“4.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lill-Awtorità, l-Awtorità għandha tiddiskuti dik it-twissija jew rakkomandazzjoni fil-laqgħa segwenti tal-Bord tas-Superviżuri jew, fejn xieraq, qabel, sabiex tivvaluta l-implikazzjonijiet ta’, u segwitu possibbli għal, tali twissija jew rakkomandazzjoni għat-twettiq tal-kompiti tagħha.

Hija għandha tiddeċiedi, permezz tal-proċedura rilevanti għat-teħid ta’ deċiżjonijiet, dwar kwalunkwe azzjoni li jkollha tittieħed skont is-setgħat mogħtija lilha b’dan ir-Regolament, biex jiġu indirizzati l-kwistjonijiet identifikati fit-twissijiet u r-rakkomandazzjonijiet.

Jekk l-Awtorità ma taġixxix fuq twissija jew rakkomandazzjoni, hija għandha tispjega lill-BERS ir-raġunijiet tagħha għaliex ma għamlitx dan. Il-BERS għandu jinforma lill-Parlament Ewropew b’dan f’konformità mal-Artikolu 19(5) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010. Il-BERS għandu wkoll jinforma lill-Kunsill b’dan.

5.   Malli tasal twissija jew rakkomandazzjoni mill-BERS indirizzata lil awtorità kompetenti, l-Awtorità għandha, fejn ikun rilevanti, tuża s-setgħat ikkonferiti lilha b’dan ir-Regolament sabiex tiżgura segwitu f’waqtu.

Fejn id-destinatarju ma jkunx biħsiebu jsegwi r-rakkomandazzjoni tal-BERS, hu għandu jinforma u jiddiskuti mal-Bord tas-Superviżuri r-raġunijiet tiegħu għan-nuqqas ta’ azzjoni.

Fejn l-awtorità kompetenti, f’konformità mal-Artikolu 17(1) tar-Regolament (UE) Nru 1092/2010, tgħarraf lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-BERS bl-azzjonijiet li tkun ħadet bi tweġiba għal rakkommandazzjoni tal-BERS, hija għandha tqis kif dovut il-fehmiet tal-Bord tas-Superviżuri.”;

(c)

il-paragrafu 6 jitħassar;

(31)

l-Artikolu 37 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafi 2 u 3 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“2.   Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq għandu jkun magħmul minn 30 membru. Dawk il-membri għandhom ikunu magħmula minn:

(a)

13-il membru li jirrappreżentaw, b’mod proporzjonat, lill-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li joperaw fl-Unjoni;

(b)

13-il membru li jirrappreżentaw lir-rappreżentati tal-impjegati tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji li joperaw fl-Unjoni, lill-konsumaturi, lill-utenti tas-servizzi finanzjarji u lir-rappreżentanti tal-SMEs; u

(c)

erba’ membri li huma akkademiċi indipendenti fl-ogħla karigi.

3.   Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq għandhom jinħatru mill-Bord tas-Superviżuri, wara proċedura tal-għażla miftuħa u trasparenti. Fit-teħid tad-deċiżjoni tiegħu, il-Bord tas-Superviżuri għandu, sa fejn ikun possibbli, jiżgura li jirrifletti adegwatament id-diversità tas-settur tat-titoli u s-swieq, bilanċ u rappreżentanza ġeografika u tas-sessi tal-partijiet interessati madwar l-Unjoni kollha. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq għandhom jintgħażlu skont il-kwalifiki, il-ħiliet, l-għarfien rilevanti u l-għarfien espert ipprovat tagħhom.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq għandhom jeleġġu President minn fost il-membri tiegħu. Il-kariga ta’ President għandha tinżamm għal perjodu ta’ sentejn.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-President tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq biex jagħmel dikjarazzjoni quddiemu u jwieġeb kwalunkwe mistoqsija mill-membri tiegħu kull meta jintalab jagħmel dan.”;

(c)

fil-paragrafu 4, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   L-Awtorità għandha tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa soġġett għas-segretezza professjonali, kif stipulat fl-Artikolu 70 ta’ dan ir-Regolament, u tiżgura appoġġ segretarjali adegwat għall-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq. Għandu jiġi pprovdut kumpens adegwat lill-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq li jirrappreżentaw organizzazzjonijiet mingħajr skop ta’ qligħ, bl-esklużjoni ta’ rappreżentanti tal-industrija. Dan il-kumpens għandu jqis il-ħidma preparatorja u ta’ segwitu tal-membri u għandu mill-inqas ikun ekwivalenti għar-rati ta’ rimborż ta’ uffiċjali skont it-Titolu V, Kapitolu 1, Taqsima 2 tar-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kundizzjonijiet ta’ Impjieg ta’ Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea, stabbiliti fir-Regolament tal-Kunsill (KEE, Euratom, KEFA) Nru 259/68 (*46) (ir-Regolamenti tal-Persunal). Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ ħidma dwar kwistjonijiet tekniċi. Il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq għandhom iservu għal perjodu ta’ erba’ snin, u wara dan issir proċedura ġdida tal-għażla.

(*46)  ĠU L 56, 4.3.1968, p. 1.”;"

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq jista’ jippreżenta pariri lill-Awtorità dwar kwalunkwe kwistjoni relatata mal-kompiti tal-Awtorità b’attenzjoni partikolari għall-kompiti stabbiliti fl-Artikoli 10 sa 16, 29, 30 u 32.

Fejn il-membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq ma jkunux jistgħu jaqblu dwar il-pariri, terz tal-membri tiegħu jew il-membri li jirrappreżentaw grupp wieħed ta’ partijiet interessati għandhom jitħallew joħorġu parir separat.

Il-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq, il-Grupp tal-Partijiet Bankarji Interessati, il-Grupp ta’ Partijiet Interessati fl-Oqsma tal-Assigurazzjoni u tar-Riassigurazzjoni u l-Grupp ta’ Partijiet Interessati tal-Qasam tal-Pensjonijiet tax-Xogħol jistgħu joħorġu parir konġunt dwar kwistjonijiet relatati mal-ħidma tal-ASE taħt l-Artikolu 56 dwar il-pożizzjonijiet konġunti u l-atti komuni.”;

(e)

il-paragrafu 7 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“7.   L-Awtorità għandha tippubblika l-parir tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq, il-pariri separati tal-membri tagħha, u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet tagħha kif ukoll informazzjoni dwar kif tqiesu l-pariri u r-riżultati tal-konsultazzjonijiet.”;

(32)

l-Artikolu 39 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 39

Proċeduri għat-teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   L-Awtorità għandha taġixxi f’konformità mal-paragrafi 2 sa 6 ta’ dan l-Artikolu meta tadotta d-deċiżjonijiet skont l-Artikoli 17, 18 u 19.

2.   L-Awtorità għandha tinforma lil kwalunkwe destinatarju ta’ deċiżjoni bl-intenzjoni tagħha li tadotta d-deċiżjoni, fil-lingwa uffiċjali tad-destinatarju, filwaqt li tistabbilixxi limitu ta’ żmien li matulu d-destinatarju jista’ jesprimi l-opinjonijiet tiegħu dwar is-suġġett tad-deċiżjoni, b’kunsiderazzjoni sħiħa tal-urġenza, tal-kumplessità u tal-konsegwenzi potenzjali tal-kwistjoni. Id-destinatarju jista’ jesprimi l-fehmiet tiegħu fil-lingwa uffiċjali tiegħu. Id-dispożizzjoni stipulata fl-ewwel sentenza għandha tapplika mutatis mutandis għar-rakkomandazzjonijiet kif imsemmija fl-Artikolu 17(3).

3.   Id-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiddikjaraw ir-raġunijiet li fuqhom ikunu bbażati.

4.   Id-destinatarji tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità għandhom jiġu informati bir-rimedji legali disponibbli taħt dan ir-Regolament.

5.   Fejn l-Awtorità tkun ħadet deċiżjoni skont l-Artikolu 18(3) jew (4), hija għandha tirrevedi dik id-deċiżjoni f’intervalli xierqa.

6.   Id-deċiżjonijiet li tieħu l-Awtorità skont l-Artikolu 17, 18 jew 19 għandhom isiru pubbliċi. Il-pubblikazzjoni għandha tiddivulga l-identità tal-awtorità kompetenti jew tal-parteċipant fis-swieq finanzjarji kkonċernati u l-kontenut prinċipali tad-deċiżjoni, sakemm tali pubblikazzjoni ma tkunx f’kunflitt mal-interess leġittimu tal-parteċipanti f’dawk is-swieq finanzjarji jew mal-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom jew tkun tista’ tipperikola serjament il-funzjonament tajjeb u l-integrità tas-swieq finanzjarji jew l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja kollha tal-Unjoni jew parti minnha.”;

(33)

l-Artikolu 40 huwa emendat kif ġej

(a)

fil-paragrafu 1, il-punt (a) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(a)

il-President;”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“7.   Fejn l-awtorità pubblika nazzjonali msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 1 ma tkunx responsabbli għall-infurzar tar-regoli dwar il-protezzjoni tal-konsumaturi, il-membru tal-Bord tas-Superviżuri msemmi f’dak il-punt jista’ jiddeċiedi li jistieden rappreżentant mill-awtorità tal-Istat Membru għall-protezzjoni tal-konsumaturi, li ma għandux ikollu vot. F’każ fejn ir-responsabbiltà għall-protezzjoni tal-konsumaturi tkun kondiviża minn diversi awtoritajiet fi Stat Membru, dawk l-awtoritajiet għandhom jaqblu dwar rappreżentant komuni.”;

(34)

l-Artikoli 41 u 42 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 41

Kumitati interni

1.   Il-Bord tas-Superviżuri, fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba mill-President, jista’ jistabbilixxi kumitati interni għall-kompiti speċifiċi attribwiti lilu. Fuq talba mill-Bord Maniġerjali jew mill-President, il-Bord tas-Superviżuri jista’ jistabbilixxi kumitati interni għal kompiti speċifiċi attribwiti lill-Bord Maniġerjali. Il-Bord tas-Superviżuri jista’ jipprovdi għad-delega ta’ ċerti kompiti u deċiżjonijiet definiti b’mod ċar lil kumitati interni, lill-Bord Maniġerjali jew lill-President.

2.   Għall-finijiet tal-Artikolu 17, il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra ma għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtorità kompetenti li allegatament tkun kisret il-liġi tal-Unjoni u m’għandux ikollhom la xi interess fil-kwistjoni u lanqas rabtiet diretti mal-awtorità kompetenti kkonċernata.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

3.   Għall-finijiet tal-Artikolu 19, il-President għandu jipproponi deċiżjoni biex jitlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni. Is-sitt membri l-oħra m’għandhomx ikunu rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti li jkunu l-partijiet fin-nuqqas ta’ qbil u m’għandux ikollhom la xi interess fil-kunflitt u lanqas rabtiet diretti mal-awtoritajiet kompetenti kkonċernati.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

4.   Għall-finijiet tat-twettiq tal-inkjesta prevista fl-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4), il-President jista’ jipproponi deċiżjoni li tinbeda l-inkjesta u deċiżjoni li jlaqqa’ panel indipendenti, li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri. Il-panel indipendenti għandu jikkonsisti mill-President u sitt membri oħra, li għandhom jiġu proposti mill-President wara konsultazzjoni mal-Bord Maniġerjali u wara sejħa miftuħa għall-parteċipazzjoni.

Kull membru tal-panel għandu jkollu vot wieħed.

Id-deċiżjonijiet tal-panel għandhom jittieħdu meta tal-anqas erba’ membri jivvutaw favur.

5.   Il-panels imsemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu jew il-President għandhom jipproponu deċiżjonijiet taħt l-Artikolu 17, jew l-Artikolu 19, għall-adozzjoni finali mill-Bord tas-Superviżuri. Panel imsemmi fil-paragrafu 4 ta’ dan l-Artikolu għandu jippreżenta l-eżitu tal-inkjesta mwettqa f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 22(4) lill-Bord tas-Superviżuri.

6.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta regoli ta’ proċedura għall-panels imsemmija f’dan l-Artikolu.

Artikolu 42

Indipendenza tal-Bord tas-Superviżuri

1.   Fit-twettiq tal-kompiti mogħtija lilhom b’dan ir-Regolament, il-membri tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u ma għandhom la jfittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet minn istituzzjonijiet jew korpi tal-Unjoni, minn kwalunkwe gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

2.   L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri fil-qadi ta’ dmirijiethom.

3.   Il-Membri tal-Bord tas-Superviżuri, il-President kif ukoll ir-rappreżentanti mingħajr vot u l-osservaturi li jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri għandhom, qabel tali laqgħat, jiddikjaraw b’mod preċiż u komplet in-nuqqas jew l-eżistenza ta’ kwalunkwe interess li jista’ jitqies li jippreġudika l-indipendenza tagħhom fir-rigward ta’ kwalunkwe punt fuq l-aġenda, u għandhom jastjenu milli jipparteċipaw fid-diskussjoni u fil-votazzjoni ta’ tali punti.

4.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jistabbilixxi, fir-regoli ta’ proċedura tiegħu, l-arranġamenti prattiċi għar-regola dwar id-dikjarazzjoni ta’ interess imsemmija fil-paragrafu 3 u għall-prevenzjoni u l-ġestjoni ta’ kunflitt ta’ interess.”;

(35)

l-Artikolu 43 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jagħti gwida għall-ħidma tal-Awtorità u għandu jkun inkarigat mit-teħid tad-deċiżjonijiet imsemmija fil-Kapitlu II. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta l-opinjonijiet, ir-rakkomandazzjonijiet, il-linji gwida u d-deċiżjonijiet tal-Awtorità, u joħroġ il-pariri msemmija fil-Kapitolu II abbażi ta’ proposta mill-kumitat intern jew panel rilevanti, mill-President, jew mill-Bord Maniġerjali, kif applikabbli.”;

(b)

il-paragrafi 2 u 3 jitħassru;

(c)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jadotta, fuq il-bażi ta’ proposta mill-Bord Maniġerjali, ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, u għandu jgħaddi dak ir-rapport lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Qorti tal-Awdituri u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew sal-15 ta’ Ġunju ta’ kull sena. Ir-rapport għandu jsir pubbliku.”;

(d)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeżerċita awtorità dixxiplinarja fuq il-President u d-Direttur Eżekuttiv. Jista’ jneħħi lid-Direttur Eżekuttiv mill-kariga skont l-Artikolu 51(5).”;

(36)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 43a

Trasparenza tad-deċiżjonijiet adottati mill-Bord tas-Superviżuri

Minkejja l-Artikolu 70, fi żmien sitt ġimgħat minn kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri, l-Awtorità għandha, tal-anqas, tipprovdi lill-Parlament Ewropew b’rekord komprensiv u sinifikanti tal-proċedimenti ta’ dik il-laqgħa li jippermetti fehim sħiħ tad-diskussjonijiet, inkluża lista annotata tad-deċiżjonijiet. Tali rekord ma għandux jirrifletti diskussjonijiet fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri relatati ma’ parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

(37)

l-Artikolu 44 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Id-Deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu b’maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward tal-atti speċifikati fl-Artikoli 10 sa 16 ta’ dan ir-Regolament u l-miżuri u d-deċiżjonijiet adottati taħt it-tielet subparagrafu tal-Artikolu 9(5) ta’ dan ir-Regolament u l-Kapitolu VI ta’ dan ir-Regolament u, b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza kkwalifikata tal-membri tiegħu, kif definit fl-Artikolu 16(4) tat-TUE u fl-Artikolu 3 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji.

Il-President ma għandux jivvota dwar id-deċiżjonijiet imsemmija fit-tieni subparagrafu.

Fir-rigward tal-kompożizzjoni tal-panels skont l-Artikolu 41(2), (3) u (4), u l-membri tal-kumitat ta’ reviżjoni bejn il-pari msemmija fl-Artikolu 30(2), il-Bord tas-Superviżuri, meta jkunu qed jikkunsidraw il-proposti mill-President, għandhom jirsistu għal konsensus. Fin-nuqqas ta’ konsensus, id-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri għandhom jittieħdu minn maġġoranza ta’ tliet kwarti tal-membri votanti tiegħu. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed.

Fir-rigward ta’ deċiżjonijiet adottati taħt l-Artikolu 18(3) u (4), u b’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, il-Bord tas-Superviżuri għandu jieħu deċiżjonijiet abbażi ta’ maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tiegħu.”;

b)

il-paragrafu 4 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“4.   Fir-rigward tad-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 17, 19 u 30, il-Bord tas-Superviżuri għandu jivvota dwar id-deċiżjonijiet proposti bl-użu ta’ proċedura bil-miktub. Il-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri għandu jkollhom tmint ijiem ta’ xogħol biex jivvotaw. Kull membru votanti għandu jkollu vot wieħed. Id-deċiżjoni proposta għandha titqies adottata sakemm ma jkunx hemm maġġoranza sempliċi tal-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri li joġġezzjonaw. L-astensjonijiet ma għandhomx jingħaddu bħala approvazzjonijiet jew bħala oġġezzjonijiet, u ma għandhomx jitqiesu meta jiġi kkalkulat l-għadd ta’ voti mitfugħa. Jekk tliet membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri joġġezzjonaw għall-proċedura bil-miktub, l-abbozz ta’ deċiżjoni għandu jiġi diskuss u deċiż mill-Bord tas-Superviżuri skont il-proċedura stabbilita fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Il-membri mingħajr dritt tal-vot u l-osservaturi, bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu għal ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord tas-Superviżuri dwar parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji, sakemm ma jkunx previst mod ieħor fl-Artikolu 75(3) jew fl-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2).”;

c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-President tal-Awtorità għandu jkollu l-prerogattiva li jsejjaħ votazzjoni fi kwalunkwe ħin. Mingħajr preġudizzju għal dik is-setgħa u għall-effettività tal-proċeduri għat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Awtorità, il-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità għandu jirsisti għal konsensus fit-teħid ta’ deċiżjonijiet tiegħu.”;

(38)

l-Artikolu 45 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 45

Kompożizzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali għandu jkun magħmul mill-President u sitt membri tal-Bord tas-Superviżuri, eletti mill-membri votanti tal-Bord tas-Superviżuri u minn fosthom stess.

Minbarra l-President, kull membru tal-Bord Maniġerjali għandu jkollu membru supplenti, li jista’ jissostitwixxih jekk ma jkunx jista’ jattendi.

2.   Il-mandat tal-membri eletti mill-Bord tas-Superviżuri għandu jkun ta’ sentejn u nofs. Dak il-mandat jista’ jiġi estiż darba. Il-kompożizzjoni tal-Bord Maniġerjali għandha tkun ibbilanċjata bejn is-sessi u proporzjonata u għandha tirrifletti l-Unjoni kollha. Il-mandati għandhom ikunu jikkoinċidu u għandu japplika arranġament xieraq ta’ rotazzjoni.

3.   Il-laqgħat tal-Bord Maniġerjali għandhom jissejħu mill-President fuq inizjattiva tiegħu jew tagħha stess jew fuq talba ta’ mill-inqas terz tal-membri tiegħu, u għandhom jitmexxew mill-President. Il-Bord Maniġerjali għandu jiltaqa’ qabel kull laqgħa tal-Bord tas-Superviżuri u kull meta l-Bord Maniġerjali jqis li hu meħtieġ. Għandu jiltaqa’ mill-inqas ħames darbiet fis-sena.

4.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali jistgħu, mingħajr preġudizzju għar-regoli proċedurali, ikunu assistiti minn konsulenti jew minn esperti. Il-membri mingħajr vot, bl-eċċezzjoni tad-Direttur Eżekuttiv, ma għandhom jattendu għall-ebda diskussjoni fi ħdan il-Bord Maniġerjali relattivament għal parteċipanti individwali fis-swieq finanzjarji.”;

(39)

jiddaħħlu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 45a

Teħid ta’ deċiżjonijiet

1.   Id-deċiżjonijiet meħuda mill-Bord Maniġerjali għandhom jiġu adottati minn maġġoranza sempliċi tal-membri tiegħu filwaqt li jirsistu biex jintlaħaq konsensus. Kull membru għandu jkollu vot wieħed. Il-President għandu jkun membru bi dritt tal-vot.

2.   Id-Direttur Eżekuttiv u rappreżentant tal-Kummissjoni għandhom jipparteċipaw fil-laqgħat tal-Bord Maniġerjali mingħajr id-dritt li jivvotaw. Ir-rappreżentant tal-Kummissjoni għandu jkollu d-dritt li jivvota dwar materji msemmija fl-Artikolu 63.

3.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta u jippubblika r-regoli proċedurali tiegħu.

Artikolu 45b

Gruppi ta’ Koordinazzjoni

1.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni fuq inizjattiva tiegħu stess jew fuq talba ta’ awtorità kompetenti dwar suġġetti definiti li għalihom jista’ jkun hemm bżonn ta’ koordinazzjoni fir-rigward ta’ żviluppi speċifiċi tas-suq. Il-Bord Maniġerjali għandu jistabbilixxi gruppi ta’ koordinazzjoni dwar suġġetti definiti fuq talba ta’ ħames membri tal-Bord tas-Superviżuri.

2.   L-awtoritajiet kompetenti kollha għandhom jipparteċipaw fil-gruppi ta’ koordinazzjoni u għandhom jipprovdu, skont l-Artikolu 35, lill-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-informazzjoni meħtieġa sabiex il-gruppi ta’ koordinazzjoni jkunu jistgħu jwettqu l-kompiti ta’ koordinazzjoni tagħhom skont il-mandat tagħhom. Il-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni għandha tkun ibbażata fuq informazzjoni pprovduta mill-awtoritajiet kompetenti u fuq kwalunkwe konstatazzjoni identifikata mill-Awtorità.

3.   Il-gruppi għandhom ikunu preseduti minn membru tal-Bord Maniġerjali. Kull sena l-membru rispettiv tal-Bord Maniġerjali inkarigat mill-grupp ta’ koordinazzjoni għandu jirrapporta lill-Bord tas-Superviżuri fuq l-elementi ewlenin tad-diskussjonijiet u l-konstatazzjonijiet u, fejn rilevanti, jagħmel suġġeriment għal segwitu regolatorju jew reviżjoni bejn il-pari fil-qasam rispettiv. L-awtoritajiet kompetenti għandhom jinnotifikaw lill-Awtorità dwar kif qiesu l-ħidma tal-gruppi ta’ koordinazzjoni fl-attivitajiet tagħhom.

4.   Meta timmonitorja l-iżviluppi tas-suq li jistgħu jkunu l-fokus tal-gruppi ta’ koordinazzjoni, l-Awtorità tista’ titlob lill-awtoritajiet kompetenti skont l-Artikolu 35 biex jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa biex l-Awtorità tkun tista’ twettaq ir-rwol tagħha ta’ monitoraġġ.”;

(40)

l-Artikolu 46 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 46

Indipendenza tal-Bord Maniġerjali

Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jaġixxu b’mod indipendenti u oġġettiv fl-interess uniku tal-Unjoni kollha kemm hi u la għandhom ifittxu u lanqas jieħdu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew minn kwalunkwe korp pubbliku jew privat ieħor.

L-Istati Membri, l-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni u kwalunkwe korp ieħor pubbliku jew privat m’għandhomx ifittxu li jinfluwenzaw lill-membri tal-Bord Maniġerjali fit-twettiq tal-kompiti tagħhom.”;

(41)

l-Artikolu 47 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-Bord Maniġerjali jista’ jeżamina, jagħti opinjoni, u jagħmel proposti, dwar il-kwistjonijiet kollha li jridu jiġu deċiżi mill-Bord tas-Superviżuri wara diskussjoni fil-kumitat intern rilevanti, ħlief għar-reviżjonijiet bejn il-pari skont l-Artikolu 30.”;

(b)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Il-Bord Maniġerjali għandu jipproponi rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Awtorità, inkluż dwar il-qadi tal-kompiti tal-President, lill-Bord tas-Superviżuri għall-approvazzjoni.”;

(c)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   Il-Bord Maniġerjali għandu jaħtar u jneħħi l-membri tal-Bord tal-Appell f’konformità mal-Artikolu 58(3) u (5), b’kont debitament meħud ta’ proposta mill-Bord tas-Superviżuri.”;

(d)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   Il-membri tal-Bord Maniġerjali għandhom jagħmlu pubbliċi l-laqgħat kollha li jsiru u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(42)

l-Artikolu 48 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-President għandu jkun responsabbli għat-tħejjija tal-ħidma tal-Bord tas-Superviżuri, inkluż l-istabbiliment tal-aġenda li għandha tiġi adottata mill-Bord tas-Superviżuri, jorganizza l-laqgħat u jressaq punti għal deċiżjoni, u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord tas-Superviżuri.

Il-President għandu jkun responsabbli biex jistabbilixxi l-aġenda tal-Bord Maniġerjali, li għandha tiġi adottata mill-Bord Maniġerjali, u għandu jippresiedi l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali.

Il-President jista’ jistieden lill-Bord Maniġerjali biex jikkunsidra li jistabbilixxi grupp ta’ koordinazzjoni skont l-Artikolu 45b.”;

(b)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-President għandu jintgħażel fuq il-bażi tal-mertu, tal-ħiliet, tal-għarfien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji u tas-swieq finanzjarji, u tal-esperjenza rilevanti għas-superviżjoni u r-regolamentazzjoni finanzjarja, wara proċedura tal-għażla miftuħa li għandha tirrispetta l-prinċipju tal-bilanċ bejn is-sessi u li għandha tiġi ppubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Il-Bord tas-Superviżuri għandu jfassal lista mqassra ta’ kandidati kwalifikati għall-pożizzjoni ta’ President, bl-assistenza tal-Kummissjoni. Abbażi tal-lista mqassra, il-Kunsill għandu jadotta deċiżjoni biex jaħtar lill-President, wara konferma mill-Parlament Ewropew.

Fejn il-President ma jibqax jissodisfa l-kondizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 49 jew ikun instab ħati ta’ mġiba ħażina serja, il-Kunsill jista’, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Kummissjoni li tkun ġiet approvata mill-Parlament Ewropew, jadotta deċiżjoni sabiex ineħħih mill-kariga.

Il-Bord tas-Superviżuri għandu jeleġġi wkoll, minn fost il-membri tiegħu, Viċi-President li għandu jwettaq il-funzjonijiet tal-President fl-assenza tal-President. Dak il-Viċi-President m’għandux jiġi elett minn fost il-membri tal-Bord Maniġerjali.”;

(c)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Għall-fini tal-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, il-kompiti tal-President għandhom jitwettqu mill-Viċi President.

Il-Kunsill, filwaqt li jaġixxi fuq proposta mill-Bord tas-Superviżuri u bl-assistenza tal-Kummissjoni u wara li jikkunsidra l-evalwazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu, jista’ jestendi l-mandat tal-President darba.”;

(d)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Il-President jista’ jitneħħa mill-kariga biss għal raġunijiet serji. Jista’ jitneħħa biss mill-Parlament Ewropew wara deċiżjoni tal-Kunsill, adottata wara li jikkonsulta lill-Bord tas-Superviżuri.”;

(43)

l-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

it-titolu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Indipendenza tal-President”;

(b)

l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Mingħajr preġudizzju għar-rwol tal-Bord tas-Superviżuri fir-rigward tal-kompiti tal-President, il-President la għandu jfittex u lanqas ma għandu jieħu struzzjonijiet mill-istituzzjonijiet jew il-korpi tal-Unjoni, minn xi gvern jew mingħand xi entità pubblika jew privata oħra.”;

(44)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 49 a

Spejjeż

Il-President għandu jippubblika l-laqgħat kollha li jsiru mal-partijiet interessati esterni fi żmien ġimagħtejn wara l-laqgħa u kwalunkwe ospitalità riċevuta. L-ispejjeż għandhom jiġu rreġistrati pubblikament f’konformità mar-Regolamenti dwar il-Persunal.”;

(45)

l-Artikolu 50 jitħassar;

(46)

l-Artikolu 54 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   Il-Kumitat Konġunt għandu jservi bħala forum li fih, l-Awtorità għandha tikkoopera regolarment u mill-qrib biex tiżgura konsistenza transsettorjali, filwaqt li tqis speċifiċitajiet settorjali, mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), b’mod partikolari fir-rigward ta’:”;

(ii)

l-ewwel inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

konglomerati finanzjarji u, fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, konsolidazzjoni prudenzjali,”;

(iii)

il-ħames inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

ċibersigurtà,”;

(iv)

is-sitt inċiż huwa sostitwit b’dan li ġej:

“—

skambju ta’ informazzjoni u tal-aħjar prattiki mal-BERS u mal-ASE l-oħrajn,”;

(v)

jiżdiedu l-inċiżi li ġejjin:

“—

servizzi finanzjarji fil-livell tal-konsumatur u kwistjonijiet li jikkonċernaw il-protezzjoni tal-konsumaturi u tal-investituri;

parir mill-Kumitat stabbilit skont l-Artikolu 1(6).”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jassisti lill-Kummissjoni fil-valutazzjoni tal-kundizzjonijiet u tal-ispeċifikazzjonijiet u l-proċeduri tekniċi biex tkun żgurata l-interkonnessjoni sigura u effiċjenti tal-mekkaniżmi awtomatizzati ċentralizzati skont ir-rapport kif imsemmi fl-Artikolu 32a(5) tad-Direttiva (UE) 2015/849 kif ukoll fl-interkonnessjoni effettiva tar-reġistri nazzjonali taħt dik id-Direttiva.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-Kumitat Konġunt għandu jkollu persunal apposta pprovdut mill-ASE li għandu jaqdi d-dmirijiet ta’ segretarjat permanenti. L-Awtorità għandha tikkontribwixxi riżorsi adegwati għal spejjeż amministrattivi, infrastrutturali u operattivi.”;

(47)

l-Artikolu 55 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jinħatar fuq bażi ta’ rotazzjoni annwali minn fost il-Presidenti tal-ASE. Il-President tal-Kumitat Konġunt għandu jkun it-tieni Viċi President tal-BERS.”;

(b)

fil-paragrafu 4, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Il-Kumitat Konġunt għandu jiltaqa’ mill-anqas darba kull tliet xhur.”;

(c)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“5.   Il-President tal-Awtorità għandu jinforma regolarment lill-Bord tas-Superviżuri dwar il-pożizzjonijiet meħuda fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt.”;

(48)

l-Artikoli 56 u 57 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 56

Pożizzjonijiet konġunti u atti komuni

Fi ħdan il-kamp ta’ applikazzjoni tal-kompiti tagħha stabbiliti fil-Kapitolu II ta’ dan ir-Regolament, u b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE, fejn rilevanti, l-Awtorità għandha tasal għal pożizzjonijiet konġunti b’konsensus ma’, kif adatt, l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) u mal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea).

Fejn meħtieġ mil-liġi tal-Unjoni, il-miżuri taħt l-Artikoli 10 sa 16, u d-deċiżjonijiet taħt l-Artikoli 17, 18 u 19 ta’ dan ir-Regolament, fir-rigward tal-applikazzjoni tad-Direttiva 2002/87/KE u ta’ kwalunkwe att leġislattiv ieħor imsemmi fl-Artikolu 1(2) ta’ dan ir-Regolament li jaqa’ wkoll fi ħdan il-qasam ta’ kompetenza tal-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) jew tal-Awtorità Superviżorja Ewropea l-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol) għandhom jiġu adottati, b’mod parallel, minn, kif adatt, l-Awtorità, mill-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u l-Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol).

Artikolu 57

Sottokumitati

1.   Il-Kumitat Konġunt jista’ jistabbilixxi sottokumitati għall-finijiet tat-tħejjija tal-abbozzi ta’ pożizzjonijiet konġunti u ta’ atti komuni għall-Kumitat Konġunt.

2.   Kull sottokumitat għandu jkun magħmul mill-individwi msemmija fl-Artikolu 55(1), u minn rappreżentant wieħed ta’ livell għoli mill-persunal attwali tal-awtorità kompetenti rilevanti minn kull Stat Membru.

3.   Kull sottokumitat għandu jeleġġi President minn fost ir-rappreżentanti tal-awtoritajiet kompetenti rilevanti, li għandu jkun ukoll osservatur fil-Kumitat Konġunt.

4.   Għall-finijiet tal-Artikolu 56, għandu jiġi stabbilit sottokumitat dwar il-konglomerati finanzjarji għall-Kumitat Konġunt.

5.   Il-Kumitat Konġunt għandu jippubblika fis-sit web tiegħu s-sottokumitati stabbiliti kollha, inklużi l-mandati tagħhom u lista tal-membri tagħhom bil-funzjonijiet rispettivi tagħhom fis-sottokumitat.”;

(49)

l-Artikolu 58 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-Bord tal-Appell tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej huwa b’dan stabbilit.”;

(b)

fil-paragrafu 2, l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord tal-Appell għandu jkun magħmul minn sitt membri u sitt membri supplenti, li għandhom ikunu individwi ta’ reputazzjoni tajba b’rekord ippruvat ta’ għarfien rilevanti tal-liġi tal-Unjoni u li jkollhom esperjenza professjonali internazzjonali, fuq livell għoli biżżejjed fl-oqsma tas-swieq bankarji, tal-assigurazzjoni, tal-pensjonijiet tax-xogħol, tat-titoli jew ta’ servizzi finanzjarji oħrajn, għajr il-persunal kurrenti tal-awtoritajiet kompetenti jew ta’ istituzzjonijiet jew korpi oħrajn, nazzjonali jew tal-Unjoni, involuti fl-attivitajiet tal-Awtorità u membri tal-Grupp tal-Partijiet Interessati tat-Titoli u s-Swieq. Il-membri u s-supplenti għandhom ikunu ċittadini ta’ Stat Membru u għandu jkollhom għarfien profond ta’ mill-inqas żewġ lingwi uffiċjali tal-Unjoni. Il-Bord tal-Appell għandu jkollu biżżejjed għarfien espert legali biex jipprovdi konsulenza legali esperta dwar il-legalità, inkluża l-proporzjonalità, tal-eżerċizzju mill-Awtorità tas-setgħat tagħha.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Żewġ membri tal-Bord tal-Appell u żewġ membri supplenti għandhom jinħatru mill-Bord Maniġerjali tal-Awtorità minn lista mqassra proposta mill-Kummissjoni, wara sejħa pubblika għal turija ta’ interess ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea, u wara konsultazzjoni tal-Bord tas-Superviżuri.

Wara li jirċievi l-lista mqassra, il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-kandidati għal membri u membri supplenti jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u jwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu.

Il-Parlament Ewropew jista’ jistieden lill-membri tal-Bord tal-Appell biex jagħmlu dikjarazzjoni quddiemu u biex iwieġbu kwalunkwe mistoqsija mill-Membri tiegħu kull meta mitluba, bl-esklużjoni ta’ dikjarazzjonijiet, mistoqsijiet jew tweġibiet li jkollhom x’jaqsmu ma’ każijiet individwali deċiżi minn, jew pendenti quddiem, il-Bord tal-Appell.”;

(50)

fl-Artikolu 59, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-membri tal-Bord tal-Appell, u l-persunal tal-Awtorità li jipprovdu appoġġ operazzjonali u segretarjali, m’għandhom jieħdu sehem f’ebda proċedimenti ta’ appell li fihom ikollhom xi interess personali, jew jekk qabel kienu involuti bħala rappreżentanti ta’ xi waħda mill-partijiet fil-proċedura, jew jekk kienu pparteċipaw fid-deċiżjoni taħt appell.”;

(51)

fl-Artikolu 60, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   L-appell, flimkien ma’ dikjarazzjoni tar-raġunijiet, għandu jiġi ppreżentat bil-miktub lill-Awtorità fi żmien tliet xhur mid-data tan-notifika tad-deċiżjoni lill-persuna konċernata, jew, fin-nuqqas ta’ notifika, mill-jum li fih l-Awtorità tkun ippubblikat id-deċiżjoni tagħha.

Il-Bord tal-Appell għandu jiddeċiedi fuq l-appell fi żmien tliet xhur minn meta l-appell ikun ġie ppreżentat.”;

(52)

jiddaħħal l-Artikolu li ġej:

“Artikolu 60a

Kompetenza maqbuża mill-Awtorità

Kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika tista’ tibgħat parir motivat lill-Kummissjoni jekk dik il-persuna tkun tal-opinjoni li l-Awtorità tkun qabżet il-kompetenza tagħha, inkluż li tkun naqset milli tosserva l-prinċipju ta’ proporzjonalità msemmi fl-Artikolu 1(5), meta taġixxi taħt l-Artikoli 16 u 16b, u dak ikun jikkonċerna direttament u individwalment lil dik il-persuna.”;

(53)

fl-Artikolu 62, il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Id-dħul tal-Awtorità, korp Ewropew skont l-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*47) (ir-‘Regolament Finanzjarju’), għandu jikkonsisti, b’mod partikolari, fi kwalunkwe taħlita ta’ dawn li ġejjin:

(*47)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(b)

jiżdiedu l-punti li ġejjin:

“(d)

kwalunkwe kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi;

(e)

tariffi miftiehma għal pubblikazzjonijiet, taħriġ jew kwalunkwe servizz ieħor provdut mill-Awtorità fejn dawn ġew mitluba speċifikament minn awtorità kompetenti waħda jew aktar.”;

(c)

jiżdied is-subparagrafu li ġej:

“Ebda kontribuzzjoni volontarja minn Stati Membri jew osservaturi msemmija fil-punt (d) tal-ewwel subparagrafu ma għandha tiġi aċċettata jekk tali aċċettazzjoni tqajjem dubju dwar l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Awtorità. Il-kontribuzzjonijiet volontarji li jikkostitwixxu kumpens għall-ispiża tal-kompiti delegati minn awtorità kompetenti lill-Awtorità ma għandhomx jitqiesu bħala li jqajmu dubju dwar l-indipendenza ta’ din tal-aħħar.”;

(54)

l-Artikoli 63, 64 u 65 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“Artikolu 63

Stabbiliment tal-baġit

1.   Kull sena, id-Direttur Eżekuttiv għandu jfassal abbozz provviżorju tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni tal-Awtorità għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti, li jistabbilixxi d-dħul u n-nefqa proġettati, kif ukoll informazzjoni dwar il-persunal, mill-programmazzjoni annwali u multiannwali tiegħu u jibagħtu lill-Bord Maniġerjali u lill-Bord tas-Superviżuri, flimkien mal-pjan ta’ stabbiliment.

2.   Il-Bord tas-Superviżuri għandu, abbażi tal-abbozz li jkun ġie approvat mill-Bord Maniġerjali, jadotta l-abbozz tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni għat-tliet snin finanzjarji sussegwenti.

3.   Id-dokument uniku ta’ programmazzjoni għandu jintbagħat mill-Bord Maniġerjali lill-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri Ewropea sal-31 ta’ Jannar.

4.   B’konsiderazzjoni tad-dokument uniku ta’ programmazzjoni, il-Kummissjoni għandha ddaħħal fl-abbozz tal-baġit tal-Unjoni l-estimi li tqis li jkunu meħtieġa fir-rigward tal-pjan ta’ stabbiliment u l-ammont tal-kontribuzzjoni ta’ bilanċ li għandu jiġi addebitat lill-baġit ġenerali tal-Unjoni f’konformità mal-Artikoli 313 u 314 tat-TFUE.

5.   Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jadottaw il-pjan ta’ stabbiliment għall-Awtorità. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill għandhom jawtorizzaw l-approprjazzjonijiet għall-kontribuzzjoni ta’ bilanċ lill-Awtorità.

6.   Il-baġit tal-Awtorità għandu jiġi adottat mill-Bord tas-Superviżuri. Għandu jitqies finali wara l-adozzjoni finali tal-baġit ġenerali tal-Unjoni. Fejn ikun meħtieġ, għandu jkun aġġustat skont il-każ.

7.   Il-Bord Maniġerjali għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill bl-intenzjoni tiegħu li jimplimenta kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tiegħu, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam ma’ proprjetà bħall-kiri jew xiri ta’ bini.

8.   Mingħajr preġudizzju għall-Artikoli 266 u 267 tar-Regolament Finanzjarju, għandha tkun meħtieġa awtorizzazzjoni mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill għal kwalunkwe proġett li jista’ jkollu implikazzjonijiet finanzjarji jew implikazzjonijiet fit-tul sinifikanti għall-iffinanzjar tal-baġit tal-Awtorità, b’mod partikolari kwalunkwe proġett li jkollu x’jaqsam mal-proprjetà, bħall-kiri jew ix-xiri ta’ bini, inklużi klawżoli ta’ waqfien.

Artikolu 64

Implimentazzjoni u kontroll tal-baġit

1.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jaġixxi bħala uffiċjal awtorizzanti u għandu jimplimenta l-baġit annwali tal-Awtorità.

2.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat il-kontijiet provviżorji lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara. L-Artikolu 70 m’għandux jipprekludi lill-Awtorità milli tipprovdi lill-Qorti tal-Awdituri kwalunkwe informazzjoni mitluba mill-Qorti tal-Awdituri li tkun fil-kompetenza tagħha.

3.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, l-informazzjoni kontabilistika meħtieġa għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, bil-mod u fil-format stabbiliti minn dak l-uffiċjal tal-kontabilità.

4.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-31 ta’ Marzu tas-sena ta’ wara, ir-rapport dwar il-ġestjoni baġitarja u finanzjarja lill-membri tal-Bord tas-Superviżuri, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

5.   Wara li jirċievi l-osservazzjonijiet tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet provviżorji tal-Awtorità f’konformità mal-Artikolu 246 tar-Regolament Finanzjarju, l-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jfassal il-kontijiet finali tal-Awtorità. Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħathom lill-Bord tas-Superviżuri, li għandu jagħti opinjoni dwar dawk il-kontijiet.

6.   L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat, sal-1 ta’ Lulju tas-sena ta’ wara, il-kontijiet finali, akkumpanjati mill-opinjoni tal-Bord tas-Superviżuri, lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill u lill-Qorti tal-Awdituri.

L-uffiċjal tal-kontabilità tal-Awtorità għandu jibgħat ukoll, sal-15 ta’ Ġunju kull sena, pakkett ta’ rapporti lill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni, f’format standardizzat kif stabbilit mill-uffiċjal tal-kontabilità tal-Kummissjoni għall-finijiet ta’ konsolidazzjoni.

7.   Il-kontijiet finali għandhom jiġu ppubblikati f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea sal-15 ta’ Novembru tas-sena ta’ wara.

8.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat tweġiba lill-Qorti tal-Awdituri għall-osservazzjonijiet ta’ din tal-aħħar sat-30 ta’ Settembru u għandu jibgħat ukoll kopja ta’ dik it-tweġiba lill-Bord Maniġerjali u lill-Kummissjoni.

9.   Id-Direttur Eżekuttiv għandu jibgħat lill-Parlament Ewropew, fuq talba ta’ dan tal-aħħar u hekk kif previst fl-Artikolu 261(3) tar-Regolament Finanzjarju, kwalunkwe informazzjoni li tkun meħtieġa għall-applikazzjoni bla xkiel tal-proċedura ta’ kwittanza għas-sena finanzjarja kkonċernata.

10.   Il-Parlament Ewropew, wara rakkomandazzjoni mill-Kunsill li jaġixxi b’maġġoranza kwalifikata, għandu, qabel il-15 ta’ Mejju tas-sena N + 2, jagħti kwittanza lill-Awtorità għall-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja N.

11.   L-Awtorità għandha tipprovdi opinjoni motivata dwar il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew u dwar kwalunkwe osservazzjoni oħra magħmula mill-Parlament Ewropew mogħtija fil-proċedura ta’ kwittanza.

Artikolu 65

Regoli finanzjarji

Ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-Awtorità għandhom jiġu adottati mill-Bord Maniġerjali wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni. Dawk ir-regoli ma jistgħux jitbiegħdu mir-Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 (*48) sakemm il-ħtiġijiet operattivi speċifiċi għall-funzjonament tal-Awtorità ma jkunux jirrikjedu dan u biss bil-kunsens minn qabel tal-Kummissjoni.

(*48)  Regolament Delegat tal-Kummissjoni (UE) 2019/715 tat-18 ta’ Diċembru 2018 dwar ir-regolament finanzjarju qafas għall-korpi mwaqqfin skont it-TFUE u t-Trattat Euratom u msemmija fl-Artikolu 70 tar-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal- Kunsill (ĠU L 122, 10.5.2019, p. 1).”;"

(55)

fl-Artikolu 66, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Għall-finijiet tal-ġlieda kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra, ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*49) għandu japplika għall-Awtorità mingħajr ebda restrizzjoni.

(*49)  Regolament (UE, Euratom) Nru 883/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta’ Settembru 2013 dwar investigazzjonijiet immexxija mill-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi (OLAF) u li jħassar ir-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 1073/1999 u r-Regolament tal-Kunsill (Euratom) Nru 1074/1999 (ĠU L 248, 18.9.2013, p. 1).”;"

(56)

l-Artikolu 70 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Il-membri tal-Bord tas-Superviżuri, u l-membri kollha tal-persunal tal-Awtorità, inklużi uffiċjali ssekondati mill-Istati Membri fuq bażi temporanja, u l-persuni l-oħrajn kollha li jwettqu kompiti għall-Awtorità fuq bażi kuntrattwali, għandhom ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali skont l-Artikolu 339 TFUE u d-dispożizzjonijiet rilevanti fil-leġiżlazzjoni tal-Unjoni, anki wara li jkunu ntemmu dmirijiethom.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-obbligu taħt il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u l-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu ma għandux iżomm lill-Awtorità u lill-awtoritajiet kompetenti milli jużaw l-informazzjoni għall-infurzar tal-atti leġislattivi msemmija fl-Artikolu 1(2) u, b’mod partikolari, għall-proċeduri legali għall-adozzjoni tad-deċiżjonijiet.”;

(c)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Bord Maniġerjali, u l-Bord tas-Superviżuri għandhom jiżguraw li l-individwi li jipprovdu kwalunkwe servizz, direttament jew indirettament, b’mod permanenti jew okkażjonali, fir-rigward tal-kompiti tal-Awtorità, inklużi uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-Bord Maniġerjali u mill-Bord tas-Superviżuri jew maħtura mill-awtoritajiet kompetenti għal dak l-iskop, ikunu soġġetti għar-rekwiżiti tas-segretezza professjonali ekwivalenti għal dawk fil-paragrafi 1 u 2.

L-istess rekwiżiti għas-segretezza professjonali għandhom japplikaw ukoll għall-osservaturi li jattendu l-laqgħat tal-Bord Maniġerjali, u tal-Bord tas-Superviżuri u li jieħdu sehem fl-attivitajiet tal-Awtorità.”;

(d)

il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Il-paragrafi 1 u 2 ma għandhomx iżommu lill-Awtorità milli tiskambja informazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti f’konformità ma’ dan ir-Regolament u ma’ leġiżlazzjoni oħra tal-Unjoni applikabbli għal parteċipanti fis-swieq finanzjarji.

Dik l-informazzjoni għandha tkun soġġetta għall-kondizzjonijiet tas-segretezza professjonali msemmija fil-paragrafi 1 u 2. L-Awtorità għandha tistabbilixxi fir-regoli proċedurali interni tagħha l-arranġamenti prattiċi għall-implimentazzjoni tar-regoli ta’ kunfidenzjalità msemmija fil-paragrafi 1 u 2.

4.   L-Awtorità għandha tapplika d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 (*50).

(*50)  Deċiżjoni tal-Kummissjoni (UE, Euratom) 2015/444 tat-13 ta’ Marzu 2015 dwar ir-regoli tas-Sigurtà għall-protezzjoni ta’ informazzjoni klassifikata tal-UE (ĠU L 72, 17.3.2015, p. 53).”;"

(57)

l-Artikolu 71 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 71

Protezzjoni tad-data

Dan ir-Regolament għandu jkun mingħajr preġudizzju għall-obbligi tal-Istati Membri relatati mal-ipproċessar minnhom ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2016/679 jew għall-obbligi tal-Awtorità relatati mal-ipproċessar minnha ta’ data personali taħt ir-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*51) waqt il-qadi tar-responsabbiltajiet tagħha.

(*51)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(58)

fl-Artikolu 72, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Il-Bord Maniġerjali għandu jadotta miżuri prattiċi għall-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001.”;

(59)

fl-Artikolu 74, l-ewwel paragrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-arranġamenti meħtieġa dwar l-akkomodazzjoni li trid tiġi pprovduta għall-Awtorità fl-Istat Membru fejn tkun tinsab is-sede tagħha u l-faċilitajiet li għandhom isiru disponibbli minn dak l-Istat Membru, kif ukoll ir-regoli speċifiċi applikabbli f’dak l-Istat Membru għall-persunal tal-Awtorità u għall-membri tal-familji tagħhom, għandhom jiġu stipulati fi Ftehim dwar il-Kwartieri Ġenerali bejn l-Awtorità u dak l-Istat Membru li huma jkunu kkonkludu wara li tkun inkisbet l-approvazzjoni tal-Bord Maniġerjali.”;

(60)

l-Artikolu 76 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 76

Relazzjoni mal-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli

L-Awtorità għandha titqies bħala s-suċċessur legali tal-Kumitat tar-Regolaturi Ewropej tat-Titoli (KRET). Sad-data tal-istabbiliment tal-Awtorità, l-assi u l-obbligazzjonijiet kollha u l-operazzjonijiet kollha pendenti tal-KRET għandhom jiġu ttrasferiti awtomatikament lill-Awtorità. Il-KRET għandu jistabbilixxi dikjarazzjoni li turi s-sitwazzjoni fl-għeluq tal-assi u l-obbligazzjonijiet tiegħu sa mid-data ta’ dak it-trasferiment. Dik id-dikjarazzjoni għandha tiġi vverifikata u approvata mill-KRET u mill-Kummissjoni.”;

(61)

l-Artikolu 81 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

is-sentenza introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Sal-31 ta’ Diċembru 2021, u kull tliet snin wara dan, il-Kummissjoni għandha tippubblika rapport ġenerali dwar l-esperjenza miksuba bħala riżultat tal-operat tal-Awtorità u l-proċeduri stabbiliti f’dan ir-Regolament. Dak ir-rapport għandu jevalwa, fost affarijiet oħra:”;

(ii)

fil-punt (a), is-sentenza introduttorja, u l-punt (i) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(a)

l-effettività u l-konverġenza fil-prattiki superviżorji miksuba mill-awtoritajiet kompetenti:

(i)

l-indipendenza tal-awtoritajiet kompetenti u l-konverġenza fl-istandards ekwivalenti għall-governanza korporattiva;”;

(iii)

jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

il-funzjonament tal-Kumitat Konġunt.”;

(b)

jiddaħħlu l-paragrafi li ġejjin:

“2a.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha twettaq valutazzjoni komprensiva tal-applikazzjoni tal-Artikolu 9a.

2b.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta lill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tagħmel valutazzjoni komprensiva tas-superviżjoni potenzjali taċ-ċentri ta’ negozjar ta’ pajjiżi terzi mill-Awtorità biex jiġu esplorati aspetti bħalma huma r-rikonoxximent abbażi tal-importanza sistemika, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konformità kontinwa, il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kif ukoll il-persunal u r-riżorsi. Fil-valutazzjoni tagħha, il-Kummissjoni għandha tqis l-effetti fuq il-likwidità, inklużi d-disponibbiltà tal-aħjar prezz għall-investituri, l-aħjar eżekuzzjoni għall-klijenti tal-UE, l-ostakoli għall-aċċess u l-benefiċċji ekonomiċi għall-kontropartijiet tal-UE biex jinnegozjaw globalment kif ukoll l-iżvilupp tal-unjoni tas-swieq kapitali.

2c.   Bħala parti mir-rapport ġenerali msemmi fil-paragrafu 1, il-Kummissjoni, wara li tikkonsulta ill-awtoritajiet u lill-partijiet interessati rilevanti kollha, għandha tagħmel valutazzjoni komprensiva tas-superviżjoni potenzjali tas-CSDs ta’ pajjiż terzi mill-Awtorità biex jiġu esplorati aspetti bħalma huma r-rikonoxximent abbażi tal-importanza sistemika, ir-rekwiżiti organizzazzjonali, il-konformità kontinwa, il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali kif ukoll il-persunal u r-riżorsi.

2d.   Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-valutazzjonijiet imsemmija fil-paragrafi 2b u 2c, flimkien ma’ kwalunkwe proposta leġiżlattiva, jekk dan ikun xieraq, lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill sat-30 ta’ Ġunju 2021.”.

Artikolu 4

Emendi għar-Regolament (UE) Nru 600/2014

Ir-Regolament (UE) Nru 600/2014 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 1(1) jiżdied il-punt li ġej:

“(g)

l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni ta’ fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta”;

(2)

l-Artikolu 2 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa emendat kif ġej:

(i)

il-punt (18) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(18)

‘awtorità kompetenti’ tfisser awtorità kompetenti kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE u, għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta, l-ESMA, bl-eċċezzjoni ta’ dawk il-mekkaniżmi ta’ rapportar approvati (ARMs, approved reporting mechanisms) u l-arranġamenti ta’ pubblikazzjoni approvati (APAs, approved publication arrangements) b’deroga skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu;”;

(ii)

jiddaħħal il-punt li ġej:

“(22a)

‘maniġment superjuri’ tfisser maniġment superjuri kif definita fil-punt (37) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE;”;

(iii)

il-punti (34), (35) u (36) huma sostitwiti b’dan li ġej:

“(34)

‘arranġament ta’ pubblikazzjoni approvat’ jew ‘APA’ tfisser persuna awtorizzata taħt dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ pubblikazzjoni ta’ rapporti kummerċjali f’isem ditti ta’ investiment skont l-Artikoli 20 u 21;

(35)

‘fornitur ta’ tape konsolidat’ jew ‘CTP’ tfisser persuna awtorizzata taħt dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ ġbir ta’ rapporti kummerċjali għall-istrumenti finanzjarji elenkati fl-Artikoli 6, 7, 10, 12 u 13, 20 u 21 minn swieq regolati, MTFs, OTFs u APAs u tikkonsolidahom f’xandir elettroniku kontinwu live tad-data li jipprovdi data dwar il-prezz u l-volum għal kull strument finanzjarju;

(36)

‘mekkaniżmu ta’ rapportar approvat’ jew ‘ARM’ tfisser persuna awtorizzata taħt dan ir-Regolament sabiex tipprovdi s-servizz ta’ rapportar ta’ dettalji ta’ tranżazzjonijiet lill-awtoritajiet kompetenti jew lill-ESMA f’isem ditti ta’ investiment;”;

(iv)

jiddaħħal l-punt li ġej:

“(36a)

‘fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta’ tfisser persuna msemmija fil-punti (34) sa (36) u persuna msemmija fl-Artikolu 27b(2);”;

(b)

jiżdied il-paragrafu li ġej:

“3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50, li jispeċifikaw il-kriterji biex jiġu identifikati dawk l-ARMs u l-APAs li, b’deroga minn dan ir-Regolament minħabba r-rilevanza limitata tagħhom għas-suq intern, huma soġġetti għall-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni minn awtorità kompetenti ta’ Stat Membru kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Meta tadotta l-att delegat, il-Kummissjoni għandha tqis wieħed jew aktar mill-elementi li ġejjin:

(a)

il-limitu sa fejn is-servizzi huma pprovduti lil ditti tal-investiment awtorizzati fi Stat Membru wieħed biss;

(b)

in-numru ta’ rapporti jew tranżazzjonijiet kummerċjali;

(c)

jekk l-ARM jew l-APA jagħmilx parti minn grupp ta’ parteċipanti fis-swieq finanzjarji li joperaw b’mod transfruntier.

Fejn entità tkun taħt superviżjoni mill-ESMA għal kwalunkwe servizz provdut fil-kapaċità tagħha bħala fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta taħt dan ir-Regolament, l-ebda waħda mill-attivitajiet tagħha bħala ARM jew APA ma għandha tiġi eskluża mis-superviżjoni tal-ESMA taħt kwalunkwe att delegat adottat skont dan il-paragrafu.”;

(3)

l-Artikolu 22 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 22

L-għoti ta’ informazzjoni għall-finijiet tat-trasparenza u kalkoli oħrajn

1.   Sabiex iwettqu l-kalkoli bil-għan li jiddeterminaw ir-rekwiżiti ta’ trasparenza qabel u wara n-negozjar u r-reġimi tal-obbligu ta’ negozjar imsemmija fl-Artikoli 3 sa 11, fl-Artikoli 14 sa 21 u fl-Artikolu 32, li huma applikabbli għall-istrumenti finanzjarji, kif ukoll bil-għan li jiġi ddeterminat jekk ditta ta’ investiment hijiex internalizzatur sistematiku, l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jitolbu informazzjoni mingħand:

(a)

iċ-ċentri ta’ negozjar;

(b)

l-APAs; u

(c)

is-CTPs.

2.   Iċ-ċentri ta’ negozjar, l-APAs u s-CTPs għandhom jaħżnu d-dejta meħtieġa għal perjodu suffiċjenti.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kontenut u l-frekwenza tat-talbiet għad-dejta u l-formati u l-perjodu ta’ żmien li matulu ċ-ċentri ta’ negozjar, l-APAs u s-CTPs iridu jwieġbu għat-talbiet għad-dejta msemmija fil-paragrafu 1, it-tip ta’ dejta li trid tinħażen u l-perjodu minimu li għalih iċ-ċentri ta’ negozjar, l-APAs u s-CTPs iridu jaħżnu d-dejta sabiex ikunu jistgħu jwieġbu għat-talbiet għad-dejta f’konformità mal-paragrafu 2.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(4)

fl-Artikolu 26(1), it-tielet subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“L-awtoritajiet kompetenti għandhom mingħajr dewmien bla bżonn iqiegħdu għad-dispożizzjoni tal-ESMA kwalunkwe informazzjoni rrapportata f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(5)

l-Artikolu 27 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 27

Obbligu tal-provvista ta’ dejta ta’ referenza ta’ strumenti finanzjarji

1.   Fir-rigward tal-istrumenti finanzjarji ammessi għan-negozjar fi swieq regolati jew negozjati fuq l-MTFs jew OTFs, iċ-ċentri ta’ negozjar għandhom jipprovdu lill-ESMA b’dejta ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għall-fini tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet taħt l-Artikolu 26.

Fir-rigward ta’ strumenti finanzjarji oħrajn koperti mill-Artikolu 26(2) negozjati fuq is-sistema tiegħu, kull internalizzatur sistematiku għandu jipprovdi lill-ESMA b’dejta ta’ referenza relatata ma’ dawk l-istrumenti finanzjarji.

Id-dejta ta’ referenza ta’ identifikazzjoni għandha tkun lesta biex tiġi ppreżentata lill-ESMA f’format elettroniku u standardizzat qabel jibda n-negozjar fl-istrument finanzjarju li tirreferi għalih. Id-dejta ta’ referenza tal-istrument finanzjarju għandha tiġi aġġornata kull meta jkun hemm bidliet fid-dejta fir-rigward ta’ strument finanzjarju. L-ESMA għandha tippubblika dik id-dejta ta’ referenza minnufih fis-sit web tagħha. L-ESMA għandha tagħti lill-awtoritajiet kompetenti aċċess mingħajr dewmien bla bżonn għal dik id-dejta ta’ referenza.

2.   Sabiex l-awtoritajiet kompetenti jkunu jistgħu jissorveljaw, skont l-Artikolu 26, l-attivitajiet tad-ditti ta’ investiment sabiex jiżguraw li dawn jaġixxu b’mod onest, ġust u professjonali u b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq, l-ESMA għandha, wara konsultazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti, tistabbilixxi l-arranġamenti meħtieġa sabiex ikun żgurat li:

(a)

l-ESMA effettivament tirċievi d-dejta ta’ referenza tal-istrument finanzjarju skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu;

(b)

il-kwalità tad-dejta ta’ referenza tal-istrument finanzjarju riċevuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tkun adatta għall-fini tar-rapportar tat-tranżazzjonijiet taħt l-Artikolu 26;

(c)

id-dejta ta’ referenza tal-istrument finanzjarju riċevuta skont il-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu tintbagħat b’mod effiċjenti u mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti;

(d)

ikun hemm mekkaniżmi effettivi fis-seħħ bejn l-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti sabiex jiġu riżolti l-kwistjonijiet relatati mal-kunsinna tad-dejta jew il-kwalità tad-dejta.

3.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

l-istandards u l-formati tad-dejta għad-dejta ta’ referenza tal-istrument finanzjarju f’konformità mal-paragrafu 1, inklużi l-metodi u l-arranġamenti għall-forniment tad-dejta u kwalunkwe aġġornament tagħha lill-ESMA u għat-trażmissjoni tagħha lill-awtoritajiet kompetenti f’konformità mal-paragrafu 1, u l-forma u l-kontenut ta’ tali dejta;

(b)

il-miżuri tekniċi li huma meħtieġa fir-rigward tal-arranġamenti li jridu jsiru mill-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti skont il-paragrafu 2.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   L-ESMA tista’ tissospendi l-obbligi ta’ rapportar speċifikati fil-paragrafu 1 għal ċerti strumenti finanzjarji jew għall-istrumenti finanzjarji kollha fejn ikunu ssodisfati l-kundizzjonijiet kollha li ġejjin:

(a)

is-sospensjoni tkun neċessarja sabiex jiġu ppreservati l-integrità u l-kwalità tad-dejta ta’ referenza soġġetta għall-obbligu ta’ rapportar kif speċifikat fil-paragrafu 1 li jistgħu jitqiegħdu f’riskju minħabba kwalunkwe wieħed minn dan li ġej:

(i)

inkompletezza, impreċiżjoni jew korruzzjoni serji tad-dejta sottomessa, jew

(ii)

indisponibbiltà b’mod puntwali, interruzzjoni jew ħsara fil-funzjonament tas-sistemi użati għas-sottomissjoni, għall-ġbir, għall-ipproċessar jew għall-ħżin tad-dejta ta’ referenza rispettiva mill-ESMA, mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, mill-infrastrutturi tas-suq, mis-sistemi ta’ kklerjar u ta’ saldu, u mill-parteċipanti importanti fis-suq;

(b)

ir-rekwiżiti regolatorji eżistenti tal-Unjoni li huma applikabbli ma jindirizzawx it-theddida;

(c)

is-sospensjoni ma jkollha l-ebda effett ta’ detriment fuq l-effiċjenza tas-swieq finanzjarji jew fuq l-investituri li jkun sproporzjonat għall-benefiċċji tal-azzjoni;

(d)

is-sospensjoni ma toħloq ebda arbitraġġ regolatorju.

Meta tieħu l-miżura msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA għandha tqis kemm il-miżura tiżgura l-preċiżjoni u l-kompletezza tad-dejta rrapportata għall-finijiet speċifikati fil-paragrafu 2.

Qabel ma tiddeċiedi jekk tiħux il-miżura msemmija fl-ewwel subparagrafu, l-ESMA għandha tinnotifika lill-awtoritajiet kompetenti rilevanti.

Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fl-ewwel subparagrafu u li taħthom iċ-ċirkustanzi taħt liema s-suspensjoni msemmija f’dak is-subparagrafu ma tibqax tapplika.”;

(6)

jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU IVa

SERVIZZI TA’ RAPPORTAR TA’ DEJTA

KAPITOLU 1

L-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta

Artikolu 27a

Għall-finijiet ta’ dan it-Titolu, awtorità kompetenti nazzjonali tfisser awtorità kompetenti kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE.

Artikolu 27b

Rekwiżit għall-awtorizzazzjoni

1.   L-operat ta’ APA, CTP jew ARM bħala mestier jew negozju regolari għandu jkun soġġett għal awtorizzazzjoni minn qabel mill-ESMA f’konformità ma’ dan it-Titolu.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, APA jew ARM identifikati skont l-att delegat imsemmi fl-Artikolu 2(3) għandhom ikunu soġġetti għal awtorizzazzjoni u superviżjoni minn qabel mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti skont dan it-Titolu.

2.   Ditta ta’ investiment jew operatur fis-suq li joperaw ċentru ta’ negozjar jistgħu jipprovdu wkoll is-servizzi ta’ APA, CTP jew ARM, soġġetti għall-verifika minn qabel mill-ESMA jew mill-awtorità kompetenti nazzjonali rilevanti li d-ditta ta’ investiment jew l-operatur fis-suq ikunu konformi ma’ dan it-Titolu. Il-forniment ta’ dawk is-servizzi għandu jiġi inkluż fl-awtorizzazzjoni tagħhom.

3.   L-ESMA għandha tistabbilixxi reġistru tal-fornituri kollha tas-servizzi ta’ rapportar ta’ dejta fl-Unjoni. Ir-reġistru għandu jkun disponibbli għall-pubbliku u għandu jinkludi informazzjoni dwar is-servizzi li għalihom huwa awtorizzat il-fornitur tas-servizzi ta’ rapportar ta’ dejta u għandu jiġi aġġornat fuq bażi regolari.

Fejn l-ESMA, jew awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, tkun irtirat awtorizzazzjoni f’konformità mal-Artikolu 27e, dak l-irtirar għandu jiġi ppubblikat fir-reġistru għal perijodu ta’ ħames snin.

4.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandhom jipprovdu s-servizzi tagħhom taħt is-superviżjoni tal-ESMA jew tal-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti. L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tirrivedi regolarment il-konformità tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta ma’ dan it-Titolu. L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tissorvelja li l-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jikkonformaw f’kull ħin mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni inizjali stabbiliti taħt dan it-Titolu.

Artikolu 27c

L-awtorizzazzjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ d-dejta

1.   Il-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandhom jiġu awtorizzati mill-ESMA, jew mill-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għall-finijiet ta’ dan it-Titolu fejn:

(a)

il-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jkun persuna ġuridika stabbilita fl-Unjoni; u

(b)

il-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jissodisfa r-rekwiżiti stabbiliti f’dan it-Titolu.

2.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tispeċifika s-servizz tar-rapportar ta’ dejta li l-fornitur tas-servizzi tar-rapportar ta’ dejta jkun awtorizzat li jipprovdi. Fejn fornitur awtorizzat ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jfittex li jestendi l-kummerċ tiegħu għal servizzi addizzjonali ta’ rapportar ta’ dejta, huwa għandu jissottometti talba lill-ESMA, jew lill-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għall-estensjoni ta’ dik l-awtorizzazzjoni.

3.   Fornitur awtorizzat ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jikkonforma l-ħin kollu mal-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni msemmija f’dan it-Titolu. Fornitur awtorizzat ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu, mingħajr dewmien bla bżonn, jinnotifika lill-ESMA, jew lill-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, bi kwalunkwe bidliet materjali fil-kundizzjonijiet għall-awtorizzazzjoni.

4.   L-awtorizzazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha tkun effettiva u valida għat-territorju kollu tal-Unjoni, u għandha tippermetti lill-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jipprovdi s-servizzi li għalihom kien awtorizzat, fl-Unjoni kollha.

Artikolu 27d

Proċeduri għall-għoti u r-rifjut tal-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni

1.   Il-fornitur applikant ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jippreżenta applikazzjoni li tipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex l-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, tkun tista’ tikkonferma li l-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta stabbilixxa, fil-ħin tal-awtorizzazzjoni inizjali, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jissodisfa l-obbligi tiegħu taħt id-dispożizzjonijiet ta’ dan it-Titolu, inkluż programm ta’ operazzjonijiet li jistabbilixxi, inter alia, it-tipi ta’ servizzi previsti u l-istruttura organizzazzjonali.

2.   L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tivvaluta jekk l-applikazzjoni għal awtorizzazzjoni tkunx kompluta fi żmien 20 jum tax-xogħol mir-riċezzjoni tal-applikazzjoni.

Fejn l-applikazzjoni ma tkunx kompluta, l-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tistabbilixxi limitu ta’ żmien sa meta l-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jipprovdi informazzjoni addizzjonali.

Wara li tivvaluta applikazzjoni bħala kompluta, l-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tinnotifika b’dan lill-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta.

3.   L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha, fi żmien sitt xhur minn meta tirċievi applikazzjoni kompluta, tivvaluta l-konformità tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta ma’ dan it-Titolu. Hija għandha tadotta deċiżjoni kompletament motivata li tagħti jew tirrifjuta awtorizzazzjoni u tinnotifika lill-fornitur applikant ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta kif xieraq fi żmien ħamest ijiem tax-xogħol.

4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tiddetermina:

(a)

l-informazzjoni li trid tiġi pprovduta taħt il-paragrafu 1, inkluż il-programm tal-operazzjonijiet;

(b)

l-informazzjoni inkluża fin-notifiki taħt l-Artikolu 27f(2).

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi ta’ implimentazzjoni sabiex tiddetermina l-formoli, il-mudelli u l-proċeduri standard għan-notifika jew il-forniment tal-informazzjoni prevista fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u fl-Artikolu 27f(2).

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tadotta l-istandards tekniċi ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27e

Irtirar ta’ awtorizzazzjoni

1.   L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, tista’ tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta fejn dan tal-aħħar:

(a)

ma jagħmilx użu mill-awtorizzazzjoni fi żmien 12-il xahar, jirrinunzja espressament l-awtorizzazzjoni jew ma jkun ipprovda ebda servizz fis-sitt xhur preċedenti;

(b)

ikun kiseb l-awtorizzazzjoni permezz ta’ dikjarazzjonijiet foloz jew permezz ta’ kwalunkwe mezz irregolari ieħor;

(c)

ma jkunx għadu jissodisfa l-kundizzjonijiet li taħthom kien ġie awtorizzat;

(d)

kiser serjament u sistematikament dan ir-Regolament.

2.   L-ESMA għandha, fejn rilevanti, mingħajr dewmien bla bżonn, tinnotifika lill-awtorità kompetenti nazzjonali fl-Istat Membru fejn ikun stabbilit il-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta b’deċiżjoni li tirtira l-awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta.

Artikolu 27f

Rekwiżiti għall-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta

1.   Il-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu f’kull ħin ikun ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, ikollu biżżejjed għarfien, ħiliet u esperjenza u jimpenja biżżejjed ħin sabiex jaqdi dmirijietu.

Il-korp maniġerjali għandu jkollu l-għarfien, il-ħiliet u l-esperjenza kollettivi adegwati sabiex ikun kapaċi jifhem l-attivitajiet tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta. Kull membru tal-korp maniġerjali għandu jaġixxi b’onestà, integrità u indipendenza tal-ħsieb sabiex jikkontesta b’mod effettiv id-deċiżjonijiet tal-maniġment superjuri fejn meħtieġ u sabiex jissorvelja u jimmonitorja b’mod effettiv it-teħid ta’ deċiżjonijiet maniġerjali, fejn meħtieġ.

Fejn operatur tas-suq jitlob awtorizzazzjoni sabiex jopera APA, CTP jew ARM skont l-Artikolu 27d u l-membri tal-korp maniġerjali tal-APA, tas-CTP jew tal-ARM ikunu l-istess bħall-membri tal-korp maniġerjali tas-suq regolat, dawk il-persuni jitqiesu bħala li jikkonformaw mar-rekwiżit stabbilit fl-ewwel subparagrafu.

2.   Fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jinnotifika lill-ESMA, jew lill-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, bl-ismijiet tal-membri kollha tal-korp maniġerjali tagħha u dwar kwalunkwe bidliet fis-sħubija tagħha, flimkien mal-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jiġi vvalutat jekk l-entità hijiex konformi mal-paragrafu 1.

3.   Il-korp maniġerjali ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jiddefinixxi u jissorvejla l-implimentazzjoni tal-arranġamenti ta’ governanza li jiżguraw ġestjoni effettiva u prudenti ta’ organizzazzjoni, inkluża s-segregazzjoni tad-dmirijiet fl-organizzazzjoni u l-prevenzjoni tal-kunflitti ta’ interess, u b’mod li jippromwovi l-integrità tas-suq u l-interessi tal-klijenti tiegħu.

4.   L-ESMA, jew l-awtorità kompetenti nazzjonali fejn rilevanti, għandha tirrifjuta l-awtorizzazzjoni jekk ma tkunx sodisfatta li l-persuna jew il-persuni li jidderieġu b’mod effettiv in-negozju tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta huma ta’ reputazzjoni tajba biżżejjed, jew jekk ikun hemm raġunijiet oġġettivi u dimostrabbli sabiex wieħed jemmen li l-bidliet proposti fil-korp tal-immaniġġjar tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jikkawżaw theddida għall-immaniġġjar tajjeb u prudenti tiegħu u għall-kunsiderazzjoni adegwata tal-interessi tal-klijenti tiegħu u għall-integrità tas-suq.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sal-1 ta’ Jannar 2021 għall-valutazzjoni tal-idoneità tal-membri tal-korp maniġerjali deskritti fil-paragrafu 1, wara li tqis ir-rwoli u l-funzjonijiet differenti tagħhom u l-ħtieġa li tevita kunflitti ta’ interess bejn il-membri tal-korp maniġerjali u l-utenti tal-APA, CTP jew ARM.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli minn 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 2

Kundizzjonijiet għall-APAs, għas-CTPs u għall-ARMs

Artikolu 27g

Rekwiżiti organizzazzjonali għall-APAs

1.   APA għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jagħmel l-informazzjoni pubblika meħtieġa taħt l-Artikoli 20 u 21 mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli. L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara li l-APA jkun ippubblikaha. L-APA għandu jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux diskriminatorja u f’format li jiffaċilita l-konsolidazzjoni tal-informazzjoni b’dejta simili minn sorsi oħrajn.

2.   L-informazzjoni ppubblikata minn APA f’konformità mal-paragrafu 1 għandha tinkludi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, fejn it-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi ‘SI’ jew inkella l-kodiċi ‘OTC’;

(h)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

3.   APA għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba biex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, APA li jkun ukoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa sabiex jissepara l-funzjonijiet kummerċjali differenti.

4.   APA għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-dejta u tal-aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu l-ħruġ ta’ informazzjoni qabel il-pubblikazzjoni. L-APA għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

5.   L-APA għandu jkollu fis-seħħ sistemi li jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod effettiv ir-rapporti kummerċjali għall-kompletezza, jidentifikaw ommissjonijiet u żbalji ovvji u jitolbu trażmissjoni mill-ġdid ta’ kwalunkwe tali rapport żbaljat.

6.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw formati komuni, standards ta’ dejta u arranġamenti tekniċi li jiffaċilitaw il-konsolidazzjoni tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati skont l-Artikolu 50 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika x’jikkostitwixxi bażi kummerċjali raġonevoli sabiex l-informazzjoni ssir pubblika kif imsemmi fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom APA jista’ jikkonforma mal-obbligu ta’ informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1;

(b)

il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata taħt il-paragrafu 1, inkluża, mill-inqas, l-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 2 b’tali mod li tkun iffaċilitata l-pubblikazzjoni tal-informazzjoni mitluba taħt dan l-Artikolu;

(c)

ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stabbiliti fil-paragrafi 3, 4 u 5.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27h

Rekwiżiti organizzazzjonali għas-CTPs

1.   CTP għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jiġbor l-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-Artikoli 6 u 20, jikkonsolidaha fi fluss kontinwu ta’ dejta elettronika, u jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

Dik l-informazzjoni għandha tinkludi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, fejn it-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi ‘SI’ jew inkella l-kodiċi ‘OTC’;

(h)

fejn applikabbli, il-fatt li algoritmu tal-kompjuter fi ħdan id-ditta ta’ investiment kien responsabbli għad-deċiżjoni tal-investiment u l-eżekuzzjoni tat-tranżazzjoni;

(i)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi;

(j)

jekk l-obbligu li tiġi ppubblikata l-informazzjoni msemmija fl-Artikolu 3(1) kien irrinunzjat f’konformità mal-punt (a) jew (b) tal-Artikolu 4(1), markatura li tindika għal liema minn dawk ir-rinunzji ġiet soġġetta t-tranżazzjoni.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara li s-CTP jkun ippubblikaha. Is-CTP għandu jkun jista’ jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux diskriminatorja u f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq.

2.   CTP għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jiġbor l-informazzjoni ppubblikata f’konformità mal-Artikolu 10 u mal-Artikolu 21, jikkonsolidaha fi fluss kontinwu ta’ dejta elettronika, u jagħmel l-informazzjoni disponibbli għall-pubbliku mill-aktar qrib il-ħin reali li jkun teknikament possibbli, fuq bażi kummerċjali raġonevoli, inklużi, mill-inqas, id-dettalji li ġejjin:

(a)

l-identifikatur jew fatturi ta’ identifikazzjoni tal-istrument finanzjarju;

(b)

il-prezz li bih ġiet konkluża t-tranżazzjoni;

(c)

il-volum tat-tranżazzjoni;

(d)

il-ħin tat-tranżazzjoni;

(e)

il-ħin li fih kienet irrapportata t-tranżazzjoni;

(f)

in-notazzjoni tal-prezz tat-tranżazzjoni;

(g)

il-kodiċi għaċ-ċentru ta’ negozjar li fih ġiet eżegwita t-tranżazzjoni jew, fejn it-tranżazzjoni tkun ġiet eżegwita permezz ta’ internalizzatur sistematiku, il-kodiċi ‘SI’ jew inkella l-kodiċi ‘OTC’;

(h)

jekk applikabbli, indikatur li t-tranżazzjoni kienet soġġetta għal kundizzjonijiet speċifiċi.

L-informazzjoni għandha tkun disponibbli bla ħlas 15-il minuta wara l-pubblikazzjoni tas-CTP. Is-CTP għandu jkun jista’ jxerred tali informazzjoni b’mod effiċjenti u konsistenti b’mod li jiżgura aċċess veloċi għall-informazzjoni, fuq bażi mhux diskriminatorja, u f’formati aċċettati b’mod ġenerali li jkunu interoperabbli u faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq.

3.   Is-CTP għandu jiżgura li d-dejta pprovduta tkun ikkonsolidata mis-swieq regolati kollha, mill-MTFs, mill-OTFs u mill-APAs u għall-istrumenti finanzjarji speċifikati minn standards tekniċi regolatorji skont il-punt (c) tal-paragrafu 8.

4.   Is-CTP għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba sabiex jipprevjenu kunflitti ta’ interess. B’mod partikolari, operatur tas-suq, jew APA, li jopera ukoll tape konsolidat, għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti xierqa sabiex jissepara funzjonijiet operattivi differenti.

5.   Is-CTP għandu jkollu fis-seħħ mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni u jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni tad-dejta u tal-aċċess mhux awtorizzat. Is-CTP għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

6.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jiddeterminaw l-istandards tad-dejta u l-formati għall-informazzjoni li trid tiġi ppubblikata f’konformità mal-Artikoli 6, 10, 20 u 21, inklużi l-identifikatur tal-istrument finanzjarju, il-prezz, il-kwantità, il-ħin, in-notazzjoni tal-prezz, l-identifikatur tal-post u indikaturi għall-kundizzjonijiet speċifiċi li għalihom kienu soġġetti t-tranżazzjonijiet, kif ukoll arranġamenti tekniċi li jippromwovu tixrid effiċjenti u konsistenti tal-informazzjoni b’tali mod li jiġi żgurat li din tkun faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq kif imsemmi fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu, inkluża l-identifikazzjoni ta’ servizzi addizzjonali li s-CTP jista’ jwettaq u li jżidu l-effiċjenza tas-suq.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

7.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tikkjarifika x’jikkostitwixxi bażi kummerċjali raġonevoli sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-flussi ta’ dejta msemmija fil-paragrafi 1 u 2 ta’ dan l-Artikolu.

8.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom is-CTP jista’ jikkonforma mal-obbligi tal-informazzjoni msemmija fil-paragrafi 1 u 2;

(b)

il-kontenut tal-informazzjoni ppubblikata taħt il-paragrafi 1 u 2;

(c)

l-istrumenti finanzjarji, li d-dejta tagħhom trid tiġi pprovduta fil-fluss tad-dejta u għall-istrumenti mhux ta’ ekwità, iċ-ċentri ta’ negozjar u l-APAs li jeħtieġ li jiġu inklużi;

(d)

mezzi oħrajn sabiex jiġi żgurat li d-dejta ppubblikata minn CTPs differenti tkun konsistenti u tippermetti mmappjar komprensiv u kontroreferenza ma’ dejta simili minn sorsi oħrajn, u tkun tista’ tiġi aggregata fil-livell tal-Unjoni;

(e)

ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stabbiliti fil-paragrafi 4 u 5.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 27i

Rekwiżiti organizzazzjonali għall-ARMs

1.   ARM għandu jkollu fis-seħħ politiki u arranġamenti adegwati sabiex jirrapporta l-informazzjoni meħtieġa taħt l-Artikolu 26 mill-aktar fis possibbli, u mhux aktar tard mill-għeluq tal-jum tax-xogħol ta’ wara l-jum li fih tkun seħħet it-tranżazzjoni.

2.   L-ARM għandu jopera u jżomm arranġamenti amministrattivi effettivi maħsuba sabiex jipprevjenu kunflitti ta’ interess mal-klijenti tiegħu. B’mod partikolari, ARM li jkun ukoll operatur tas-suq jew ditta ta’ investiment għandu jittratta l-informazzjoni kollha miġbura b’mod mhux diskriminatorju u għandu jopera u jżomm arranġamenti adegwati sabiex jissepara l-funzjonijiet kummerċjali differenti.

3.   L-ARM għandu jkollu stabbiliti mekkaniżmi tajba ta’ sigurtà maħsuba sabiex jiggarantixxu s-sigurtà u l-awtentikazzjoni tal-mezzi tat-trasferiment tal-informazzjoni, jimminimizzaw ir-riskju tal-korruzzjoni ta’ dejta u tal-aċċess mhux awtorizzat u jipprevjenu l-ħruġ ta’ informazzjoni, filwaqt li jżommu l-kunfidenzjalità tad-dejta f’kull ħin. L-ARM għandu jżomm riżorsi adegwati u jkollu fis-seħħ faċilitajiet ta’ riżerva sabiex joffri u jżomm is-servizzi tiegħu f’kull ħin.

4.   L-ARM għandu jkollu fis-seħħ sistemi li jkunu jistgħu jivverifikaw b’mod effettiv ir-rapporti tat-tranżazzjonijiet għall-kompletezza, jidentifikaw ommissjonijiet u żbalji ovvji kkawżati mid-ditta ta’ investiment, u fejn iseħħu tali żball jew tali ommissjoni, jikkomunikaw id-dettalji tal-iżball jew tal-omissjoni lid-ditta ta’ investiment u jitolbu t-trażmissjoni mill-ġdid ta’ kwalunkwe tali rapport żbaljat.

L-ARM għandu jkollu stabbiliti sistemi li jippermettu lill-ARM jinduna bi żbalji jew ommissjonijiet ikkawżati mill-ARM innifsu u li jippermettu lill-ARM jikkorreġi u jittrażmetti, jew jittrażmetti mill-ġdid, skont kif ikun il-każ, rapporti korretti u kompleti ta’ tranżazzjonijiet lill-awtorità kompetenti.

5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozzi ta’ standards tekniċi regolatorji li jispeċifikaw:

(a)

il-mezzi li bihom l-ARM jista’ jikkonforma mal-obbligu tal-informazzjoni msemmi fil-paragrafu 1; u

(b)

ir-rekwiżiti organizzazzjonali konkreti stipulati fil-paragrafi 2, 3 u 4.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu skont l-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(7)

jiddaħħal it-Titolu li ġej:

“TITOLU VIa

IS-SETGĦAT U L-KOMPETENZI TAL-ESMA

KAPITOLU 1

Kompetenzi u proċeduri

Artikolu 38a

L-eżerċizzju tas-setgħat tal-ESMA

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA jew lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew persuna oħra awtorizzata mill-ESMA skont l-Artikoli 38b sa 38e ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li jkunu soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 38b

Talba għall-informazzjoni

1.   L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha sabiex l-ESMA tkun tista’ taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament:

(a)

APA, CTP, ARM, fejn ikunu taħt is-superviżjoni tal-ESMA, u ditta ta’ investiment jew operatur tas-suq li joperaw ċentru ta’ negozjar sabiex joperaw is-servizzi ta’ rapportar ta’ dejta ta’ APA, CTP jew ARM, kif ukoll il-persuni li jikkontrollawhom jew li huma kkontrollati minnhom;

(b)

il-maniġers tal-persuni msemmija fil-punt (a);

(c)

l-awdituri u l-konsulenti tal-persuni msemmija fil-punt (a).

2.   Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)

tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)

tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)

tindika l-ammont tal-multa li trid tiġi imposta f’konformità mal-Artikolu 38h fejn l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3.   Meta titlob il-forniment ta’ informazzjoni taħt il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-iskop tat-talba;

(c)

tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)

tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i fejn il-produzzjoni tal-informazzjoni meħtieġa ma tkunx kompluta;

(f)

tindika l-multa prevista fl-Artikolu 38h, fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)

tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (il-‘Qorti tal-Ġustizzja’) f’konformità mal-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati biex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bl-istatuti tagħhom għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. Avukati debitament awtorizzati li jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli b’mod sħiħ jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   L-ESMA għandha tibgħat, mingħajr dewmien bla bżonn, kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 38c

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Sabiex taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1). Għal dak il-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA huma mogħtija s-setgħa li:

(a)

jeżaminaw kwalunkwe rekord, dejta, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu miżmumin;

(b)

jieħdu jew jakkwistaw kopji ċċertifikati ta’, jew siltiet minn, tali rekords, dejta, proċeduri u materjal ieħor;

(c)

isejħu u jitolbu lil kwalunkwe persuna msemmija fl-Artikolu 38b(1) jew lir-rappreżentanti jew membri tal-persunal tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u sabiex jinżamm rekord tat-tweġibiet;

(d)

jintervistaw kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata bil-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)

jitolbu rekords tat-traffiku tat-telefon u tad-dejta.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika wkoll il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i fejn il-produzzjoni tar-rekords, dejta u proċeduri meħtieġa jew ta’ kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1), ma jiġux ipprovduti jew ma jkunux kompluti, kif ukoll il-multi previsti fl-Artikolu 38h, fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) ikunu skorretti jew qarrieqa.

3.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) għandhom jissottomettu għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i, ir-rimedji legali disponibbli taħt ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fit-twettiq ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu wkoll l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5.   Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-dejta msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tista’ ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni wkoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.   Fejn awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-dejta msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)

li d-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 3 tkun awtentika;

(b)

li kwalunkwe miżura li trid tittieħed tkun proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrivedi l-ħtieġa għal investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura stabbilita fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38d

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Sabiex taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 38b(1). Għandu jkollhom ukoll is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini u ktieb jew reġistru ta’ negozju għall-perjodu tal-ispezzjoni u sa fejn meħtieġ għall-ispezzjoni.

3.   Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Fejn it-twettiq korrett u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu dment li l-awtorità kompetenti rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4.   L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i fejn il-persuni kkonċernati ma jissottomettux għall-ispezzjoni.

5.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 38b(1) għandhom jissottomettu għall-ispezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, tiffissa d-data meta din għandha tibda u tindika l-pagamenti perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 38i, ir-rimedji legali disponibbli taħt ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.   L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post.

7.   L-ESMA tista’ teżiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 38b(1) f’isimha.

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.   Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew jekk l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja skont il-liġi nazzjonali, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ tiġi applikata wkoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Fejn awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)

li d-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 5 tkun awtentika;

(b)

li kwalunkwe miżura li trid tittieħed tkun proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrivedi l-ħtieġa għal investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura stabbilità fir-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 38e

Skambju ta’ informazzjoni

L-ESMA u l-awtoritajiet kompetenti għandhom, mingħajr dewmien żejjed, jipprovdu lil xulxin bl-informazzjoni meħtieġa għall-finijiet tal-qadi ta’ dmirijiethom taħt dan ir-Regolament.

Artikolu 38f

Segretezza professjonali

L-obbligu tas-segretezza professjonali msemmi fl-Artikolu 76 tad-Direttiva 2014/65/UE għandu japplika għall-ESMA u għall-persuni kollha li jaħdmu jew li ħadmu għall-ESMA, jew għal kwalunkwe persuna oħra li lilha l-ESMA tkun iddelegat xi kompiti, inklużi awdituri u esperti li jkunu ngħataw kuntratt mill-ESMA.

Artikolu 38g

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.   Fejn l-ESMA ssib li persuna elenkata fil-punt (a) tal-Artikolu 38b(1) tkun wettqet xi wieħed mit-tipi ta’ ksur tar-rekwiżiti previsti fit-Titolu IVa, hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tadotta deċiżjoni li titlob lill-persuna ttemm il-ksur;

(b)

tadotta deċiżjoni li timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali skont l-Artikoli 38h u 38i;

(c)

toħroġ avviżi pubbliċi.

2.   Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b)

jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat jew iffaċilitat mill-ksur jew huwiex b’xi mod ieħor attribwibbli għall-ksur;

(c)

jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza;

(d)

il-livell tar-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri;

(g)

l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)

il-miżuri meħuda wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex jiġi impedut li l-ksur jiġi ripetut.

3.   Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga pubblikament kwalunkwe tali azzjoni fis-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ittieħdet.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)

fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)

dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli li l-Bord tal-Appell tal-ESMA jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

KAPITOLU 2

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

Artikolu 38h

Multi

1.   Fejn, f’konformità mal-Artikolu 38k(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur tar-rekwiżiti previsti fit-Titolu IVa, hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2.   L-ammont massimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun EUR 200 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali.

3.   Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 38g(2).

Artikolu 38i

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a)

persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont il-punt (a) tal-Artikolu 38g(1);

(b)

persuna msemmija fl-Artikolu 38b(1):

(i)

tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 38b;

(ii)

tissottometti għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, dejta u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 38c;

(iii)

tissottometti għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 38d.

2.   Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull ġurnata ta’ dewmien.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena finanzjarja preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tal-introjtu medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Għandu jiġi kkalkolat mid-dejta stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

4.   Ħlas perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perijodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara li dan il-perijodu jintemm, l-ESMA għandha tirrivedi l-miżura.

Artikolu 38j

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u ħlas perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 38h u 38i sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali divulgazzjoni ma għandhiex tinkludi dejta personali fis-sens tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*52).

2.   Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 38h u 38i għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.   Fejn l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew ħlas ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat u għandha tagħti r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.   Il-multi u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 38h u 38i għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun iggvernat mir-regoli tal-proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru li fit-territorju tiegħu jkun seħħ.

5.   L-ammonti tal-multi u tal-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Artikolu 38k

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.   Fejn, fil-qadi ta’ dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur tar-rekwiżiti previsti fit-Titolu IVa, l-ESMA għandha taħtar uffiċjal indipendenti ta’ investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut direttament jew indirettament fis-superviżjoni jew fil-proċess ta’ awtorizzazzjoni tal-fornitur ikkonċernat ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-ESMA.

2.   L-uffiċjal ta’ investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jqis kwalunkwe kumment ippreżentat mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-ESMA.

3.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni jista’ jeżerċita s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38b u li jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 38c u 38d.

4.   Meta jwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha miġbura mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.   Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel ma jippreżenta l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-ESMA, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet l-opportunità li jinstemgħu fir-rigward tal-materji li jkunu s-suġġett tal-investigazzjoni. L-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jibbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu biss fuq fatti li dwarhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw.

6.   Matul l-investigazzjonijiet taħt dan l-Artikolu, id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu osservati b’mod sħiħ.

7.   Meta jissottometti l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-ESMA, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħra fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.   Abbażi tal-fajl li jkun fih il-konstatazzjonijiet tal-uffiċjal ta’ investigazzjoni u, meta jintalab mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 38l, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur tar-rekwiżiti previsti fit-Titolu IVa jkunux twettqu mill-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’tali każ, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 38g.

9.   L-uffiċjal ta’ investigazzjoni ma għandux jipparteċipa f’deliberazzjonijiet tal-ESMA jew b’xi mod ieħor jintervjeni fil-proċess ta’ teħid ta’ deċiżjoni tal-ESMA.

10.   Il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 sal-1 ta’ Ottubru 2021 biex tispeċifika aktar ir-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11.   L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fejn, fil-qadi ta’ dmirijietha taħt dan ir-Regolament, jirriżultalha li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali fejn il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna preċedenti, riżultanti minn fatt jew fatti identiċi li jkunu sostanzjalment l-istess, ikunu diġà kisbu l-forza ta’ res judicata bħala riżultat ta’ proċedimenti kriminali taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 38l

Smigħ tal-persuni kkonċernati

1.   Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 38g, 38h u 38i, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar il-konstatazzjonijiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha unikament fuq konstatazzjonijiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’tali każ, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rispettati bis-sħiħ matul il-proċedimenti. Għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 38m

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġuriżdizzjoni illimitata biex tirrieżamina deċiżjonijiet li bihom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-ħlas perjodiku ta’ penali imposti.

Artikolu 38n

Tariffi għall-awtorizzazzjoni u għas-superviżjoni

1.   L-ESMA għandha timponi tariffi lill-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta f’konformità ma’ dan ir-Regolament u f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwarda l-awtorizzazzjoni u s-superviżjoni tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta u r-rimborż ta’ kwalunkwe kostijiet li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq tax-xogħol skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti f’konformità mal-Artikolu 38o.

2.   L-ammont ta’ tariffa individwali imposta lil fornitur partikolari ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta għandu jkopri l-kostijiet amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet ta’ awtorizzazzjoni u superviżjoni fir-rigward ta’ dak il-fornitur.. Dan għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta.

3.   Il-Kummissjoni għandha tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 50 sal-1 ta’ Ottubru 2021 sabiex tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom ikunu dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 38o

Id-delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Fejn meħtieġ għat-twettiq xieraq ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lill-awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-linji gwida maħruġin mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 38b u li jsiru investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 38c u 38d.

2.   Qabel tiddelega kompitu, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a)

l-ambitu tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c)

it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.   F’konformità mal-att delegat adottat skont l-Artikolu 38n(3), l-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għall-kostijiet imġarrba minħabba t-twettiq tal-kompiti ddelegati.

4.   L-ESMA għandha tirrivedi d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin.

5.   Delega ta’ kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u lanqas tillimita l-kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.

(*52)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(8)

fl-Artikolu 40, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-ESMA għandha tirrivedi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta taħt il-paragrafu 1 f’intervalli xierqa, u tal-inqas kull sitt xhur. Wara tal-inqas żewġ tiġdidiet konsekuttivi u abbażi ta’ analiżi xierqa sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq il-konsumatur, l-ESMA tista’ tiddeċiedi dwar it-tiġdid annwali tal-projbizzjoni jew restrizzjoni.”;

(9)

fl-Artikolu 41, il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   L-EBA għandha tirrivedi projbizzjoni jew restrizzjoni imposta taħt il-paragrafu 1 f’intervalli xierqa u tal-inqas kull sitt xhur. Wara tal-inqas żewġ tiġdidiet konsekuttivi u abbażi ta’ analiżi xierqa sabiex jiġi vvalutat l-impatt fuq il-konsumatur, l-EBA tista’ tiddeċiedi dwar it-tiġdid annwali tal-projbizzjoni jew restrizzjoni.”;

(10)

l-Artikolu 50 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Is-setgħa tal-adozzjoni tal-atti delegati msemmija fl-Artikolu 1(9), fl-Artikolu 2(2) u (3), fl-Artikolu 13(2), fl-Artikolu 15(5), fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 27(4), fl-Artikolu 27g(7), fl-Artikolu 27h(7), fl-Artikolu 31(4), fl-Artikolu 38k(10), fl-Artikolu 38n(3), fl-Artikolu 40(8), fl-Artikolu 41(8), fl-Artikolu 42(7), fl-Artikolu 45(10) u fl-Artikolu 52(10), (12) u (14) hija mogħtija għal perjodu indeterminat mit-2 ta’ Lulju 2014.”;

(b)

fil-paragrafu 3, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Id-delega tas-setgħa msemmija fl-Artikolu 1(9), fl-Artikolu 2(2) u (3), fl-Artikolu 13(2), fl-Artikolu 15(5), fl-Artikolu 17(3), fl-Artikolu 19(2) u (3), fl-Artikolu 27(4), fl-Artikolu 27g(7), fl-Artikolu 27h(7), fl-Artikolu 31(4), fl-Artikolu 38k(10), fl-Artikolu 38n(3), fl-Artikolu 40(8), fl-Artikolu 41(8), fl-Artikolu 42(7), fl-Artikolu 45(10) u fl-Artikolu 52(10), (12) u (14) tista’ tiġi rrevokata fi kwalunkwe ħin mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill.”;

(c)

fil-paragrafu 5, l-ewwel sentenza hija sostitwita b’dan li ġej:

“Att delegat adottat skont l-Artikolu 1(9), l-Artikolu 2(2) u (3), l-Artikolu 13(2), l-Artikolu 15(5), l-Artikolu 17(3), l-Artikolu 19(2) u (3), l-Artikolu 27(4), l-Artikolu 27g(7), l-Artikolu 27h(7), l-Artikolu 31(4), l-Artikolu 38k(10), l-Artikolu 38n(3), l-Artikolu 40(8), l-Artikolu 41(8), l-Artikolu 42(7), l-Artikolu 45(10) u l-Artikolu 52(10), (12) u (14) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tkun ġiet espressa ebda oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill fi żmien perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel l-iskadenza ta’ dak il-perjodu, kemm il-Parlament Ewropew kif ukoll il-Kunsill ikunu informaw lill-Kummissjoni li mhumiex se joġġezzjonaw”;

(11)

fl-Artikolu 52, jiżdiedu l-paragrafi li ġejjin:

“13.   Il-Kummissjoni għandha, wara li tikkonsulta mal-ESMA, tippreżenta rapporti lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-funzjonament tat-tape konsolidat stabbilit f’konformità mat-Titolu IVa. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 27h(1) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta’ Settembru 2019. Ir-rapport relatat mal-Artikolu 27h(2) għandu jiġi ppreżentat sat-3 ta’ Settembru 2021.

Ir-rapporti msemmija fl-ewwel subparagrafu għandhom jivvalutaw il-funzjonament tat-tape konsolidat fl-isfond tal-kriterji li ġejjin:

(a)

id-disponibbiltà u l-puntwalità tal-informazzjoni wara n-negozjar f’format ikkonsolidat li jiġbor it-tranżazzjonijiet kollha, irrispettivament minn jekk jitwettqux f’ċentri ta’ gozjar jew le;

(b)

id-disponibbiltà u l-puntwalità ta’ informazzjoni sħiħa u parzjali wara n-negozjar li tkun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u disponibbli fuq bażi kummerċjali raġonevoli.

Fejn il-Kummissjoni tikkonkludi li s-CTPs ikunu naqsu milli jipprovdu informazzjoni b’mod li jissodisfa l-kriterji stabbiliti fit-tieni subparagrafu, il-Kummissjoni għandha tehmeż mar-rapport tagħha talba lill-ESMA sabiex tagħti bidu għal proċedura negozjata għall-ħatra permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-ESMA ta’ entità kummerċjali li topera tape konsolidat. L-ESMA għandha tagħti bidu għall-proċedura wara li tirċievi t-talba mill-Kummissjoni dwar il-kundizzjonijiet speċifikati fit-talba tal-Kummissjoni u skont ir-Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*53).

14.   Fejn tkun inbdiet il-proċedura deskritta fil-paragrafu 13 ta’ dan l-Artikolu, il-Kummissjoni hija mogħtija s-setgħa li tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 50 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament, billi tispeċifika miżuri sabiex:

(a)

tipprevedi d-durata tal-kuntratt tal-entità kummerċjali li topera tape konsolidat u l-proċess u l-kundizzjonijiet għat-tiġdid tal-kuntratt u t-tnedija ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid;

(b)

tistabbilixxi li l-entità kummerċjali li topera tape konsolidat għandha tagħmel dan fuq bażi esklużiva u li l-ebda entità oħra ma għandha tkun awtorizzata bħala CTP skont l-Artikolu 27b;

(c)

tagħti s-setgħa lill-ESMA sabiex tiżgura l-konformità mal-kundizzjonijiet tal-offerta mill-entità kummerċjali li topera tape konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku;

(d)

tiżgura li l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar ipprovduta mill-entità kummerċjali li topera tape konsolidat tkun ta’ kwalità għolja, f’formati li jkunu faċilment aċċessibbli u utilizzabbli għall-parteċipanti fis-suq u f’format konsolidat li jaqbad is-suq kollu;

(e)

tiżgura li l-informazzjoni ta’ wara n-negozjar tiġi pprovduta fuq bażi kummerċjali raġonevoli, kemm fuq bażi konsolidata kif ukoll fuq bażi mhux konsolidata, u tissodisfa l-ħtiġijiet tal-utenti ta’ dik l-informazzjoni madwar l-Unjoni;

(f)

tiżgura li ċ-ċentri ta’ negozjar u l-APAs jagħmlu d-dejta kummerċjali tagħhom disponibbli għall-entità kummerċjali li topera tape konsolidat, li tkun maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku mmexxi mill-ESMA b’kost raġonevoli;

(g)

tispeċifika l-arranġamenti applikabbli meta l-entità kummerċjali li topera tape konsolidat maħtura permezz ta’ proċess ta’ akkwist pubbliku tonqos milli tissodisfa l-kundizzjonijiet tal-offerta;

(h)

tispeċifika l-arranġamenti li taħthom is-CTPs awtorizzati taħt l-Artikolu 27b jistgħu jkomplu joperaw tape konsolidat fejn ma tkunx qed tintuża s-setgħa prevista fil-punt (b) ta’ dan il-paragrafu jew, fejn ma tinħatar ebda entità permezz tal-proċess ta’ akkwist pubbliku, sa dak iż-żmien meta jitlesta proċess ta’ akkwist pubbliku ġdid u tinħatar entità kummerċjali sabiex topera tape konsolidat.

(*53)  Regolament (UE, Euratom) 2018/1046 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta’ Lulju 2018 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni, li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1296/2013, (UE) Nru 1301/2013, (UE) Nru 1303/2013, (UE) Nru 1304/2013, (UE) Nru 1309/2013, (UE) Nru 1316/2013, (UE) Nru 223/2014, (UE) Nru 283/2014, u d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE u li jħassar ir-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 (ĠU L 193, 30.7.2018, p. 1).”;"

(12)

jiżdiedu l-Artikoli li ġejjin:

“Artikolu 54a

Miżuri tranżizzjonali relatati mal-ESMA

1.   Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta jiġu ttrasferiti lill-ESMA fl-1 ta’ Jannar 2022, ħlief għal kompetenzi u dmirijiet relatati ma’ APAs u ARMs soġġetti għal deroga msemmija fil-punt 36 tal-Artikolu 2(3). Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet trasferiti għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2.   Kwalunkwe fajl u dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta, inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1.

Madankollu, applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni li kienet riċevuta mill-awtoritajiet kompetenti qabel l-1 ta’ Ottubru 2021 ma għandhiex tiġi ttrasferita lill-ESMA, u d-deċiżjoni li tiġi reġistrata jew rifjutata reġistrazzjoni għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti rilevanti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta’ Jannar 2022. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġu ffaċilitati kemm it-trasferiment effettiv u effiċjenti kif ukoll il-bidu tal-eżerċizzju tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fil-qasam tal-fornituri ta’ servizzi ta’ rapportar tad-dejta.

4.   L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar eżerċitata minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu taħt dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe awtorizzazzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta mogħtija minn awtorità kompetenti kif definita fil-punt (26) tal-Artikolu 4(1) tad-Direttiva 2014/65/UE għandha tibqa’ valida wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.

Artikolu 54b

Relazzjonijiet mal-awdituri

1.   Kwalunkwe persuna awtorizzata fis-sens tad-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*54), li twettaq, f’funzjoni ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta, il-kompitu deskritt fl-Artikolu 34 tad-Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*55) jew fl-Artikolu 73 tad-Direttiva 2009/65/KE jew kwalunkwe kompitu ieħor preskritt mil-liġi, ikollha d-dmir li tirrapporta minnufih lill-ESMA kwalunkwe fatt jew deċiżjoni li jikkonċernaw fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta li tagħhom dik il-persuna tkun saret konxja waqt it-twettiq ta’ dak il-kompitu u li jistgħu:

(a)

jikkostitwixxu ksur materjali tal-liġijiet, tar-regolamenti jew tad-dispożizzjonijiet amministrattivi li jistabbilixxu l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-awtorizzazzjoni jew li jirregolaw speċifikament l-eżerċizzju tal-attivitajiet ta’ fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta;

(b)

jaffettwaw il-funzjonament kontinwu tal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta;

(c)

iwasslu għar-rifjut taċ-ċertifikazzjoni tal-kontijiet jew għall-espressjoni ta’ riżervi.

Dik il-persuna jkollha wkoll id-dmir li tirrapporta kwalunkwe fatt u deċiżjoni li tagħhom il-persuna ssir konxja matul il-kors tat-twettiq ta’ wieħed mill-kompiti msemmija fl-ewwel subparagrafu f’impriża li jkollha rabtiet mill-qrib mal-fornitur ta’ servizzi ta’ rapportar ta’ dejta li fiha jkun qed iwettaq dak il-kompitu.

2.   Id-divulgazzjoni bona fide lill-awtoritajiet kompetenti, minn persuni awtorizzati fis-sens tad-Direttiva 2006/43/KE, ta’ kwalunkwe fatt jew deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 1, ma għandhiex tikkostitwixxi ksur ta’ kwalunkwe restrizzjoni kuntrattwali jew ġuridika tad-divulgazzjoni tal-informazzjoni u ma għandha tinvolvi l-ebda responsabbiltà għal tali persuni.

(*54)  Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta’ Mejju 2006 dwar il-verifiki statutorji tal-kontijiet annwali u tal-kontijiet konsolidati, li temenda d-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 84/253/KEE (ĠU L 157, 9.6.2006, p. 87)."

(*55)  Direttiva 2013/34/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta’ Ġunju 2013 dwar id-dikjarazzjonijiet finanzjarji annwali, id-dikjarazzjonijiet finanzjarji kkonsolidati u r-rapporti relatati ta’ ċerti tipi ta’ impriżi, u li temenda d-Direttiva 2006/43/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttivi tal-Kunsill 78/660/KEE u 83/349/KEE (ĠU L 182, 29.6.2013, p. 19).”."

Artikolu 5

Emendi għar-Regolament (UE) 2016/1011

Ir-Regolament (UE) 2016/1011 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 3(1), il-punt (24)(a) huwa emendat kif ġej:

(a)

il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“(a)

data tal-input ikkontribwita kompletament minn:”;

(b)

il-punt (vii) huwa sostitwit b’dan li ġej:

“(vii)

fornitur ta’ servizzi li lilu l-amministratur ta’ parametru referenzjarju jkun esternalizza l-ġbir tad-data skont l-Artikolu 10, bl-eċċezzjoni tal-punt (f) tal-Artikolu 10(3), sakemm il-fornitur ta’ servizzi jirċievi d-data kompletament minn entità msemmija fil-punti (i) sa (vi) ta’ dan il-punt;”;

(2)

fl-Artikolu 4, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“9.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika r-rekwiżiti maħsuba biex jiżguraw li l-arranġamenti ta’ governanza msemmija fil-paragrafu 1 ikunu robusti biżżejjed.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2020.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(3)

fl-Artikolu 12, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet maħsuba biex jiżguraw li l-metodoloġija msemmija fil-paragrafu 1 tkun konformi mal-punti (a) sa (e) ta’ dak il-paragrafu.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2020.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(4)

fl-Artikolu 14, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“4.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-karatteristiki tas-sistemi u l-kontrolli msemmija fil-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2020.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(5)

fl-Artikolu 20, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn l-ESMA tqis li parametru referenzjarju jissodisfa l-kriterji kollha stabbiliti fil-punt (c) tal-paragrafu 1, hija għandha tissottometti talba ddokumentata lill-Kummissjoni biex tirrikonoxxi dak il-parametru referenzjarju bħala parametru referenzjarju ta’ importanza kritika.

Wara li tirċievi dik it-talba dokumentata għad-deżinjazzjoni, il-Kummissjoni għandha tadotta att ta’ implimentazzjoni f’konformità mal-paragrafu 1.

L-ESMA għandha tirrieżamina l-valutazzjoni tagħha tal-importanza kritika tal-parametru referenzjarju mill-inqas kull sentejn u għandha tinnotifika u tittrasmetti l-valutazzjoni lill-Kummissjoni.”;

(6)

l-Artikolu 21 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Malli tirċievi l-valutazzjoni mingħand l-amministratur imsemmi fil-paragrafu 1, l-awtorità kompetenti għandha:

(a)

tinforma lill-ESMA u lill-kulleġġ stabbilit taħt l-Artikolu 46;

(b)

fi żmien erba’ ġimgħat minn meta tirċievi dik il-valutazzjoni, tagħmel il-valutazzjoni tagħha stess ta’ kif il-parametru referenzjarju għandu jingħadda lil amministratur ġdid jew ma jibqax jiġi pprovdut, filwaqt li tqis il-proċedura stabbilita f’konformità mal-Artikolu 28(1).

Matul il-perjodu msemmi fil-punt (b) tal-ewwel subparagrafu, l-amministratur ma għandux iwaqqaf il-forniment tal-parametru referenzjarju mingħajr il-kunsens bil-miktub tal-ESMA jew tal-awtorità kompetenti, fejn rilevanti.”;

(b)

jiżdied il-paragrafu 5:

“5.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji sabiex tispeċifika l-kriterji li fuqhom għandha tiġi bbażata l-valutazzjoni msemmija fil-punt (b) tal-paragrafu 2.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2020.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(7)

fl-Artikolu 23, il-paragrafi 3 u 4 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“3.   Kontributur taħt superviżjoni għal parametru referenzjarju ta’ importanza kritika li jkollu l-intenzjoni li jieqaf jikkontribwixxi data ta’ input għandu jinnotifika minnufih lill-amministratur b’dan bil-miktub. L-amministratur għandu konsegwentement jgħarraf mingħajr dewmien bla bżonn lill-awtorità kompetenti tiegħu.

L-awtorità kompetenti tal-amministratur tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika għandha tinforma lill-awtorità kompetenti ta’ dak il-kontributur taħt superviżjoni, u fejn applikabbli lill-ESMA, b’dan mingħajr dewmien bla bżonn. L-amministratur għandu jissottometti lill-awtorità kompetenti tiegħu valutazzjoni tal-implikazzjonijiet tal-kapaċità tal-parametru referenzjarju ta’ importanza kritika li jkejjel is-suq sottostanti jew ir-realtà ekonomika sottostanti, mill-aktar fis possibbli iżda mhux aktar tard minn 14-il jum wara n-notifika magħmula mill-kontributur taħt superviżjoni.

4.   Malli tirċievi l-valutazzjoni msemmija fil-paragrafi 2 u 3 ta’ dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha, fejn applikabbli, tinforma fil-pront lill-ESMA jew lill-kulleġġ stabbilit taħt l-Artikolu 46 u għandha, abbażi ta’ dik il-valutazzjoni, tagħmel il-valutazzjoni tagħha tal-kapaċità tal-parametru referenzjarju li jkejjel is-suq u r-realtà ekonomika sottostanti, filwaqt li tqis il-proċedura tal-amministratur għall-waqfien tal-parametru referenzjarju stabbilit f’konformità mal-Artikolu 28(1).”;

(8)

fl-Artikolu 26, jiżdied il-paragrafu li ġej:

“6.   L-ESMA għandha tiżviluppa abbozz ta’ standards regolatorji biex tispeċifika l-kriterji li taħthom l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jirrikjedu bidliet fid-dikjarazzjoni ta’ konformità kif imsemmi fil-paragrafu 4.

L-ESMA għandha tissottometti dak l-abbozz ta’ standards tekniċi regolatorji lill-Kummissjoni sal-1 ta’ Ottubru 2020.

Is-setgħa hija delegata lill-Kummissjoni biex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tadotta l-istandards tekniċi regolatorji msemmija fl-ewwel subparagrafu f’konformità mal-Artikoli 10 sa 14 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(9)

l-Artikolu 30 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 2, jiddaħħal is-subparagrafu li ġej wara l-punt (b):

“Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-adempiment effettiv minn dak il-pajjiż terz ta’ kwalunkwe kundizzjoni, li jkollha l-għan li tiżgura standards superviżorji u regolatorji ekwivalenti, stabbilita f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq bażi kontinwa u għall-kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(b)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.”;

(c)

fil-paragrafu 3, is-subparagrafu li ġej jiddaħħal wara l-punt (b):

“Il-Kummissjoni tista’ tissoġġetta l-applikazzjoni tad-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu għall-adempiment effettiv minn dak il-pajjiż terz ta’ kwalunkwe kundizzjoni, li jkollha l-għan li tiżgura standards superviżorji u regolatorji ekwivalenti, stabbilita f’dik id-deċiżjoni ta’ implimentazzjoni fuq bażi kontinwa u għall-kapaċità tal-ESMA li teżerċita b’mod effettiv ir-responsabbiltajiet ta’ monitoraġġ imsemmija fl-Artikolu 33 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(d)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“3a.   Il-Kummissjoni tista’ tadotta att delegat f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika l-kundizzjonijiet imsemmija fil-punti (a) u (b) tal-ewwel subparagrafu tal-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu.”;

(e)

il-parti introduttorja tal-paragrafu 4 hija sostitwita b’dan li ġej:

“4.   L-ESMA għandha tistabbilixxi arranġamenti ta’ kooperazzjoni mal-awtoritajiet kompetenti tal-pajjiżi terzi li l-oqfsa ġuridiċi u l-prassi superviżorji tagħhom ikunu ġew rikonoxxuti bħala ekwivalenti skont il-paragrafu 2 jew 3 ta’ dan l-Artikolu. Meta tistabbilixxi dawk l-arranġamenti, l-ESMA għandha tqis jekk pajjiż terz inkwistjoni huwiex, f’konformità ma’ att delegat adottat skont l-Artikolu 9 tad-Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*56), fil-lista ta’ ġurisdizzjonijiet li għandhom nuqqasijiet strateġiċi fir-reġimi tagħhom kontra l-ħasil tal-flus u għall-ġlieda kontra l-finanzjament tat-terroriżmu li joħolqu theddid sinifikanti għas-sistema finanzjarja tal-Unjoni. Tali arranġamenti għandhom jispeċifikaw mill-inqas:

(*56)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).”;"

(10)

l-Artikolu 32 huwa emendat kif ġej:

(a)

il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   Sa dak il-mument li tiġi adottata deċiżjoni ta’ ekwivalenza f’konformità mal-Artikolu 30(2) u (3), parametru referenzjarju pprovdut minn amministratur li jinsab f’pajjiż terz jista’ jintuża minn entitajiet taħt superviżjoni fl-Unjoni, sakemm dak l-amministratur jikseb rikonoxximent minn qabel mill-ESMA f’konformità ma’ dan l-Artikolu.”;

(b)

fil-paragrafu 2, it-tieni subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Sabiex jiġi ddeterminat jekk il-kundizzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu hijiex issodisfata u sabiex tiġi vvalutata l-konformità mal-prinċipji IOSCO għall-parametri referenzjarji finanzjarji jew mal-prinċipji IOSCO għall-PRAs, kif applikabbli, l-ESMA tista’ tikkunsidra valutazzjoni minn awditur estern indipendenti jew ċertifikazzjoni pprovduta mill-awtorità kompetenti tal-amministratur fil-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur.”;

(c)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu jkollu rappreżentant legali. Ir-rappreżentant legali għandu jkun persuna fiżika jew ġuridika li tinsab fl-Unjoni u espressament maħtura minn dak l-amministratur sabiex taġixxi f’isem dak l-amministratur fir-rigward tal-obbligi tal-amministratur taħt dan ir-Regolament. Ir-rappreżentant legali għandu, flimkien mal-amministratur, iwettaq il-funzjoni ta’ sorveljanza relatata mal-forniment ta’ parametri referenzjarji mwettqa mill-amministratur taħt dan ir-Regolament u, f’dak ir-rigward, jkun responsabbli lejn l-ESMA.”;

(d)

il-paragrafu 4 jitħassar;

(e)

il-paragrafu 5 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   Amministratur li jinsab f’pajjiż terz li jkollu l-intenzjoni li jikseb rikonoxximent minn qabel kif imsemmi fil-paragrafu 1 għandu japplika għal rikonoxximent mal-ESMA. L-amministratur applikant għandu jipprovdi l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex jissodisfa lill-ESMA li jkun stabbilixxa, fil-mument tar-rikonoxximent, l-arranġamenti kollha meħtieġa sabiex jiġu ssodisfati r-rekwiżiti msemmija fil-paragrafu 2 u għandu jipprovdi l-lista tal-parametri referenzjarji attwali jew prospettivi tiegħu li huma maħsuba biex jintużaw fl-Unjoni u għandu, fejn applikabbli, jindika l-awtorità kompetenti fil-pajjiż terz responsabbli għas-superviżjoni tiegħu.

Fi żmien 90 jum tax-xogħol minn meta tirċievi l-applikazzjoni msemmija fl-ewwel subparagrafu ta’ dan il-paragrafu, l-ESMA għandha tivverifika li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 huma ssodisfati.

Fejn l-ESMA tqis li l-kundizzjonijiet stabbiliti fil-paragrafi 2 u 3 mhumiex issodisfati, hija għandha tirrifjuta t-talba għal rikonoxximent u tagħti r-raġunijiet għal dak ir-rifjut. Barra minn hekk, ma għandu jingħata l-ebda rikonoxximent ħlief jekk jiġu ssodisfati l-kundizzjonijiet addizzjonali li ġejjin:

(a)

fejn amministratur li jkun jinsab f’pajjiż terz ikun soġġett għal superviżjoni, ikun hemm arranġament adegwat ta’ kooperazzjoni fis-seħħ bejn l-ESMA u l-awtorità kompetenti tal-pajjiż terz fejn jinsab l-amministratur, f’konformità mal-istandards tekniċi regolatorji adottati skont l-Artikolu 30(5), sabiex jiġi żgurat skambju effiċjenti ta’ informazzjoni li jippermetti lill-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz taqdi dmirijietha f’konformità ma’ dan ir-Regolament;

(b)

l-eżerċizzju effettiv mill-ESMA tal-funzjonijiet superviżorji tagħha taħt dan ir-Regolament ma jkun impedut la mil-liġijiet, mir-regolamenti jew mid-dispożizzjonijiet amministrattivi tal-pajjiż terz fejn ikun jinsab l-amministratur, u lanqas, fejn applikabbli, mil-limitazzjonijiet fis-setgħat superviżorji u investigattivi tal-awtorità kompetenti ta’ dak il-pajjiż terz.”;

(f)

il-paragrafi 6 u 7 jitħassru;

(g)

il-paragrafu 8 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“8.   L-ESMA għandha tissospendi jew, fejn xieraq, tirtira r-rikonoxximent mogħti f’konformità mal-paragrafu 5 fejn hija jkollha raġunijiet sodi, abbażi tal-evidenza ddokumentata, sabiex tqis li l-amministratur:

(a)

qed jaġixxi b’mod li huwa evidentement ta’ preġudizzju għall-interessi tal-utenti tal-parametri referenzjarji tiegħu jew għall-funzjonament tajjeb tas-swieq;

(b)

ikun kiser serjament ir-rekwiżiti rilevanti stabbiliti f’dan ir-Regolament;

(c)

ikun għamel dikjarazzjonijiet foloz jew uża kwalunkwe mezz irregolari ieħor sabiex jikseb ir-rikonoxximent.”;

(11)

fl-Artikolu 34, jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“1a.   Fejn wieħed jew aktar mill-indiċijiet ipprovduti mill-persuna msemmija fil-paragrafu 1 ikunu jikkwalifikaw bħala parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kif imsemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1), l-applikazzjoni għandha tiġi indirizzata lill-ESMA.”;

(12)

l-Artikolu 40 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 40

Awtoritajiet kompetenti

1.   Għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament l-ESMA għandha tkun l-awtorità kompetenti għal:

(a)

amministraturi ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika kif imsemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1);

(b)

amministraturi tal-parametri referenzjarji msemmija fl-Artikolu 32.

2.   Kull Stat Membru għandu jinnomina l-awtorità kompetenti rilevanti responsabbli għat-twettiq tal-obbligi taħt dan ir-Regolament u għandu jinforma lill-Kummissjoni u lill-ESMA b’dan.

3.   Stat Membru li jinnomina aktar minn awtorità kompetenti waħda f’konformità mal-paragrafu 2 għandu jiddetermina b’mod ċar ir-rwoli rispettivi ta’ dawk l-awtoritajiet kompetenti u għandu jinnomina awtorità waħda li trid tkun responsabbli għall-koordinazzjoni tal-kooperazzjoni u għall-iskambju ta’ informazzjoni mal-Kummissjoni, mal-ESMA u mal-awtoritajiet kompetenti ta’ Stati Membri oħrajn.

4.   L-ESMA għandha tippubblika fis-sit web tagħha lista tal-awtoritajiet kompetenti nnominati f’konformità mal-paragrafi 2 u 3.”;

(13)

l-Artikolu 41 huwa emendat kif ġej:

(a)

fil-paragrafu 1, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“1.   Sabiex jaqdu dmirijiethom taħt dan ir-Regolament, l-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandu jkollhom, f’konformità mal-liġi nazzjonali, mill-inqas is-setgħat superviżorji u investigattivi li ġejjin:”;

(b)

fil-paragrafu 2, il-parti introduttorja hija sostitwita b’dan li ġej:

“2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jeżerċitaw il-funzjonijiet u s-setgħat tagħhom imsemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu u s-setgħat li jimponu sanzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42 f’konformità mal-oqfsa legali nazzjonali tagħhom, bi kwalunkwe wieħed mill-modi li ġejjin:”;

(14)

fl-Artikolu 43(1), il-parti introduttorja hija sostitwita b’din li ġejja:

“1.   L-Istati Membri għandhom jiżguraw li, meta jiġu biex jiddeterminaw it-tip u l-livell ta’ sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn, l-awtoritajiet kompetenti li huma nnominaw f’konformità mal-Artikolu 40(2) iqisu ċ-ċirkostanzi rilevanti kollha, inklużi, fejn ikun xieraq:”;

(15)

l-Artikolu 44 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 44

Obbligu ta’ kooperazzjoni

1.   L-Istati Membri li jkunu għażlu li jistabbilixxu sanzjonijiet kriminali għal ksur tad-dispożizzjonijiet imsemmija fl-Artikolu 42 għandhom jiżguraw li jkun hemm fis-seħħ miżuri xierqa sabiex l-awtoritajiet kompetenti nnominati f’konformità mal-Artikolu 40(2) u (3) ikollhom is-setgħat kollha meħtieġa sabiex jikkomunikaw mal-awtoritajiet ġudizzjarji fil-ġurisdizzjoni tagħhom bil-għan li jirċievu informazzjoni speċifika relatata ma’ investigazzjonijiet jew proċedimenti kriminali mibdija għal ksur possibbli ta’ dan ir-Regolament. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jipprovdu dik l-informazzjoni lil awtoritajiet kompetenti oħrajn u lill-ESMA.

2.   L-awtoritajiet kompetenti nnominati skont l-Artikolu 40(2) u (3) għandhom jassistu lil awtoritajiet kompetenti oħrajn u lill-ESMA. B’mod partikolari, huma għandhom jiskambjaw informazzjoni u jikkooperaw fi kwalunkwe investigazzjoni jew attività ta’ superviżjoni. L-awtoritajiet kompetenti jistgħu jikkooperaw ukoll ma’ awtoritajiet kompetenti oħrajn sabiex jiffaċilitaw l-irkupru ta’ sanzjonijiet pekunarji.”;

(16)

fl-Artikolu 45(5), l-ewwel subparagrafu huwa sostitwit b’dan li ġej:

“5.   L-Istati Membri għandhom jipprovdu lill-ESMA b’informazzjoni aggregata rigward is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħrajn imposti skont l-Artikolu 42 fuq bażi annwali. Dak l-obbligu ma għandux japplika għall-miżuri ta’ natura investigattiva. L-ESMA għandha tippubblika dik l-informazzjoni f’rapport annwali, flimkien ma’ informazzjoni aggregata dwar is-sanzjonijiet amministrattivi kollha u miżuri amministrattivi oħrajn li hija tkun imponiet skont l-Artikolu 48f.”;

(17)

fl-Artikolu 46, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   Fi żmien 30 jum tax-xogħol mill-inklużjoni ta’ parametru referenzjarju msemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1) fil-lista ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika, bl-eċċezzjoni ta’ parametri referenzjarji fejn il-maġġoranza tal-kontributuri mhumiex entitajiet taħt superviżjoni, l-awtorità kompetenti tal-amministratur għandha tistabbilixxi kulleġġ u tmexxi l-kulleġġ.

2.   Il-kulleġġ għandu jkun magħmul minn rappreżentanti tal-awtorità kompetenti tal-amministratur, tal-ESMA, sakemm din ma tkunx l-awtorità kompetenti tal-amministratur, u tal-awtoritajiet kompetenti tal-kontributuri taħt superviżjoni.”;

(18)

fl-Artikolu 47, il-paragrafi 1 u 2 huma sostitwiti b’dan li ġej:

“1.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jikkooperaw mal-ESMA għall-finijiet ta’ dan ir-Regolament, f’konformità mar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

2.   L-awtoritajiet kompetenti msemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jipprovdu, mingħajr dewmien bla bżonn, lill-ESMA l-informazzjoni kollha meħtieġa biex twettaq dmirijietha, skont l-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.”;

(19)

fit-Titolu VI, jiżdied il-Kapitolu li ġej:

KAPITOLU 4

Setgħat u kompetenzi tal-ESMA

Taqsima 1

Kompetenzi u proċeduri

Artikolu 48a

L-eżerċizzju tas-setgħat mill-ESMA

Is-setgħat mogħtija lill-ESMA, lil kwalunkwe uffiċjal tal-ESMA jew lil kwalunkwe persuna oħra awtorizzata mill-ESMA mill-Artikoli 48b sa 48d ma għandhomx jintużaw sabiex jesiġu d-divulgazzjoni ta’ informazzjoni jew dokumenti li jkunu soġġetti għal privileġġ legali.

Artikolu 48b

Talba għall-informazzjoni

1.   L-ESMA tista’, permezz ta’ talba sempliċi jew b’deċiżjoni, titlob lill-persuni li ġejjin jipprovdu l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex hija tkun tista’ taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament:

(a)

persuni involuti fil-forniment ta’ parametri referenzjarji, kif imsemmija fl-Artikolu 40(1);

(b)

il-partijiet terzi li lilhom il-persuni msemmija fil-punt (a) jkunu esternalizzaw funzjonijiet jew attivitajiet f’konformità mal-Artikolu 10;

(c)

persuni li huma b’mod ieħor relatati jew konnessi mill-qrib u b’mod sostanzjali mal-persuni msemmija fil-punt (a).

F’konformità mal-Artikolu 35 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u fuq talba tal-ESMA, l-awtoritajiet kompetenti għandhom jindirizzaw dik it-talba għall-informazzjoni lil kontributuri għal parametri referenzjarji ta’ importanza kritika msemmija fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1) ta’ dan ir-Regolament u għandhom jikkondividu l-informazzjoni riċevuta mingħajr dewmien bla bżonn mal-ESMA.

2.   Kwalunkwe talba sempliċi għall-informazzjoni msemmija fil-paragrafu 1 għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-fini ta’ dik it-talba;

(c)

tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)

tinkludi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tinkludi dikjarazzjoni li ma hemm ebda obbligu fuq il-persuna li mingħandha tintalab l-informazzjoni sabiex tipprovdi dik l-informazzjoni, iżda li f’każ ta’ tweġiba volontarja għat-talba, l-informazzjoni pprovduta ma tridx tkun skorretta jew qarrieqa;

(f)

tindika l-ammont tal-multa li trid tiġi imposta f’konformità mal-Artikolu 48f fejn l-informazzjoni pprovduta tkun skorretta jew qarrieqa.

3.   Meta tintalab tipprovdi informazzjoni taħt il-paragrafu 1 b’deċiżjoni, l-ESMA għandha:

(a)

tirreferi għal dan l-Artikolu bħala l-bażi ġuridika ta’ dik it-talba;

(b)

tiddikjara l-fini ta’ dik it-talba;

(c)

tispeċifika l-informazzjoni meħtieġa;

(d)

tistabbilixxi limitu ta’ żmien li fih trid tiġi pprovduta l-informazzjoni;

(e)

tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 48g fejn l-informazzjoni mitluba ma tkunx kompluta;

(f)

tindika l-multa prevista fl-Artikolu 48f fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru jkunu skorretti jew qarrieqa;

(g)

tindika d-dritt għal appell tad-deċiżjoni quddiem il-Bord tal-Appell tal-ESMA u għar-rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea (Qorti tal-Ġustizzja) f’konformità mal-Artikolu 48k ta’ dan ir-Regolament u l-Artikoli 60 u 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

4.   Il-persuni msemmija fil-paragrafu 1 jew ir-rappreżentanti tagħhom u, fil-każ ta’ persuni ġuridiċi jew assoċjazzjonijiet li ma għandhomx personalità ġuridika, il-persuni awtorizzati sabiex jirrappreżentawhom bil-liġi jew bil-kostituzzjoni tagħhom, għandhom ifornu l-informazzjoni mitluba. Avukati debitament awtorizzati li jaġixxu jistgħu jipprovdu l-informazzjoni f’isem il-klijenti tagħhom. Dawn tal-aħħar għandhom jibqgħu responsabbli b’mod sħiħ jekk l-informazzjoni mogħtija tkun mhux kompluta, skorretta jew qarrieqa.

5.   L-ESMA għandha tibgħat mingħajr dewmien bla bżonn kopja tat-talba sempliċi jew tad-deċiżjoni tagħha lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru tal-persuni msemmija fil-paragrafu 1.

Artikolu 48c

Investigazzjonijiet ġenerali

1.   Sabiex taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq investigazzjonijiet meħtieġa tal-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1). Għal dak il-għan, l-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA għandu jkollhom is-setgħa li:

(a)

jeżaminaw kwalunkwe rekord, data, proċedura u kwalunkwe materjal ieħor rilevanti għat-twettiq tal-kompiti tagħha, irrispettivament mill-mezz li fuqu jkunu maħżuna;

(b)

jieħdu jew jakkwistaw kopji ċċertifikati ta’ tali rekords, data, proċeduri u materjal ieħor, jew siltiet minnhom;

(c)

isejħu u jitolbu lil kwalunkwe waħda minn dawk il-persuni jew lir-rappreżentanti, jew membri tal-persunal, tagħhom għal spjegazzjonijiet bil-fomm jew bil-miktub dwar fatti jew dokumenti relatati mas-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, u jżommu rekord tat-tweġibiet;

(d)

jintervistaw kwalunkwe persuna fiżika jew ġuridika oħra li tagħti l-kunsens li tiġi intervistata bil-fini li tinġabar informazzjoni relatata mas-suġġett ta’ investigazzjoni;

(e)

jitolbu rekords tat-traffiku tat-telefon u tad-data.

2.   L-uffiċjali u persuni oħra awtorizzati mill-ESMA għall-finijiet tal-investigazzjonijiet imsemmijin fil-paragrafu 1 għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom meta jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni. Dik l-awtorizzazzjoni għandha tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 48g fejn il-produzzjoni tar-rekords, data, proċeduri jew kwalunkwe materjal ieħor li jkunu meħtieġa, jew it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lill-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) ma jkunux saru jew ma jkunux kompleti, u tindika l-multi previsti fl-Artikolu 48f, fejn it-tweġibiet għall-mistoqsijiet li jsiru lil dawk il-persuni jkunu skorretti jew qarrieqa.

3.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) għandhom jissottomettu għal investigazzjonijiet imnedija abbażi ta’ deċiżjoni tal-ESMA. Id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-investigazzjoni, il-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 48g, ir-rimedji legali disponibbli skont ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010 u d-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

4.   Fi żmien adatt qabel l-investigazzjoni msemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tinforma lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn trid titwettaq l-investigazzjoni dwar l-investigazzjoni u l-identità tal-persuni awtorizzati. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu lil dawk il-persuni awtorizzati fil-qadi ta’ dmirijiethom. L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti kkonċernata jistgħu jattendu l-investigazzjonijiet jekk jintalbu jagħmlu dan.

5.   Jekk talba għal rekords tat-traffiku tat-telefon jew tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ wkoll issir applikazzjoni għaliha bħala miżura ta’ prekawzjoni.

6.   Fejn awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ talba għal rekords tat-telefon jew tat-traffiku tad-data msemmija fil-punt (e) tal-paragrafu 1, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)

li d-deċiżjoni msemmija fil-paragrafu 3 tkun awtentika;

(b)

li kwalunkwe miżura li trid tittieħed tkun proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar- l-ħtieġa l-ESMA biex tissuspetta li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrivedi l-ħtieġa għall-investigazzjoni jew titlob li tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 48d

Spezzjonijiet fuq il-post

1.   Sabiex taqdi dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA tista’ twettaq l-ispezzjonijiet fuq il-post kollha meħtieġa fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1).

2.   L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post jistgħu jidħlu fi kwalunkwe bini tan-negozju tal-persuni soġġetti għal deċiżjoni ta’ investigazzjoni adottata mill-ESMA u għandu jkollhom is-setgħat kollha stipulati fl-Artikolu 48c(1). Huma għandu jkollhom is-setgħa li jissiġillaw kwalunkwe bini tan-negozju u kotba jew reġistri għall-perijodu tal-ispezzjoni u sal-limitu neċessarju għall-ispezzjoni.

3.   Fi żmien suffiċjenti qabel l-ispezzjoni, l-ESMA għandha tagħti avviż tal-ispezzjoni lill-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn tkun trid titwettaq l-ispezzjoni. Fejn it-twettiq korrett u l-effiċjenza tal-ispezzjoni jkunu jirrikjedu dan, l-ESMA tista’, wara li tinforma lill-awtorità kompetenti rilevanti, twettaq l-ispezzjoni fuq il-post mingħajr notifika minn qabel. L-ispezzjonijiet f’konformità ma’ dan l-Artikolu għandhom jitwettqu dment li l-awtorità rilevanti tkun ikkonfermat li hija ma toġġezzjonax għal dawk l-ispezzjonijiet.

4.   L-uffiċjali u persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA sabiex iwettqu spezzjoni fuq il-post għandhom jeżerċitaw is-setgħat tagħhom billi jipproduċu awtorizzazzjoni bil-miktub li tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni u l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 48g meta l-persuni kkonċernati ma jissottomettux għall-ispezzjoni.

5.   Il-persuni msemmija fl-Artikolu 48b(1) għandhom jissottomettu għall-ispezzjonijiet fuq il-post ordnati b’deċiżjoni tal-ESMA. Dik id-deċiżjoni għandha tispeċifika s-suġġett u l-fini tal-ispezzjoni, id-data meta din għandha tibda u tindika l-ħlasijiet perjodiċi ta’ penali previsti fl-Artikolu 48g, ir-rimedji legali disponibbli taħt ir-Regolament (UE) Nru 1095/2010, kif ukoll id-dritt għal rieżami tad-deċiżjoni mill-Qorti tal-Ġustizzja.

6.   L-uffiċjali tal-awtorità kompetenti tal-Istat Membru fejn għandha titwettaq l-ispezzjoni, kif ukoll dawk awtorizzati jew maħtura minnha, għandhom, fuq talba tal-ESMA, jassistu b’mod attiv lill-uffiċjali u lil persuni oħrajn awtorizzati mill-ESMA. L-uffiċjali ta’ dik l-awtorità kompetenti jistgħu jattendu wkoll l-ispezzjonijiet fuq il-post wara li ssirilhom talba.

7.   L-ESMA tista’ teżiġi wkoll li l-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri jwettqu kompiti investigattivi speċifiċi u spezzjonijiet fuq il-post kif previst f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 48c(1) f’isimha. Għal dak l-għan, l-awtoritajiet kompetenti għandhom igawdu l-istess setgħat tal-ESMA kif stabbilit f’dan l-Artikolu u fl-Artikolu 48c(1).

8.   Fejn l-uffiċjali u persuni oħrajn li jakkumpanjawhom awtorizzati mill-ESMA jsibu li persuna topponi spezzjoni ordnata skont dan l-Artikolu, l-awtorità kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat għandha tagħtihom l-assistenza meħtieġa, billi titlob, fejn xieraq, l-assistenza tal-pulizija jew ta’ awtorità tal-infurzar ekwivalenti, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-ispezzjoni tagħhom fuq il-post.

9.   Jekk l-ispezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7 tkun teħtieġ awtorizzazzjoni minn awtorità ġudizzjarja nazzjonali skont il-liġi nazzjonali applikabbli, għandha ssir applikazzjoni għal tali awtorizzazzjoni. Tali awtorizzazzjoni tista’ ssir applikazzjoni għaliha wkoll bħala miżura ta’ prekawzjoni.

10.   Fejn awtorità ġudizzjarja nazzjonali tirċievi applikazzjoni għall-awtorizzazzjoni ta’ spezzjoni fuq il-post prevista fil-paragrafu 1 jew l-assistenza prevista fil-paragrafu 7, dik l-awtorità għandha tivverifika dawn li ġejjin:

(a)

li d-deċiżjoni adottata mill-ESMA msemmija fil-paragrafu 5 tkun awtentika;

(b)

li kwalunkwe miżura li trid tittieħed tkun proporzjonata u mhux arbitrarja jew eċċessiva.

Għall-finijiet tal-punt (b), l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali tista’ titlob lill-ESMA għal spjegazzjonijiet dettaljati, b’mod partikolari relatati mar-raġunijiet li jkollha l-ESMA biex tissuspetta li seħħ ksur ta’ dan ir-Regolament u s-serjetà tal-ksur suspettat u n-natura tal-involviment tal-persuna soġġetta għall-miżuri koerċittivi. Madankollu, l-awtorità ġudizzjarja nazzjonali ma għandhiex tirrivedi l-ħtieġa tal-investigazzjoni jew titlob li a tiġi pprovduta bl-informazzjoni fil-fajl tal-ESMA. Il-legalità tad-deċiżjoni tal-ESMA għandha tkun soġġetta għal rieżami biss mill-Qorti tal-Ġustizzja skont il-proċedura stabbilita fl-Artikolu 61 tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Taqsima 2

Sanzjonijiet amministrattivi u miżuri amministrattivi oħrajn

Artikolu 48e

Miżuri superviżorji mill-ESMA

1.   Fejn, f’konformità mal-Artikolu 48i(5), l-ESMA ssib li persuna tkun wettqet wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1), hija għandha tieħu waħda jew aktar mill-azzjonijiet li ġejjin:

(a)

tadotta deċiżjoni li tesiġi li l-persuna ttemm il-ksur;

(b)

tadotta deċiżjoni li timponi multi skont l-Artikolu 48f;

(c)

toħroġ avviżi pubbliċi.

2.   Meta tieħu l-azzjonijiet imsemmija fil-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis in-natura u s-serjetà tal-ksur, filwaqt li tqis il-kriterji li ġejjin:

(a)

it-tul ta’ żmien u l-frekwenza tal-ksur;

(b)

jekk ir-reat finanzjarju ġiex ikkawżat jew iffaċilitat mill-ksur jew huwiex b’xi mod ieħor attribwibbli għall-ksur;

(c)

jekk il-ksur twettaqx intenzjonalment jew b’negliġenza;

(d)

il-livell tar-responsabbiltà tal-persuna responsabbli għall-ksur;

(e)

is-saħħa finanzjarja tal-persuna responsabbli għall-ksur, kif indikat mill-fatturat totali tal-persuna ġuridika responsabbli jew l-introjtu annwali u l-assi netti tal-persuna fiżika responsabbli;

(f)

l-impatt tal-ksur fuq l-interessi tal-investituri fil-livell tal-konsum;

(g)

l-importanza tal-profitti miksuba, it-telf evitat mill-persuna responsabbli għall-ksur jew it-telf għall-partijiet terzi minħabba l-ksur, sa fejn dawn ikunu jistgħu jiġu stabbiliti;

(h)

il-livell ta’ kooperazzjoni tal-persuna responsabbli għall-ksur mal-ESMA, mingħajr preġudizzju għall-ħtieġa li tiġi żgurata l-eliminazzjoni tal-profitti miksuba jew tat-telf evitat minn dik il-persuna;

(i)

ksur preċedenti mill-persuna responsabbli għall-ksur;

(j)

il-miżuri meħudin wara l-ksur mill-persuna responsabbli għall-ksur sabiex jiġi impedut li l-ksur jiġi ripetut.

3.   Mingħajr dewmien bla bżonn, l-ESMA għandha tinnotifika kwalunkwe azzjoni meħuda skont il-paragrafu 1 lill-persuna responsabbli għall-ksur u għandha tikkomunikaha lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u lill-Kummissjoni. Hija għandha tiddivulga kwalunkwe tali azzjoni fis-sit web tagħha fi żmien 10 ijiem tax-xogħol mid-data meta tkun ġiet adottata.

Id-divulgazzjoni lill-pubbliku msemmija fl-ewwel subparagrafu għandha tinkludi dan li ġej:

(a)

dikjarazzjoni li tafferma d-dritt tal-persuna responsabbli għall-ksur li tappella d-deċiżjoni;

(b)

fejn rilevanti, dikjarazzjoni li tafferma li ġie ppreżentat appell u li tispeċifika li tali appell ma għandux effett sospensiv;

(c)

dikjarazzjoni li tasserixxi li huwa possibbli li l-Bord tal-Appell tal-ESMA jissospendi l-applikazzjoni tad-deċiżjoni kkontestata f’konformità mal-Artikolu 60(3) tar-Regolament (UE) Nru 1095/2010.

Artikolu 48f

Multi

1.   Fejn, f’konformità mal-Artikolu 48i(5), l-ESMA ssib li kwalunkwe persuna wettqet, intenzjonalment jew b’mod negliġenti, wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1), hija għandha tadotta deċiżjoni li timponi multa f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu.

Ksur għandu jitqies bħala li twettaq intenzjonalment jekk l-ESMA ssib fatturi oġġettivi li juru li persuna aġixxiet deliberatament biex twettaq il-ksur.

2.   L-ammont massimu tal-multa msemmija fil-paragrafu 1 għandu jkun:

(a)

fil-każ ta’ persuna ġuridika, EUR 1 000 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016, jew 10 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema jkun l-ogħla;

(b)

fil-każ ta’ persuna fiżika, EUR 500 000, jew, fl-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016.

Minkejja l-ewwel subparagrafu, l-ammont massimu tal-multa għall-ksur tal-punt (d) tal-Artikolu 11(1) jew tal-Artikolu 11(4) għandu jkun ta’ EUR 250 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita nazzjonali tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016 jew 2 % tal-fatturat annwali totali ta’ dik il-persuna ġuridika skont l-aħħar rapporti finanzjarji disponibbli approvati mill-korp maniġerjali, skont liema jkun l-ogħla għall-persuni ġuridiċi, u EUR 100 000 jew, fl-Istati Membri li l-munita uffiċjali tagħhom mhijiex l-euro, il-valur korrispondenti fil-munita nazzjonali fit-30 ta’ Ġunju 2016 għall-persuni fiżiċi.

Għall-finijiet tal-punt (a), fejn il-persuna ġuridika tkun impriża prinċipali jew sussidjarja ta’ impriża prinċipali li tkun meħtieġa tħejji kontijiet finanzjarji konsolidati f’konformità mad-Direttiva 2013/34/UE, il-fatturat annwali totali rilevanti għandu jkun il-fatturat annwali totali jew it-tip korrispondenti ta’ introjtu f’konformità mal-liġi rilevanti tal-Unjoni fil-qasam tal-kontabbiltà skont l-aħħar kontijiet konsolidati disponibbli approvati mill-korp maniġerjali tal-impriża prinċipali aħħarija.

3.   Meta tiġi biex tiddetermina l-livell ta’ multa skont il-paragrafu 1, l-ESMA għandha tqis il-kriterji stabbiliti fl-Artikolu 48e(2).

4.   Minkejja l-paragrafu 3, fejn il-persuna ġuridika tkun ibbenifikat finanzjarjament, direttament jew indirettament, mill-ksur, l-ammont tal-multa għandu jkun mill-inqas ugwali għal dak il-benefiċċju.

5.   Fejn att jew ommissjoni ta’ persuna jikkostitwixxu aktar minn wieħed mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1), għandha tapplika biss l-ogħla multa kkalkolata f’konformità mal-paragrafu 2 ta’ dan l-Artikolu u relatata ma’ wieħed minn dawk it-tipi ta’ ksur.

Artikolu 48g

Ħlasijiet perjodiċi ta’ penali

1.   L-ESMA għandha, permezz ta’ deċiżjoni, timponi ħlasijiet perjodiċi ta’ penali sabiex iġġiegħel:

(a)

persuna ttemm ksur f’konformità ma’ deċiżjoni meħuda skont il-punt (a) tal-Artikolu 48e(1);

(b)

persuna msemmija fl-Artikolu 48b(1):

(i)

tipprovdi informazzjoni kompleta li tkun intalbet permezz ta’ deċiżjoni skont l-Artikolu 48b;

(ii)

tissottometti għal investigazzjoni u, b’mod partikolari, tipproduċi rekords, data u proċeduri kompluti jew kwalunkwe materjal ieħor meħtieġ u timla u tikkoreġi informazzjoni oħra pprovduta f’investigazzjoni mnedija permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 48c;

(iii)

tissottometti għal spezzjoni fuq il-post ordnata permezz ta’ deċiżjoni meħuda skont l-Artikolu 48d.

2.   Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jkun effettiv u proporzjonat. Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal kull ġurnata ta’ dewmien.

3.   Minkejja l-paragrafu 2, l-ammont tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandu jkun 3 % tal-fatturat medju ta’ kuljum fis-sena ta’ negozju preċedenti, jew, fil-każ ta’ persuni fiżiċi, 2 % tad-dħul medju ta’ kuljum fis-sena kalendarja preċedenti. Għandu jiġi kkalkolat mid-data stipulata fid-deċiżjoni li timponi l-pagament perjodiku ta’ penali.

4.   Il-pagament perjodiku ta’ penali għandu jiġi impost għal perijodu massimu ta’ sitt xhur wara n-notifika tad-deċiżjoni tal-ESMA. Wara li dan il-perijodu jintemm, l-ESMA għandha tirrivedi l-miżura.

Artikolu 48h

Id-divulgazzjoni, in-natura, l-infurzar u l-allokazzjoni tal-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali

1.   L-ESMA għandha tiddivulga lill-pubbliku kull multa u kull pagament perjodiku ta’ penali li jkunu ġew imposti skont l-Artikoli 48f u 48g, sakemm tali divulgazzjoni lill-pubbliku ma tipperikolax serjament is-swieq finanzjarji jew sakemm ma tikkawżax dannu sproporzjonat lill-partijiet involuti. Tali żvelar ma għandux jinkludi data personali fis-sens tar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*57).

2.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 48f u 48g għandhom ikunu ta’ natura amministrattiva.

3.   Fejn l-ESMA tiddeċiedi li ma timponi ebda multa jew pagament ta’ penali, hija għandha tinforma lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru kkonċernat dwar dan u għandha tispjega r-raġunijiet għad-deċiżjoni tagħha.

4.   Il-multi u l-pagamenti perjodiċi ta’ penali imposti skont l-Artikoli 48f u 48g għandhom ikunu infurzabbli.

L-infurzar għandu jkun regolat mir-regoli tal-proċedura fis-seħħ fl-Istat Membru jew fil-pajjiż terz li fih jitwettaq.

5.   L-ammonti tal-multi u tal-pagamenti perjodiċi ta’ penali għandhom jiġu allokati lill-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea.

Taqsima 3

Proċeduri u rieżami

Artikolu 48i

Regoli proċedurali sabiex jittieħdu miżuri superviżorji u jiġu imposti multi

1.   Fejn, fil-qadi ta’ dmirijietha taħt dan ir-Regolament, l-ESMA ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jistgħu jikkostitwixxu wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1), l-ESMA għandha taħtar uffiċjal indipendenti ta’ investigazzjoni fi ħdan l-ESMA sabiex jinvestiga l-kwistjoni. L-uffiċjal maħtur ma għandux jiġi involut jew ikun ġie involut, direttament jew indirettament, fis-superviżjoni tal-parametri referenzjarji li l-ksur ikun jirrigwarda u għandu jwettaq il-funzjonijiet tiegħu indipendentement mill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

2.   L-uffiċjal ta’ investigazzjoni msemmi fil-paragrafu 1 għandu jinvestiga l-allegat ksur, filwaqt li jikkunsidra kwalunkwe kumment sottomess mill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet, u għandu jissottometti fajl komplut bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

3.   Sabiex iwettaq il-kompiti tiegħu, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jkollu s-setgħa li jitlob informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 48b u jwettaq investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 48c u 48d.

4.   Meta jwettaq dawk il-kompiti, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jkollu aċċess għad-dokumenti u l-informazzjoni kollha li jkunu nġabru mill-ESMA fl-attivitajiet superviżorji tagħha.

5.   Meta jlesti l-investigazzjoni tiegħu u qabel jippreżenta l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jagħti lill-persuni soġġetti għall-investigazzjoni l-opportunità li jinstemgħu dwar il-kwistjonijiet li jkunu qegħdin jiġu investigati. L-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jibbaża l-konstatazzjonijiet tiegħu biss fuq fatti li dwarhom il-persuni kkonċernati kellhom l-opportunità jikkummentaw.

6.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ matul l-investigazzjonijiet taħt dan l-Artikolu.

7.   Meta jippreżenta l-fajl bil-konstatazzjonijiet tiegħu lill-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA, l-uffiċjal ta’ investigazzjoni għandu jinnotifika lill-persuni li jkunu soġġetti għall-investigazzjonijiet. Il-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt tal-aċċess għall-fajl ma għandux jiġi estiż għal informazzjoni kunfidenzjali li taffettwa lil partijiet terzi.

8.   Abbażi tal-fajl li jkun fih il-konstatazzjonijiet tal-uffiċjal ta’ investigazzjoni u, meta tintalab mill-persuni kkonċernati, wara li tkun semgħet lil dawk il-persuni f’konformità mal-Artikolu 48j, l-ESMA għandha tiddeċiedi jekk wieħed jew aktar mit-tipi ta’ ksur elenkati fil-punt (a) tal-Artikolu 42(1) ikunux twettqu mill-persuni li kienu soġġetti għall-investigazzjonijiet u, f’tali każ, għandha tieħu miżura superviżorja f’konformità mal-Artikolu 48e u timponi multa f’konformità mal-Artikolu 48f.

9.   L-uffiċjal ta’ investigazzjoni ma għandux jipparteċipa fid-deliberazzjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA jew jintervjeni bi kwalunkwe mod ieħor fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-Bord tas-Superviżuri tal-ESMA.

10.   Sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tispeċifika r-regoli ta’ proċedura għall-eżerċizzju tas-setgħa li jiġu imposti multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, inklużi dispożizzjonijiet dwar id-drittijiet ta’ difiża, dispożizzjonijiet temporali, u l-ġbir ta’ multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali, kif ukoll il-perjodi ta’ limitazzjoni għall-impożizzjoni u l-infurzar ta’ multi u ħlasijiet perjodiċi ta’ penali.

11.   L-ESMA għandha tirreferi kwistjonijiet għall-prosekuzzjoni kriminali lill-awtoritajiet nazzjonali rilevanti fejn, fit-twettiq tal-kompiti tagħha taħt dan ir-Regolament, hija ssib li hemm indikazzjonijiet serji tal-eżistenza possibbli ta’ fatti li jkunu jistgħu jikkostitwixxu reati kriminali. Barra minn hekk, l-ESMA għandha żżomm lura milli timponi multi jew ħlasijiet perjodiċi ta’ penali fejn il-liberazzjoni mill-akkuża jew kundanna preċedenti, riżultanti minn fatt jew fatti identiċi li jkunu sostanzjalment l-istess, ikunu diġà kisbu l-forza ta’ res judicata bħala riżultat ta’ proċedimenti kriminali taħt il-liġi nazzjonali.

Artikolu 48j

Smigħ tal-persuni soġġetti għall-investigazzjonijiet

1.   Qabel tieħu kwalunkwe deċiżjoni skont l-Artikoli 48f, 48g u 48e, l-ESMA għandha tagħti lill-persuni soġġetti għall-proċedimenti l-opportunità li jinstemgħu dwar il-konstatazzjonijiet tagħha. L-ESMA għandha tibbaża d-deċiżjonijiet tagħha unikament fuq konstatazzjonijiet li dwarhom il-persuni soġġetti għall-proċedimenti kellhom l-opportunità li jikkummentaw.

L-ewwel subparagrafu ma għandux japplika jekk tkun meħtieġa azzjoni urġenti skont l-Artikolu 48e sabiex ma titħalliex li ssir ħsara sinifikanti u imminenti lis-sistema finanzjarja. F’tali każ, l-ESMA tista’ tadotta deċiżjoni interim u għandha tagħti lill-persuni kkonċernati l-opportunità li jinstemgħu malajr kemm jista’ jkun wara li tieħu d-deċiżjoni tagħha.

2.   Id-drittijiet tad-difiża tal-persuni soġġetti għall-proċedimenti għandhom jiġu rrispettati bis-sħiħ fl-investigazzjonijiet. Għandhom ikunu intitolati li jkollhom aċċess għall-fajl tal-ESMA, soġġett għall-interess leġittimu ta’ persuni oħrajn fil-protezzjoni tas-sigrieti kummerċjali tagħhom. Id-dritt ta’ aċċess għall-fajl ma għandux jestendi għal informazzjoni kunfidenzjali jew għad-dokumenti preparatorji interni tal-ESMA.

Artikolu 48k

Rieżami mill-Qorti tal-Ġustizzja

Il-Qorti tal-Ġustizzja għandu jkollha ġurisdizzjoni illimitata biex tirrieżamina deċiżjonijiet li bihom l-ESMA tkun imponiet multa jew ħlas perjodiku ta’ penali. Hija tista’ tannulla, tnaqqas jew iżżid il-multa jew il-pagament perjodiku ta’ penali imposti.

Taqsima 4

Tariffi u delega

Artikolu 48l

Tariffi superviżorji

1.   L-ESMA għandha timponi tariffi lill-amministraturi msemmija fl-Artikolu 40(1) f’konformità mal-atti delegati adottati skont il-paragrafu 3 ta’ dan l-Artikolu. Dawk it-tariffi għandhom ikopru b’mod sħiħ in-nefqa meħtieġa tal-ESMA li tirrigwarda s-superviżjoni tal-amministraturi u r-rimborż ta’ kwalunkwe spejjeż li l-awtoritajiet kompetenti jistgħu jġarrbu fit-twettiq ta’ ħidmiethom skont dan ir-Regolament, b’mod partikolari bħala riżultat ta’ kwalunkwe delega ta’ kompiti f’konformità mal-Artikolu 48m.

2.   L-ammont ta’ tariffa individwali imposta lil amministratur għandu jkopri l-spejjeż amministrattivi kollha mġarrba mill-ESMA għall-attivitajiet tagħha fir-rigward tas-superviżjoni u għandu jkun proporzjonat għall-fatturat tal-amministratur.

3.   Sal-1 ta’ Ottubru 2021, il-Kummissjoni għandha tadotta atti delegati f’konformità mal-Artikolu 49 sabiex tissupplimenta dan ir-Regolament billi tispeċifika t-tip ta’ tariffi, il-materji li għalihom ikunu dovuti t-tariffi, l-ammont tat-tariffi u l-mod kif għandhom jitħallsu.

Artikolu 48m

Id-delega ta’ kompiti mill-ESMA lill-awtoritajiet kompetenti

1.   Fejn meħtieġ għat-twettiq adatt ta’ kompitu superviżorju, l-ESMA tista’ tiddelega kompiti superviżorji speċifiċi lil awtorità kompetenti ta’ Stat Membru skont il-linji gwida maħruġin mill-ESMA skont l-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) 1095/2010. Tali kompiti superviżorji speċifiċi jistgħu, b’mod partikolari, jinkludu s-setgħa li jitwettqu talbiet għal informazzjoni f’konformità mal-Artikolu 48b u li jsiru investigazzjonijiet u spezzjonijiet fuq il-post f’konformità mal-Artikoli 48c u 48d.

B’deroga mill-ewwel subparagrafu, l-awtorizzazzjoni ta’ parametri referenzjarji ta’ importanza kritika ma għandhiex tiġi ddelegata.

2.   Qabel tiddelega kompitu f’konformità mal-paragrafu 1, l-ESMA għandha tikkonsulta lill-awtorità kompetenti rilevanti dwar:

(a)

l-ambitu tal-kompitu li għandu jiġi ddelegat;

(b)

l-iskeda ta’ żmien għat-twettiq tal-kompitu; u

(c)

it-trażmissjoni tal-informazzjoni meħtieġa mill-ESMA u lilha.

3.   F’konformità mal-att delegat skont l-Artikolu 48l(3), l-ESMA għandha tirrimborża lil awtorità kompetenti għal spejjeż imġarrba bħala riżultat tat-twettiq tal-kompiti ddelegati.

4.   L-ESMA għandha tirrivedi kwalunkwe delega magħmula f’konformità mal-paragrafu 1 f’intervalli xierqa. Delega tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe ħin.

5.   Id-delega ta’ kompiti ma għandhiex taffettwa r-responsabbiltà tal-ESMA u lanqas ma għandha tillimita l-kapaċità tal-ESMA li twettaq u tissorvelja l-attività ddelegata.

Artikolu 48n

Miżuri ta’ tranżizzjoni relatati mal-ESMA

1.   Il-kompetenzi u d-dmirijiet kollha relatati mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmija fl-Artikolu 40(1) li jingħataw lill-awtoritajiet kompetenti kif imsemmija fl-Artikolu 40(2) għandhom jintemmu fl-1 ta’ Jannar 2022. Dawk il-kompetenzi u d-dmirijiet għandhom jittieħdu mill-ESMA fl-istess data.

2.   Kwalunkwe fajl jew dokument ta’ ħidma relatat mal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmija fl-Artikolu 40(1), inklużi kwalunkwe eżamijiet u azzjonijiet ta’ infurzar li jkunu għaddejjin, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jgħaddu f’idejn l-ESMA fid-data msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu.

Madankollu, l-applikazzjonijiet għal awtorizzazzjoni minn amministraturi ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika msemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1) u l-applikazzjonijiet għal rikonoxximent skont l-Artikolu 32 li jkunu waslu għand l-awtoritajiet kompetenti qabel l-1 ta’ Ottubru 2021 ma għandhomx jiġu ttrasferiti lill-ESMA, u d-deċiżjoni ta’ awtorizzazzjoni jew rikonoxximent għandha tittieħed mill-awtorità kompetenti rilevanti.

3.   L-awtoritajiet kompetenti għandhom jiżguraw li kwalunkwe reġistru u dokument ta’ ħidma eżistenti, jew kopji ċċertifikati tagħhom, għandhom jiġu ttrasferiti lill-ESMA mill-aktar fis possibbli u fi kwalunkwe każ sal-1 ta’ Jannar 2022. Dawk l-awtoritajiet kompetenti għandhom jagħtu wkoll l-għajnuna u l-pariri kollha meħtieġa lill-ESMA sabiex jiġu ffaċilitati kemm it-trasferiment effettiv u effiċjenti kif ukoll il-bidu tal-eżerċizzju tal-attività ta’ superviżjoni u infurzar fir-rigward tal-amministraturi kif imsemmija fl-Artikolu 40(1).

4.   L-ESMA għandha taġixxi bħala s-suċċessur legali tal-awtoritajiet kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 fi kwalunkwe proċediment amministrattiv jew ġudizzjarju li jirriżulta minn attività ta’ superviżjoni u infurzar eżerċitata minn dawk l-awtoritajiet kompetenti fir-rigward tal-kwistjonijiet li jaqgħu fil-kamp ta’ applikazzjoni ta’ dan ir-Regolament.

5.   Kwalunkwe awtorizzazzjoni tal-amministraturi ta’ parametru referenzjarju ta’ importanza kritika kif imsemmi fil-punti (a) u (c) tal-Artikolu 20(1) u r-rikonoxximent f’konformità mal-Artikolu 32 mogħti minn awtorità kompetenti msemmija fil-paragrafu 1 ta’ dan l-Artikolu għandhom jibqgħu validi wara t-trasferiment tal-kompetenzi lill-ESMA.

(*57)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(20)

l-Artikolu 49 huwa emendat kif ġej:

(a)

jiddaħħal il-paragrafu li ġej:

“2a.   Is-setgħa ta’ adozzjoni ta’ atti delegati msemmija fl-Artikoli 30(2a), 30(3a), 48i(10) u 48l(3) hija mogħtija lill-Kummissjoni għal perijodu indeterminat ta’ żmien mit-30 ta’ Diċembru 2019.”;

(b)

il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Id-delega ta’ setgħa msemmija fl-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2),27(2b), 30(2a), 30(3a), 33(7), 48i(10), 48l(3), 51(6) jew 54(3) tista’ tiġi revokata fi kwalunkwe mument mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill. Deċiżjoni li tirrevoka għandha ttemm id-delega ta’ setgħa speċifikata f’dik id-deċiżjoni. Din għandha ssir effettiva fil-jum wara l-pubblikazzjoni tad-deċiżjoni f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea jew f’data aktar tard speċifikata fiha. Hija ma għandhiex taffettwa l-validità ta’ kwalunkwe att delegat diġà fis-seħħ.”;

(c)

il-paragrafu 6 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“6.   Att delegat adottat skont l-Artikoli 3(2), 13(2a), 19a(2), 19c(1), 20(6), 24(2), 27(2b), 30(2a), 30(3a), 33(7), 48i(10), 48l(3), 51(6) jew 54(3) għandu jidħol fis-seħħ biss jekk ma tiġix espressa oġġezzjoni mill-Parlament Ewropew jew mill-Kunsill f’perjodu ta’ tliet xhur min-notifika ta’ dak l-att lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill jew jekk, qabel ma jiskadi dak il-perjodu, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ikunu t-tnejn infurmaw lill-Kummissjoni li mhumiex sejrin joġġezzjonaw. Dak il-perijodu għandu jiġi estiż bi tliet xhur fuq l-inizjattiva tal-Parlament Ewropew jew tal-Kunsill.”;

(21)

l-Artikolu 53 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 53

Rieżamijiet tal-ESMA

1.   L-ESMA għandha tfittex li tibni kultura superviżorja Ewropea komuni u prassi superviżorji konsistenti u tiżgura li jkun hemm approċċi konsistenti bejn l-awtoritajiet kompetenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-applikazzjoni tal-Artikolu 33. Għal dak l-għan, l-approvazzjonijiet awtorizzati skont l-Artikoli 33 għandhom jiġu rieżaminati mill-ESMA kull sentejn.

L-ESMA għandha toħroġ opinjoni lil kull awtorità kompetenti li approvat parametru referenzjarju ta’ pajjiż terz li tivvaluta kif dik l-awtorità kompetenti tapplika r-rekwiżiti rilevanti tal-Artikolu 33 u r-rekwiżiti ta’ kwalunkwe att delegat rilevanti u ta’ kwalunkwe standard tekniku regolatorju jew implimentattiv rilevanti bbażat fuq dan ir-Regolament.

2.   L-ESMA għandu jkollha s-setgħa li titlob l-evidenza ddokumentata minn awtorità kompetenti għal kwalunkwe waħda mid-deċiżjonijiet adottati f’konformità mal-ewwel subparagrafu tal-Artikolu 51(2) u l-Artikolu 25(2), kif ukoll għall-azzjonijiet meħuda fir-rigward tal-infurzar tal-Artikolu 24(1).”.

Artikolu 6

Emendi għar-Regolament (UE) 2015/847

Ir-Regolament (UE) 2015/847 huwa emendat kif ġej:

(1)

fl-Artikolu 15, il-paragrafu 1 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“1.   L-ipproċessar ta’ data personali taħt dan ir-Regolament huwa soġġett għar-Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*58). Id-data personali li tiġi pproċessata skont dan ir-Regolament mill-Kummissjoni jew mill-EBA hija soġġetta għar-Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (*59).

(*58)  Regolament (UE) 2016/679 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta’ April 2016 dwar il-protezzjoni tal-persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar id-Direttiva 95/46/KE (Regolament Ġenerali dwar il-Protezzjoni tad-Data) (ĠU L 119, 4.5.2016, p. 1)."

(*59)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).”;"

(2)

fl-Artikolu 17, il-paragrafu 3 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“3.   Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-Istati Membri għandhom jinnotifikaw ir-regoli msemmija fil-paragrafu 1 lill-Kummissjoni u lill-Kumitat Konġunt tal-ASE. L-Istati Membri għandhom jinnotifikaw lill-Kummissjoni u lill-EBA mingħajr dewmien bla bżonn dwar kwalunkwe emendi sussegwenti għalihom.”;

(3)

fl-Artikolu 22, il-paragrafu 2 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“2.   Wara notifika skont l-Artikolu 17(3), il-Kummissjoni għandha tippreżenta rapport lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-applikazzjoni tal-Kapitolu IV, b’attenzjoni partikolari għal każijiet transfruntieri.”;

(4)

l-Artikolu 25 huwa sostitwit b’dan li ġej:

“Artikolu 25

Linji Gwida

Sas-26 ta’ Ġunju 2017, l-ASE għandhom joħorġu linji gwida indirizzati lill-awtoritajiet kompetenti u lill-fornituri tas-servizzi ta’ pagament f’konformità mal-Artikolu 16 tar-Regolament (UE) Nru 1093/2010 dwar il-miżuri li għandhom jittieħdu f’konformità ma’ dan ir-Regolament, b’mod partikolari fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-Artikoli 7, 8, 11 u 12 tiegħu. Mill-1 ta’ Jannar 2020, l-EBA għandha, fejn adatt, toħroġ tali linji gwida.”.

Artikolu 7

Dħul fis-seħħ u bidu ta’ applikazzjoni

Dan ir-Regolament għandu jidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara l-pubblikazzjoni tiegħu f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

L-Artikoli 1, 2, 3 u 6 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2020. L-Artikoli 4 u 5 għandhom japplikaw mill-1 ta’ Jannar 2022.

Dan ir-Regolament għandu jorbot fl-intier tiegħu u japplika direttament fl-Istati Membri f’konformità mat-Trattati.

Magħmul fi Strasburgu, it-18 ta’ Diċembru 2019.

Għall-Parlament Ewropew

Il-President

D. M. SASSOLI

Għall-Kunsill

Il-President

T. TUPPURAINEN


(1)  ĠU C 255, 20.7.2018, p. 2 u ĠU C 37, 30.1.2019, p. 1.

(2)  ĠU C 227, 28.6.2018, p. 63 u ĠU C 110, 22.3.2019, p. 58.

(3)  Pożizzjoni tal-Parlament Ewropew tas-16 ta’ April 2019 (għadha ma ġietx ippubblikata fil-Ġurnal Uffiċjali) u d-Deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta’ Diċembru 2019.

(4)  Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12).

(5)  Regolament (UE) Nru 1094/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol), u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u li jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/79/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 48).

(6)  Regolament (UE) Nru 1095/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta’ Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/77/KE (ĠU L 331, 15.12.2010, p. 84).

(7)  Direttiva (UE) 2015/849 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar il-prevenzjoni tal-użu tas-sistema finanzjarja għall-finijiet tal-ħasil tal-flus jew il-finanzjament tat-terroriżmu, li temenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u li tħassar id-Direttiva 2005/60/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttiva tal-Kummissjoni 2006/70/KE (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 73).

(8)  Regolament (UE) 2018/1725 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta’ Ottubru 2018 dwar il-protezzjoni ta’ persuni fiżiċi fir-rigward tal-ipproċessar ta’ data personali mill-istituzzjonijiet, korpi, uffiċċji u aġenziji tal-Unjoni u dwar il-moviment liberu ta’ tali data, u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 45/2001 u d-Deċiżjoni Nru 1247/2002/KE (ĠU L 295, 21.11.2018, p. 39).

(9)  Regolament tal-Kunsill (UE) 2017/1939 tat-12 ta’ Ottubru 2017 li jimplimenta kooperazzjoni msaħħa dwar l-istabbiliment tal-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku Ewropew (“l-UPPE”) (ĠU L 283, 31.10.2017, p. 1).

(10)  Direttiva 2009/138/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Novembru 2009 dwar il-bidu u l-eżerċizzju tan-negozju tal-assigurazzjoni u tar-riassigurazzjoni (Solvibbiltà II) (ĠU L 335, 17.12.2009, p. 1).

(11)  Direttiva 2014/65/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq fl-istrumenti finanzjarji u li temenda d-Direttiva 2002/92/KE u d-Direttiva 2011/61/UE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 349).

(12)  Regolament (UE) Nru 600/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta’ Mejju 2014 dwar is-swieq tal-istrumenti finanzjarji u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 648/2012 (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 84).

(13)  Regolament (UE) Nru 596/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta’ April 2014 dwar l-abbuż tas-suq (Regolament dwar l-abbuż tas-suq) u li jħassar id-Direttiva 2003/6/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u d-Direttivi tal-Kummissjoni 2003/124/KE, 2003/125/KE u 2004/72/KE (ĠU L 173, 12.6.2014, p. 1).

(14)  Regolament (UE) 2016/1011 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-8 ta’ Ġunju 2016 dwar l-indiċi użati bħala parametri referenzjarji fi strumenti finanzjarji u kuntratti finanzjarji jew dwar il-kejl tal-prestazzjoni ta’ fondi ta’ investiment u li jemenda d-Direttivi 2008/48/KE u 2014/17/UE u r-Regolament (UE) Nru 596/2014 (ĠU L 171, 29.6.2016, p. 1).

(15)  Regolament (UE) 2015/847 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta’ Mejju 2015 dwar l-informazzjoni li takkumpanja t-trasferimenti ta’ fondi u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1781/2006 (ĠU L 141, 5.6.2015, p. 1).


Top